Anzjani Trattaw Lill-Merħla t’Alla B’Tenerezza!
“Sirna ġentili f’nofskom, bħal meta omm li trabbi tgħożż lil uliedha stess.”-1 TESSAL0NKIN 2:7.
1. Għala jistaʼ kull Xhud lejali taʼ Jehovah iħossu fis-sigurtà?
JEHOVAH hu r-Ragħaj il-Kbir. Hu jipprovdi bl-abbundanza għall-qaddejja tiegħu bħal ngħaġ u jiggwidahom “fil-mogħdijiet tat-tjieba” minħabba l-isem qaddis tiegħu. Għalhekk, dawk li jagħmlu r-rieda tiegħu m’għandhom għalfejn jibżgħu minn xejn u jistgħu jħarsu lejn Alla tagħhom taʼ mogħdrija għall-faraġ. Tabilħaqq, kull Xhud lejali taʼ Jehovah għandu raġuni soda biex iħossu fis-sigurtà fil-ħarsien taʼ mħabba t’Alla.—Salm 23:l-4.
2. Bħala r-riflessjoni tal-glorja t’Alla, xi kwalitajiet juri Ġesù?
2 Ġesù Kristu “hu r-riflessjoni tal-glorja [t’Alla] u r-rappreżentazzjoni eżatta tal-eżistenza tiegħu nnifsu.” (Ebrej 1:l-4) Għalhekk Ġesù, ir-Ragħaj mill-Aħjar, ukoll juri mħabba u mogħdrija. (Ġwann lO:14,15) Per eżempju, darba minnhom “hu ra folla kbira, iżda hu ġie mqanqal mill-ħniena għalihom, għaliex huma kienu bħal ngħaġ mingħajr ragħaj. U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.”—Mark 6:34.
3. (a) Bħal Alla Jehovah u Ġesù Kristu, sotto-ragħajja Kristjani għandhom juru liema kwalitajiet? (b) Liema parir u twissija ta l-appostlu Pawlu lill-indokraturi?
3 Il-Kristjani kollha għandhom ‘jimitaw lil Alla u jibqgħu mexjin fl-imħabba sewwa sew bħalma Kristu ħabb lilhom.’ (Efesin 5:1,2) Għalhekk huma għandhom juru mħabba u mogħdrija. B’mod speċjali għandu dan ikun veru dwar is-sotto-ragħajja tal-merħla t’Alla. L-appostlu Pawlu qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha, li fostha l-ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi, biex tirgħu l-kongregazzjoni t’Alla, li hu xtara bid-demm taʼ Ibnu stess. Jien naf li wara t-tluq tiegħi lpup li jaħqru se jidħlu fostkom u mhux se jitrattaw lill-merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess se jqumu rġiel u jitkellmu affarijiet imgħawġa biex jiġbdu lid-dixxipli warajhom.”−Atti 20:28-30.
4. (a) Maż-żmien, x’ġara fi qbil mat-twissija taʼ Pawlu f’Atti 20:29, 30? (b) Liema mistoqsijiet issa jixirqilhom jiġu kkunsidrati?
4 Maż-żmien, dehru “lpup li jaħqru” apostati u ‘ma trattawx lill-merħla b’tenerezza.’ Iżda kemm aħna ferħanin li anzjani fost ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jipprattikawx tiranija bħal din! Madankollu, liema xorta taʼ trattament jistgħu jistennew li jirċievu sħabhom li jemmnu mingħand dawn l-indokraturi maħturin bl-ispirtu? U dawn l-uħud maħturin kif jistgħu juru nteress teneru għan-ngħaġ taʼ Jehovah?
Ma Jagħmluhiex taʼ Sidien Fuqhom
5. (a)Mexxejja dinjin taʼ spiss kif jitrattaw liċ-ċittadini tagħhom? (b) Ġesù kif wera li t-tiranija m’għandha l-ebda post fost is-segwaċi tiegħu?
5 Aħna nistgħu b’mod xieraq nistennew li anzjani Kristjani jistmawna b’mod taʼ mogħdrija. Huma m’humiex bħal ħakkiema dinjin, li taʼ spiss jagħmluha taʼ sidien fuq iċ-ċittadini tagħhom. Per eżempju, huwa rrapportat li s-sultan tal-Franki Karlumanju (li ħakem fis-768-814 E.K.) “ġagħal lis-Sassoni, taħt piena tal-mewt, li jirċievu l-magħmudija, ikkundanna għall-iktar kastigi ħorox lil dawk li jiksru r-Randan, u kullimkien poġġa l-forza minflok il-persważjoni.” (The History of the Christian Church, minn William Jones) It-tiranija m’għandha l-ebda post fost is-segwaċi taʼ Ġesù, għax hu qal: “Intom tafu li l-ħakkiema tal-pagani jagħmluha taʼ sidien fuqhom, u l-irġiel kbar tagħhom huma tiranni fuqhom. Ma għandux ikun hekk fostkom, iżda kulmin irid ikun kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom, u kulmin irid iżomm l-ewwel post fostkom irid ikun l-irsir tagħkom, sewwa sew bħalma Bin il-Bniedem ġie mhux biex jissefter, iżda biex isefter għal nies oħra, u biex jagħti ħajtu bħala rahan għal ħafna oħrajn.”−Mattew 20:25-28, An American Translation.
6. (a) Rigward l-anzjani, liema fatturi bażiċi jispikkaw? (b) Il-kongregazzjoni għandha raġuni li tistenna liema ħaġa mill-anzjani, u dawn l-irġiel kif għandhom iqisu lilhom infushom?
6 Raġel Kristjan li qed ‘jirsisti għall-kariga taʼ ndokratur qed jixtieq xogħol mill-aħjar.’ (1 Timotew 3:1) Meta nikkunsidraw dan u l-parir taʼ Ġesù li għadu kif ġie ċċitat, dawn il-fatturi bażiċi jispikkaw: (1) Anzjani Kristjani m’għandhomx jagħmluha taʼ tiranni fuq oħrajn; (2) dawk li jerfgħu r-responsabbilità fost is-segwaċi taʼ Ġesù jridu jkunu l-irsiera tagħhom, mhux is-sidien tagħhom; u (3) rġiel li qed jirsistu għall-kariga taʼ ndokraturi għandhom iħarsu lejha bħala “xogħol mill-aħjar,” mhux bħala pożizzjoni eżaltata. (Proverbji 25:27. 1 Korintin 1:31) It-termini “anzjan” ma tgħollix lil xi raġel fuq adoraturi oħrajn taʼ Jehovah. Minflok, il-kongregazzjoni għandha raġuni li tistenna li l-anzjani kollha jkunu rġiel maturi spiritwalment, taʼ esperjenza u umlin li jkunu minn taʼ quddiem fis-servizz sagru. Tabilħaqq, l-anzjani għandhom iqisu ruħhom bħala rsiera umlin taʼ Alla Jehovah, taʼ Ġesù Kristu, u taʼ Kristjani sħabhom.—Rumani 12:11; Galatin 5:13; Kolossin 3:24.
7. (a) L-anzjani kif għandhom japplikaw it-2 Korintin 1:24 meta jitrattaw maʼ oħrajn? (b) X’għandhom jagħmlu l-anzjani dwar l-istruzzjonijiet li jiġu mill-Ġemgħa li Tiggverna?
7 Li jitjassar bl-umiltà għan-nom taʼ oħrajn naturalment iżomm anzjan milli jipprova li ‘jagħmilha taʼ sid fuqhom.’ U kemm hu tajjeb li l-indokraturi tagħna juru attitudni simili bħal dik taʼ Pawlu! Hu qal lill-Kristjani f’Korintu:‘Aħna m’aħniex is-sidien fuq il-fidi tagħkom, iżda aħna ħaddiema bi sħab għall-ferħ tagħkom.’ (2 Korintin 1:24) Bi qbil maʼ dan, dawk li jeżerċitaw indokrar taʼ mħabba ma jgħabbux lil sħabhom fit-twemmin b’regolamenti umani bla bżonn. Minflok, indokraturi fost ix-Xhieda taʼJehovah huma ggvernati minn prinċipji Skritturali u jagħtu servizz ħanin u taʼ għajnuna. Huma juru wkoll rispett profond għall-merħla t’Alla billi malajr japplikaw struzzjonijiet mibgħutin mill-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah.—Atti, kapitlu 15.
8. Liema attitudni kellu Pawlu lejn sħabu fit-twemmin, u dan kif għandu jeffettwa lill-anzjani tas-seklu 20?
8 Għaliex Pawlu kellu rispett teneru għall-merħla t’Alla, hu setaʼ jgħid lill-Kristjani f’Tessalonika: “Sirna ġentili f’nofskom, bħal meta omm li trabbi tgħożż lil uliedha stess. Mela, billi għandna affezzjoni tenera għalikom, ħadna pjaċir sewwa li nwasslulkom, mhux biss l-aħbar tajba t’Alla, iżda wkoll lil erwieħna stess, għaliex sirtu maħbubin għalina.” (1 Tessalonkin 2:7, 8) Pawlu aġixxa bħalma tagħmel omm li trabbi, li tħobb lil uliedha b’mod tant profond li hi tpoġġi l-interessi tagħhom qabel tagħha u għandha stima tenera għalihom. Kemm għandu jqanqal dan lill-anzjani tas-seklu 20 biex jistmaw il-merħla t’Alla b’tenerezza!
Sorsi taʼ Għajnuna u Serħan
9. Liema ċirkustanzi tal-poplu taʼ Jehovah taż-żmien modern kienu mbassra f’Isaija 32:1, 2?
9 Waqt li pponta għal dan iż-żmien taʼ ħakma tas-Saltna permezz taʼ Ġesù Kristu, il-profeta Isaija ħabbar li sultan kien “se jsaltan għat-tjieba nfisha” u “prinċpijiet” kienu se jaħkmu “għall-ġustizzja nfisha.” Għaldaqstant, l-anzjani fl-organizzazzjoni teokratika taż-żmien preżenti qed jitrattaw l-interessi tas-Saltna stabbilita tas-sema —servizz taʼ prinċep tabilħaqq! Għal dawn l-irġiel responsabbli japplika l-kliem profetiku l-ieħor taʼ Isaija: “Kull wieħed irid juri li hu bħal moħba mir-riħ u post taʼ kenn mill-maltempata tax-xita, bħal nixxigħat taʼ ilma f’pajjiż mingħajr ilma, bħad-dell taʼ blata tqila f’art niexfa.”—Isaija 32:1,2.
10. Kull anzjan fost ix-Xhieda taʼJehovah għandu jkun sors taʼ xiex?
10 Kuntrarju għall-mexxejja reliġjużi oppressivi tal-Kristjaneżmu, anzjani fost ix-Xhieda taʼ Jehovah huma sorsi taʼ għajnuna u serħan. Bħala ġemgħat taʼ rġiel ixjeħ, huma javvanzaw il-paċi, trankwilità, u sigurtà fost il-poplu taʼ Jehovah. Individwalment, kull anzjan jistaʼ jikkontribwixxi għal din il-kundizzjoni mill-aħjar billi jitratta l-merħla t’Alla b’tenerezza.
Bil-Ġustizzja u t-Tjieba
11. (a) Xi stat ġenerali li eżista fost il-Kristjani tal-ewwel seklu huwa prevalenti fil-biċċa l-kbira tal-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah illum? (b) L-indokraturi għandhom liema responsabbiltà lejn il-kongregazzjoni, u għala?
11 Għalkemm qamu xi problemi f’xi kongregazzjonijiet Kristjani tal-ewwel seklu, l-istat ġenerali tagħhom kien dak taʼ paċi, unità, u ferħ. (1 Korintin 1:10-12; 3:5-9; Efesin 1:2; Ġakbu 2:l-9; 3:2-12; 4:11,12; 1 Ġwann 1:3,4) Kundizzjoni spiritwali mill-aħjar teżisti wkoll fil-biċċa l-kbira tal-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah illum minħabba l-barka t’Alla, it-tmexxija taʼ Kristu, u x-xogħol lejali taʼ ndokraturi maħtura. Biex jiżguraw il-paċi, l-unità, u l-ferħ fil-kongregazzjoni, dawn l-irġiel ifittxu l-għajnuna divina u jistinkaw b’mod ħabrieki biex iżommu l-organizzazzjoni t’Alla nadifa, moralment u spiritwalment. (Isaija 52:11) Organizzazzjoni maħmuġa qatt ma tistaʼ tkun fil-paċi u ferħana, u ċertament li mhux se jkollha l-approvazzjoni u l-barka t’Alla. Hu “pur wisq fil-għajnejn biex jara dak li hu ħażin,” biex jittollera għemil ħażin. (Ħabbakkuk 1:13) Fost affarijiet oħra, mela, l-anzjani huma mistennija li jieħdu ħsieb taʼ kwistjonijiet ġudizzjarji b’manjiera retta u skritturali. Iżda liema huma xi fatturi biex tiftakar meta titratta każi bħal dawn?
12. Għalkemm l-anzjani m’humiex mistennija li jindaħlu fl-affarijiet persunali li ma jiksrux liġijiet jew prinċipji tal-Bibbja, x’għandu jsir bi qbil maʼ Galatin 6:1?
12 L-ewwelnett, f’każi li jinvolvu differenzi persunali, jistaʼ jkun possibbli għal individwi li jsolvu l-kwistjoni privatament. (Mattew 18:15-17) Ladarba l-anzjani m’humiex ‘imgħallmin fuq il-fidi tagħna,’ m’humiex mistennija li jindaħlu f’affarijiet purament persunali li ma jinvolvux xi ksur serju tal-liġijiet u l-prinċipji tal-Bibbja. Naturalment, jekk hemm evidenza li xi ħadd ikun ħa “xi pass ħażin qabel ma jinduna bih,” dawk bi kwalifiki spiritwali għandhom ‘jippruvaw jirranġaw lil raġel bħal dan fi spirtu taʼ ħlewwa.’—Galatin 6:1.
13. L-Iskrittura kif turi li l-anzjani għandhom jaġixxu biss fuq evidenza taʼ għemil ħażin, mhux fuq x’igħidu n-nies?
13 Anzjani għandhom jaqdu “għall-ġustizzja nfisha,” billi qatt ma juru parzjalità. Għalhekk huma għandhom jaġixxu fuq evidenza taʼ għemil ħażin, mhux sempliċement fuq x’igħidu n-nies. Pawlu wissa: “Tammettix xi akkuża kontra raġel ixjeħ, ħlief biss fuq l-evidenza taʼ tnejn jew tliet xhieda.” (1 Timotew 5:19) Skond il-livell taʼ Jehovah, f’Iżrael tal-qedem persuna akkużata bi dnub kapitali kienet tingħata l-mewt ‘fil-fomm taʼ tnejn jew tliet xhieda, mhux wieħed.’ Iktar minn hekk, l-akkużat milli jidher kellu l-opportunità li jiffaċċja lill-akkużati tiegħu, u jekk l-evidenza kienet adekwata,‘l-id tax-xhieda l-ewwelnett kellha tiġi fuqu biex toqtlu.’—Dewteronomju 17:6, 7.
14. (a) Diotrefes b’mod ħażin x’ipprova jagħmel? (b) X’jistenna Alla mill-anzjani meta jkunu qed jitrattaw kwistjonijiet ġudizzjarji?
14 Irid ikun hemm bażi skritturali soda għal azzjoni ġudizzjarja. Kemm aħna ferħanin li l-indokraturi tal-kongregazzjoni m’humiex bħall-kburi Diotrefes tal-ewwel seklu E.K.! Hu b’mod ħażin kien jipprova “jkeċċi ’l barra mill-kongregazzjoni” lil dawk li kienu jixtiequ jilqgħu lill-aħwa li jivvjaġġaw bl-ospitalità. L-appostlu Ġwanni ma ħarisx lejn din il-ħaġa u lejn nuqqasijiet oħra bħala ħaġa m’hi xejn iżda wissa: “Jekk niġi, jien se nfakkar ix-xogħlijiet tiegħu.” (3 Ġwann 9,10) B’hekk, kumitat ġudizzjarju tal-lum irid ikun ċert li hemm bażi biblika għal kwalunkwe azzjoni taʼ qtugħ mis-sħubija li huma jieħdu.a Naturalment, Alla jistenna li anzjani Kristjani jkunu ġusti meta jitrattaw maʼ oħrajn. Tabilħaqq, dawk li jamministraw l-affarijiet tal-organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-art iridu jkunu “rġiel kapaċi, li jibżgħu minn Alla, irġiel taʼ min jafdahom.”−Eżodu 18:21.
15. X’parti għandu jkollu t-talb f’laqgħat ġudizzjarji?
15 Kull kumitat ġudizzjarju Kristjan għandu jfittex il-għajnuna taʼJehovah b’talb mill-qalb. Laqgħa maʼ xi ħu jew oħt akkużati b’xi għemil ħażin serju għandha tibda b’talba. Fil-fatt, ikun xieraq li titlob fi kwalunkwe ħin matul id-diskuzzjoni fejn jinqalaʼ bżonn partikulari għall-għajnuna t’Alla.—Ġakbu 5:13-18.
16. B’liema manjiera għandhom l-anzjani jikkonduċu laqgħat ġudizzjarji, u għala?
16 L-anzjani jafu li wieħed minn sħabhom fit-twemmin li hu akkużat b’għemil ħażin huwa “nagħġa” fil-merħla t’Alla u għandu jiġi trattat b’tenerezza. (Qabbel Eżekjel 34:7-14.) Ngħaġ litterali jinħtieġu attenzjoni tenera, għaliex huma ħlejjaq timidi li jiddependu mir-ragħaj tagħom għall-protezzjoni. Għalhekk, xi ngħidu dwar ngħaġ figurattivi fil-kongregazzjoni lokali? Huma bla dubju jħossuhom fiż-żgur fil-ħarsien tar-Ragħaj il-Kbir, Alla Jehovah, u r-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù Kristu. Iżda sotto-ragħajja tal-merħla għandhom jaġixxu b’modi li jikkontribwixxu għall-paċi ġewwinija u sens taʼ sigurtà tal-qaddejja bħal ngħaġ taʼ Jehovah. Jekk int sotto-ragħaj Kristjan, mela, iħossuhom fis-sigurtà u trankwilli fil-ħarsien tiegħek ħutek irġiel u nisa? Veru, l-anzjani jridu b’mod sod jappoġġaw il-liġijiet u l-prinċipji tal-Bibbja. Iżda huma meħtieġa skritturalment li jitrattaw man-ngħaġ b’mod taʼ mħabba u li jikkonduċu laqgħat ġudizzjarji b’manjiera kalma, taʼ ordni, ħanina, u taʼ mogħdrija.
17. Liema punti Skritturali għandhom iżommu f’moħħhom l-anzjani, speċjalment matul laqgħat ġudizzjarji?
17 Billi aħna mperfetti, “aħna lkoll nieħdu gambetta ħafna drabi” f’dak li ngħidu. (Ġakbu 3:2) Kull wieħed minna jinħtieġ il-ħniena t’Alla u s-“sagrifiċċju taʼ tpattija’ taʼ Kristu.” (1 Ġwann 1:8–2:2; Salm 130:3) Għalhekk sotto-ragħaj Kristjan għandu jkollu ħarsa umli tiegħu nnifsu. Hu għandu wkoll jiftakar fil-kliem taʼ Ġesù: “Sewwa sew kif tridu li n-nies jagħmlu lilkom, agħmlu bl-istess mod lilhom.” (Luqa 6:31) B’mod speċjali għandu dan il-parir jiġi applikat matul laqgħat ġudizzjarji. Irġiel kwalifikati spiritwalment għandhom jippruvaw jiġbdu lura Kristjan fl-iżball ‘bi spirtu taʼ ħlewwa, fil-waqt li kull wieħed minnhom iżomm għajn fuqu nnifsu, minħabba l-biżaʼ li hu wkoll jistaʼ jiġi ttantat.’—Galatin 6:1; 1 Korintin lO:12.
18. (a) X’jistaʼ jirriżulta jekk l-anzjani jitrattaw oħrajn b’mod aħrax matul laqgħa ġudizzjarja? (b) Bi qbil maʼ Mark 9:42, kontra li jagħmlu liema ħaġa għandhom l-anzjani u Kristjani oħra joqogħdu għassa?
18 Li kieku l-anzjani kellhom jitrattaw lill-oħrajn b’mod aħrax matul laqgħat ġudizzjarji, dan jistaʼ jkun taʼ ħsara għal individwi bħal dawn. Iżda anki jekk ma tirriżultax ħsara emozzjonali jew fiżika, jistaʼ jkun hemm dannu spiritwali gravi, u l-kwalifiki tal-indokraturi jistgħu wkoll jiġu mistħarrġa. (Qabbel Ġakbu 2:13.) Għaldaqstant, matul laqgħat ġudizzjarji u fi kwalunkwe ħin ieħor, l-anzjani għandhom juru ħniena u jridu jgħassu kontra li jfixklu lil oħrajn. Naturalment, il-Kristjani kollha jridu joqogħdu attenti f’dan ir-rigward, għax Ġesù qal: “Kulmin jagħti gambetta lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu, ikun aħjar għalih jekk ġebla tat-tħin bħal dik li jdawwar il-ħmar titpoġġa madwar għonqu u fil-fatt jiġi mitfugħ fil-baħar.” (Mark 9:42) Ġebla taʼ fuq tat-tħin setgħet tkun tant kbira li s-saħħa taʼ annimal kienet normalment meħtieġa biex iddawwarha, u l-ebda bniedem li jintefaʼ fil-baħar b’piż bħal dak madwar għonqu ma setaʼ jibqaʼ ħaj. Ċertament, mela, anzjan għandu joqgħod attent biex ma jikkaġunax tfixkil li jistaʼ jwassal għal ħsara spiritwali dejjiema għalih innifsu u għal xi ndividwu li jiġi mfixkel b’dan il-mod.—Filippin 1:9-11.
Ibqgħu Uru Nteress Teneru
19. Liema parir ta Pietru lill-anzjani sħabu, u li b’mod xieraq japplikawh kif għandu x’jaqsam mal-prospetti tagħhom?
19 L-appostlu Pietru wera kif indokraturi sħabu kellhom jirgħu l-merħla meta kiteb: “Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom, mhux bil-fors, iżda bil-qalb; lanqas għal imħabba taʼ qligħ diżonest, iżda ħerqana; lanqas billi tagħmluha taʼ sidien fuq dawk li huma l-wirt t’Alla, iżda billi ssiru eżempji għall-merħla. U meta r-ragħaj ewlieni jkun sar manifest, intom se tirċievu l-kuruna taʼ glorja li ma titbielx.” (1 Pietru 5:2-4) Huwa biss billi japplikaw dan il-parir u billi juru nteress teneru għall-merħla t’Alla li ndokraturi midlukin jistgħu jakkwistaw il-premju tagħhom tas-sema bħala ħlejjaq spirti immortali u li anzjani bit-tamiet għal fuq l-art jistgħu jirċievu ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna globali li ġejja.
20. (a) Sotto-ragħajja Kristjani kif għandhom jitrattaw maʼ sħabhom fit-twemmin? (b) Kif tħossok dwar is-servizz eżemplari u l-ħarsien teneru taʼ anzjani taʼ mħabba?
20 Kemm Alla Jehovah u kemm Ġesù Kristu huma Ragħajja taʼ mħabba u taʼ mogħdrija. Għalhekk fil-waqt li sotto-ragħajja Kristjani jappoġġaw b’mod sod livelli divini, huma jridu juru mħabba u mogħdrija meta jitrattaw maʼ sħabhom li jemmnu bħal ngħaġ. Ċertament, ix-Xhieda lejali kollha taʼ Jehovah japprezzaw b’mod profond is-servizz eżemplari taʼ dawn l-anzjani li jagħmlu ħafna sagrifiċċji f’li jgħassu l-prokura tagħhom u f’li jitrattaw il-merħla t’Alla b’tenerezza. Dak l-apprezzament, flimkien maʼ rispett xieraq, jistaʼ jintwera billi nkunu ubbidjenti lejn dawk li jieħdu t-tmexxija fostna.
[Nota taʼ taħt]
a Wieħed jistaʼ jappella diċiżjoni li taqtgħu mis-sħubija jekk hu jemmen li sar żball serju fil-ġudizzju.
Kif Taħisibha?
◻ Ġesù Kristu kif wera li t-tiranija m’għandha l-ebda post fost is-segwaċi tiegħu?
◻ X’għandhom jagħmlu l-anzjani meta jaslu xi struzzjonijiet mill-Ġemgħa li Tiggverna?
◻ Skond Isaija 32:1,2, l-anzjani għandhom ikunu s-sorsi taʼ liema ħaġa?
◻ L-lskrittura kif turi li l-anzjani m’għandhomx jaġixxu fuq sempliċiment li jgħidu n-nies?
Sotto-ragħajja Kristjani kif għandhom jitrattaw il-merħla?