LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Alla Jehovah Juri Ħniena lil Fdal
    Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
    • “Ir-​Rimja” taʼ Jehovah

      5, 6. (a) Isaija kif jiddeskrivih iż-​żmien paċifiku li jiġi wara t-​tempesta li ġejja? (b) X’ifisser it-​terminu “rimja,” u dan x’jindika dwar il-​pajjiż taʼ Ġuda?

      5 L-​istil t’espressjoni wżat minn Isaija jsir kordjali hekk kif hu jħares lejn żmien iktar paċifiku li ġej wara t-​tempesta li riesqa. Hu jikteb: “Dakinhar ir-​rimja tal-​Mulej tkun ġmiel u glorja, u l-​frott taʼ l-​art ikun kburija u żína tal-​fdal taʼ Iżrael.”​—Isaija 4:2.

      6 Isaija hawnhekk jitkellem dwar restawr. In-​nom Ebrajk tradott “rimja” jirreferi għal ‘dak li jinbet, nebbieta, fergħa.’ Dan hu assoċjat maʼ prosperità, żjieda, u barkiet mingħand Jehovah. Isaija b’hekk ipinġi stampa taʼ tama​—il-​ħerba li riesqa m’hijiex se tibqaʼ għal dejjem. Bil-​barka taʼ Jehovah, il-​pajjiż taʼ Ġuda, li darba kien prosperuż, se jerġaʼ jipproduċi frott abbundanti.a​—Levitiku 26:​3-5.

      7. In-​nebbieta taʼ Jehovah b’liema mod se “tkun ġmiel u glorja”?

      7 Isaija juża termini vivaċi biex jiddeskrivi kemm se tkun kbira t-​trasformazzjoni li ġejja fil-​futur. In-​nebbieta taʼ Jehovah se “tkun ġmiel u glorja.” Il-​kelma “ġmiel” tfakkarna fis-​sbuħija taʼ l-​Art Imwegħda meta Jehovah taha lil Iżrael sekli qabel. Tant kienet sabiħa li kienet meqjusa bħala “ġawhra [“ġojjell,” New American Bible] fost kemm huma l-​artijiet.” (Eżekjel 20:6) Kliem Isaija b’hekk jassigura lin-​nies li l-​pajjiż taʼ Ġuda se jerġaʼ jkollu l-​glorja u l-​ġmiel li kellu qabel. Tabilħaqq, se jkun bħal ġojjell mill-​isbaħ fuq l-​art.

      8. Min se jkun preżenti biex igawdi l-​ġmiel restawrat tal-​pajjiż, u Isaija kif jiddeskrivihom is-​sentimenti tagħhom?

      8 Iżda, min se jkun preżenti biex igawdi l-​ġmiel restawrat tal-​pajjiż? Il-​“fdal taʼ Iżrael,” jikteb Isaija. Iva, se jkun hemm xi wħud li se jibqgħu ħajjin wara l-​qerda umiljanti li kienet imbassra qabel. (Isaija 3:​25, 26) Fdal minn dawk li jibqgħu ħajjin se jirritorna lejn Ġuda u jieħu sehem fir-​restawr tagħha. Għal dawn l-​uħud li jirritornaw​—il-​“fdal”—​il-prodott abbundanti tal-​pajjiż restawrat tagħhom se jsir “kburija u żína.” (Isaija 4:2) L-​umiljazzjoni tal-​ħerba se tagħmel il-​wisaʼ għal sens taʼ kburija mġedded.

      9. (a) Bi twettiq taʼ kliem Isaija, x’ġara fis-​sena 537 Q.E.K.? (b) Għala jistaʼ jingħad li l-​“fdal” jinkludi lil xi wħud li twieldu fl-​eżilju? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

      9 Fi qbil maʼ kliem Isaija, il-​maltempata tal-​ġudizzju waslet fis-​sena 607 Q.E.K. meta l-​Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm u ħafna Iżraelin ntilfu. Xi wħud baqgħu ħajjin u ttieħdu fl-​eżilju ġewwa Babilonja, imma li ma kienx għall-​ħniena t’Alla, assolutament ħadd ma kien jibqaʼ ħaj. (Neħemija 9:31) Eventwalment, Ġuda tħalliet ħerba għalkollox. (2 Kronaki 36:​17-21) Imbagħad, fis-​sena 537 Q.E.K., dak Alla taʼ ħniena ppermetta li “fdal” jirritorna lejn Ġuda sabiex jirrestawra l-​qima vera.b (Esdra 1:​1-4; 2:1) L-​indiema mill-​qalb taʼ dawn l-​eżiljati li rritornaw hija espressa b’mod sabiħ f’Salm 137, li x’aktarx inkiteb matul il-​jasar jew ftit wara. Lura f’Ġuda dawn għażqu l-​ħamrija u żergħu ż-​żerriegħa fl-​għelieqi. Aħseb ftit kif ħassewhom meta raw li Alla kien qed ibierek l-​isforzi tagħhom, billi jġiegħel l-​art tnibbet bħall-​“ġnien taʼ l-​Għeden” mimli frott!​—Eżekjel 36:​34-36.

      10, 11. (a) L-​Istudenti tal-​Bibbja b’liema mod kienu fil-​jasar taħt “Babilonja l-​Kbira” kmieni fis-​seklu 20? (b) Jehovah kif bierku lill-​fdal taʼ Iżraelin spiritwali?

      10 Fi żmienna seħħ restawr simili. Kmieni fis-​seklu 20, l-​Istudenti tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien, waqgħu f’jasar spiritwali taħt “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 17:5) Għalkemm kienu ċaħdu ħafna tagħlim reliġjuż falz, l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu għadhom imċappsin b’ċerti ideat u prattiċi Babiloniżi. Bħala riżultat taʼ oppożizzjoni mqanqla mill-​membri tal-​kleru, xi wħud minnhom ġew mitfugħin il-​ħabs letteralment. Il-​pajjiż spiritwali tagħhom​—il-​qasam reliġjuż, jew spiritwali, tagħhom—​tħalla ħerba.

      11 Imma fir-​rebbiegħa taʼ l-​1919, Jehovah ġietu ħniena minn dan il-​fdal taʼ Iżraelin spiritwali. (Galatin 6:16) Hu ra l-​indiema tagħhom u x-​xewqa li kellhom biex iqimuh fil-​verità, u għalhekk ħelishom mill-​ħabs letterali u, iktar importanti, mill-​jasar spiritwali. Dawn il-​membri tal-​“fdal” ġew restawrati lejn il-​qasam spiritwali mogħti lilhom minn Alla, liema qasam hu ġagħal li jnibbet bl-​abbundanza. Dan il-​qasam spiritwali għandu dehra kordjali u attraenti li ġibdet lil miljuni taʼ nies oħrajn li jibżgħu minn Alla biex jissieħbu mal-​fdal fil-​qima vera.

      12. Kliem Isaija kif ifaħħar bil-​kbir il-​ħniena li Jehovah għandu għall-​poplu tiegħu?

      12 Kliem Isaija hawnhekk ifaħħar bil-​kbir il-​ħniena li Alla għandu għall-​poplu tiegħu. Għalkemm l-​Iżraelin bħala ġens daru kontra Jehovah, hu kellu ħniena minn fdal li nidem. Nistgħu niksbu l-​faraġ mill-​fatt li nafu li saħansitra dawk li jiżbaljaw serjament jistgħu jirritornaw lejn Jehovah bit-​tama. Uħud li jindmu m’għandhomx għalfejn iħossu li ma jistgħux jaqilgħu l-​ħniena taʼ Jehovah, għax hu ma jwarrabhiex qalb sogħbiena. (Salm 51:19 [51:​17, NW]) Il-​Bibbja tassigurana: “Ħanin u twajjeb il-​Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. Bħalma jħenn il-​missier għal uliedu, hekk iħenn il-​Mulej għal min għandu l-​biżaʼ tiegħu.” (Salm 103:​8, 13) Ċertament li Alla mimli ħniena bħal dan jixraqlu t-​tifħir kollu tagħna!

  • Alla Jehovah Juri Ħniena lil Fdal
    Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
    • a Xi studjużi jissuġġerixxu li l-​frażi “rimja tal-​Mulej” tirreferi għall-​Messija, li ma kienx se jidher qabel ma Ġerusalemm tkun ġiet restawrata. Fit-​Targumi Aramajċi, il-​parafrażi taʼ din l-​espressjoni tgħid: “Il-​Messija [Kristu] taʼ Jehovah.” Huwa interessanti l-​fatt li l-​istess nom Ebrajk (tseʹmach) jintuża iktar tard minn Ġeremija meta jitkellem dwar il-​Messija bħala “rimja ġusta” mqajma lil David.​—Ġeremija 23:5; 33:15.

      b Il-“fdal” inkluda lil xi wħud li kienu twieldu fl-​eżilju. Dawn jistgħu jiġu kunsidrati li huma “fdal,” ladarba qatt ma kienu jitwieldu li kieku l-​antenati tagħhom ma kinux baqgħu ħajjin wara l-​qerda.​—Esdra 9:​13-15; qabbel Lhud 7:​9, 10.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja