Kapitlu Ħmistax
“Ma Nistax Noqgħod Sieket”
1. Ġeremija u profeti oħrajn taʼ Ġeħova għala ma baqgħux siekta?
“ISIMGĦU kelmet Ġeħova.” Dan il-kliem kien jidwi fit-toroq u l-pjazez taʼ Ġerusalemm mis-sena 647 Q.E.K. ’l quddiem. U l-profeta t’Alla ma waqafx. Anke meta l-belt ġiet meqruda 40 sena wara, hu rripeta din it-tħeġġiġa. (Ġer. 2:4; 42:15) Alla li Jistaʼ Kollox bagħat profeti biex ikun ċert li l-Lhud setgħu jisimgħu l-parir Tiegħu u jindmu. Bħalma ntwera iktar kmieni f’din il-pubblikazzjoni, Ġeremija kien jispikka fost dawn il-kelliema t’Alla. Meta Alla inkarigah, hu qal lil Ġeremija: “Itlaʼ u għidilhom kulma nikkmandak jien. Titwerwirx minħabba fihom.” (Ġer. 1:17) Ix-xogħol kien jitlob ħafna minnu. Ġeremija sofra wġigħ fiżiku u emozzjonali, imma minkejja provi bħal dawn, hu tqanqal biex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Hu qal: “Qalbi mimlija ansjetà. Ma nistax noqgħod sieket.”—Ġer. 4:19.
2, 3. (a) Id-dixxipli taʼ Ġesù kif imitaw lil Ġeremija? (b) Għala għandek issegwi l-eżempju taʼ Ġeremija?
2 Il-mod kif Ġeremija wettaq l-inkarigu profetiku tiegħu ta eżempju lil qaddejja futuri taʼ Ġeħova. (Ġak. 5:10) Ftit wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-awtoritajiet Lhud arrestaw lill-appostli Pietru u Ġwanni u ordnawlhom jieqfu jippritkaw. Inti qrajt it-tweġiba tagħhom. “Aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” (Atti 4:19, 20) Wara li heddewhom li ma jgħadduhiex lixxa darb’oħra, il-ħakkiema ħelsu lil Pietru u Ġwanni. Int taf x’ġara. Dawn l-irġiel leali ma kinux se jieqfu jippritkaw, u infatti ma waqfux.
3 Tistaʼ tara int kif il-kliem taʼ Pietru u Ġwanni mniżżel f’Atti 4:20 juri l-istess żelu bħal taʼ Ġeremija? Bħala ministru t’Alla Ġeħova f’dawn l-aħħar jiem kritiċi, m’intix int daqshekk ieħor determinat li taħseb, ‘Ma nistax nibqaʼ sieket!ʼ Ejja naraw kif nistgħu nibqgħu b’saħħitna bħal Ġeremija ħalli nkomplu nippritkaw l-aħbar tajba minkejja l-kundizzjonijiet taʼ madwarna li qed jiggravaw.
KOMPLI MINKEJJA L-APATIJA
4. Liema attitudni kienet komuni f’Ġerusalemm tal-qedem?
4 Żgur taqbel li l-wegħda t’Alla għal futur meraviljuż taħt il-ħakma t’Ibnu hi l-aħjar ħaġa li n-nies jistgħu jisimgħu dwarha! Madanakollu, ħafna llum jesprimu ruħhom kif għamlu darba xi Lhud meta qalu lil Ġeremija: “Dwar il-kelma li għedtilna f’isem Ġeħova, ma rridux nisimgħu minnek.” (Ġer. 29:19; 44:16) Ġeremija spiss semaʼ espressjonijiet bħal dawn. L-istess jisimgħu l-qaddejja taʼ Ġeħova llum, għax ħafna nies jgħidu, “M’aħniex interessati.” L-apatija mifruxa maʼ kullimkien tistaʼ tnaqqas iż-żelu tal-pubblikaturi tas-Saltna. Jekk dan hu minnu fit-territorju tiegħek, fost xi wħud fil-kongregazzjoni tiegħek, jew saħansitra fil-każ tiegħek, x’tistaʼ tagħmel?
5. (a) Ġeremija kif irreaġixxa għall-apatija tan-nies? (b) Dawk li huma apatetiċi lejn l-aħbar tajba għala jkunu qed jissograwha?
5 Ikkunsidra r-raġunar li żviluppa Ġeremija meta kellu jħabbat wiċċu man-nies taʼ Ġuda li fil-biċċa l-kbira kienu apatetiċi. Fil-bidu tal-karriera taʼ Ġeremija, Ġeħova tah ħarsa bil-quddiem tal-ġudizzju divin li kien ġej. (Aqra Ġeremija 4:23-26.) Il-profeta mbagħad setaʼ jara li l-ħajjiet t’eluf taʼ nies kienu jiddependu milli jisimgħu l-kliem li kien se jgħidilhom u jaġixxu fi qbil miegħu. Illum, in-nies huma f’sitwazzjoni simili, inkluż dawk fit-territorju tiegħek. Rigward “dak il-jum” tal-ġudizzju t’Alla kontra d-dinja mill-agħar tal-lum, Ġesù qal: “Għax jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-art kollha. Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-ħerqa l-ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Lq. 21:34-36) Tistaʼ tikkonkludi minn kliem Ġesù li dawk li jiċħdu l-aħbar tajba tassew ikunu qed jissograwha.
6. Għala għandek tibqaʼ tipprietka, anke lil dawk li ma tantx juru interess fil-messaġġ tiegħek?
6 Però, dawk li jegħlbu l-indifferenza u li jisimgħu l-Kelma taʼ Ġeħova li nippreżentaw u jwieġbu għaliha se jirċievu barkiet imprezzabbli. Alla qed jiftaħ it-triq għalina biex niskansaw il-qerda u nidħlu fid-dinja l-ġdida tiegħu. F’ċerti aspetti, kien simili fil-ministeru taʼ Ġeremija. L-abitanti taʼ Ġuda setgħu jaħarbu. (Aqra Ġeremija 26:2, 3.) Biex jgħinhom, Ġeremija qattaʼ għaxriet taʼ snin iħeġġeġ lin-nies biex “jisimgħu u jduru lura,” biex jagħtu kas il-kelma tal-Alla l-veru. Ma nafux kemm kien hemm nies li nidmu u biddlu ħajjithom minħabba l-għoti taʼ xhieda tal-profeta. Imma xi wħud hekk għamlu, u l-istess għamlu ħafna fi żmienna. Hekk kif inkomplu nippritkaw l-aħbar tajba, spiss nisimgħu dwar kif il-qalb tan-nies li ma kinux interessati rtabet. (Ara l-kaxxa “L-Apatija Tistaʼ Tinbidel f’Interess,” f’paġna 184.) Mhijiex din raġuni oħra għala għandna nibqgħu attivi fil-ministeru tagħna tal-aħbar tajba li jsalva l-ħajjiet?
Għala int determinat li tipprietka l-aħbar tajba minkejja kwalunkwe apatija li tiffaċċja?
DAWK LI JOPPONU MA JISTGĦU JAGĦMLU L-EBDA ĦSARA DEJJIEMA
7. L-għedewwa kif ipprovaw jeqirdu x-xogħol profetiku taʼ Ġeremija?
7 Aspett wieħed taʼ min jinnotah dwar il-ministeru taʼ Ġeremija hu kemm l-opponenti spiss ipprovaw jeqirdu lilu u xogħlu. Profeti foloz merewh fil-pubbliku. (Ġer. 14:13-16) Hekk kif Ġeremija mexa fit-toroq taʼ Ġerusalemm, nies li kienu fil-qrib għajruh u ddieħqu bih. (Ġer. 15:10) Xi wħud mill-għedewwa tiegħu kkonfoffaw dwar kif jistgħu jwaqqgħulu ġieħu. (Ġer. 18:18) Oħrajn qagħdu jfesfsu u jxerrdu qlajjiet kemm jifilħu biex idawru lil uħud taʼ qalb onesta mill-veritajiet divini li kien qed jipprietka Ġeremija. (Lam. 3:61, 62) Qataʼ qalbu Ġeremija? Għall-kuntrarju, hu baqaʼ jipprietka. Kif għamel dan?
8. Hekk kif l-opponenti żiedu fl-isforzi tagħhom kontra Ġeremija, dan kif irreaġixxa?
8 L-arma ewlenija taʼ Ġeremija biex jiġġieled kontra l-oppożizzjoni kollha kienet il-fiduċja f’Ġeħova. Fil-bidu tal-ministeru taʼ Ġeremija, Alla qallu li Hu kien se jsostnih u jipproteġih. (Aqra Ġeremija 1:18, 19.) Ġeremija fada f’dik il-wegħda, u Ġeħova ma ddiżappuntahx. Hekk kif l-opponenti għamlulu pressjoni u ħadu miżuri iktar drastiċi kontrih, hu kellu iżjed qlubija, kuraġġ, u sabar. Innota kif dawn il-kwalitajiet swewlu taʼ ġid.
9, 10. Liema ġrajjiet f’ħajjet Ġeremija għandhom jinkuraġġuk tkun qalbieni?
9 Darba minnhom, qassisin u profeti ribellużi kaxkru lil Ġeremija sa quddiem il-prinċpijiet taʼ Ġuda biex jingħata l-mewt. Beżżaʼ lil Ġeremija t-theddid tagħhom tant li waqqfu minn xogħlu? Le. It-tweġiba tiegħu tat prova li l-akkużi taʼ dawn l-apostati ma kinux veri, u għalhekk ħajtu ġiet skansata.—Aqra Ġeremija 26:11-16; Lq. 21:12-15.
10 Ftakar li wara li Pasħur, uffiċjal tat-tempju, semaʼ l-messaġġ qawwi taʼ Ġeremija, hu tefgħu fil-qjud. Pasħur żgur li ħaseb li dan kien se jgħallmu lezzjoni lil Ġeremija u li issa kien se jibqaʼ sieket. Għalhekk, l-għada Pasħur ħelsu. Imma Ġeremija, bla dubju muġugħ minħabba t-tbatija li għadda minnha, kellem direttament lil Pasħur u ddikjara l-ġudizzju taʼ Ġeħova kontrih. Le, lanqas it-tortura ma sikktet lil Ġeremija! (Ġer. 20:1-6) Għala le? Ġeremija nnifsu jgħidilna: “Ġeħova kien miegħi bħal wieħed setgħan u tal-biżaʼ. Huwa għalhekk li dawk stess li qed jippersegwitawni se jitfixklu u ma jagħmlu xejn kontrija.” (Ġer. 20:11) Anke meta ġie wiċċ imb wiċċ m’opponenti ħorox, Ġeremija ma twerwirx. Il-fiduċja tiegħu f’Ġeħova kienet imsejsa fis-sod, u l-fiduċja tiegħek tistaʼ tkun hekk ukoll.
11, 12. (a) Ġeremija kif wera sens komun meta Ħananija opponieh? (b) X’benefiċċju tistaʼ tikseb jekk ‘iżżomm ruħek imrażżan quddiem il-ħażen’?
11 Tajjeb li żżomm f’moħħok li Ġeremija ma kienx xi fanatiku. Hu uża s-sens komun meta ffaċċja l-opponenti u kien jaf meta kien ikun aħjar li jitlaq. Pereżempju, ikkunsidra l-esperjenza tiegħu maʼ Ħananija. Wara li dan il-profeta falz miera l-kelma profetika taʼ Ġeħova fil-pubbliku, Ġeremija kkoreġieh u spjega kif wieħed jistaʼ jagħraf profeta veru. Ġeremija kien qed iġorr madmad tal-injam biex jagħti stampa tal-fatt li kellhom jidħlu taħt il-madmad taʼ Babilonja; Ħananija sar vjolenti u kisser il-madmad. Min jaf x’setaʼ jasal biex jagħmel iktar Ħananija? Allura, x’kien se jagħmel Ġeremija? Naqraw: “Il-profeta Ġeremija telaq għal triqtu.” Iva, Ġeremija ma baqax hemmhekk. Wara, bid-direzzjoni taʼ Ġeħova, hu rritorna u qal lil Ħananija li Ġeħova kien se jibgħat lil-Lhud fil-jasar taħt is-sultan taʼ Babilonja u li l-mewt kienet lesta għal Ħananija.—Ġer. 28:1-17.
12 Jidher ċar minn dan ir-rakkont imnebbaħ li meta nippritkaw nagħmlu tajjeb jekk flimkien mal-qlubija nuru raġunar f’loku. Jekk f’dar minnhom xi ħadd jirrifjuta li jaċċetta r-raġunar Skritturali u jibda jirrabja, anke jheddidna bil-vjolenza, aħna bil-ħlewwa kollha nistgħu niskużaw ruħna u ngħaddu għall-bieb li jmiss. M’għandniex għalfejn noqogħdu nitbaqbqu man-nies dwar l-aħbar tajba tas-Saltna. Billi ‘nżommu ruħna mrażżnin quddiem il-ħażen,’ inħallu t-triq miftuħa biex ngħinu lill-inkwilin fi żmien iktar favorevoli.—Aqra t-2 Timotju 2:23-25; Prov. 17:14.
Il-fiduċja f’Ġeħova għala hi tant importanti aħna u nippritkaw l-aħbar tajba? Għala għandna nuru qlubija flimkien maʼ raġunar f’loku?
“TIBŻAX”
13. Ġeħova għala qal lil Ġeremija: “Tibżax,” u għala għandna nikkunsidraw dan?
13 L-aduraturi veri kienu effettwati mill-kundizzjonijiet terribbli li kienu tant mifruxin qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. B’hekk, tistaʼ tifhem għala Alla qal lil Ġeremija: “Tibżax.” (Ġer. 1:8; Lam. 3:57) U Ġeħova qabbdu jgħid lil oħrajn mill-poplu tiegħu l-istess kliem li jqawwi l-qalb. (Aqra Ġeremija 46:27.) X’nistgħu nitgħallmu minn dan? F’dan iż-żmien perikoluż tat-tmiem, jistaʼ jagħti l-każ li kultant inħossuna beżgħanin. Meta jiġrilna hekk, se nisimgħu aħna minn Ġeħova, li f’ċertu sens qed jgħidilna: ‘Tibżgħux’? Iktar kmieni f’din il-pubblikazzjoni, aħna kkunsidrajna kif Alla sostna lil Ġeremija matul dan iż-żmien tassew tal-biżaʼ. Ejja nirrivedu fuq fuq dak li ġara, sabiex naraw x’lezzjoni hemm għalina.
14, 15. (a) F’liema sitwazzjoni perikoluża sab ruħu Ġeremija? (b) Ġeħova kif wettaq il-wegħda tiegħu biex jipproteġi lil Ġeremija?
14 Hekk kif il-Babiloniżi ħarrxu l-azzjonijiet tagħhom kontra Ġerusalemm, il-ġuħ fena lill-poplu. Ma damx ma kien hemm ħafna nies mingħajr ikel. (Ġer. 37:21) Mhux talli hekk, imma talli Ġeremija kien maqful f’post li setaʼ sar il-qabar tiegħu. Il-prinċpijiet taʼ Ġuda kienu sforzaw lis-Sultan Sedekija, li kien idurlu maʼ kull riħ, biex jaqbel magħhom u joqtol lil Ġeremija. Imbagħad raw li Ġeremija jiġi mitfugħ f’ġiebja fonda. Ma kienx hemm ilma fiha imma kienet mimlija ħama. Hekk kif Ġeremija beda jegħreq fit-tajn, hu ma setax jara mod kif jistaʼ jeħles lilu nnifsu. Li kieku inti kont f’dik is-sitwazzjoni, ma kontx tħossok xi ftit beżgħan?—Ġer. 38:4-6.
15 Għalkemm kien bniedem bħalna, Ġeremija fada fil-kelma taʼ Ġeħova li Hu qatt ma jabbandunah. (Aqra Ġeremija 15:20, 21.) Ippremjaha Ġeħova din il-fiduċja? Aħna nafu fiċ-ċert li ppremjaha. Alla qanqal lil Għebed-melek biex jisfida lill-prinċpijiet u jsalva lil Ġeremija. Bil-permess tas-sultan, Għebed-melek tellaʼ lill-profeta mill-ġiebja, u b’hekk salvah minn mewta fit-tajn fond.—Ġer. 38:7-13.
16. Ġeħova minn liema perikli ħeles lil-leali tiegħu?
16 Anke meta Ġeremija kien lura fuq art solida, ma kienx meħlus mill-periklu. Għebed-melek kien talab lis-sultan għan-nom taʼ Ġeremija u kien qallu: “Fejn qiegħed se jmut bil-ġuħ. Għax ma baqax iżjed ħobż fil-belt.” (Ġer. 38:9) L-ikel tant kien skars f’Ġerusalemm li n-nies kienu waslu biex jieklu lil bnedmin oħra. Madanakollu, Ġeħova reġaʼ interviena biex isalva lill-profeta tiegħu. U Ġeremija ta lil Għebed-melek garanzija taʼ protezzjoni minn Ġeħova. (Ġer. 39:16-18) Ġeremija ma kienx nesa l-assiguranza t’Alla: “Jien miegħek biex neħilsek.” (Ġer. 1:8) Ladarba kien hemm l-Alla li Jistaʼ Kollox jgħasses lil dawn iż-żewġt irġiel leali, la l-għedewwa umani u lanqas il-ġuħ ma setaʼ joqtolhom. Huma skansaw il-mewt f’dik il-belt kundannata. X’nitgħallmu minn dan? Ġeħova wiegħed il-protezzjoni u żamm kelmtu.—Ġer. 40:1-4.
17. Għala għandek tafda fil-wegħda taʼ Ġeħova li jipproteġi lill-qaddejja tiegħu?
17 It-twettiq tal-profezija taʼ Ġesù dwar il-konklużjoni tas-sistema riesaq lejn it-tmiem, bla ma ħadd jistaʼ jwaqqfu. Fil-futur qarib, se jseħħu “sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb, u fuq l-art diqa tal-ġnus, li ma jafux x’jaqbdu jagħmlu . . . waqt li n-nies iħosshom ħażin bil-biżaʼ u bl-istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-art abitata.” (Lq. 21:25, 26) Irridu nistennew biex naraw kif se jitwettqu dawn is-sinjali u x’terrur se jipproduċu fost ħafna nies. Iżda, jiġri x’jiġri, int qatt m’għandek għalfejn tiddubita l-abbiltà u x-xewqa taʼ Ġeħova li jsalva lil niesu. Però, ir-riżultat għal dawk li m’għandhomx l-approvazzjoni tiegħu se jkun differenti għall-aħħar. (Aqra Ġeremija 8:20; 14:9.) Anke jekk jidher li l-qaddejja tiegħu jkunu f’kundizzjoni bla tama daqslikieku kienu mitfugħin f’ġiebja umduża u mdallma, hu jistaʼ jsalvahom! Il-kliem t’Alla lil Għebed-melek sa japplika għal niesu: “‘Għax jien żgur nipprovdilek mezz biex taħrab, u ma tmutx bis-sejf; u ruħek tiħodha bħala priża, għax int fdajt fija,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”—Ġer. 39:18.
KLIEM MIKTUB GĦALIK
18. (a) Liema kliem biddel il-ħajja taʼ Ġeremija? (b) X’tifsir għandu għalik il-kmand t’Alla f’Ġeremija 1:7?
18 “Mur għand kulmin se nibagħtek; u tkellem kulma nikkmandak.” (Ġer. 1:7) Ħajjet Ġeremija nbidlet għalkollox meta semaʼ dan il-kmand minn Alla. Minn dak il-ħin ’il quddiem, it-tħassib ewlieni tiegħu kien li jħabbar “il-kelma taʼ Ġeħova.” Din il-frażi tidher darba wara l-oħra matul il-ktieb taʼ Ġeremija. Fl-aħħar kapitlu, Ġeremija jirrakkonta l-waqgħa taʼ Ġerusalemm u l-eżilju tal-aħħar sultan tagħha, Sedekija. Iva, Ġeremija kompla jgħallem u jħeġġeġ lin-nies taʼ Ġuda biex jobdu lil Ġeħova sakemm il-ġrajjiet għamluha ċara li xogħlu kien tlesta.
19, 20. (a) Is-servizz taʼ Ġeremija għala hu t’eżempju għalik? (b) X’rabta hemm bejn ix-xogħol tal-ippritkar u li wieħed isib l-hena u l-kuntentizza? (ċ) Il-fatt li kkunsidrajt il-kotba taʼ Ġeremija u l-Lamentazzjonijiet kif effettwak?
19 Hemm ħafna xebh bejn l-inkarigu taʼ Ġeremija u l-ministeru pubbliku tax-Xhieda taʼ Ġeħova llum. Bħalu, int taqdi lill-Alla l-veru matul żmien taʼ ġudizzju. Responsabbiltajiet oħrajn jirrikjedu ftit mill-ħin u l-enerġija tiegħek; imma l-ippritkar tal-aħbar tajba hu bil-wisq l-iktar xogħol sinifikanti li tistaʼ tagħmel f’din is-sistema. Permezz tiegħu, int tfaħħar bil-kbir l-isem grandjuż t’Alla u taċċetta d-dritt u l-awtorità assoluta tiegħu bħala s-Sovran Universali. (Aqra Lamentazzjonijiet 5:19.) Int ukoll turi mħabba li tispikka lejn il-proxxmu billi tgħin lil oħrajn isiru jafu lill-Alla l-veru u dak li jirrikjedi minnhom fil-ħajja.—Ġer. 25:3-6.
20 Rigward ix-xogħol li Ġeħova tah jagħmel, Ġeremija qal: “Kelmtek saret għalija l-ferħ u l-hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, O Ġeħova, Alla taʼ l-armati.” (Ġer. 15:16) Hena u kuntentizza bħal dawn huma offruti lil dawk kollha llum li qalbhom tqanqalhom jitkellmu f’isem l-Alla l-veru. B’hekk, għandek kull raġun tibqaʼ tipproklama l-messaġġ taʼ Ġeħova, l-istess kif għamel Ġeremija!
L-eżempji taʼ Ġeremija u Għebed-melek kif jistgħu jgħinuk tkun kuraġġuż? Liema kwalità li wera Ġeremija tixtieq timita int u tipprietka?