Kapitlu Ħamsa
Il-Fidi Tagħhom Baqgħet Soda Wara l-Kalvarju Tagħhom
1. Ħafna nies kif iħossuhom dwar id-devozzjoni lejn Alla u lejn art twelidhom?
GĦANDHA d-devozzjoni tiegħek tkun diretta lejn Alla jew lejn il-pajjiż li tgħix fih? Ħafna jwieġbu billi jgħidu, ‘Jien nirrispetta lit-tnejn li huma. Inqim lil Alla skond ma tgħidli r-reliġjon tiegħi; fl-istess ħin, inwiegħed il-lealtà tiegħi lil art twelidi.’
2. Is-sultan taʼ Babilonja kif kien figura kemm reliġjuża u kemm politika?
2 Id-distinzjoni bejn id-devozzjoni reliġjuża u l-patrijottiżmu tistaʼ tidher imċajpra llum, imma f’Babilonja tal-qedem din ma kinitx teżisti. Tabilħaqq, iċ-ċivili u s-sagru kienu tant minsuġin flimkien li kultant wieħed lanqas biss setaʼ jiddistingwihom. Il-Professur Charles F. Pfeiffer jikteb: “F’Babilonja tal-qedem, is-sultan kien jaqdi kemm bħala Qassis il-Kbir u kemm bħala ħakkiem ċivili. Kien iwettaq sagrifiċċji u jiddetermina l-ħajja reliġjuża tas-sudditi tiegħu.”
3. Liema ħaġa turi li Nabukodonosor kien bniedem reliġjuż ferm?
3 Ikkunsidra lis-Sultan Nabukodonosor. L-istess ismu jfisser “O Nebu, Ipproteġi lill-Werriet!” Nebu kien l-alla Babiloniż taʼ l-għerf u l-agrikultura. Nabukodonosor kien bniedem reliġjuż ferm. Bħalma ġie nnotat qabel, hu bena u sebbaħ it-tempji t’għadd t’allat Babiloniżi u kien speċjalment devot taʼ Marduk, li lilu ta l-kredtu għar-rebħiet militari tiegħu.a Jidher ukoll li Nabukodonosor strieħ bil-kbir fuq id-divinazzjoni biex jifformula l-pjanijiet tiegħu għall-battalji.—Eżekjel 21:23-28 [21:18-23, NW].
4. Iddeskrivi l-ispirtu reliġjuż taʼ Babilonja.
4 Verament, Babilonja kollha kienet mimlija bi spirtu reliġjuż. Il-belt ftaħret li kellha iktar minn 50 tempju, li fihom kienu jiġu meqjumin għadd immens t’allat maskili u femminili, inkluż it-trijade taʼ Anu (alla tas-sema), Enlil (alla taʼ l-art, l-arja, u l-maltemp), u Ea (alla taʼ fuq l-ilmijiet). Trinità oħra kienet magħmula minn Sin (l-alla-qamar), Shamash (l-alla-xemx), u Ishtar (l-alla femminili tal-fertilità). Il-maġija, is-seħer, u l-astroloġija kellhom irwol prominenti fil-qima Babiloniża.
5. L-ambjent reliġjuż taʼ Babilonja kien taʼ liema sfida għall-eżiljati Lhud?
5 Il-ħajja fost nies li kienu jqimu lil ħafna allat kienet taʼ sfida enormi għall-eżiljati Lhud. Sekli qabel, Mosè kien wissa lill-Iżraeliti li kellu jkun hemm konsegwenzi mwegħra għalihom jekk jagħżlu li jirribellaw kontra d-Donatur Suprem tal-Liġi. Qalilhom Mosè: “Jieħu l-Mulej lilek u lis-slaten li int tqiegħed fuqek, għand poplu li ma tafx bih, la int u anqas missirijietek, u hemm taqdi allat oħra tal-ġebel u tal-ħatab.”—Dewteronomju 28:15, 36.
6. Il-ħajja f’Babilonja għala kienet taʼ sfida speċjali għal Danjel, Ħananija, Misaèl, u Għażarija?
6 Il-Lhud issa sabu ruħhom f’dak l-istess għawġ. Kienet se tkun ħaġa diffiċli li wieħed iżomm l-integrità lejn Jehovah, speċjalment għal Danjel, Ħananija, Misaèl, u Għażarija. Dawn l-erbaʼ żgħażagħ Ebrej kienu ntgħażlu speċjalment biex jirċievu taħriġ għas-servizz governattiv. (Danjel 1:3-5) Ftakar li huma kienu saħansitra ngħataw ismijiet Babiloniżi—Beltesassar, Sidrak, Mesak, u Għabednegu—x’aktarx biex jiġu influwenzati ħalli jikkonformaw maʼ l-ambjent ġdid tagħhom.b Minħabba l-pożizzjonijiet taʼ grad għoli li kellhom, dawn l-irġiel kienu se jagħtu fil-għajn u saħansitra jiġu akkużati bi tradiment jekk min-naħa tagħhom kienu b’xi mod se jirrifjutaw li jqimu lill-allat tal-pajjiż.
STATWA TAD-DEHEB TIPPREŻENTA THEDDIDA
7. (a) Iddeskrivi l-istatwa mibnija minn Nabukodonosor. (b) X’kien l-iskop taʼ l-istatwa?
7 Nabukodonosor bena statwa tad-deheb fuq il-wita taʼ Dura ovvjament bi sforz biex isaħħaħ l-unità taʼ l-imperu tiegħu. Kienet għolja 60 driegħ (27 metru) u wiesgħa 6 idriegħ (2.7 metri).c Xi wħud jemmnu li l-istatwa kienet sempliċement xi kolonna, jew xi obelisk. Jistaʼ jkun li kellha pedestall għoli ferm li fuqu kien hemm statwa enormi li tixbah lill-bniedem, li forsi kienet tirrappreżenta lil Nabukodonosor innifsu jew lill-alla Nebu. Kien x’kien il-każ, dan il-monument għoli ferm kien simbolu taʼ l-Imperu Babiloniż. Bħala tali, l-iskop tiegħu kien li jkun jidher u li jiġi meqjum.—Danjel 3:1.
8. (a) Min issejjaħ għall-inawgurazzjoni taʼ l-istatwa, u dawk kollha preżenti x’kienu meħtiġin jagħmlu? (b) X’kellha tkun il-piena għal min jirrifjuta li jmil quddiem l-istatwa?
8 Għaldaqstant, Nabukodonosor organizza ċerimonja taʼ inawgurazzjoni. Hu ġemaʼ lis-satrapi, il-prefetti, il-gvernaturi, il-kunsillieri, it-teżorieri, l-imħallfin, l-avukati, u s-setgħat kollha tal-provinċja tiegħu. Wieħed ħabbâr għajjat: “Popli, ġnus u ilsna, għalikom huma dawn l-ordnijiet: Meta tisimgħu l-leħen tal-kornu, tal-fifra, taċ-ċetra, taʼ l-arpa, tas-salterju, taż-żaqq u taʼ kull xorta oħra taʼ mużika, inżlu fl-art u agħtu qima lill-istatwa tad-deheb li waqqaf is-sultan Nabukodonosor. U jekk xi ħadd ma jinxteħetx fl-art u ma jagħtihiex qima, minnufih ikun mixħut f’nofs forn taʼ nar iħeġġeġ.”—Danjel 3:2-6.
9. X’kien is-sinjifikat ovvju taʼ li wieħed imil quddiem l-istatwa li kien bena Nabukodonosor?
9 Xi wħud jemmnu li Nabukodonosor organizza din iċ-ċerimonja biex jipprova jisforza lil-Lhud ħalli jagħmlu kompromess fil-qima tagħhom lejn Jehovah. X’aktarx li dan ma kienx il-każ, għax b’mod evidenti l-uffiċjali tal-gvern biss issejħu għal dan l-avveniment. B’hekk, l-uniċi Lhud li kienu preżenti kellhom ikunu dawk li kienu jaqdu f’xi kariga governattiva. Allura, donnu jidher illi li wieħed imil quddiem l-istatwa kienet ċerimonja intenzjonata biex issaħħaħ is-solidarjetà tal-klassi li taħkem. L-istudjuż John F. Walvoord jinnota: “Wirja t’uffiċjali bħal din kienet minn banda waħda turija gratifikanti tal-qawwa taʼ l-imperu taʼ Nabukodonosor u mill-banda l-oħra kienet sinjifikanti bħala li tirrikonoxxi lid-divinitajiet li fl-idea tagħhom [tal-Babiloniżi] kienu responsabbli għar-rebħiet tagħhom.”
IL-QADDEJJA TAʼ JEHOVAH JIRRIFJUTAW LI JAGĦMLU KOMPROMESS
10. Dawk li ma kinux Lhud għala ma kellhom ebda problema f’li josservaw il-kmand taʼ Nabukodonosor?
10 Minkejja d-devozzjoni tagħhom lejn diversi allat patruni, il-biċċa l-kbira minn dawk li nġabru quddiem l-istatwa taʼ Nabukodonosor ma kinitx tniggiżhom il-kuxjenza jekk iqimuha. “Kollha kemm huma kienu mdorrijin iqimu lill-idoli, u l-qima t’alla wieħed ma żammithomx lura milli jagħtu qima wkoll lil xi ieħor,” spjega wieħed studjuż tal-Bibbja. Hu żied: “Dan kien fi qbil maʼ l-ideat prevalenti taʼ l-idolaturi li kien hemm ħafna allat . . . u li ma kinitx ħaġa mhix xierqa li wieħed iqim lill-alla taʼ xi poplu jew pajjiż ieħor.”
11. Sidrak, Mesak, u Għabednegu għala ma ridux imilu quddiem l-istatwa?
11 Madankollu, għal-Lhud, din kienet kwistjoni differenti. Huma kienu ġew kmandati minn Alla tagħhom, Jehovah: “La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur.” (Eżodu 20:4, 5) Għalhekk, hekk kif bdiet il-mużika u dawk li kienu miġburin inxteħtu għal tulhom quddiem l-istatwa, tliet żgħażagħ Ebrej—Sidrak, Mesak, u Għabednegu—baqgħu bil-wieqfa.—Danjel 3:7.
12. Ċerti Kaldin akkużaw lit-tliet Ebrej b’liema ħaġa, u għala?
12 Il-fatt li tliet uffiċjali Ebrej ma qimux lill-istatwa qanqal il-korla taʼ ċerti Kaldin. Minnufih, huma resqu lejn is-sultan u “xlew lil-Lhud.”d Ma kinux interessati fi spjegazzjoni. Billi riedu li l-Ebrej jiġu kastigati minħabba żlealtà u tradiment, ix-xellejja qalu: “Hemm xi Lhud, li int qegħedthom fuq is-servizz pubbliku tal-provinċja taʼ Babilonja, jiġifieri Sidrak, Mesak, u Għabednegu, u dawn in-nies ma semgħux minnek u mid-digrieti tiegħek, sultan; m’humiex jaqdu lil allatek u m’humiex jagħtu qima lill-istatwa tad-deheb li int waqqaft.”—Danjel 3:8-12.
13, 14. Nabukodonosor kif irreaġixxa għall-korsa li ħadu Sidrak, Mesak, u Għabednegu?
13 Min jaf kemm ħassu urtat Nabukodonosor li t-tliet Ebrej m’obdewx l-ordni tiegħu! Kien jidher ċar li ma kienx irnexxielu jdawwar lil Sidrak, Mesak, u Għabednegu f’difensuri leali taʼ l-Imperu Babiloniż. Ma kienx edukahom hu fl-għerf tal-Kaldin? Iva, u kien saħansitra biddlilhom isimhom! Imma jekk Nabukodonosor ħaseb li edukazzjoni grandjuża kienet se tgħallimhom mod taʼ qima ġdid jew li jbiddlilhom isimhom kien se jbiddel l-identitajiet tagħhom, hu kien żbaljat għall-aħħar. Sidrak, Mesak, u Għabednegu baqgħu qaddejja leali taʼ Jehovah.
14 Is-Sultan Nabukodonosor imtela bil-korla. Minnufih, hu sejjaħ lil Sidrak, Mesak, u Għabednegu, u staqsiehom: “Sidrak, Mesak, u Għabednegu, jaqaw għamiltu l-ħsieb li ma taqdux ’l allati u li ma tqimux l-istatwa tad-deheb li jiena waqqaft?” Bla dubju Nabukodonosor qal dan il-kliem għax ma riedx jemmen lil għajnejh. Fuq kollox, bilfors li ħaseb, ‘Kif jistaʼ jkun li tlett irġiel moħħhom f’loku jinjoraw kmand ċar bħal dan—u kmand li kien iġorr piena daqshekk ħarxa għal min ma jobdix?’—Danjel 3:13, 14.
15, 16. Nabukodonosor liema opportunità estendielhom lit-tliet Ebrej?
15 Nabukodonosor kien lest li jagħti ċans ieħor lit-tliet Ebrej. “Issa, ara, intomx lesti,” qal hu, “li tinxteħtu fl-art, u tqimu l-istatwa li jiena għamilt, malli tisimgħu d-daqq tal-kornu, tal-fifra, taċ-ċetra, taʼ l-arpa, tas-salterju, taż-żaqq, u taʼ kull xorta oħra taʼ mużika? Għax jekk ma tqimuhiex, tkunu minnufih mixħutin f’nofs forn taʼ nar iħeġġeġ. U liema hu dak alla li se jeħliskom minn idejja?”—Danjel 3:15.
16 Milli jidher, il-lezzjoni taʼ l-istatwa fil-ħolma (dokumentata f’Danjel kapitlu 2) ma kienet ħalliet ebda impressjoni dejjiema f’moħħ u f’qalb Nabukodonosor. Forsi kien diġà nesa dak li hu stess kien qal lil Danjel: “Alla tiegħek hu tabilħaqq Alla taʼ l-allat u Sid is-slaten.” (Danjel 2:47) Issa Nabukodonosor donnu kien qed jisfida lil Jehovah, billi qal li lanqas saħansitra Hu ma setaʼ jsalva lill-Ebrej mill-kastig li kien qed jistenniehom.
17. Sidrak, Mesak, u Għabednegu kif irreaġixxew għall-offerta tas-sultan?
17 Sidrak, Mesak, u Għabednegu ma kellhomx għalfejn jerġgħu jaħsbuha. Minnufih, huma wieġbu: “Nabukodonosor, aħna m’għandniex għalfejn inweġbuk fuq din il-ħaġa. Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jistaʼ jeħlisna minn idejk, O Sultan! U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom, u l-istatwa tad-deheb li int waqqaft m’aħniex se nqimuha.”—Danjel 3:16-18.
ĠEWWA L-FORN TAN-NAR IĦEĠĠEĠ
18, 19. X’ġara meta t-tliet Ebrej ġew mitfugħin fil-forn tan-nar iħeġġeġ?
18 Mimli korla, Nabukodonosor ikkmanda lill-qaddejja tiegħu biex isaħħnu l-forn sebaʼ darbiet iżjed mis-soltu. Imbagħad ordna lil “xi rġiel b’saħħithom” biex jorbtu lil Sidrak, Mesak, u Għabednegu u jixħtuhom ġol-“forn tan-nar iħeġġeġ.” Dawn segwew l-ordnijiet tas-sultan, billi xeħtu ġon-nar lit-tliet Ebrej, marbutin bil-ħwejjeġ b’kollox—forsi sabiex jinbelgħu min-nar saħansitra iktar malajr. Madankollu, dawk li nqatlu bil-fjammi kienu l-irġiel infushom li ġew kmandati minn Nabukodonosor.—Danjel 3:19-22.
19 Imma xi ħaġa straordinarja kienet qegħda sseħħ. Għalkemm Sidrak, Mesak, u Għabednegu kienu f’nofs il-forn tan-nar iħeġġeġ, il-fjammi ma kinux qegħdin jikkonsmawhom. Immaġina kif baqaʼ mbellah Nabukodonosor! Kienu ġew mitfugħin f’nar iħeġġeġ, marbutin tajjeb, imma xorta waħda kienu għadhom ħajjin. Iva, kienu qegħdin jippassiġġaw fin-nar qishom m’humiex huma. Imma Nabukodonosor innota xi ħaġa oħra. “M’hux tlieta kienu l-irġiel li xħetna marbutin fil-forn tan-nar?” staqsa hu lill-kunsillieri tiegħu. “U żgur, sultan,” wieġbu huma. “Din x’biċċa hi!” għajjat Nabukodonosor, “Jiena qiegħed nara erbat irġiel, maħlulin u mexjin fil-forn tan-nar, u r-rabaʼ wieħed qisu xi wild l-allat!”—Danjel 3:23, 91, 92 [3:23-25, NW].
20, 21. (a) X’innota Nabukodonosor dwar Sidrak, Mesak, u Għabednegu meta ħarġu minn ġol-forn? (b) Nabukodonosor x’ġie sforzat jirrikonoxxi?
20 Nabukodonosor resaq lejn il-bieb tal-forn tan-nar iħeġġeġ. “Sidrak, Mesak, u Għabednegu, qaddejja taʼ Alla l-Għoli,” għajjat hu, “oħorġu u ejjew hawn!” It-tliet Ebrej ħarġu minn ġo nofs in-nar. Bla dubju dawk kollha li raw b’għajnejhom dan il-miraklu—inkluż is-satrapi, il-prefetti, il-gvernaturi, u l-kunsillieri—baqgħu mbellhin. Iva, kien bħallikieku dawn it-tliet żgħażagħ saħansitra qatt ma kienu daħlu fil-forn! Ir-riħa tan-nar ma kinitx ġiet fuqhom, u lanqas xagħra waħda minn rashom ma kienet inħarqet.—Danjel 3:93, 94 [3:26, 27, NW].
21 Issa s-Sultan Nabukodonosor ġie sforzat jirrikonoxxi li Jehovah hu dak Alla l-Iktar Għoli. “Mbierek Alla taʼ Sidrak, Mesak u Għabednegu,” iddikjara, “li bagħat l-anġlu tiegħu u ħeles lill-qaddejja tiegħu li ttamaw fih u kisru l-ordni tas-sultan, u taw ħajjithom biex ma jaqdux u ma jqimux alla ieħor ħlief lil Alla tagħhom.” Imbagħad, is-sultan żied din it-twissija iebsa: “Kull poplu, ġens u lsien li jonqsu bi kliemhom kontra Alla taʼ Sidrak, Mesak u Għabednegu, isiru bċejjeċ, u djarhom isiru ħerba [latrina, NW] ladarba ma hemmx alla ieħor li għandu ħila jagħti ħelsien bħal dan.” Bħala riżultat, it-tliet Ebrej treġġgħu lura għall-favur irjali u ‘ngħataw uffiċċju ogħla fil-provinċja taʼ Babilonja.’—Danjel 3:95-97 [3:28-30, NW].
IL-FIDI U L-KALVARJU LLUM
22. Il-qaddejja tal-lum taʼ Jehovah kif jiffaċċjaw ċirkustanzi simili għal dawk taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednegu?
22 Illum, l-adoraturi taʼ Jehovah jiffaċċjaw ċirkustanzi simili għal dawk taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednegu. Huwa veru li n-nies t’Alla forsi m’humiex eżiljati f’sens litterali. Madankollu, Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu “m’humiex tad-dinja.” (Ġwann 17:14) Huma “barranin” għaliex ma jadottawx id-drawwiet, l-attitudnijiet, u l-prattiċi mhux skritturali taʼ dawk taʼ madwarhom. Bħalma kiteb l-appostlu Pawlu, il-Kristjani ma jridux ‘jimxu max-xejra taʼ din id-dinja.’—Rumani 12:2.
23. It-tliet Ebrej kif urew is-sodizza, u l-Kristjani llum kif jistgħu jsegwu l-eżempju tagħhom?
23 It-tliet Ebrej ma ridux ifasslu ħajjithom fuq is-sistema Babiloniża. Lanqas ma ġew żvijati mill-istruzzjoni bir-reqqa taʼ l-għerf tal-Kaldin. Il-pożizzjoni tagħhom f’dik li hi qima ma kinitx negozjabbli, u l-lealtà tagħhom kienet biss lejn Jehovah. Il-Kristjani llum jeħtieġ li jkunu daqstant sodi. M’għandhomx għalfejn jistħu għaliex huma differenti minn dawk tad-dinja. Tabilħaqq, “[i]d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi.” (1 Ġwann 2:17) Mela tkun bluha u frugħa li tikkonforma maʼ din is-sistema t’affarijiet moribonda.
24. Il-waqfa tal-Kristjani veri kif tipparaguna maʼ dik tat-tliet Ebrej?
24 Il-Kristjani jeħtieġ li joqogħdu għassa kontra kull għamla taʼ idolatrija, inkluż il-forom sottili.e (1 Ġwann 5:21) Sidrak, Mesak, u Għabednegu b’ubbidjenza u b’rispett qagħdu quddiem l-istatwa tad-deheb, imma huma rrealizzaw illi li wieħed imil quddiemha kien iktar minn sempliċi ġest taʼ rispett. Kien att taʼ qima, u l-parteċipazzjoni kienet iġġib fuqha l-korla taʼ Jehovah. (Dewteronomju 5:8-10) John F. Walvoord jikteb: “Din kienet fil-fatt tislima lill-bandiera, għalkemm, minħabba r-relazzjoni mill-qrib tal-lealtajiet reliġjużi maʼ dawk nazzjonali, forsi kellha wkoll konnotazzjoni reliġjuża.” Illum, il-Kristjani veri jieħdu waqfa ugwalment soda kontra l-idolatrija.
25. Liema lezzjoni tgħallimt int mir-rakkont veru dwar ħajjet Sidrak, Mesak, u Għabednegu?
25 Ir-rakkont Bibliku taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednegu jipprovdi eżempju prattiku taʼ l-ogħla livell għal dawk kollha li huma determinati li jagħtu devozzjoni esklużiva lil Jehovah. B’mod evidenti, l-appostlu Pawlu kellu lil dawn it-tliet Ebrej f’moħħu meta tkellem dwar ħafna li eżerċitaw fidi, inkluż dawk li “tfew il-qawwa tan-nar.” (Lhud 11:33, 34) Jehovah se jippremja lil dawk kollha li jimitaw din il-fidi. It-tliet Ebrej inħelsu mill-forn tan-nar iħeġġeġ, imma aħna nistgħu nkunu ċerti li hu se jirxoxta lil dawk kollha leali li jitilfu ħajjithom bħala wħud li jżommu l-integrità u se jberikhom b’ħajja taʼ dejjem. Ikun x’ikun il-każ, Jehovah ‘jħares il-ħajja taʼ ħbiebu, jeħlishom minn idejn il-ħżiena.’—Salm 97:10.
[Noti taʼ taħt]
a Xi wħud jemmnu li Marduk, li kien meqjus bħala l-fundatur taʼ l-Imperu Babiloniż, jirrappreżenta lil Nimrod magħmul alla. Madankollu, dan ma jistax jintqal b’ċertezza.
b “Beltesassar” ifisser “Ipproteġi l-Ħajja tas-Sultan.” “Sidrak” għandu mnejn ifisser “Kmand t’Aku,” l-alla-qamar Sumerjan. “Mesak” jirreferi possibbilment għal xi alla Sumerjan, u “Għabednegu” jfisser “Qaddej taʼ Negu,” jew Nebu.
c Meta tikkunsidra l-qjies immens taʼ l-istatwa, xi studjużi tal-Bibbja jemmnu li din kienet magħmula mill-injam u mbagħad miksija bid-deheb.
d L-espressjoni Aramajka tradotta “xlew” tfisser li ‘tiekol il-biċċiet’ taʼ individwu—li tomogħdu, bħallikieku, permezz taʼ kalunnja.
e Per eżempju, il-Bibbja torbot il-gula u r-regħba maʼ l-idolatrija.—Filippin 3:18, 19; Kolossin 3:5.
X’INNOTAJT?
• Sidrak, Mesak, u Għabednegu għala ma ridux imilu quddiem l-istatwa mibnija minn Nabukodonosor?
• Nabukodonosor kif irreaġixxa għall-pożizzjoni li ħadu t-tliet Ebrej?
• Jehovah kif ippremjahom lit-tliet Ebrej għall-fidi tagħhom?
• X’tgħallimt int billi qgħadt attent għar-rakkont veru dwar ħajjet Sidrak, Mesak, u Għabednegu?
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 68]
[Stampi f’paġna 70]
1. Torri (żiggurat) tat-tempju f’Babilonja
2. Tempju taʼ Marduk
3. Plakka tal-bronż li turi l-allat Marduk (xellug) u Nebu (lemin) bil-wieqfa fuq draguni
4. Gamew taʼ Nabukodonosor, magħruf għall-proġetti taʼ bini tiegħu
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 76]
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 78]