LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • dp kap. 5 pp. 68-81
  • Il-​Fidi Tagħhom Baqgħet Soda Wara l-​Kalvarju Tagħhom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-​Fidi Tagħhom Baqgħet Soda Wara l-​Kalvarju Tagħhom
  • Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • STATWA TAD-​DEHEB TIPPREŻENTA THEDDIDA
  • IL-​QADDEJJA TAʼ JEHOVAH JIRRIFJUTAW LI JAGĦMLU KOMPROMESS
  • ĠEWWA L-​FORN TAN-​NAR IĦEĠĠEĠ
  • IL-​FIDI U L-​KALVARJU LLUM
  • Min Hu Alla Tiegħek?
    Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
  • Ma Ridux Imilu
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Huma ma ridux imilu
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • ‘Alla Tagħna Jistaʼ Jeħlisna’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
dp kap. 5 pp. 68-81

Kapitlu Ħamsa

Il-​Fidi Tagħhom Baqgħet Soda Wara l-​Kalvarju Tagħhom

1. Ħafna nies kif iħossuhom dwar id-​devozzjoni lejn Alla u lejn art twelidhom?

GĦANDHA d-​devozzjoni tiegħek tkun diretta lejn Alla jew lejn il-​pajjiż li tgħix fih? Ħafna jwieġbu billi jgħidu, ‘Jien nirrispetta lit-​tnejn li huma. Inqim lil Alla skond ma tgħidli r-​reliġjon tiegħi; fl-​istess ħin, inwiegħed il-​lealtà tiegħi lil art twelidi.’

2. Is-​sultan taʼ Babilonja kif kien figura kemm reliġjuża u kemm politika?

2 Id-​distinzjoni bejn id-​devozzjoni reliġjuża u l-​patrijottiżmu tistaʼ tidher imċajpra llum, imma f’Babilonja tal-​qedem din ma kinitx teżisti. Tabilħaqq, iċ-​ċivili u s-​sagru kienu tant minsuġin flimkien li kultant wieħed lanqas biss setaʼ jiddistingwihom. Il-​Professur Charles F. Pfeiffer jikteb: “F’Babilonja tal-​qedem, is-​sultan kien jaqdi kemm bħala Qassis il-​Kbir u kemm bħala ħakkiem ċivili. Kien iwettaq sagrifiċċji u jiddetermina l-​ħajja reliġjuża tas-​sudditi tiegħu.”

3. Liema ħaġa turi li Nabukodonosor kien bniedem reliġjuż ferm?

3 Ikkunsidra lis-​Sultan Nabukodonosor. L-​istess ismu jfisser “O Nebu, Ipproteġi lill-​Werriet!” Nebu kien l-​alla Babiloniż taʼ l-​għerf u l-​agrikultura. Nabukodonosor kien bniedem reliġjuż ferm. Bħalma ġie nnotat qabel, hu bena u sebbaħ it-​tempji t’għadd t’allat Babiloniżi u kien speċjalment devot taʼ Marduk, li lilu ta l-​kredtu għar-​rebħiet militari tiegħu.a Jidher ukoll li Nabukodonosor strieħ bil-​kbir fuq id-​divinazzjoni biex jifformula l-​pjanijiet tiegħu għall-​battalji.—Eżekjel 21:23-28 [21:18-23, NW].

4. Iddeskrivi l-​ispirtu reliġjuż taʼ Babilonja.

4 Verament, Babilonja kollha kienet mimlija bi spirtu reliġjuż. Il-​belt ftaħret li kellha iktar minn 50 tempju, li fihom kienu jiġu meqjumin għadd immens t’allat maskili u femminili, inkluż it-​trijade taʼ Anu (alla tas-​sema), Enlil (alla taʼ l-​art, l-​arja, u l-​maltemp), u Ea (alla taʼ fuq l-​ilmijiet). Trinità oħra kienet magħmula minn Sin (l-alla-qamar), Shamash (l-alla-xemx), u Ishtar (l-alla femminili tal-​fertilità). Il-​maġija, is-​seħer, u l-​astroloġija kellhom irwol prominenti fil-​qima Babiloniża.

5. L-​ambjent reliġjuż taʼ Babilonja kien taʼ liema sfida għall-​eżiljati Lhud?

5 Il-​ħajja fost nies li kienu jqimu lil ħafna allat kienet taʼ sfida enormi għall-​eżiljati Lhud. Sekli qabel, Mosè kien wissa lill-​Iżraeliti li kellu jkun hemm konsegwenzi mwegħra għalihom jekk jagħżlu li jirribellaw kontra d-​Donatur Suprem tal-​Liġi. Qalilhom Mosè: “Jieħu l-​Mulej lilek u lis-​slaten li int tqiegħed fuqek, għand poplu li ma tafx bih, la int u anqas missirijietek, u hemm taqdi allat oħra tal-​ġebel u tal-​ħatab.”​—Dewteronomju 28:​15, 36.

6. Il-​ħajja f’Babilonja għala kienet taʼ sfida speċjali għal Danjel, Ħananija, Misaèl, u Għażarija?

6 Il-​Lhud issa sabu ruħhom f’dak l-​istess għawġ. Kienet se tkun ħaġa diffiċli li wieħed iżomm l-​integrità lejn Jehovah, speċjalment għal Danjel, Ħananija, Misaèl, u Għażarija. Dawn l-​erbaʼ żgħażagħ Ebrej kienu ntgħażlu speċjalment biex jirċievu taħriġ għas-​servizz governattiv. (Danjel 1:​3-5) Ftakar li huma kienu saħansitra ngħataw ismijiet Babiloniżi​—Beltesassar, Sidrak, Mesak, u Għabednegu—​x’aktarx biex jiġu influwenzati ħalli jikkonformaw maʼ l-​ambjent ġdid tagħhom.b Minħabba l-​pożizzjonijiet taʼ grad għoli li kellhom, dawn l-​irġiel kienu se jagħtu fil-​għajn u saħansitra jiġu akkużati bi tradiment jekk min-​naħa tagħhom kienu b’xi mod se jirrifjutaw li jqimu lill-​allat tal-​pajjiż.

STATWA TAD-​DEHEB TIPPREŻENTA THEDDIDA

7. (a) Iddeskrivi l-​istatwa mibnija minn Nabukodonosor. (b) X’kien l-​iskop taʼ l-​istatwa?

7 Nabukodonosor bena statwa tad-​deheb fuq il-​wita taʼ Dura ovvjament bi sforz biex isaħħaħ l-​unità taʼ l-​imperu tiegħu. Kienet għolja 60 driegħ (27 metru) u wiesgħa 6 idriegħ (2.7 metri).c Xi wħud jemmnu li l-​istatwa kienet sempliċement xi kolonna, jew xi obelisk. Jistaʼ jkun li kellha pedestall għoli ferm li fuqu kien hemm statwa enormi li tixbah lill-​bniedem, li forsi kienet tirrappreżenta lil Nabukodonosor innifsu jew lill-​alla Nebu. Kien x’kien il-​każ, dan il-​monument għoli ferm kien simbolu taʼ l-​Imperu Babiloniż. Bħala tali, l-​iskop tiegħu kien li jkun jidher u li jiġi meqjum.​—Danjel 3:1.

8. (a) Min issejjaħ għall-​inawgurazzjoni taʼ l-​istatwa, u dawk kollha preżenti x’kienu meħtiġin jagħmlu? (b) X’kellha tkun il-​piena għal min jirrifjuta li jmil quddiem l-​istatwa?

8 Għaldaqstant, Nabukodonosor organizza ċerimonja taʼ inawgurazzjoni. Hu ġemaʼ lis-​satrapi, il-​prefetti, il-​gvernaturi, il-​kunsillieri, it-​teżorieri, l-​imħallfin, l-​avukati, u s-​setgħat kollha tal-​provinċja tiegħu. Wieħed ħabbâr għajjat: “Popli, ġnus u ilsna, għalikom huma dawn l-​ordnijiet: Meta tisimgħu l-​leħen tal-​kornu, tal-​fifra, taċ-​ċetra, taʼ l-​arpa, tas-​salterju, taż-​żaqq u taʼ kull xorta oħra taʼ mużika, inżlu fl-​art u agħtu qima lill-​istatwa tad-​deheb li waqqaf is-​sultan Nabukodonosor. U jekk xi ħadd ma jinxteħetx fl-​art u ma jagħtihiex qima, minnufih ikun mixħut f’nofs forn taʼ nar iħeġġeġ.”​—Danjel 3:​2-6.

9. X’kien is-​sinjifikat ovvju taʼ li wieħed imil quddiem l-​istatwa li kien bena Nabukodonosor?

9 Xi wħud jemmnu li Nabukodonosor organizza din iċ-​ċerimonja biex jipprova jisforza lil-​Lhud ħalli jagħmlu kompromess fil-​qima tagħhom lejn Jehovah. X’aktarx li dan ma kienx il-​każ, għax b’mod evidenti l-​uffiċjali tal-​gvern biss issejħu għal dan l-​avveniment. B’hekk, l-​uniċi Lhud li kienu preżenti kellhom ikunu dawk li kienu jaqdu f’xi kariga governattiva. Allura, donnu jidher illi li wieħed imil quddiem l-​istatwa kienet ċerimonja intenzjonata biex issaħħaħ is-​solidarjetà tal-​klassi li taħkem. L-​istudjuż John F. Walvoord jinnota: “Wirja t’uffiċjali bħal din kienet minn banda waħda turija gratifikanti tal-​qawwa taʼ l-​imperu taʼ Nabukodonosor u mill-​banda l-​oħra kienet sinjifikanti bħala li tirrikonoxxi lid-​divinitajiet li fl-​idea tagħhom [tal-Babiloniżi] kienu responsabbli għar-​rebħiet tagħhom.”

IL-​QADDEJJA TAʼ JEHOVAH JIRRIFJUTAW LI JAGĦMLU KOMPROMESS

10. Dawk li ma kinux Lhud għala ma kellhom ebda problema f’li josservaw il-​kmand taʼ Nabukodonosor?

10 Minkejja d-​devozzjoni tagħhom lejn diversi allat patruni, il-​biċċa l-​kbira minn dawk li nġabru quddiem l-​istatwa taʼ Nabukodonosor ma kinitx tniggiżhom il-​kuxjenza jekk iqimuha. “Kollha kemm huma kienu mdorrijin iqimu lill-​idoli, u l-​qima t’alla wieħed ma żammithomx lura milli jagħtu qima wkoll lil xi ieħor,” spjega wieħed studjuż tal-​Bibbja. Hu żied: “Dan kien fi qbil maʼ l-​ideat prevalenti taʼ l-​idolaturi li kien hemm ħafna allat . . . u li ma kinitx ħaġa mhix xierqa li wieħed iqim lill-​alla taʼ xi poplu jew pajjiż ieħor.”

11. Sidrak, Mesak, u Għabednegu għala ma ridux imilu quddiem l-​istatwa?

11 Madankollu, għal-​Lhud, din kienet kwistjoni differenti. Huma kienu ġew kmandati minn Alla tagħhom, Jehovah: “La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-​għoli tas-​sema, jew isfel fl-​art, jew fil-​baħar taħt l-​art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx għaliex jiena hu l-​Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur.” (Eżodu 20:​4, 5) Għalhekk, hekk kif bdiet il-​mużika u dawk li kienu miġburin inxteħtu għal tulhom quddiem l-​istatwa, tliet żgħażagħ Ebrej​—Sidrak, Mesak, u Għabednegu—​baqgħu bil-​wieqfa.​—Danjel 3:7.

12. Ċerti Kaldin akkużaw lit-​tliet Ebrej b’liema ħaġa, u għala?

12 Il-​fatt li tliet uffiċjali Ebrej ma qimux lill-​istatwa qanqal il-​korla taʼ ċerti Kaldin. Minnufih, huma resqu lejn is-​sultan u “xlew lil-​Lhud.”d Ma kinux interessati fi spjegazzjoni. Billi riedu li l-​Ebrej jiġu kastigati minħabba żlealtà u tradiment, ix-​xellejja qalu: “Hemm xi Lhud, li int qegħedthom fuq is-​servizz pubbliku tal-​provinċja taʼ Babilonja, jiġifieri Sidrak, Mesak, u Għabednegu, u dawn in-​nies ma semgħux minnek u mid-​digrieti tiegħek, sultan; m’humiex jaqdu lil allatek u m’humiex jagħtu qima lill-​istatwa tad-​deheb li int waqqaft.”​—Danjel 3:​8-12.

13, 14. Nabukodonosor kif irreaġixxa għall-​korsa li ħadu Sidrak, Mesak, u Għabednegu?

13 Min jaf kemm ħassu urtat Nabukodonosor li t-​tliet Ebrej m’obdewx l-​ordni tiegħu! Kien jidher ċar li ma kienx irnexxielu jdawwar lil Sidrak, Mesak, u Għabednegu f’difensuri leali taʼ l-​Imperu Babiloniż. Ma kienx edukahom hu fl-​għerf tal-​Kaldin? Iva, u kien saħansitra biddlilhom isimhom! Imma jekk Nabukodonosor ħaseb li edukazzjoni grandjuża kienet se tgħallimhom mod taʼ qima ġdid jew li jbiddlilhom isimhom kien se jbiddel l-​identitajiet tagħhom, hu kien żbaljat għall-​aħħar. Sidrak, Mesak, u Għabednegu baqgħu qaddejja leali taʼ Jehovah.

14 Is-​Sultan Nabukodonosor imtela bil-​korla. Minnufih, hu sejjaħ lil Sidrak, Mesak, u Għabednegu, u staqsiehom: “Sidrak, Mesak, u Għabednegu, jaqaw għamiltu l-​ħsieb li ma taqdux ’l allati u li ma tqimux l-​istatwa tad-​deheb li jiena waqqaft?” Bla dubju Nabukodonosor qal dan il-​kliem għax ma riedx jemmen lil għajnejh. Fuq kollox, bilfors li ħaseb, ‘Kif jistaʼ jkun li tlett irġiel moħħhom f’loku jinjoraw kmand ċar bħal dan​—u kmand li kien iġorr piena daqshekk ħarxa għal min ma jobdix?’—Danjel 3:​13, 14.

15, 16. Nabukodonosor liema opportunità estendielhom lit-​tliet Ebrej?

15 Nabukodonosor kien lest li jagħti ċans ieħor lit-​tliet Ebrej. “Issa, ara, intomx lesti,” qal hu, “li tinxteħtu fl-​art, u tqimu l-​istatwa li jiena għamilt, malli tisimgħu d-​daqq tal-​kornu, tal-​fifra, taċ-​ċetra, taʼ l-​arpa, tas-​salterju, taż-​żaqq, u taʼ kull xorta oħra taʼ mużika? Għax jekk ma tqimuhiex, tkunu minnufih mixħutin f’nofs forn taʼ nar iħeġġeġ. U liema hu dak alla li se jeħliskom minn idejja?”​—Danjel 3:15.

16 Milli jidher, il-​lezzjoni taʼ l-​istatwa fil-​ħolma (dokumentata f’​Danjel kapitlu 2) ma kienet ħalliet ebda impressjoni dejjiema f’moħħ u f’qalb Nabukodonosor. Forsi kien diġà nesa dak li hu stess kien qal lil Danjel: “Alla tiegħek hu tabilħaqq Alla taʼ l-​allat u Sid is-​slaten.” (Danjel 2:47) Issa Nabukodonosor donnu kien qed jisfida lil Jehovah, billi qal li lanqas saħansitra Hu ma setaʼ jsalva lill-​Ebrej mill-​kastig li kien qed jistenniehom.

17. Sidrak, Mesak, u Għabednegu kif irreaġixxew għall-​offerta tas-​sultan?

17 Sidrak, Mesak, u Għabednegu ma kellhomx għalfejn jerġgħu jaħsbuha. Minnufih, huma wieġbu: “Nabukodonosor, aħna m’għandniex għalfejn inweġbuk fuq din il-​ħaġa. Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jistaʼ jeħlisna minn idejk, O Sultan! U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom, u l-​istatwa tad-​deheb li int waqqaft m’aħniex se nqimuha.”​—Danjel 3:​16-18.

ĠEWWA L-​FORN TAN-​NAR IĦEĠĠEĠ

18, 19. X’ġara meta t-​tliet Ebrej ġew mitfugħin fil-​forn tan-​nar iħeġġeġ?

18 Mimli korla, Nabukodonosor ikkmanda lill-​qaddejja tiegħu biex isaħħnu l-​forn sebaʼ darbiet iżjed mis-​soltu. Imbagħad ordna lil “xi rġiel b’saħħithom” biex jorbtu lil Sidrak, Mesak, u Għabednegu u jixħtuhom ġol-​“forn tan-​nar iħeġġeġ.” Dawn segwew l-​ordnijiet tas-​sultan, billi xeħtu ġon-​nar lit-​tliet Ebrej, marbutin bil-​ħwejjeġ b’kollox​—forsi sabiex jinbelgħu min-​nar saħansitra iktar malajr. Madankollu, dawk li nqatlu bil-​fjammi kienu l-​irġiel infushom li ġew kmandati minn Nabukodonosor.​—Danjel 3:​19-22.

19 Imma xi ħaġa straordinarja kienet qegħda sseħħ. Għalkemm Sidrak, Mesak, u Għabednegu kienu f’nofs il-​forn tan-​nar iħeġġeġ, il-​fjammi ma kinux qegħdin jikkonsmawhom. Immaġina kif baqaʼ mbellah Nabukodonosor! Kienu ġew mitfugħin f’nar iħeġġeġ, marbutin tajjeb, imma xorta waħda kienu għadhom ħajjin. Iva, kienu qegħdin jippassiġġaw fin-​nar qishom m’humiex huma. Imma Nabukodonosor innota xi ħaġa oħra. “M’hux tlieta kienu l-​irġiel li xħetna marbutin fil-​forn tan-​nar?” staqsa hu lill-​kunsillieri tiegħu. “U żgur, sultan,” wieġbu huma. “Din x’biċċa hi!” għajjat Nabukodonosor, “Jiena qiegħed nara erbat irġiel, maħlulin u mexjin fil-​forn tan-​nar, u r-​rabaʼ wieħed qisu xi wild l-​allat!”​—Danjel 3:​23, 91, 92 [3:​23-25, NW].

20, 21. (a) X’innota Nabukodonosor dwar Sidrak, Mesak, u Għabednegu meta ħarġu minn ġol-​forn? (b) Nabukodonosor x’ġie sforzat jirrikonoxxi?

20 Nabukodonosor resaq lejn il-​bieb tal-​forn tan-​nar iħeġġeġ. “Sidrak, Mesak, u Għabednegu, qaddejja taʼ Alla l-​Għoli,” għajjat hu, “oħorġu u ejjew hawn!” It-​tliet Ebrej ħarġu minn ġo nofs in-​nar. Bla dubju dawk kollha li raw b’għajnejhom dan il-​miraklu​—inkluż is-​satrapi, il-​prefetti, il-​gvernaturi, u l-​kunsillieri—​baqgħu mbellhin. Iva, kien bħallikieku dawn it-​tliet żgħażagħ saħansitra qatt ma kienu daħlu fil-​forn! Ir-​riħa tan-​nar ma kinitx ġiet fuqhom, u lanqas xagħra waħda minn rashom ma kienet inħarqet.​—Danjel 3:​93, 94 [3:​26, 27, NW].

21 Issa s-​Sultan Nabukodonosor ġie sforzat jirrikonoxxi li Jehovah hu dak Alla l-​Iktar Għoli. “Mbierek Alla taʼ Sidrak, Mesak u Għabednegu,” iddikjara, “li bagħat l-​anġlu tiegħu u ħeles lill-​qaddejja tiegħu li ttamaw fih u kisru l-​ordni tas-​sultan, u taw ħajjithom biex ma jaqdux u ma jqimux alla ieħor ħlief lil Alla tagħhom.” Imbagħad, is-​sultan żied din it-​twissija iebsa: “Kull poplu, ġens u lsien li jonqsu bi kliemhom kontra Alla taʼ Sidrak, Mesak u Għabednegu, isiru bċejjeċ, u djarhom isiru ħerba [latrina, NW] ladarba ma hemmx alla ieħor li għandu ħila jagħti ħelsien bħal dan.” Bħala riżultat, it-​tliet Ebrej treġġgħu lura għall-​favur irjali u ‘ngħataw uffiċċju ogħla fil-​provinċja taʼ Babilonja.’—Danjel 3:​95-97 [3:​28-30, NW].

IL-​FIDI U L-​KALVARJU LLUM

22. Il-​qaddejja tal-​lum taʼ Jehovah kif jiffaċċjaw ċirkustanzi simili għal dawk taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednegu?

22 Illum, l-​adoraturi taʼ Jehovah jiffaċċjaw ċirkustanzi simili għal dawk taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednegu. Huwa veru li n-​nies t’Alla forsi m’humiex eżiljati f’sens litterali. Madankollu, Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu “m’humiex tad-​dinja.” (Ġwann 17:14) Huma “barranin” għaliex ma jadottawx id-​drawwiet, l-​attitudnijiet, u l-​prattiċi mhux skritturali taʼ dawk taʼ madwarhom. Bħalma kiteb l-​appostlu Pawlu, il-​Kristjani ma jridux ‘jimxu max-​xejra taʼ din id-​dinja.’—Rumani 12:2.

23. It-​tliet Ebrej kif urew is-​sodizza, u l-​Kristjani llum kif jistgħu jsegwu l-​eżempju tagħhom?

23 It-​tliet Ebrej ma ridux ifasslu ħajjithom fuq is-​sistema Babiloniża. Lanqas ma ġew żvijati mill-​istruzzjoni bir-​reqqa taʼ l-​għerf tal-​Kaldin. Il-​pożizzjoni tagħhom f’dik li hi qima ma kinitx negozjabbli, u l-​lealtà tagħhom kienet biss lejn Jehovah. Il-​Kristjani llum jeħtieġ li jkunu daqstant sodi. M’għandhomx għalfejn jistħu għaliex huma differenti minn dawk tad-​dinja. Tabilħaqq, “[i]d-dinja bil-​ġibdiet tagħha tgħaddi.” (1 Ġwann 2:17) Mela tkun bluha u frugħa li tikkonforma maʼ din is-​sistema t’affarijiet moribonda.

24. Il-​waqfa tal-​Kristjani veri kif tipparaguna maʼ dik tat-​tliet Ebrej?

24 Il-​Kristjani jeħtieġ li joqogħdu għassa kontra kull għamla taʼ idolatrija, inkluż il-​forom sottili.e (1 Ġwann 5:21) Sidrak, Mesak, u Għabednegu b’ubbidjenza u b’rispett qagħdu quddiem l-​istatwa tad-​deheb, imma huma rrealizzaw illi li wieħed imil quddiemha kien iktar minn sempliċi ġest taʼ rispett. Kien att taʼ qima, u l-​parteċipazzjoni kienet iġġib fuqha l-​korla taʼ Jehovah. (Dewteronomju 5:​8-10) John F. Walvoord jikteb: “Din kienet fil-​fatt tislima lill-​bandiera, għalkemm, minħabba r-​relazzjoni mill-​qrib tal-​lealtajiet reliġjużi maʼ dawk nazzjonali, forsi kellha wkoll konnotazzjoni reliġjuża.” Illum, il-​Kristjani veri jieħdu waqfa ugwalment soda kontra l-​idolatrija.

25. Liema lezzjoni tgħallimt int mir-​rakkont veru dwar ħajjet Sidrak, Mesak, u Għabednegu?

25 Ir-​rakkont Bibliku taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednegu jipprovdi eżempju prattiku taʼ l-​ogħla livell għal dawk kollha li huma determinati li jagħtu devozzjoni esklużiva lil Jehovah. B’mod evidenti, l-​appostlu Pawlu kellu lil dawn it-​tliet Ebrej f’moħħu meta tkellem dwar ħafna li eżerċitaw fidi, inkluż dawk li “tfew il-​qawwa tan-​nar.” (Lhud 11:​33, 34) Jehovah se jippremja lil dawk kollha li jimitaw din il-​fidi. It-​tliet Ebrej inħelsu mill-​forn tan-​nar iħeġġeġ, imma aħna nistgħu nkunu ċerti li hu se jirxoxta lil dawk kollha leali li jitilfu ħajjithom bħala wħud li jżommu l-​integrità u se jberikhom b’ħajja taʼ dejjem. Ikun x’ikun il-​każ, Jehovah ‘jħares il-​ħajja taʼ ħbiebu, jeħlishom minn idejn il-​ħżiena.’—Salm 97:10.

[Noti taʼ taħt]

a Xi wħud jemmnu li Marduk, li kien meqjus bħala l-​fundatur taʼ l-​Imperu Babiloniż, jirrappreżenta lil Nimrod magħmul alla. Madankollu, dan ma jistax jintqal b’ċertezza.

b “Beltesassar” ifisser “Ipproteġi l-​Ħajja tas-​Sultan.” “Sidrak” għandu mnejn ifisser “Kmand t’Aku,” l-​alla-qamar Sumerjan. “Mesak” jirreferi possibbilment għal xi alla Sumerjan, u “Għabednegu” jfisser “Qaddej taʼ Negu,” jew Nebu.

c Meta tikkunsidra l-​qjies immens taʼ l-​istatwa, xi studjużi tal-​Bibbja jemmnu li din kienet magħmula mill-​injam u mbagħad miksija bid-​deheb.

d L-espressjoni Aramajka tradotta “xlew” tfisser li ‘tiekol il-​biċċiet’ taʼ individwu​—li tomogħdu, bħallikieku, permezz taʼ kalunnja.

e Per eżempju, il-​Bibbja torbot il-​gula u r-​regħba maʼ l-​idolatrija.​—Filippin 3:​18, 19; Kolossin 3:5.

X’INNOTAJT?

• Sidrak, Mesak, u Għabednegu għala ma ridux imilu quddiem l-​istatwa mibnija minn Nabukodonosor?

• Nabukodonosor kif irreaġixxa għall-​pożizzjoni li ħadu t-​tliet Ebrej?

• Jehovah kif ippremjahom lit-​tliet Ebrej għall-​fidi tagħhom?

• X’tgħallimt int billi qgħadt attent għar-​rakkont veru dwar ħajjet Sidrak, Mesak, u Għabednegu?

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 68]

[Stampi f’paġna 70]

1. Torri (żiggurat) tat-​tempju f’Babilonja

2. Tempju taʼ Marduk

3. Plakka tal-​bronż li turi l-​allat Marduk (xellug) u Nebu (lemin) bil-​wieqfa fuq draguni

4. Gamew taʼ Nabukodonosor, magħruf għall-​proġetti taʼ bini tiegħu

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 76]

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 78]

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja