LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 10/1 pp. 8-12
  • Agħmel Dikjarazzjoni Pubblika Għal Isem Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmel Dikjarazzjoni Pubblika Għal Isem Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Irwol Tal-​Profeti
  • Sentimenti u Motivazzjoni
  • “Mill-​Abbundanza Tal-​Qalb”
  • Riżultati Taʼ Dikjarazzjoni Pubblika
  • Sħubija Fil-​Ministeru Taʼ L-​Għalqa
  • Ħu Bħala Xempju l-Profeti t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • “Xandru Dan Fost il-Ġnus”
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • ‘Fittex lil Ġeħova’ Billi Tqimu Kif Japprova Hu
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Negħlbu l-Isfidi tal-Ministeru Minn Dar Għal Dar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 10/1 pp. 8-12

Agħmel Dikjarazzjoni Pubblika Għal Isem Jehovah

“Ejjew dejjem noffru ’l Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu.”—EBREJ 13:15.

1. Il-​profeta Ħosea x’ħeġġeġ lill-​Iżraeliti sħabu biex jagħmlu?

IL-​PROFETA taʼ Jehovah Ħosea kellu messaġġ vitali għall-​Iżraeliti sħabu. Fit-​tmien seklu qabel l-​Era Komuni, wissa lill-​kontemporanji stinati tiegħu biex jindmu. Hu ħeġġeġ: “Ħudu magħkom infuskom kliem u ejjew lura lejn Jehovah. Għidulu, intom ilkoll, ‘Jalla int taħfer l-​iżball; u taċċetta dak li huwa tajjeb, u aħna se noffru mill-​banda l-​oħra l-​barrin żgħar taʼ xofftejna.’” (Ħosea 14:2) F’li tħeġġeġ lin-​nies biex joffru lil Jehovah ‘il-​barrin żgħar taʼ xofftejhom,’ il-​profezija taʼ Ħosea kienet qiegħda tinkuraġġixxi lill-​Iżraeliti biex jindmu u jagħtu sagrifiċċji taʼ tifħir sinċier lil Alla.

2. L-​appostlu Pawlu liema xorta taʼ sagrifiċċju inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex joffru?

2 Xhieda taʼ Jehovah joffru ‘l-​barrin żgħar taʼ xofftejhom’ illum. Jagħtu kas ukoll l-​eżortazzjoni taʼ l-​appostlu Pawlu, li alluda għal dawk il-​kelmiet fil-​profezija taʼ Ħosea meta kiteb: “Permezz tiegħu [Ġesù Kristu] ejjew dejjem noffru ’l Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu.” (Ebrej 13:15) B’hekk, il-​qaddejja t’Alla bil-​ferħ ifaħħru lil Jehovah, bħal fl-​attività tagħhom taʼ ppridkar tas-​Saltna.—Mattew 24:14.

3. Kif nistgħu noffru lil Jehovah “sagrifiċċju taʼ tifħir,” u l-​attivitajiet taʼ min se neżaminaw issa?

3 Li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal isem Jehovah huwa privileġġ m’huwiex mistħoqq għal bnedmin imperfetti. Kemm aħna henjin li ngħidu lil oħrajn dwar Alla tagħna, billi b’hekk noffru lil Jehovah “sagrifiċċju taʼ tifħir,” “[i]l-barrin żgħar taʼ xofftejna”! Għall-​inkuraġġiment tagħna f’li nippridkaw pubblikament l-​aħbar tajba tas-​Saltna llum, ejjew neżaminaw x’tgħidilna l-​Bibbja dwar il-​profeti t’Alla u qaddejja oħrajn taʼ Jehovah. Mill-​korsa taʼ ħajja tagħhom, nistgħu nitgħallmu ħafna li se jgħinna biex ingawdu l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar.—Rumani 15:4.

L-​Irwol Tal-​Profeti

4, 5. (a) Fil-​lingwi oriġinali tal-​Bibbja, x’inhu t-​tifsir bażiku tal-​kelmiet tradotti “profeta”? (b) Liema ħaġa tindika li l-​profeti kellhom irwol li jispikka fl-​arranġament t’Alla?

4 Il-​profeti taʼ Jehovah kienu pprivileġġjati li jxandru l-​messaġġ tiegħu pubblikament. It-​terminu Ebrajk għal “profeta” (na·vi’ʹ) għandu etimoloġija inċerta, imma l-​użu tiegħu fil-​Bibbja jindika li profeti veri kienu kelliema għal Jehovah, irġiel t’Alla b’messaġġi mnebbħin. Il-​kelma Griega tradotta “profeta” (pro·pheʹtes) litteralment tfisser “wieħed li jitkellem bi qlubija,” biex jgħid xi ħaġa “quddiem” jew “fil-​preżenza taʼ” xi ħadd. Profeta hu wieħed li jipproklama messaġġi attribwiti lil sors divin. Taʼ spiss, imma mhux dejjem, il-​profeti veri t’Alla bassru ġrajjiet futuri.

5 Rigward l-​irwol li jispikka tal-​profeti fl-​arranġament t’Alla, is-​Cyclopædia taʼ M’Clintock u Strong tistqarr: “Xi drabi l-​parir tagħhom kien mitlub . . . Imma iżjed taʼ spiss huma ħassew lilhom infushom imqanqlin minn ġewwa biex jindirizzaw lin-​nies mingħajr ma jiġi mitlub il-​parir tagħhom, u ma kinux beżgħanin li jitkellmu bil-​qlubija u b’mod reżolut f’postijiet fejn id-​dehra tagħhom, forsi, ipproduċiet għadab bi stmerrija u terrur.” (Volum VIII, paġna 640) Ikkunsidra xi eżempji taʼ x’qanqal lill-​profeti biex jieħdu waqfa kuraġġjuża bħal din.

Sentimenti u Motivazzjoni

6, 7. Jehovah x’ġiegħel lill-​profeta tiegħu Eżekjel jiekol, u x’effett kellu dan?

6 Qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., Jehovah kellem lil-​Lhud eżiljati fil-​Babilonja permezz tal-​profeta tiegħu Eżekjel. Jehovah qallu: “Bin il-​bniedem, dak li ssib, kul. Kul dan ir-​romblu, u mur, kellem lid-​dar taʼ Iżrael.” Eżekjel obda. Qal: “Mela ftaħt ħalqi, u hu bil-​mod il-​mod ġegħilni niekol dan ir-​romblu. U ssokta jgħidli: ‘Bin il-​bniedem, għandek iġġiegħel lil żaqqek stess tiekol, biex tkun tistaʼ timla l-​imsaren stess tiegħek b’dan ir-​romblu li qiegħed nagħtik.’ U bdejt nieklu, u ġie li jkun f’ħalqi bħal għasel fil-​ħlewwa.”—Eżekjel 3:1-3.

7 L-​iġsma tagħna jieħdu nutrijenti mill-​ikel li nieklu, u f’ċertu sens dawn isiru parti minna. B’mod simili, ir-​“romblu” mikul minn Eżekjel​—il-​messaġġ taʼ Jehovah li l-​profeta kellu jiddikjara—​kellu jsir parti minnu, billi jeffettwa l-​emozzjonijiet tiegħu. Il-​kelmiet t’Alla tant qanqlu s-​sentimenti ġewwinin taʼ Eżekjel li l-​iddikjarar tagħhom fil-​pubbliku kien taʼ għaxqa għalih. Jekk int Xhud taʼ Jehovah, tieħu pjaċir f’li tagħmel dikjarazzjoni pubblika tal-​messaġġ t’Alla?

8, 9. X’qanqal lil Amos biex jipprofetizza?

8 Ikkunsidra, ukoll, lill-​profeta Amos. Billi kien jgħix fid-​disaʼ seklu Q.E.K., hu kien fost l-​ewwel profeti Ebrej li kiteb ktieb tal-​Bibbja msemmi għalih. Bħal Eżekjel, Amos kien xandâr qalbieni tal-​kelma taʼ Jehovah. Iva, l-​espressjoni “dan huwa dak li Jehovah qal” hija rrepetuta 11-il darba fil-​ktieb li jġorr ismu! (Amos 1:3, 6, 9, 11, 13; 2:1, 4, 6; 3:12; 5:4; 7:17) Amos ħass il-​bżonn li jiddikjara l-​kliem t’Alla pubblikament.

9 Bħala l-​profeta t’Alla, Amos irreaġixxa għad-​dikjarazzjonijiet divini billi ħa azzjoni immedjata. Permezz taʼ Amos, Alla qal: “Hemm iljun li għajjat! Min mhux se jibżaʼ? Il-​Mulej Sovran Jehovah innifsu tkellem! Min mhux se jipprofetizza?” (Amos 3:8) Il-​profeta kien imqanqal b’mod irreżistibbli li jiddikjara l-​messaġġ taʼ Jehovah.

10. Il-​qaddejja taʼ Jehovah tal-​lum kif jirreaġixxu meta jiġi opponut ix-​xogħol tagħhom taʼ ppridkar?

10 B’manjiera bħal taʼ ljun Jehovah jgħajjat messaġġi taʼ ġudizzju fuq is-​sistema dinjija preżenti mill-​agħar. Bħal Amos, il-​qaddejja taʼ Jehovah taż-​żmien modern iħossuhom imqanqlin biex jiddikjaraw il-​kliem t’Alla pubblikament. Saħansitra meta mheddin minn opponenti, huma jsegwu l-​eżempju taʼ l-​appostli Pietru u Ġwanni, li ddikjaraw bil-​qawwa: “Inkwantu għalina, ma nistgħux nieqfu milli nitkellmu dwar l-​affarijiet li rajna u smajna.” L-​appostli affermaw ukoll: “[I]rridu nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.” (Atti 4:20; 5:29) Xi ngħidu, allura, dwarna? Huwa tajjeb li neżaminaw is-​sentimenti tagħna dwar li nagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal isem Jehovah.

“Mill-​Abbundanza Tal-​Qalb”

11. X’għandu jqanqalna biex nipperseveraw f’li nagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal isem Jehovah?

11 Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li l-​profeti taʼ Jehovah kienu grati għall-​privileġġi tagħhom. Gratitudni simili lejn Jehovah għandha tqanqalna biex nagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu. Salm 145:1, 2 jistqarr: “Jien se neżaltak, O Alla tiegħi s-​Sultan, u se nbierek lil ismek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem. Il-​jum kollu se nbierkek, u se nfaħħar lil ismek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” Jirriflettu dawk il-​kelmiet l-​attitudni tiegħek? Studju regulari tal-​Bibbja jgħinna nkabbru l-​apprezzament tagħna lejn dak li Jehovah għamel, qed jagħmel, u għad irid jagħmel għalina. U meta nistudjaw il-​Bibbja flimkien bħala familja, ma nsibux aħna li l-​Kelma t’Alla teżerċita qawwa, billi ġġegħilna nkunu rridu nitkellmu dwaru u dwar l-​iskopijiet tiegħu? (Ebrej 4:12) Sabiex inkunu effettivi f’li nagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal isem Jehovah, għandna bżonn ukoll nagħmlu użu sħiħ mill-​pubblikazzjonijiet Kristjani pprovduti minn Alla Jehovah permezz taʼ l-​“irsir fidil u diskret” midluk.—Mattew 24:45-47.

12. Kif jistgħu l-​laqgħat Kristjani kif ukoll il-​meditazzjoni jgħinuna nagħmlu dikjarazzjoni pubblika?

12 Jekk irridu nfaħħru lil Jehovah minn qlub grati, għandna bżonn nattendu l-​laqgħat Kristjani b’mod regulari. In-​nies kollha taʼ Jehovah għandhom jagħtu kas tat-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu: “Ejjew inqisu lil xulxin biex inqanqlu għall-​imħabba u xogħlijiet mill-​aħjar, billi ma nabbandunawx il-​ġbir tagħna flimkien, bħalma xi wħud għandhom id-​drawwa, imma billi ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar hekk kif tilmħu l-​jum riesaq fil-​qrib.” (Ebrej 10:24, 25) Qiegħed int tkun preżenti b’mod regulari għal-​laqgħat Kristjani? Titkellem taʼ spiss dwar il-​veritajiet Skritturali, l-​esperjenzi mill-​aħjar, u l-​aħbarijiet eċċitanti taʼ espansjoni teokratika li tismaʼ dwarhom fil-​laqgħat tal-​poplu t’Alla? Jekk iżżomm lura milli tesprimi lilek innifsek dwar Jehovah u l-​iskopijiet tiegħu, ħalli ħin għal meditazzjoni fuq il-​Kelma tiegħu sabiex il-​ħsibijiet tiegħu jippenetraw fil-​fond ġewwa qalbek. (Salm 77:12; 143:5) Iva, kemm il-​laqgħat Kristjani kif ukoll meditazzjoni regulari fuq il-​Kelma t’Alla għandhom jgħinuk tapprezza l-​privileġġ taʼ l-​għaġeb taʼ li tagħmel dikjarazzjoni pubblika għal isem Jehovah.

13. Aħna kif ‘noħorġu t-​tajjeb’ minn qlubna?

13 Minn qlub mimlijin gratitudni lejn Jehovah, noħorġu affarijiet tajbin. “Raġel tajjeb joħroġ it-​tajjeb mit-​teżor tajjeb taʼ qalbu,” irraġuna Ġesù, “imma raġel mill-​agħar joħroġ dak li huwa mill-​agħar mit-​teżor mill-​agħar tiegħu; għax mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem fommu.” (Luqa 6:45) Liema mod aħjar jistaʼ jkun hemm biex ‘noħorġu t-​tajjeb’ milli nagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal isem Jehovah u nitkellmu dwar l-​iskopijiet tiegħu mal-​ġirien tagħna, maʼ qrabatna​—tabilħaqq, maʼ dawk kollha li niltaqgħu magħhom?

Riżultati Taʼ Dikjarazzjoni Pubblika

14. (a) Dak li jiddikjara u dak li jismaʼ l-​messaġġ tas-​Saltna x’jistgħu jesperjenzaw? (b) X’qed jitwettaq permezz tax-​xogħol taʼ ppridkar tas-​Saltna?

14 Il-​profeti t’Alla sabu ferħ fis-​servizz tagħhom, u dak li qalu bbenefika lil semmiegħa li laqgħuh. B’mod simili, dikjarazzjoni pubblika tal-​messaġġ tas-​Saltna ġġib ferħ kbir lil dawk li jxandruha. (Atti 20:35) U kemm tibbenefika lil semmiegħa li japprezzaw! Li jaċċettaw l-​aħbar tajba jgħin lin-​nies jegħlbu d-​dipressjoni jew ikampaw magħha. Uħud imnikktin jifirħu bil-​prospetti taʼ l-​irxoxt. L-​ivvizzjati jaħarbu mill-​jasar tan-​nikotina, l-​eroina, u sustanzi oħrajn. Ħafna jiġu mibnijin moralment, u dawk kollha li jaċċettaw il-​verità tal-​Bibbja jiksbu ħelsien spiritwali. (Ġwann 5:28, 29; 8:32) Ix-​xandir tas-​Saltna bħala l-​unika tama għall-​umanità jservi wkoll biex iwissi lil dawk mill-​agħar, fil-​waqt li jipproduċi rispons taʼ ferħ f’uħud taʼ qalb onesta. B’hekk in-​nies qegħdin jiġu sseparati jew għal “qtugħ taʼ dejjem” jew għal “ħajja taʼ dejjem” meta ġudizzju divin jiġi esegwit fuq din id-​dinja mill-​agħar. (Mattew 24:14; 25:31-46; Eżekjel 33:1-9; 1 Timotew 2:3, 4) Ix-​xogħol tagħna taʼ ppridkar huwa operazzjoni taʼ salvataġġ li qatt ma saret bħalha, l-​iktar dikjarazzjoni estensiva u ppubblikata maʼ kullimkien li qatt seħħet fuq l-​art!

15. X’jistaʼ jsir biex ngħinu lil uħud prospettivi u li jixirqilhom fit-​territorju fejn nagħtu xiehda?

15 Bħala x-​Xhieda taʼ Jehovah taż-​żmien modern, aħna nitjassru bil-​ferħ u b’ubbidjenza għal Missierna tas-​sema. (Rumani 12:11) Għalhekk, aħna henjin li nwarrbu ħin regularment biex nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba pubblikament u minn dar għal dar. (Atti 5:42; 20:20) Rapporti mad-​dinja kollha jindikaw li għad fadal xi wħud li jixirqilhom fit-​territorji tagħna. Hekk kif ċirkostanzi fid-​dinja jinbidlu, in-​nies jiġu effettwati b’diversi modi. Ħafna b’mod mhux mistenni saru refuġjati, stranġieri f’art barranija. Forsi hemm xi wħud minn dawn in-​nies fit-​territorju fejn aħna nagħtu xiehda. Jekk iva, ejjew nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinuhom spiritwalment hekk kif nipperseveraw “fix-​xogħol qaddis taʼ l-​aħbar tajba.” (Rumani 15:16) Xi Kristjani tgħallmu lingwa oħra sabiex jiddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna lil nies bħal dawn.

16. X’jistaʼ jgħinna nipperseveraw f’li niddikjaraw isem Jehovah?

16 Ħafna mill-​profeti t’Alla kellhom inkarigi diffiċli ħafna. Ma kienx faċli għalihom li jiddikjaraw messaġġi divini lil nies li ma kinux lesti li jisimgħu. B’mod simili, mhux kulmin hu ddedikat lil Jehovah isibha faċli li jagħmel dikjarazzjoni pubblika għal Ismu, b’mod speċjali f’territorji fejn fil-​parti l-​kbira n-​nies ma jkunux lesti li jisimgħu. Madankollu, billi jkollna l-​fiduċja li tirriżulta minn studju bit-​talb tal-​Kelma t’Alla, flimkien mas-​saħħa li jipprovdi Jehovah, nistgħu nipperseveraw f’li niddikjaraw il-​messaġġ tas-​Saltna. (Filippin 4:13; Rivelazzjoni 14:6) F’dan ir-​rigward, x’nistgħu nitgħallmu iżjed mill-​profeti taʼ Jehovah u l-​qaddejja l-​oħrajn tiegħu taż-​żminijiet tal-​qedem?

Sħubija Fil-​Ministeru Taʼ L-​Għalqa

17. Liema huma xi eżempji Skritturali taʼ sħubija taʼ benefiċċju fis-​servizz t’Alla?

17 F’li jieħu ħsieb taʼ l-​inkarigu tiegħu, il-​profeta t’Alla Mosè għall-​ewwel kellu l-​għajnuna taʼ ħuh akbar minnu, Aronne. Jehovah qal lil Mosè: “[Aronne] jrid ikellem lin-​nies għalik; u jrid iseħħ li hu se jaqdi bħala fomm għalik.” (Eżodu 4:16) Ikkunsidra, ukoll, iż-​żmien tal-​profeti Elija u Eliżew, meta “l-​ulied subjien tal-​profeti” kienu jiffjorixxu. Dawn milli jidher kienu gruppi taʼ qaddejja t’Alla li kienu jaħdmu flimkien, bla dubju billi jgawdu sħubija pjaċevoli flimkien. (2 Slaten 2:3-5; 4:38; qabbel 1 Samwel 10:5, 10.) M’għandniex xi ngħidu, Mosè u Aronne u “l-​ulied subjien tal-​profeti” ma kinux jieħdu sehem f’li jiddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Xorta waħda, is-​sħubija tagħhom kienet taʼ benefiċċju għalihom ilkoll. Sekli wara, Ġesù Kristu bagħat 70 dixxiplu fil-​ministeru “tnejn tnejn,” u bla dubju dawn ibbenefikaw mis-​sħubija li b’hekk ġiet ipprovduta.—Luqa 10:1-16; qabbel Atti 17:10, 11; 20:20.

18. Is-​sħubija fil-​ministeru qdiet liema skop siewi llum?

18 Fis-​sena 1953, ix-​Xhieda taʼ Jehovah daħlu għal programm fejn ix-​xandara tas-​Saltna kienu se jaħdmu flimkien fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. M’għandniex xi ngħidu, dan ma sarx biss biex jipprovdi sħubija. Dan il-​programm taʼ taħriġ kien imfassal biex jagħmel lill-​qaddejja t’Alla għalliema u predikaturi taʼ l-​aħbar tajba iktar effettivi. B’dak l-​oġġettiv f’moħħhom, xandara tas-​Saltna b’iktar esperjenza ħadu sehem fil-​ministeru maʼ wħud iktar ġodda. Dan il-​programm taʼ taħriġ minn dar għal dar kien mill-​iktar taʼ benefiċċju u għen lin-​nies taʼ Jehovah jitjiebu f’li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu. (1 Timotew 4:16) Illum, is-​sigurtà hija fattur ieħor li jagħmilha għaqli għal Kristjani li jieħdu sehem fil-​ministeru “tnejn tnejn,” speċjalment f’xi nħawi.

19. X’għandna nżommu f’moħħna rigward miri persunali fil-​ministeru?

19 Kemm jekk int qed taħdem maʼ kredent bħalek fil-​ministeru jew jekk qiegħed f’bieb waħdek, agħmel sforz biex tilħaq xi oġġettiv jew mira persunali. Għandu jkun realistiku, li jintlaħaq. Għandek int bżonn għajnuna f’li taddatta l-​introduzzjoni tiegħek sabiex tqajjem l-​interess tan-​nies fit-​territorju tiegħek? Jekk iva, forsi tkun tistaʼ takkumpanja lil xi pijunier, xandâr tas-​Saltna full-time, jew pubblikatur li forsi hu b’mod speċjali effettiv f’li juża introduzzjonijiet tajbin. Dak li jakkumpanjak forsi jkun jistaʼ jgħinek tipprepara u tuża l-​introduzzjonijiet imsemmijin fl-​Our Kingdom Ministry jew fil-​ktieb Reasoning From the Scriptures. F’okkażjonijiet meta tagħtu xiehda flimkien minn dar għal dar, ismaʼ bl-​attenzjoni l-​preżentazzjonijiet taʼ dak li jakkumpanjak. Imbagħad ipprova preżentazzjoni simili int innifsek sakemm issir profiċjenti f’dan l-​aspett tal-​ministeru tiegħek.

20, 21. Liema ħaġa tistaʼ tagħmel is-​sħubija fil-​ministeru taʼ l-​għalqa b’mod speċjali taʼ għajnuna?

20 Xi ngħidu jekk għandek bżonn għajnuna f’li tagħmel żjajjar lura effettivi bl-​għan li tibda studju tal-​Bibbja? Forsi permezz taʼ dak li jikkonduċi l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni, jistgħu jsiru arranġamenti biex int taħdem fis-​servizz taʼ l-​għalqa maʼ pubblikatur tas-​Saltna li hu effettiv mhux ħażin f’li jibda studji tal-​Bibbja. Tibqax sieket meta tagħmlu żjajjar lura flimkien. Minflok, wara li min jakkumpanjak jurik kif hu (jew hi) jittratta l-​affarijiet matul żjara waħda, int tistaʼ ssibha taʼ benefiċċju li tagħmel preżentazzjoni simili meta tagħmlu ż-​żjara lura l-​oħra. Dak li jakkumpanjak se jkun hemm biex jgħinek u joffri pariri wara.​—Qabbel Galatin 6:6.

21 Għajnuna taʼ mħabba bħal din mingħand wieħed li jakkumpanjak fis-​servizz taʼ l-​għalqa tistaʼ tgħinek tilħaq l-​oġġettivi tiegħek fil-​ministeru. Din l-​għajnuna u l-​apprezzament profond tiegħek għall-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah f’li jippermettilek li tagħmel dan ix-​xogħol ipprivileġġjat se jgħinuk tkun saħansitra iżjed effettiv fl-​attivitajiet tiegħek taʼ ppridkar tas-​Saltna. U jalla int tgħożż il-​privileġġ tiegħek li tbierek lil Jehovah billi dejjem titkellem tajjeb dwaru u billi regolarment tagħmel dikjarazzjoni pubblika għal ismu.—Salm 145:1, 2, 9-13.

22. L-​istudju tagħna li jmiss liema mistoqsijiet se jgħinna nwieġbu?

22 Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna nagħmlu żjajjar ripetuti fil-​ministeru tagħna minn dar għal dar. Ħafna qegħdin jisimgħu l-​aħbar tajba b’apprezzament profond. Madankollu, xi wħud għandhom imnejn iżommu lura milli jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna. X’għandna nagħmlu taħt ċirkostanzi bħal dawn? Kif nistgħu nipperseveraw fix-​xogħol li Jehovah inkariga lin-​nies tiegħu biex jagħmlu? Liema eżempji Skritturali jistgħu jgħinuna jew jiggwidawna? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu mwieġba fl-​artiklu li jmiss. (w94 9/15)

Fhimthom Int Dawn Il-​Punti?

◻ Ħosea kif ukoll l-​appostlu Pawlu x’qalu dwar sagrifiċċji lil Alla?

◻ X’qanqal lil Eżekjel u lil Amos biex jipprofetizzaw?

◻ Kif għandna nħarsu lejn ix-​xogħol tagħna taʼ ppridkar tas-​Saltna?

◻ Liema benefiċċji jistgħu jinkisbu minn sħubija fil-​ministeru taʼ l-​għalqa?

[Stampi f’paġna 11]

Sħubija taʼ skop tistaʼ tgħinna nitjiebu fil-​ministeru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja