Jum il-Ħaqq taʼ Jehovah Qrib!
“Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!”—SOFONIJA 1:14.
1. Liema twissija ġiet mogħtija minn Alla permezz taʼ Sofonija?
ALLA JEHOVAH wasal biex jaġixxi kontra n-nies il-ħżiena. Iftaħ widnejk sew! Din hi t-twissija tiegħu: “In-nies il-ħżiena nġibhom fix-xejn; nqaċċat il-bniedem minn fuq wiċċ l-art.” (Sofonija 1:3) Dan il-kliem tal-Mulej Sovran Jehovah ntqal permezz tal-profeta tiegħu Sofonija, li x’aktarx li bużbużnannuh kien is-sultan leali Ħeżekija. Din id-dikjarazzjoni, li saret fi żmien it-twajjeb Sultan Ġosija, ma tantx kienet sabiħa għan-nies il-ħżiena fl-art taʼ Ġuda.
2. L-azzjonijiet taʼ Ġosija għala ma rnexxilhomx iżommu lura jum il-ħaqq taʼ Jehovah?
2 L-ipprofetizzar taʼ Sofonija żgur li għamel liż-żagħżugħ Ġosija iktar u iktar konxju tal-bżonn li jnaddaf għalkollox lil Ġuda mill-qima mhux safja. Imma l-azzjonijiet tas-sultan biex inaddaf il-pajjiż mir-reliġjon falza ma kinux biżżejjed biex ineħħu l-ħażen kollu minn fost in-nies u lanqas ma setgħu jpattu għad-dnubiet taʼ nannuh, is-Sultan Manassi, li kien “mela Ġerusalemm b’demm bla ħtija.” (2 Slaten 24:3, 4; 2 Kronaki 34:3) Mela jum il-ħaqq taʼ Jehovah żgur li kien se jiġi.
3. Kif nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nibqgħu ħajjin f’“jum il-korla tal-Mulej”?
3 Madankollu, kien hemm min se jibqaʼ ħaj f’dak il-jum tal-biżaʼ. Għalhekk, il-profeta t’Alla ħeġġeġ: ‘Qabel ma tkunu misħuqin bħall-karfa wara jum xogħol; qabel ma l-korla mħeġġa tal-Mulej tilħaqkom; qabel ma jum il-korla tal-Mulej jasal għal fuqkom, fittxu l-Mulej ilkoll, intom, l-umli taʼ l-art, li tagħmlu ordnijietu; fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà: biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.’ (Sofonija 2:2, 3) Bit-tama f’moħħna li nibqgħu ħajjin f’jum il-ħaqq taʼ Jehovah, ejja niddiskutu l-ktieb Bibliku taʼ Sofonija vers vers. Dan inkiteb fl-art taʼ Ġuda qabel is-sena 648 Q.E.K. u jagħmel parti mill-“kelma tal-profeti” mnebbħa minn Alla. Ilkoll kemm aħna żgur għandna noqogħdu attenti għal din il-kelma b’qalbna kollha.—2 Pietru 1:19.
Id Jehovah Merfugħa
4, 5. Sofonija 1:1-3 kif twettaq fuq in-nies il-ħżiena taʼ Ġuda?
4 “Il-kelma tal-Mulej” lil Sofonija tibda bit-twissija li semmejna fil-bidu. Alla jiddikjara: “‘Se niknes kollox minn fuq wiċċ l-art,’ oraklu tal-Mulej, ‘bnedmin u bhejjem neqred, neqred it-tjur tas-sema u l-ħut tal-baħar, u n-nies il-ħżiena nġibhom fix-xejn; nqaċċat il-bniedem minn fuq wiċċ l-art,’ oraklu tal-Mulej.”—Sofonija 1:1-3.
5 Iva, Jehovah kien se jtemm il-ħażen kbir li kien hemm fl-art taʼ Ġuda. Lil min kien se juża Alla biex ‘jiknes kollox minn fuq wiċċ l-art’? Ladarba Sofonija mid-dehra pprofetizza fi żmien il-bidu tar-renju tas-Sultan Ġosija, li beda fis-sena 659 Q.E.K., dan il-kliem profetiku twettaq meta l-Babiloniżi qerdu l-art taʼ Ġuda u l-belt kapitali tagħha, Ġerusalemm, fis-sena 607 Q.E.K. F’dak iż-żmien seħħet ‘qerda’ fuq in-nies il-ħżiena taʼ Ġuda.
6-8. X’kien imbassar f’Sofonija 1:4-6, u din il-profezija kif twettqet f’Ġuda tal-qedem?
6 Sofonija qiegħed ibassar l-atti t’Alla kontra l-adoraturi foloz meta f’Sofonija 1:4-6 jgħid: “Idi tilħaq lil Ġuda, u lin-nies kollha taʼ Ġerusalemm. U minn dal-post inqaċċat kull ma għad hawn minn Bagħal, sa l-istess isem tal-qassisin tiegħu; u ’l dawk li fuq il-bjut jaduraw lill-eżerċtu tas-smewwiet; lil dawk li jaduraw, iva, lill-Mulej, imma jaħilfu bl-isem taʼ Milkom; lil dawk li ma baqgħux wara l-Mulej, lil dawk li xejn ma jfittxu lill-Mulej, xejn ma jqisuh.”
7 Id Jehovah kienet merfugħa biex tilħaq lin-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm. Kien determinat li jqaċċathom u joqtolhom lil dawk li kienu jaduraw lil Bagħal, l-alla Kangħani tal-fertilità. Kien hemm diversi allat lokali li kienu jissejħu Bagħlim għax dawk li kienu jqimuhom kienu jaħsbu li dawn jippossiedu xi postijiet partikulari li kellhom influwenza fuqhom. Per eżempju, kien hemm il-Bagħal meqjum mill-Mowabin u mill-Midjanin fuq il-Muntanja Pegħor. (Numri 25:1, 3, 6) Maʼ l-art kollha taʼ Ġuda, Jehovah kien se jqaċċat min-nofs lill-qassisin taʼ Bagħal, bħalma kien se jagħmel lis-saċerdoti Leviti li kienu jiksru l-liġi t’Alla billi jissieħbu magħhom.—Eżodu 20:2, 3.
8 Alla kien se jqaċċat ukoll lil dawk li kienu “jaduraw lill-eżerċtu tas-smewwiet,” milli jidher lil dawk li kienu jipprattikaw l-astroloġija u jaduraw ix-xemx. (2 Slaten 23:11; Ġeremija 19:13; 32:29) Il-korla divina kienet se tixgħel ukoll kontra dawk li kienu jipprovaw iħalltu l-qima vera mar-reliġjon falza billi “jaduraw, iva, lill-Mulej, imma jaħilfu bl-isem taʼ Milkom,” li x’aktarx hu isem ieħor għal Molek, l-alla prinċipali taʼ l-Għammonin. U lil Molek saħansitra kienu jissagrifikawlu t-tfal biex iqimuh.—1 Slaten 11:5; Ġeremija 32:35.
Tmiem il-Kristjaneżmu Qrib!
9. (a) Taʼ liema ħaġa hu ħati l-Kristjaneżmu? (b) Kuntrarju għan-nies żleali taʼ Ġuda, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
9 Ma jfakkarniex dan kollu fil-Kristjaneżmu, li miżgħud bil-qima falza u l-astroloġija? U mhix tabilħaqq xi ħaġa taʼ stmerrija meta tara miljuni taʼ ħajjiet sagrifikati fuq l-artal tal-gwerer appoġġati mill-kleru? Jalla qatt ma nkunu bħan-nies żleali taʼ Ġuda li “ma baqgħux wara l-Mulej,” għax saru indifferenti u ma baqgħux ifittxuh jew iqisu l-gwida tiegħu. Minflok, ejja nżommu l-integrità tagħna lejn Alla.
10. Kif tispjegah is-sinifikat profetiku taʼ Sofonija 1:7?
10 Dak li jgħid issa l-profeta jixraq kemm lin-nies il-ħżiena taʼ Ġuda u kemm lil dawk li jiħduha kontra Alla llum. Sofonija 1:7 jgħid: “Il-Mulej Sidi, żommu s-skiet quddiemu, għaliex Jum il-Mulej jinsab fil-qrib. Għax il-Mulej ġa ħejja s-sagrifiċċju, u ġa qaddishom il-mistiedna tiegħu.” Dawn il-“mistiedna” mid-dehra kienu l-Kaldin, l-għedewwa taʼ Ġuda. Is-“sagrifiċċju” kien l-art taʼ Ġuda nfisha, inkluża l-belt kapitali tagħha. B’dan il-mod Sofonija ħabbar l-iskop t’Alla li jeqred lil Ġerusalemm, u din il-profezija tipponta wkoll lejn il-qerda tal-Kristjaneżmu. Fil-fatt, ladarba jum il-ħaqq t’Alla hu tant qrib illum, id-dinja kollha għandha ‘żżomm is-skiet’ quddiem il-Mulej Sovran Jehovah u tismaʼ sewwa x’għandu x’jgħid permezz tal-“merħla ċkejkna,” magħmula mis-segwaċi midlukin taʼ Ġesù, u sħabhom, in-“nagħaġ oħra” tiegħu. (Luqa 12:32; Ġwann 10:16) Hemm il-qerda tistenna lil dawk li ma jisimgħux u li b’hekk ikunu qed jieħdu pożizzjoni kontra t-tmexxija tas-Saltna t’Alla.—Salm 2:1, 2.
Dalwaqt—Jum taʼ Krib!
11. X’inhu s-sugu taʼ Sofonija 1:8-11?
11 Rigward il-jum taʼ Jehovah, Sofonija 1:8-11 iżid: “U f’jum is-sagrifiċċju tal-Mulej, jiġri li ‘Nikkastiga l-kapijiet u wlied is-slaten, dawk kollha lebsin bħall-barranin. Dakinhar, iva, jien nikkastiga ’l kull min jaqbeż l-għatba, u ’l min id-dar taʼ sidu bil-vjolenza u l-qerq jimlieha.’ ‘U jiġri dakinhar,’ oraklu tal-Mulej, ‘illi minn Bieb il-Ħut tinstemaʼ għajta, u tasal karba mill-Kwartier il-Ġdid, u ħoss taʼ l-għaġeb jiġi mill-għoljiet. Okorbu, nies li tgħammru fil-Maktes, għax ġens in-negozjanti kollu nqered, u kollha tqaċċtu dawk li jiżnu l-fidda!’”
12. Xi wħud b’liema mod jinstabu “lebsin bħall-barranin”?
12 Wara s-Sultan Ġosija kienu se jsaltnu Ġeħowaħaż, Ġeħojakim, u Ġeħojakin. Imbagħad kellha tiġi l-ħakma taʼ Sedekija li spikkat minħabba l-qerda taʼ Ġerusalemm. Għalkemm kien ġej gwaj kbir fuqhom, xi wħud mid-dehra fittxew li jitħabbu mal-ġnus qrib tagħhom billi ‘libsu bħall-barranin.’ Bl-istess mod illum ħafna nies jagħmluha ċara b’diversi modi li m’humiex parti mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Peress li juru ċar li huma parti mill-organizzazzjoni taʼ Satana, dawn se jiġu kastigati.
13. Fi qbil mal-profezija taʼ Sofonija, x’kien se jiġri meta l-Babiloniżi jattakkaw lil Ġerusalemm?
13 “Dakinhar,” meta ntalab rendikont mill-art taʼ Ġuda, jaqbel maʼ dak il-jum li fih Jehovah se jagħmel ħaqq mill-għedewwa tiegħu, biex itemm il-ħażen, u jagħti prova li hu suprem fuq kulħadd. Hekk kif il-Babiloniżi jattakkaw lil Ġerusalemm, kienet se tinstemaʼ għajta minn Bieb il-Ħut. Dan kien jismu hekk forsi għax kien jinsab qrib il-pixkerija. (Neħemija 13:16) Il-qtajjaʼ taʼ Babilonja kienu se jidħlu min-naħa msejħa l-Kwartier il-Ġdid, u ‘l-ħoss taʼ l-għaġeb mill-għoljiet’ għandu mnejn jirreferi għall-ħoss tal-Kaldin waqt li kienu qed joqorbu. Kienu se ‘jokorbu’ n-nies li jgħammru f’Maktes, x’aktarx in-naħa taʼ fuq tal-Wied tat-Tiropew. Għalfejn jokorbu? Għaliex hemmhekk kienet se tispiċċa l-attività kummerċjali, inkluż in-negozju taʼ “dawk li jiżnu l-fidda.”
14. Kemm kien se jkun fil-fond l-eżami li Jehovah kien se jagħmel lil dawk li kienu jgħidu li jqimuh?
14 Kemm kien se jkun fil-fond l-eżami li Jehovah kien se jagħmel lil dawk li kienu jgħidu li jqimuh? Ara ftit kif tkompli l-profezija: “U jiġri f’dak iż-żmien, f’Ġerusalemm, nagħmel tfittxija kif imiss bid-dawl, u nikkastiga n-nies li, nkallati fit-tartru maħmuġ tagħhom, joqogħdu jgħidu f’qalbhom: ‘Ma jagħmel il-Mulej la ġid, lanqas deni!’ Ġidhom għad jisirquhulhom, djarhom isiru ħerba; jibnu djar, iżda ma jgħammrux fihom; iħawwlu dwieli, u nbid ma jeħdux minnhom.”—Sofonija 1:12, 13.
15. (a) X’kien se jiġrilhom il-qassisin apostati taʼ Ġerusalemm? (b) X’hemm maħżun għal dawk li jipprattikaw ir-reliġjon falza llum?
15 Il-qassisin apostati taʼ Ġerusalemm kienu qegħdin iħalltu l-qima taʼ Jehovah mar-reliġjon falza. Għalkemm kienu jħossuhom fis-sigurtà, Alla kien se jfittixhom qisu bi dwal qawwija li kienu se jinfdu d-dlam spiritwali li kienu qegħdin jistkennu fih. Ħadd minnhom ma kien se jirnexxilu jaħrab meta jixxandar u jitwettaq il-ħaqq divin. Dawk l-apostati, li mingħalihom rashom mistrieħa, kienu qegħdin paxxuti bħal tartru nkallat f’qiegħ bettija taʼ l-inbid. Ma ridux lil min idejjaqhom u jxandrilhom li Alla kien se jindaħal bejn il-bnedmin. Imma ma kienx se jirnexxilhom jaħarbu mill-ħaqq t’Alla fuqhom. Lanqas ma se jirnexxilhom jaħarbu dawk li jipprattikaw ir-reliġjon falza llum, inkluż il-membri tal-Kristjaneżmu u dawk li telqu l-qima taʼ Jehovah u saru apostati! Filwaqt li jiċħdu li dawn huma “l-aħħar jiem,” jgħidu f’qalbhom: “Ma jagħmel il-Mulej la ġid, lanqas deni!” Imma xi żball għandhom!—2 Timotju 3:1-5; 2 Pietru 3:3, 4, 10.
16. X’kien se jiġri meta jiġi l-ħaqq t’Alla fuq l-art taʼ Ġuda, u l-fatt li nafu dwar dan kif għandu jeffettwana?
16 L-apostati fl-art taʼ Ġuda kienu mwissijin li l-Babiloniżi kienu se jisirqulhom ġidhom, jagħmlulhom djarhom ħerba, u jieħdu l-frott tad-dwieli tagħhom. L-affarijiet materjali ma kienu se jiswewlhom xejn meta jiġi l-ħaqq t’Alla fuq l-art taʼ Ġuda. U l-istess nistgħu ngħidu għal meta jum il-ħaqq taʼ Jehovah jasal fuq is-sistema dinjija preżenti. Jalla, mela, ikollna ħarsa spiritwali u ‘naħżnu teżori fis-sema’ billi npoġġu s-servizz taʼ Jehovah l-ewwel f’ħajjitna!—Mattew 6:19-21, 33.
“Il-Jum il-Kbir tal-Mulej fil-Qrib!”
17. Skond Sofonija 1:14-16, kemm hu qrib jum il-ħaqq taʼ Jehovah?
17 Kemm hu qrib jum il-ħaqq taʼ Jehovah? Skond Sofonija 1:14-16, Alla jiżgurana b’dan il-kliem: “Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha! Jum il-Mulej l-għajta tiegħu twerwrek, tintrafaʼ mbagħad bħal għajta taʼ gwerrier. Hu jum taʼ korla dak il-Jum, jum taʼ dwejjaq u niket, jum taʼ qerda u diqa, jum taʼ dlam u swied, jum imsaħħab u taʼ ċpar magħqud; il-jum għad-daqq tat-tromba u għall-għajat tal-gwerra kontra l-ibliet fortizzi u s-swar għoljin.”
18. Għala m’għandniex nikkonkludu li jum il-ħaqq taʼ Jehovah se jdum ħafna ma jiġi?
18 F’Ġuda, il-qassisin, il-prinċpijiet, u n-nies, li kollha kienu qed jidinbu, ġew avżati li “l-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib.” Għall-art taʼ Ġuda dan il-jum kien “riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” Imma xi ngħidu għal żmienna? Ara ħadd ma jaħseb li Jehovah se jdum ma jġib il-ħaqq fuq il-ħżiena. Għall-kuntrarju, bħalma Alla aġixxa malajr kontra l-art taʼ Ġuda, se jaġixxi “b’ħeffa” f’jum il-ħaqq tiegħu. (Apokalissi 16:14, 16) Xi żmien taʼ niket se jkun dan għal dawk kollha li jinjoraw it-twissijiet li jagħti Jehovah permezz tax-Xhieda tiegħu u li ma jħaddnux il-qima vera!
19, 20. (a) Liema kienu xi affarijiet li ġraw meta Alla esprima l-korla tiegħu fuq Ġuda u Ġerusalemm? (b) Meta tqis li dalwaqt f’din id-dinja se jinqered biss min ikun ħaqqu, liema mistoqsijiet iqumu?
19 Meta Alla esprima l-korla tiegħu kontra Ġuda u Ġerusalemm kien “jum taʼ dwejjaq u niket.” Il-Babiloniżi li invadewhom ġabu tbatija kbira fuq l-abitanti taʼ Ġuda, inkluż diqa mentali fin-nies li raw quddiem għajnejhom tant imwiet u qerda. Dak il-“jum taʼ qerda u diqa” kien wieħed taʼ dlam, sħab iswed u ċpar magħqud, forsi mhux biss figurattivament imma anki letteralment minħabba d-dħaħen u l-massakri li kien hemm maʼ kullimkien. Kien “jum għad-daqq tat-tromba u għall-għajat tal-gwerra,” imma t-twissijiet waqgħu fuq widnejn torox.
20 L-għassiesa taʼ Ġerusalemm ma setgħu jagħmlu xejn hekk kif il-Babiloniżi, permezz taʼ travi ħoxnin, bdew iġarrfu “l-ibliet fortizzi u s-swar għoljin.” Fi żmienna l-fortifikazzjonijiet taʼ din id-dinja mill-agħar li qegħdin ngħixu fiha ma se jiswew għalxejn meta mqabblin mal-ħażna t’armamenti li Alla se juża mis-sema biex jeqred biss lil min ikun ħaqqu. Tittama int li tinħeles? Ħadt int pożizzjoni soda fuq in-naħa taʼ Jehovah, li ‘jħares lil ħbiebu kollha, imma lill-ħżiena jeqridhom’?—Salm 145:20.
21, 22. Sofonija 1:17, 18 kif se jitwettaq fi żmienna?
21 X’jum taʼ ħaqq li jkexkex tbassar f’Sofonija 1:17, 18! “U jiena nibgħat dwejjaq fuq in-nies,” jgħid Alla Jehovah, “u jterrqu qishom għomja, għax ħtew kontra l-Mulej. Demmhom bħat-trab jixxerred, u l-iġsma tagħhom jintremew bħaż-żibel. La l-fidda tagħhom lanqas dehebhom ma jkun jistaʼ jeħlishom f’jum il-korla tal-Mulej. Fin-nar imħeġġeġ taʼ qilltu tintemm l-art kollha, għax qerda jagħmel, u tassew taʼ l-għaġeb, minn kull min jgħammar fl-art.”
22 Bħalma għamel fi żmien Sofonija, Jehovah dalwaqt se jġib niket fuq “kull min jgħammar fl-art,” jiġifieri fuq dawk li jirrifjutaw li jagħtu kas it-twissija tiegħu. Talli dinbu kontra Alla, huma se jħossuhom mitlufin bħal nies għomja, bla ma jistgħu jsibu l-ħelsien. F’jum il-ħaqq taʼ Jehovah, demmhom “bħat-trab jixxerred,” bħal xi ħaġa li ma tiswa xejn. Se jkollhom tmiem veru taʼ mistħija, għax Alla se jarmi l-iġsma taʼ dawn in-nies il-ħżiena, u saħansitra msarinhom, maʼ l-art, “bħaż-żibel.”
23. Għalkemm in-nies il-ħżiena m’humiex se jeħilsuha “f’jum il-korla tal-Mulej,” liema tama toffri l-profezija taʼ Sofonija?
23 Ħadd ma jistaʼ jsalvahom lil dawk li jiġġieldu kontra Alla u kontra l-poplu tiegħu. La l-fidda u lanqas id-deheb ma setgħu jeħilsuhom lin-nies il-ħżiena taʼ Ġuda, sewwa sew bħalma l-ħafna flus imrekkna u t-tixħim mhux se jipprovdu protezzjoni jew ħelsien “f’jum il-korla tal-Mulej” fuq il-Kristjaneżmu u l-bqija taʼ din id-dinja ħażina. F’dak il-jum taʼ deċiżjoni finali, “l-art kollha” se tinbelaʼ min-nar tal-ħeġġa t’Alla meta jagħmel ħerba sħiħa min-nies il-ħżiena. Peress li għandna fidi fil-kelma profetika t’Alla, aħna konvinti li dħalna fil-fond sew issa fiż-“żmien taʼ l-aħħar.” (Danjel 12:4) Jum il-ħaqq taʼ Jehovah qrib, u dalwaqt se jagħmel vendetta mill-għedewwa tiegħu. Madankollu, il-profezija taʼ Sofonija toffri tama taʼ ħelsien. Allura x’inhu meħtieġ minna biex ikollna fejn nistkennu f’jum ir-rabja taʼ Jehovah?
Int Kif Twieġeb?
• Il-profezija taʼ Sofonija kif twettqet fuq Ġuda u Ġerusalemm?
• X’hemm maħżun għall-Kristjaneżmu u għan-nies il-ħżiena kollha fi żmienna?
• Għala m’għandniex naħsbu li jum il-ħaqq taʼ Jehovah se jdum ħafna ma jiġi?
[Stampa f’paġna 13]
Sofonija ddikjara bi qlubija kbira li jum il-ħaqq taʼ Jehovah kien qrib
[Sors]
Mis-Self-Pronouncing Edition of the Holy Bible, li fiha l-verżjonijiet King James u Revised
[Stampa f’paġna 15]
Jum Jehovah kontra Ġuda u Ġerusalemm seħħ permezz tal-Babiloniżi fis-sena 607 Q.E.K.
[Stampa f’paġna 16]
Tittama int li tinħeles meta Jehovah jeqred lin-nies il-ħżiena?