LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 3/1 pp. 22-27
  • ‘Ibqgħu Stennewni’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Ibqgħu Stennewni’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sofonija​—Xhud Kuraġġuż
  • Raġunijiet Għar-​Rabja Taħraq Taʼ Jehovah
  • Dubji Dwar Il-​Jum Taʼ Jehovah
  • “Il-​Jum Tal-​Għaġeb Tal-​Mulej Fil-​Qrib!”
  • Ġnus Oħrajn Iġġudikati
  • “Stennewni”
  • “Tħallix Idejk Jintelqu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Jum il-Ħaqq taʼ Jehovah Qrib!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Fittex lil Jehovah Qabel Jum il-Korla Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ħu bħala mudell lill-profeti—Sofonija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 3/1 pp. 22-27

‘Ibqgħu Stennewni’

“‘Għalhekk, stennewni,’—Oraklu tal-​Mulej.”—SOFONIJA 3:8.

1. Liema twissija ngħatat mill-​profeta Sofonija, u taʼ liema interess huwa dan għal nies li jgħixu llum?

“Il-​jum tal-​għaġeb tal-​Mulej fil-​qrib!” Din l-​għajta taʼ twissija kienet imlissna mill-​profeta Sofonija f’nofs is-​sebaʼ seklu Q.E.K. (Sofonija 1:14) F’temp taʼ 40 jew 50 sena, il-​profezija ġiet imwettqa meta l-​jum li fih jiġu esegwiti l-​ġudizzji taʼ Jehovah ġie fuq Ġerusalemm u fuq dawk il-​ġnus li kienu sfidaw is-​sovranità taʼ Jehovah billi mmaltrattaw lill-​poplu tiegħu. Dan għala huwa taʼ interess għal nies li qegħdin jgħixu fl-​għeluq tas-​seklu 20? Aħna qegħdin ngħixu fiż-​żmien meta l-​“jum tal-​għaġeb” finali taʼ Jehovah qiegħed joqrob bil-​ħeffa. Sewwa sew bħal fi żmien Sofonija, ix-​“xrar tal-​għadab” taʼ Jehovah wasal biex iħeġġeġ kontra l-​ekwivalent taż-​żmien modern taʼ Ġerusalemm​—il-​Kristjaneżmu—​u l-​ġnus kollha li jimmaltrattaw lin-​nies taʼ Jehovah u jisfidaw is-​sovranità universali tiegħu.—Sofonija 1:4; 2:4, 8, 12, 13; 3:8; 2 Pietru 3:12, 13.

Sofonija​—Xhud Kuraġġuż

2, 3. (a) X’nafu dwar Sofonija, u x’jindika li kien xhud kuraġġuż taʼ Jehovah? (b) Liema fatti jgħinuna nallokaw iż-​żmien u l-​post taʼ l-​ipprofetizzar taʼ Sofonija?

2 Ftit huwa magħruf dwar il-​profeta Sofonija, li ismu (Ebrajk, Tsephan·yahʹ) ifisser “Jehovah Ħeba (Żamm Bħala Teżor).” F’kuntrast maʼ profeti oħrajn, madankollu, Sofonija pprovda l-​ġeneoloġija tiegħu sar-​rabaʼ ġenerazzjoni, lura għal “Ħeżekija.” (Sofonija 1:1; qabbel Isaija 1:1; Ġeremija 1:1; Eżekjel 1:3.) Dan tant huwa mhux tas-​soltu li l-​biċċa l-​kbira mill-​kummentaturi jidentifikaw lill-​buż-buż-nannu tiegħu bħala s-​Sultan leali Ħeżekija. Jekk kien, allura Sofonija kien taʼ dixxendenza rjali, u dan kellu jsaħħaħ il-​kundanna ħarxa tiegħu kontra l-​prinċpijiet taʼ Ġuda u wera li hu kien xhud u profeta kuraġġuż taʼ Jehovah. L-​għarfien iddettaljat tiegħu tat-​topografija taʼ Ġerusalemm u taʼ dak li kien għaddej fil-​palazz irjali jissuġġerixxi li hu għandu mnejn ipproklama l-​ġudizzji taʼ Jehovah fil-​kapitali nfisha.​—Ara Sofonija 1:8-11.

3 Notevoli huwa l-​fatt li, waqt li Sofonija pproklama ġudizzji divini kontra l-​“prinċpijiet” ċivili taʼ Ġuda (nobbli, jew kapijiet tribali) u “wlied is-​sultan,” hu qatt ma semma lis-​sultan innifsu fil-​kritika tiegħu.a (Sofonija 1:8, KŻ; 3:3) Dan jissuġġerixxi li s-​Sultan żagħżugħ Ġosija kien diġà wera ġibda lejn il-​qima pura, għalkemm, meta tqis is-​sitwazzjoni msemmija b’diżapprovazzjoni minn Sofonija, ovvjament hu kien għadu ma bediex ir-​riformi reliġjużi tiegħu. Dan kollu jissuġġerixxi li Sofonija pprofetizza f’Ġuda matul is-​snin bikrin taʼ Ġosija, li saltan mis-​659 sas-​629 Q.E.K. L-​ipprofetizzar enerġetiku taʼ Sofonija bla dubju għamel liż-​żagħżugħ Ġosija iżjed konxju taʼ l-​idolatrija, il-​vjolenza, u l-​korruzzjoni li kienu prevalenti f’Ġuda f’dak iż-​żmien u inkuraġġixxa l-​kampanja tiegħu iktar tard kontra l-​idolatrija.—2 Kronaki 34:1-3.

Raġunijiet Għar-​Rabja Taħraq Taʼ Jehovah

4. Jehovah b’liema kliem esprima r-​rabja tiegħu kontra Ġuda u Ġerusalemm?

4 Jehovah kellu raġuni tajba biex iħoss rabja għall-​mexxejja u l-​abitanti taʼ Ġuda u l-​belt kapitali tagħha Ġerusalemm. Permezz tal-​profeta tiegħu Sofonija, hu stqarr: “Idi tilħaq lil Ġuda, u lin-​nies kollha taʼ Ġerusalemm. U minn dal-post inqaċċat kull ma għad hawn minn Bagħal, sa l-​istess isem tal-​qassisin tiegħu; u ’l dawk li fuq il-​bjut jaduraw lill-​eżerċtu tas-​smewwiet; lil dawk li jaduraw, iva, lill-​Mulej, imma jaħilfu bl-​isem taʼ Milkom [“Malkam,” NW].”—Sofonija 1:4, 5.

5, 6. (a) X’kienet is-​sitwazzjoni reliġjuża f’Ġuda fi żmien Sofonija? (b) X’kienet il-​kundizzjoni tal-​mexxejja ċivili taʼ Ġuda u taʼ dawk taʼ taħthom?

5 Ġuda kienet imniġġsa bir-​riti degradanti tal-​fertilità tal-​qima taʼ Baal, astroloġija demonika, u l-​qima taʼ l-​alla pagan Malkam. Jekk Malkam huwa l-​istess bħal Molek, bħalma jissuġġerixxu xi wħud allura l-​qima falza taʼ Ġuda kienet tinkludi l-​issagrifikar mistmerr taʼ tfal. Prattiċi reliġjużi bħal dawn kienu diżgustanti f’għajnejn Jehovah. (1 Slaten 11:5, 7; 14:23, 24; 2 Slaten 17:16, 17) Huma qanqlu l-​korla tiegħu iktar u iktar ladarba l-​idolatri xorta waħda kienu jagħmlu ġuramenti f’isem Jehovah. Hu ma kienx se jibqaʼ jittollera iżjed nuqqas taʼ ndafa reliġjuża bħal dik u kien se jeqred lil qassisin sew pagani u sew apostati.

6 Iktar minn hekk, il-​mexxejja ċivili taʼ Ġuda kienu korrotti. Il-​prinċpijiet tagħha kienu bħal “[i]ljuni jgħajtu” ħattafin, u l-​imħallfin tagħha kienu jixbhu lil “[i]lpup” imġewħin. (Sofonija 3:3) Dawk taʼ taħthom kienu akkużati li ‘mlew id-​dar tas-​sidien tagħhom bil-​vjolenza u l-​qerq.’ (Sofonija 1:9) Il-​materjaliżmu kien abbundanti. Ħafna kienu qegħdin jieħdu vantaġġ mis-​sitwazzjoni biex igeddsu l-​għana.—Sofonija 1:13.

Dubji Dwar Il-​Jum Taʼ Jehovah

7. Sofonija kemm żmien qabel “il-​jum tal-​għaġeb tal-​Mulej” ipprofetizza, u x’kienet il-​kundizzjoni spiritwali taʼ ħafna Lhud?

7 Bħalma diġà rajna, is-​sitwazzjoni reliġjuża diżastruża li kienet prevalenti fi żmien Sofonija tindika li hu wettaq xogħlu bħala xhud u profeta qabel ma s-​Sultan Ġosija beda l-​kampanja tiegħu kontra l-​idolatrija, madwar is-​sena 648 Q.E.K. (2 Kronaki 34:4, 5) X’aktarx, allura, li Sofonija pprofetizza minn taʼ l-​inqas 40 sena qabel ma “l-​jum tal-​għaġeb tal-​Mulej” ġie fuq is-​saltna taʼ Ġuda. Fl-​intervall, ħafna Lhud taw lok għal dubji u “ma baqgħux” jaqdu lil Jehovah, billi saru indifferenti. Sofonija jitkellem dwar dawk li ‘ma fittxux lill-​Mulej u xejn ma qisuh.’ (Sofonija 1:6) Evidentement, individwi f’Ġuda kienu apatetiċi, billi ma ħabblux rashom dwar Alla.

8, 9. (a) Jehovah għala kien se jispezzjona ‘nies inkallati fit-​tartru maħmuġ tagħhom’? (b) Jehovah b’liema modi kien se jagħti attenzjoni lill-​abitanti taʼ Ġuda u l-​mexxejja ċivili u reliġjużi tagħhom?

8 Jehovah għarraf l-​iskop tiegħu li jispezzjona lil dawk li kienu jsostnu li kienu l-​poplu tiegħu. Fost dawk li kienu jgħidu li kienu adoraturi tiegħu, kien se jfittex lil dawk li f’qalbhom ħaddnu dubji rigward l-​abbiltà jew l-​intenzjoni tiegħu li jintervjeni f’affarijiet umani. Hu stqarr: “Jiġri f’dak iż-​żmien, f’Ġerusalemm, nagħmel tfittxija kif imiss bid-​dwal, u nikkastiga n-​nies li, inkallati fit-​tartru maħmuġ tagħhom, joqogħdu jgħidu f’qalbhom: ‘Ma jagħmel il-​Mulej la ġid, la deni!’” (Sofonija 1:12) L-​espressjoni “nies li, inkallati fit-​tartru maħmuġ tagħhom” (referenza għall-​produzzjoni taʼ l-​inbid) tirreferi għal dawk li stabbilew ruħhom, bħal tartru fil-​qigħ taʼ bittija, u li ma jridux jiġu ddisturbati b’xi proklamazzjoni taʼ intervent divin imminenti fl-​affarijiet taʼ l-​umanità.

9 Jehovah kien se jdawwar l-​attenzjoni lejn l-​abitanti taʼ Ġuda u Ġerusalemm u lejn il-​qassisin tagħhom li kienu ħalltu l-​qima tiegħu mal-​paganiżmu. Jekk ħassewhom fis-​sigurtà, bħal li kieku taħt is-​satra tal-​lejl ġewwa l-​ħitan taʼ Ġerusalemm, hu kien se jfittixhom bħal li kieku b’fanali qawwijin li kienu se jippenetraw id-​dalma spiritwali li fiha kienu stkennew. Kien se jqajjimhom b’ħażda mill-​apatija reliġjuża tagħhom, l-​ewwel permezz taʼ messaġġi ġudizzjarji li jwerwru, imbagħad billi jesegwixxi dawk il-​ġudizzji.

“Il-​Jum Tal-​Għaġeb Tal-​Mulej Fil-​Qrib!”

10. Sofonija kif iddeskriva “l-​jum tal-​għaġeb tal-​Mulej”?

10 Jehovah ispira lil Sofonija biex jipproklama: “Il-​jum tal-​għaġeb tal-​Mulej fil-​qrib! Fil-​qrib, u riesaq b’ħeffa liema bħalha! Jum il-​Mulej il-​għajta tiegħu twerwrek.” (Sofonija 1:14) Jiem taʼ mrar tabilħaqq kienu ġejjin għal kulmin​—qassisin, prinċpijiet, u n-​nies—​kien se jirrifjuta li jagħti kas tat-​twissija u jirritorna lejn il-​qima pura. Waqt li tiddeskrivi dak il-​jum t’esekuzzjoni taʼ ġudizzju, il-​profezija tissokta: “Hu jum taʼ korla kbira dak il-​jum, hu jum taʼ dwejjaq jagħfsu, hu jum taʼ qerda u diqa, hu jum taʼ dlam u swied, hu jum imsaħħab u taʼ ċpar magħqud; hu l-​jum għad-​daqq tat-​tromba u għall-​agħjat taʼ gwerra kontra l-​ibliet fortizzi u s-​swar għoljin.”—Sofonija 1:15, 16.

11, 12. (a) Liema messaġġ taʼ ġudizzju ġie ppronunzjat kontra Ġerusalemm? (b) Kellha l-​prosperità materjali ssalva lil-​Lhud?

11 Fi ftit tas-​snin oħra, l-​armati taʼ Babilonja kellhom jinvadu lil Ġuda. Ġerusalemm ma kenitx se teħlisha. Is-​sezzjonijiet residenzjali u tan-​negozju tagħha kellhom jintgħamlu ħerba. “‘Jiġri dak in-​nhar,’​—Oraklu tal-​Mulej—​‘illi minn Bieb il-​Ħut tinstemaʼ għajta, u tasal karba mill-​Kwartier il-​Ġdid, u ħoss tal-​għaġeb jiġi mill-​għoljiet. Okorbu, nies li tgħammru fil-​Maktes, għax ġens in-​negozjanti kollu nqered, u kollha tqaċċtu dawk li jiżnu l-​fidda!’”—Sofonija 1:10, 11.

12 Billi rrifjutaw li jemmnu li jum Jehovah kien qrib, ħafna Lhud kienu involuti fil-​fond f’intrapriżi tan-​negozju li kienu jħallu ħafna qligħ. Imma permezz tal-​profeta leali tiegħu Sofonija, Jehovah bassar li “ġidhom għad jisirquhulhom, djarhom isiru ħerba.” Ma kellhomx jixorbu l-​inbid li kienu għamlu, u “la l-​fidda tagħhom lanqas id-​deheb tagħhom ma [kellu] jkun jistaʼ jeħlishom fil-​jum tal-​korla kbira tal-​Mulej.”—Sofonija 1:13, 18.

Ġnus Oħrajn Iġġudikati

13. Sofonija liema messaġġ taʼ ġudizzju ppronunzja kontra Moab, Ammon, u l-​Assirja?

13 Permezz tal-​profeta tiegħu Sofonija, Jehovah esprima wkoll ir-​rabja tiegħu kontra ġnus li kienu mmaltrattaw lill-​poplu tiegħu. Hu ddikjara: “‘Smajt lil Mowab imaqdar, smajt iż-​żebliħ ukoll taʼ wlied Għammon, kif maqdru l-​poplu tiegħi u tkabbru kontra arthom. Għalhekk, daqskemm jien ħaj,​—Oraklu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti—​Alla taʼ Israel ‘għax bħal Sodoma jiġri lil Mowab, u bħal Gomorra lil ulied Għammon: isiru għalqa bil-​ħurrieq miżgħuda, u moxa kollha melħ, ħerba għal dejjem. . . . U jifrex idu lejn it-​tramuntana: u jeqred lil Assirja; u jagħmel ħerba waħda minn Ninwè, art niexfa bħad-​deżert.’”—Sofonija 2:8, 9, 13.

14. Liema evidenza hemm li ġnus barranin ‘tkabbru bil-​kbir’ kontra l-​Iżraeliti u dak Alla tagħhom, Jehovah?

14 Moab u Ammon kienu l-​għedewwa tradizzjonali taʼ Iżrael. (Qabbel Imħallfin 3:12-14.) Il-​Ġebla Moabita, fil-​Mużew Louvre f’Pariġi, iġġorr skrizzjoni li fiha stqarrija mimlija ftaħir mis-​Sultan Moabit Mexa. Bi kburija jirrakkonta kif ħa bosta bliet Iżraeliti bil-​għajnuna taʼ l-​alla tiegħu Kemox. (2 Slaten 1:1) Ġeremija, kontemporanju taʼ Sofonija, tkellem dwar l-​okkupar minn l-​Ammoniti tat-​territorju Iżraelit taʼ Gad f’isem alla tagħhom Malkam. (Ġeremija 49:1) Inkwantu għall-​Assirja, is-​Sultan Xalmaneżer V kien assedja u ħa lis-​Samarija madwar seklu qabel żmien Sofonija. (2 Slaten 17:1-6) Ftit wara, is-​Sultan Sennakerib attakka lil Ġuda, ħa ħafna mill-​ibliet iffortifikati tagħha, u saħansitra hedded lil Ġerusalemm. (Isaija 36:1, 2) Il-​kelliemi tas-​sultan Assirjan tabilħaqq li tkabbar bil-​kbir kontra Jehovah meta ordna lil Ġerusalemm biex iċċedi.—Isaija 36:4-20.

15. Jehovah kif kien se jumilja lill-​allat taʼ ġnus li kienu tkabbru bil-​kbir kontra l-​poplu tiegħu?

15 Salm 83 isemmi għadd taʼ ġnus, inklużi Moab, Ammon, u l-​Assirja, li tkabbru bil-​kbir kontra Iżrael, u bi ftaħir stqarrew: “Ejjew, ħa nwarrbuhom minn fost il-​ġnus; ma jissemmiex iżjed isem Israel!” (Salm 83:5 [Salm 83:4, NW]) Il-​profeta Sofonija ħabbar b’kuraġġ li dawn il-​ġnus imkabbrin kollha u l-​allat tagħhom kellhom jiġu umiljati minn Jehovah taʼ l-​armati. “Jiġrilhom dan minħabba t-​tkabbir tagħhom, għax huma maqdru u tkabbru kontra l-​poplu tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti. Tal-​biżaʼ jkun għalihom il-​Mulej, għax kollha jtemmhom lill-​allat taʼ l-​art, u jinxteħtu jqimuh, kulħadd fi mkienu, il-​gżejjer kollha tan-​nazzjonijiet.”—Sofonija 2:10, 11.

“Stennewni”

16. (a) L-​avviċinar taʼ jum Jehovah għal min kien sors taʼ ferħ, u għala? (b) Liema sejħa eċċitanti ħarġet għal dan il-​fdal leali?

16 Fil-​waqt li telqa spiritwali, xettiċiżmu, idolatrija, korruzzjoni, u materjaliżmu kienu prevalenti fost il-​mexxejja u ħafna mill-​abitanti taʼ Ġuda u Ġerusalemm, apparentement xi Lhud leali taw widen għall-​profeziji taʼ twissija taʼ Sofonija. Kienu jitnikktu minħabba l-​prattiċi mistmerrin tal-​prinċpijiet, l-​imħallfin, u l-​qassisin taʼ Ġuda. Il-​pronunzji taʼ Sofonija kienu sors taʼ faraġ għal dawn l-​uħud leali. Minflok ma kien kaġun taʼ diqa, l-​avviċinar taʼ jum Jehovah kien sors taʼ ferħ għalihom, għaliex dan kien se jġib tmiem għal prattiċi mistkerrħin bħal dawn. Dan il-​fdal leali ta kas tas-​sejħa eċċitanti taʼ Jehovah: “‘Għalhekk, stennewni,​—Oraklu tal-​Mulej—​għal dak in-​nhar li fih inqum biex nixhed; għaliex hu digriet tiegħi li jien niġbor il-​ġnus, niġmaʼ s-​saltniet, sabiex il-​qilla tiegħi nixħet fuqhom, nixħet ix-​xrar tal-​għadab kollu tiegħi.’”—Sofonija 3:8.

17. Il-​messaġġi taʼ ġudizzju taʼ Sofonija meta u kif bdew jitwettqu fuq il-​ġnus?

17 Dawk li taw kas taʼ dik it-​twissija ma nħasdux. Ħafna għexu sakemm raw it-​twettiq tal-​profezija taʼ Sofonija. Fis-​sena 632 Q.E.K., Nineve ttieħdet u nqerdet minn koalizzjoni taʼ Babilonjani, Medi, u qtajjiet mit-​Tramuntana, probabilment Skiti. Il-​kittieb taʼ l-​istorja Will Durant jirrakkonta: “Armata taʼ Babilonjani taħt Nabopolassar ngħaqdet m’armata taʼ Medi taħt Sijaksares u kotra taʼ Skiti mill-​Kawkasus, u b’faċilità u ħeffa taʼ l-​għaġeb ħatfu ċ-​ċittadelli tat-​Tramuntana. . . . B’daqqa waħda l-​Assirja sparixxiet mill-​istorja.” Dan kien eżatt dak li Sofonija kien ipprofetizza.—Sofonija 2:13-15.

18. (a) Ġudizzju divin kif ġie esegwit fuq Ġerusalemm, u għala? (b) Il-​profezija taʼ Sofonija rigward Moab u Ammon kif ġiet imwettqa?

18 Ħafna Lhud li żammew lilhom infushom fi stennija għal Jehovah ukoll għexu sakemm raw il-​ġudizzji tiegħu esegwiti fuq Ġuda u Ġerusalemm. Rigward Ġerusalemm, Sofonija kien ipprofetizza: “Ħażin għaliha għar-​ras iebsa tagħha, għat-​tinġis tagħha, il-​belt li taħqar! Għas-​sejħa ma tatx widen, lanqas ma qagħdet għat-​twiddib li kellha; hi ma riditx tittama fil-​Mulej, lanqas ma resqet, le, lejn Alla tagħha.” (Sofonija 3:1, 2) Minħabba n-​nuqqas taʼ fedeltà tagħha, Ġerusalemm ġiet assedjata darbtejn mill-​Babilonjani u finalment ittieħdet u nqerdet fis-​sena 607 Q.E.K. (2 Kronaki 36:5, 6, 11-21) Inkwantu għal Moab u Ammon, skond il-​kittieb Lhudi taʼ l-​istorja Josefus, fil-​ħames sena wara l-​waqgħa taʼ Ġerusalemm, il-​Babilonjani ggwerraw magħhom u kkonkwistawhom. Wara dan ma baqgħux jeżistu, bħalma kien ipprofetizzat.

19, 20. (a) Jehovah kif ippremja lil dawk li żammew lilhom infushom fi stennija għalih? (b) Dawn il-​ġrajjiet għala jikkonċernawna, u x’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 It-​twettiq taʼ dawn id-​dettalji u oħrajn mill-​profezija taʼ Sofonija kien esperjenza li ssaħħaħ il-​fidi għal-​Lhud u nies mhux Lhud li żammew lilhom infushom fi stennija għal Jehovah. Fost dawk li baqgħu ħajjin wara l-​qerda li waqgħet fuq Ġuda u Ġerusalemm kien hemm Ġeremija, l-​Etjopjan Ebed-melek, u n-​nies tad-​dar taʼ Ġeħonadab, ir-​Rekabit. (Ġeremija 35:18, 19; 39:11, 12, 16-18) Il-​Lhud leali fl-​eżilju u n-​nisel tagħhom, li baqgħu jaqdu lil Jehovah, saru parti mill-​fdal hieni li ġew meħlusin mill-​Babilonja fil-​537 Q.E.K. u rritornaw lejn Ġuda biex jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima pura.—Esdra 2:1; Sofonija 3:14, 15, 20.

20 Dan kollu x’ifisser għal żmienna? F’ħafna modi s-​sitwazzjoni fi żmien Sofonija tikkorrispondi maʼ l-​affarijiet mistkerrħin li qegħdin iseħħu llum fil-​Kristjaneżmu. Iktar minn hekk, id-​diversi attitudnijiet tal-​Lhud f’dawk iż-​żminijiet jixbhu lil attitudnijiet li jistgħu jinstabu llum, xi drabi saħansitra fost in-​nies taʼ Jehovah. Dawn huma affarijiet li se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss. (w96 3/1)

[Nota taʼ taħt]

a Milli jidher l-​espressjoni “wlied is-​sultan” tirreferi għall-​prinċpijiet irjali kollha, ladarba l-​ulied taʼ Ġosija stess kienu żgħar ħafna f’dak iż-​żmien.

Bħala Reviżjoni

◻ X’kienet is-​sitwazzjoni reliġjuża f’Ġuda fi żmien Sofonija?

◻ Liema kundizzjonijiet kienu prevalenti fost il-​mexxejja ċivili, u x’kienet l-​attitudni taʼ ħafna min-​nies?

◻ Xi ġnus kif tkabbru bil-​kbir kontra l-​poplu taʼ Jehovah?

◻ Sofonija liema twissija ta lil Ġuda u lil ġnus oħrajn?

◻ Dawk li żammew lilhom infushom fi stennija għal Jehovah kif ġew ippremjati?

[Stampa f’paġna 23]

Il-​Ġebla Moabita tikkonferma li s-​Sultan Mexa taʼ Moab qal kliem taʼ disprezz kontra Iżrael tal-​qedem

[Sors]

Ġebla Moabita: Musée du Louvre, Pariġi

[Stampa fpaġna 24]

Billi tappoġġja l-​profezija taʼ Sofonija, din it-​tavla b’kitba antika tal-​Kronaka Babilonjana ssemmi l-​qerda taʼ Nineve minn koalizzjoni t’armati

[Sors]

Tavla għamla taʼ spnar: Bil-​kortesija taʼ The British Museum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja