LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 12/15 pp. 15-19
  • “Il-Jum il-Kbir taʼ Ġeħova fil-Qrib”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Il-Jum il-Kbir taʼ Ġeħova fil-Qrib”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Il-​Jum il-​Kbir taʼ Ġeħova”
  • “Jiġu Nies li Jwaqqgħu Kollox għaċ-​Ċajt u Jieħdu Kollox biż-​Żuffjett”
  • “Stennieha”
  • Il-​Bżonn taʼ l-​Urġenza
  • Inżommu s-​Sens t’Urġenza Tagħna
  • Żomm il-Jum taʼ Jehovah Sewwa f’Moħħok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Jum il-Ħaqq taʼ Jehovah Qrib!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • ‘Ibqgħu Stennewni’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Żomm Sens t’Urġenza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 12/15 pp. 15-19

“Il-​Jum il-​Kbir taʼ Ġeħova fil-​Qrib”

“Il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib. Fil-​qrib u qed jgħaġġel ħafna.”​—SOFONIJA 1:​14, NW.

1, 2. (a) Liema jum speċjali qed jistennew il-​Kristjani? (b) Liema mistoqsijiet għandna nistaqsu, u għala?

MARA żagħżugħa tistenna bil-​ferħ u bil-​ħerqa l-​ġurnata tat-​tieġ tagħha. Mara tqila tħares ’il quddiem bl-​imħabba għat-​twelid tat-​tarbija tagħha. Ħaddiem għajjien mejjet jixxennaq għall-​bidu tal-​vaganza tiegħu li tant ilu jistenna. X’hemm komuni bejniethom? Kollha qed jistennew jum speċjali​—jum li se jkollu impatt fuq ħajjithom. L-​emozzjonijiet tagħhom huma qawwijin, però huma differenti ħafna. Il-​ġurnata li qed jistennew fl-​aħħar se tasal u, meta tasal, huma jittamaw li jkunu lesti għaliha.

2 Bl-​istess mod, Kristjani veri llum qed jistennew bil-​ħerqa l-​wasla taʼ jum speċjali. Huwa ‘l-​jum [il-kbir] taʼ Ġeħova.’ (Isaija 13:​9, NW; Ġoel 2:1; 2 Pietru 3:​12) X’inhu dan “il-​jum taʼ Ġeħova” li ġej, u l-​wasla tiegħu kif se teffettwa lill-​umanità? Iktar minn hekk, kif nistgħu nagħmlu żgur li ninsabu lesti għall-​wasla taʼ dan il-​jum? Huwa vitali li nfittxu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet issa għax l-​evidenza turi l-​verità taʼ dan il-​kliem li nsibu fil-​Bibbja: “Il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib. Fil-​qrib u qed jgħaġġel ħafna.”​—Sofonija 1:​14, NW.

“Il-​Jum il-​Kbir taʼ Ġeħova”

3. X’inhu “l-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova”?

3 X’inhu “l-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova”? Fl-​Iskrittura, l-​espressjoni “l-​jum taʼ Ġeħova” tirreferi għal żminijiet speċjali meta Ġeħova għamel ġudizzju fuq l-​għedewwa tiegħu u gglorifika lil kbir ismu. In-​nies żleali taʼ Ġuda u Ġerusalemm kif ukoll l-​abitanti oppressivi taʼ Babilonja u l-​Eġittu kollha ffaċċjaw ‘jiem taʼ Ġeħova’ meta esperjenzaw l-​esekuzzjoni tal-​ġudizzji taʼ Ġeħova. (Isaija 2:​1, 10-​12; 13:​1-6; Ġeremija 46:​7-​10) Madankollu, l-​akbar “jum taʼ Ġeħova” għadu ġej. Huwa l-​“jum” meta l-​ġudizzju taʼ Ġeħova se jsir fuq dawk li mmalafamaw lil ismu. Se jibda bil-​qerda taʼ “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji tar-​reliġjon falza, u jilħaq il-​quċċata tiegħu fil-​qerda tal-​kumplament tas-​sistema mill-​agħar fil-​gwerra t’Armageddon.​—Rivelazzjoni 16:​14, 16; 17:​5, 15-​17; 19:​11-​21.

4. Ħafna min-​nies għala għandhom jibżgħu mill-​jum taʼ Ġeħova li riesaq bil-​ħeffa?

4 Kemm jekk jirrealizzaw u kemm jekk le, ħafna min-​nies għandhom jibżgħu minn dan il-​jum li riesaq bil-​ħeffa. Għala? Permezz tal-​profeta Sofonija, Ġeħova jwieġeb: “Hu jum taʼ korla dak il-​Jum, jum taʼ dwejjaq u niket, jum taʼ qerda u diqa, jum taʼ dlam u swied, jum imsaħħab u taʼ ċpar magħqud.” Tassew tal-​biżaʼ! Iżjed minn hekk, il-​profeta jgħid: “Nibgħat dwejjaq fuq in-​nies . . . għax ħtew kontra l-​Mulej.”​—Sofonija 1:​15, 17.

5. Liema ħarsa pożittiva għandhom miljuni taʼ nies rigward il-​jum taʼ Ġeħova, u għala?

5 Madankollu, miljuni t’oħrajn qed jistennew bil-​ħerqa l-​wasla tal-​jum taʼ Ġeħova. Għala? Huma jafu li huwa żmien taʼ salvazzjoni u ħelsien għall-​ġusti, jum li fih Ġeħova nnifsu se jiġi mfaħħar u ismu glorjuż se jiġi mqaddes. (Ġoel 4:​16, 17 [3:​16, 17, NW]; Sofonija 3:​12-​17) Jekk in-​nies humiex se jibżgħu minn dan il-​jum jew jistennewh bil-​ħerqa jiddependi ħafna minn dak li qed jagħmlu b’ħajjithom issa. Int kif tħares lejn il-​fatt li dan il-​jum qed joqrob? Tinsab lest għalih? Il-​fatt li l-​jum taʼ Ġeħova jinsab fuq l-​għatba qiegħed jeffettwa l-​ħajja tiegħek taʼ kuljum bħalissa?

“Jiġu Nies li Jwaqqgħu Kollox għaċ-​Ċajt u Jieħdu Kollox biż-​Żuffjett”

6. Ħafna min-​nies kif iqisu l-​“jum taʼ Ġeħova,” u dan għala ma jissorprendihomx lill-​Kristjani veri?

6 Minkejja l-​urġenza tas-​sitwazzjoni, ħafna mill-​abitanti taʼ l-​art m’humiex konċernati dwar “il-​jum taʼ Ġeħova” li qed joqrob. Huma jwaqqgħu għaċ-​ċajt u jirridikolaw lil dawk li jwissuhom dwar il-​wasla imminenti tiegħu. Dan ma jissorprendihomx lill-​Kristjani veri. Huma jiftakru fit-​twissija li nkitbet mill-​appostlu Pietru: “Qabel xejn kunu afu dan, li fl-​aħħar jiem jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt u jieħdu kollox biż-​żuffjett, u jimxu skond ix-​xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-​preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dakinhar li missirijietna raqdu fil-​mewt, kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.’”​—2 Pietru 3:​3, 4.

7. X’se jgħinna nżommu sens t’urġenza?

7 X’se jgħinna nirreżistu ħsibijiet negattivi bħal dawn, u b’hekk inżommu sens t’urġenza? Pietru jgħidilna: “Permezz taʼ tfakkira qed inqajjem il-​fakultà tagħkom biex taħsbu ċar, biex tiftakru dak li ngħad qabel mill-​profeti mqaddsa u l-​kmandament li ta l-​Mulej u s-​Salvatur permezz taʼ l-​appostli tagħkom.” (2 Pietru 3:​1, 2) Il-​fatt li nagħtu l-​attenzjoni tagħna għat-​twissijiet profetiċi se jgħinna ‘nqajmu l-​fakultà tagħna biex naħsbu ċar.’ Forsi smajna dawn it-​tfakkiriet għal darba wara l-​oħra, imma huwa vitali li aħna issa, iktar minn qatt qabel, inkomplu nagħtu attenzjoni lil dawn it-​twissijiet.​—Isaija 34:​1-4; Luqa 21:​34-​36.

8. Ħafna għala jinjoraw it-​tfakkiriet tal-​Bibbja?

8 Xi wħud għala jinjoraw dawn it-​tfakkiriet? Pietru jkompli: “Skond ix-​xewqa tagħhom, huma jagħlqu għajnejhom għal dan il-​fatt, li kien hemm smewwiet mill-​qedem u art solida żżomm f’wiċċ l-​ilma u f’nofs l-​ilma bil-​kelma t’Alla; u permezz taʼ dawn, id-​dinja taʼ dak iż-​żmien inqerdet meta ġiet mgħarrqa bl-​ilma.” (2 Pietru 3:​5, 6) Iva, hemm dawk li ma jixtiqux li jasal il-​jum taʼ Ġeħova. Ma jridux li jkun hemm xi jfixklilhom ħajjithom. Ma jridux jagħtu kont lil Ġeħova għall-​ħajja egoistika tagħhom! Bħalma jistqarr Pietru, huma jgħixu “skond ix-​xewqa tagħhom.”

9. Liema attitudni wrew in-​nies fi żmien Noè u fi żmien Lot?

9 Minħabba “x-​xewqa tagħhom,” dawn l-​uħud li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt jippreferu jinjoraw li Ġeħova interviena fl-​affarijiet tal-​bnedmin fil-​passat. Kemm Ġesù Kristu u kemm l-​appostlu Pietru jirreferu għal tnejn minn dawn il-​ġrajjiet​—“żmien Noè” u “żmien Lot.” (Luqa 17:​26-​30; 2 Pietru 2:​5-9) Qabel id-​Dilluvju, in-​nies ma tawx kas it-​twissija li ta Noè. Bl-​istess mod, qabel il-​qerda taʼ Sodoma u Gomorra, f’għajnejn l-​irġiel tal-​bniet tiegħu, Lot kien qisu wieħed “li qiegħed jiċċajta.”​—Ġenesi 19:14.

10. Ġeħova kif jirreaġixxi għal dawk li ma jagħtux kas?

10 Huwa l-​istess illum. Però, innota kif irreaġixxa Ġeħova għal dawk li ma tawx kas: “Nikkastiga n-​nies li, nkallati fit-​tartru maħmuġ tagħhom, joqogħdu jgħidu f’qalbhom: ‘Ma jagħmel il-​Mulej la ġid, lanqas deni!’ Ġidhom għad jisirquhulhom, djarhom isiru ħerba; jibnu djar, iżda ma jgħammrux fihom; iħawwlu dwieli, u nbid ma jeħdux minnhom.” (Sofonija 1:​12, 13) In-​nies għandhom mnejn ikomplu bl-​attivitajiet “normali” tagħhom taʼ kuljum, imma m’huma se jiksbu l-​ebda benefiċċju dejjiemi mix-​xogħol iebes tagħhom. Għala? Għaliex il-​jum taʼ Ġeħova se jasal għal għarrieda, u kwalunkwe ġid materjali li setgħu ġemmgħu mhux se jsalvahom.​—Sofonija 1:​18.

“Stennieha”

11. Liema twissija għandna nżommu f’moħħna?

11 Għall-​kuntrarju tad-​dinja mill-​agħar taʼ madwarna, aħna għandna nżommu f’moħħna t-​twissija mniżżla bil-​miktub mill-​profeta Ħabakkuk: “Id-​dehra sseħħ meta jkun waqtha, tistenna sa ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!” (Ħabakkuk 2:​3) Anki jekk mill-​ħarsa imperfetta tagħna dan il-​jum jidher li qed idum biex jasal, irridu niftakru li Ġeħova ma jiddawwarx. Il-​jum tiegħu se jiġi fil-​waqt, f’siegħa li l-​bnedmin ma jkunux qed jistennew.​—Marku 13:33; 2 Pietru 3:​9, 10.

12. Ġesù kontra xiex wissa, u dan kif inhu b’kuntrast maʼ l-​azzjonijiet tas-​segwaċi leali tiegħu?

12 Meta enfasizza kemm hu importanti li nibqgħu nistennew il-​jum taʼ Ġeħova, Ġesù wissa li anki wħud mis-​segwaċi tiegħu kienu se jitilfu s-​sens t’urġenza tagħhom. Dwarhom hu bassar: “Jekk xi darba l-​ilsir mill-​agħar jgħid f’qalbu, ‘Sidi qed jiddawwar,’ u jibda jsawwat lill-​ilsiera sħabu u jiekol u jixrob mas-​sakranazzi, jiġi sid dak l-​ilsir f’jum li ma jistenniehx u f’siegħa li ma jafhiex, u jikkastigah bl-​akbar ħruxija.” (Mattew 24:​48-​51) B’kuntrast, il-​klassi taʼ l-​ilsir leali u għaqli żżomm is-​sens t’urġenza tagħha. Il-​klassi taʼ l-​ilsir baqgħet għassa u tat prova li hi lesta. Ġesù ħatarha “fuq kulma għandu” hawn fuq l-​art.​—Mattew 24:​42-​47.

Il-​Bżonn taʼ l-​Urġenza

13. Ġesù kif enfasizza l-​bżonn li wieħed ikollu sens t’urġenza?

13 Kien vitali li l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu jżommu s-​sens t’urġenza tagħhom. Huma kellhom bżonn jieħdu azzjoni immedjata biex jaħarbu minn Ġerusalemm meta raw din il-​belt “imdawra bil-​kampijiet taʼ l-​armati.” (Luqa 21:​20, 21) Dan seħħ fis-​sena 66 E.K. Innota kif Ġesù enfasizza l-​bżonn taʼ l-​urġenza min-​naħa tal-​Kristjani lura f’dak iż-​żmien: “Min ikun fuq il-​bejt ħa ma jinżilx biex jieħu l-​affarijiet minn daru; u min ikun fl-​għalqa ħa ma jerġax lura lejn id-​dar biex jieħu l-​mantar tiegħu.” (Mattew 24:​17, 18) Meta tikkunsidra l-​fatt li l-​istorja turi li Ġerusalemm baqgħet sħiħa għal erbaʼ snin oħra, il-​Kristjani għala kellhom jagħtu kas il-​kliem taʼ Ġesù b’daqshekk urġenza fis-​sena 66 E.K.?

14, 15. Għala kien vitali li l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu jaġixxu mingħajr dewmien malli raw lil Ġerusalemm imdawra bil-​kampijiet taʼ l-​armati?

14 Filwaqt li huwa minnu li l-​armata Rumana ma qerditx lil Ġerusalemm sas-​sena 70 E.K., dawk l-​erbaʼ snin ma kinux mingħajr inkwiet. Anzi ’l bogħod minn hekk! Dawk is-​snin kienu mimlijin vjolenza u tixrid taʼ demm. Wieħed storjografu jiddeskrivi s-​sitwazzjoni f’Ġerusalemm matul dak iż-​żmien bħala “gwerra ċivili mdemmija u tal-​biżaʼ, flimkien m’atti taʼ krudeltà li jwaħħxuk.” Irġiel żgħażagħ ġew inkarigati biex isaħħu s-​swar, biex jerfgħu l-​armi, u biex jaqdu fil-​militar. Kuljum kienu jagħmlu eżerċizzji militari. Dawk li ma kinux favur miżuri estremi tqiesu bħala tradituri. Kieku l-​Kristjani qagħdu jitnikkru fil-​belt, kienu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni perikoluża ħafna.​—Mattew 26:52; Marku 12:17.

15 Għandna ninnotaw li Ġesù qal li anki ‘dawk fil-​Lhudija,’ mhux biss f’Ġerusalemm, kellhom jaħarbu. Dan kien importanti għaliex ftit xhur wara l-​ħruġ tagħhom minn Ġerusalemm, it-​truppi Rumani għal darb’oħra reġgħu komplew bil-​pjanijiet tagħhom għall-​gwerra. L-​ewwel, il-​Galilija nħatfet fis-​sena 67 E.K., u mbagħad, b’mod sistematiku, il-​Lhudija ġiet megħluba s-​sena taʼ wara. Dan ikkaġuna niket kbir fil-​pajjiż. Sar ukoll iktar u iktar diffiċli għal kulmin kien Lhudi biex jaħrab minn Ġerusalemm infisha. Kien hemm l-​għassiesa mal-​bibien tal-​belt, u dawk kollha li pprovaw jaħarbu tqiesu bħala li kienu qed jabbandunaw lil-​Lhud biex jingħaqdu mar-​Rumani.

16. Liema attitudni kellhom juru l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu sabiex isalvaw minn dak iż-​żmien taʼ niket?

16 B’dawn il-​fatturi kollha f’moħħna, nistgħu nifhmu għala Ġesù enfasizza l-​urġenza tas-​sitwazzjoni. Il-​Kristjani kellhom ikunu lesti li jagħmlu sagrifiċċji billi ma jħallux lilhom infushom jiġu aljenati minn affarijiet materjali. Kellhom ikunu lesti biex ‘jitilqu dak kollu li kellhom’ sabiex jobdu t-​twissija taʼ Ġesù. (Luqa 14:33) Dawk li obdew minnufih u ħarbu lejn in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan salvaw.

Inżommu s-​Sens t’Urġenza Tagħna

17. Għala għandna nsaħħu s-​sens t’urġenza tagħna?

17 Il-​profeziji tal-​Bibbja juru biċ-​ċar li qed ngħixu qrib il-​konklużjoni taż-​żmien taʼ l-​aħħar. Iktar minn qatt qabel, irridu nsaħħu s-​sens t’urġenza tagħna. Fi żmien il-​paċi, suldat ma jħossx it-​tensjoni u l-​periklu tal-​battalja. Xorta waħda, jekk minħabba dan ma jħoss ebda urġenza biex jibqaʼ għassa u jiġi msejjaħ għal għarrieda biex imur għall-​gwerra, hu x’aktarx li ma jkunx preparat, u dan iwassal għal konsegwenzi fatali. L-​istess huwa minnu spiritwalment. Jekk inħallu s-​sens t’urġenza tagħna jmajna, nistgħu ma nkunux preparati biex niġġieldu l-​attakki li niffaċċjaw u nistgħu ma nkunux għassa meta l-​jum taʼ Ġeħova finalment jasal. (Luqa 21:36; 1 Tessalonikin 5:4) Jekk xi wħud “ma baqgħux wara” Ġeħova, issa hu ż-​żmien biex jerġgħu jsegwuh.​—Sofonija 1:​3-6; 2 Tessalonikin 1:​8, 9.

18, 19. X’se jgħinna nżommu dejjem f’moħħna “l-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova”?

18 Mhux taʼ b’xejn li l-​appostlu Pietru jwissina biex inżommu dejjem f’moħħna “l-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova”! Kif nistgħu nagħmlu dan? Mod wieħed hu billi nkunu involuti f’“atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:​11, 12) Il-​fatt li nibqgħu beżlin f’attivitajiet bħal dawn se jgħinna nistennew bil-​ħerqa l-​wasla tal-​“jum taʼ Ġeħova.” Il-​kelma Griega tradotta ‘żommu dejjem f’moħħkom’ letteralment tfisser li “nħaffu” dak il-​jum. Ma nistgħux fil-​fatt inħaffu ż-​żmien li fadal sakemm jiġi l-​jum taʼ Ġeħova. Madankollu, hekk kif nistennew dan il-​jum, iż-​żmien se jidher li qed jgħaddi ħafna iktar malajr jekk inkunu beżlin fis-​servizz t’Alla.​—1 Korintin 15:58.

19 Bl-​istess mod, il-​meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla u fuq it-​tfakkiriet li nsibu fiha se tgħinna nagħmlu dan​—‘nistennew b’ħerqa kbira l-​miġja’ taʼ dak il-​jum, iva, “nibqgħu nistennewh.” (2 Pietru 3:​12, L-​Għaqda Biblika Maltija; The New Testament, taʼ William Barclay) Fost dawn it-​tfakkiriet hemm l-​għadd taʼ profeziji li jbassru mhux biss il-​wasla tal-​jum taʼ Ġeħova imma wkoll l-​abbundanza taʼ barkiet li se jgawdu dawk li ‘jistennew’ lil Ġeħova.​—Sofonija 3:8.

20. Liema twissija għandna ndaħħlu f’qalbna?

20 Issa tassew huwa l-​waqt li lkoll kemm aħna ndaħħlu f’qalbna t-​twissija li ngħatat permezz tal-​profeta Sofonija: “Qabel ma l-​korla mħeġġa tal-​Mulej tilħaqkom; qabel ma jum il-​korla tal-​Mulej jasal għal fuqkom. Fittxu l-​Mulej ilkoll, intom, l-​umli taʼ l-​art, li tagħmlu ordnijietu; fittxu l-​ġustizzja, fittxu l-​umiltà: biex forsi f’jum il-​korla tal-​Mulej ikollkom fejn tistkennu.”​—Sofonija 2:​2, 3.

21. X’se tkun id-​determinazzjoni tal-​poplu t’Alla matul is-​sena 2007?

21 Għalhekk, kemm hi xierqa l-​iskrittura li ntgħażlet għas-​sena 2007: “Il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib.” Il-​poplu t’Alla hu konvint li hu “fil-​qrib u qed jgħaġġel ħafna.” (Sofonija 1:​14, NW) ‘Ma jiddawwarx ma jasal.’ (Ħabakkuk 2:3) Għalhekk, hekk kif nistennew dan il-​jum, jalla nkunu dejjem attenti għaż-​żminijiet li ngħixu fihom, billi nirrealizzaw li l-​aħħar twettiq taʼ dawn il-​profeziji hu fil-​qrib!

Taf Twieġeb?

• X’inhu “l-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova”?

• Ħafna għala jinjoraw l-​urġenza taż-​żminijiet?

• Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu għala kellhom jaġixxu b’sens t’urġenza?

• Kif nistgħu nżidu s-​sens t’urġenza tagħna?

[Kumment f’paġna 19]

L-​iskrittura għas-​sena 2007 se tkun: “Il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib.”​—Sofonija 1:​14, NW.

[Stampi f’paġna 16, 17]

Bħal fi żmien Noè, dawk li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt se jinħasdu meta Ġeħova jaġixxi

[Stampa f’paġna 18]

Il-​Kristjani kellhom jaġixxu mingħajr dewmien meta raw lil Ġerusalemm “imdawra bil-​kampijiet taʼ l-​armati”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja