LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 8/1 pp. 7-12
  • Min Se Jaħrab miż-“Żmien taʼ Niket”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Se Jaħrab miż-“Żmien taʼ Niket”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Jidħlu “l-​Affarijiet Mixtieqa”
  • ‘Fittex, Fittex, Fittex’
  • Mikiel Jidħol fl-​Azzjoni!
  • Fittex lil Jehovah Qabel Jum il-Korla Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Agħmel Dikjarazzjoni Pubblika għas-Salvazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Jum il-Ħaqq taʼ Jehovah Qrib!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 8/1 pp. 7-12

Min Se Jaħrab miż-​“Żmien taʼ Niket”?

“Kulmin isejjaħ isem Jehovah se joħroġ salvat.”−ĠOJELI 2:32.

1. Skond Danjel u Malakija, x’jikkaratterizza lil dawk f’linja għas-​salvazzjoni matul iż-​“żmien taʼ niket” li ġej?

BILLI ħares ’il quddiem lejn żmienna, il-​profeta Danjel kiteb: “Ċertament li se jseħħ żmien taʼ niket li bħalu ma ntgħamilx li jseħħ mindu ġie li kien hawn ġens sa dak iż-​żmien. U matul dak iż-​żmien il-​poplu tiegħek se jaħrab, kull wieħed li jinstab miktub fil-​ktieb.” (Danjel 12:1) Kliem taʼ faraġ tassew! Il-​poplu approvat taʼ Jehovah se jiġi miftakar minnu, sewwa sew bħalma jiddikjara wkoll Malakija 3:16: “F’dak iż-​żmien dawk fil-​biżaʼ taʼ Jehovah tkellmu flimkien, kull wieħed maʼ sieħbu, u Jehovah qagħad jagħti kas u jismaʼ. U ktieb taʼ tfakkira beda jinkiteb quddiemu għal dawk fil-​biżaʼ taʼ Jehovah u għal dawk li qegħdin jaħsbu fuq ismu.”

2. X’jirriżulta milli taħseb fuq isem Jehovah?

2 Li taħseb fuq l-​isem taʼ Jehovah iwassal għal għarfien eżatt dwaru, dwar il-​Kristu tiegħu, u l-​għanijiet tas-​Saltna grandjużi kollha tiegħu. B’hekk, in-​nies tiegħu jitgħallmu jħarsu lejh b’reverenza, jitgħallmu jidħlu f’relazzjoni ddedikata u intima miegħu, u jitgħallmu jħobbuh ‘b’qalbhom kollha u bil-​fehma tagħhom kollha u b’saħħithom kollha.’ (Mark 12:33; Rivelazzjoni 4:11) Jehovah għamel il-​provvediment ħanin, permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu, għall-​ġwejdin tal-​art biex isibu ħajja taʼ dejjem. Għaldaqstant, dawn jistgħu jidwu bil-​fiduċja l-​kelmiet tal-​armata tas-​sema li faħħret lil Alla fil-​waqt tat-​twelid taʼ Ġesù, billi qalu: “Glorja lil Alla fil-​għoli fuq, u fuq l-​art paċi fost il-​bnedmin taʼ rieda tajba.”−Luqa 2:14.

3. Qabel ma tistaʼ tiġi l-​paċi fuq din l-​art, liema att taʼ Jehovah irid iseħħ?

3 Dik il-​paċi hija eqreb milli jirrealizzaw il-​biċċa l-​kbira tan-​nies. Imma l-​ewwel trid tiġi l-​esekuzzjoni tal-​ġudizzju taʼ Jehovah fuq dinja korrotta. Il-​profeta tiegħu Sofonija jiddikjara: “Il-​jum il-​kbir taʼ Jehovah huwa qrib. Huwa qrib, u hemm għaġla tiegħu ferm.” X’tip taʼ jum hu dak? Il-​profezija tkompli: “Il-​ħoss tal-​jum taʼ Jehovah huwa morr. Hemmhekk raġel setgħani qed ilissen għajta. Dak il-​jum huwa jum taʼ qilla, jum taʼ niket u taʼ dieqa, jum taʼ tempesta u taʼ ħerba, jum taʼ dlam u taʼ swied il-​qalb, jum taʼ sħab u taʼ dalma ħoxna, jum taʼ qarn u taʼ sinjal taʼ allarm, kontra l-​ibliet iffortifikati u kontra t-​torrijiet għoljin tal-​kantuniera. U jien se nġib niket fuq l-​umanità, u ċertament li se jimxu bħal nies għomja; għaliex huwa kontra Jehovah li huma dinbu.”−Sofonija 1:14-17; ara wkoll Ħabakkuk 2:3; 3:1-6, 16-19.

4. Min illum qiegħed iwieġeb għall-​istedina biex isiru Jafu u jaqdu lil Alla?

4 B’ferħ, miljuni llum qegħdin iwieġbu għall-​istedina biex isiru jafu u jaqdu lil Alla. Dwar Kristjani midlukin, li jittieħdu fil-​patt gdid, kien ipprofetizzat: “‘Ilkoll kemm huma se jkunu jafuni, mill-​iżgħar wieħed minnhom saħansitra sal-​akbar wieħed minnhom,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah.” (Ġeremija 31:34) Dawn taw spinta lix-​xogħol taʼ għoti taʼ xiehda taż-​żiem modern. U issa hekk kif iktar u iktar mill-​midlukin itemmu l-​korsa tagħhom fuq l-​art, il-​“folla kbira” taʼ “ngħaġ oħran avvanzaw ’il quddiem biex ‘jagħtu lil Alla servizz sagru nhar u lejl’ fl-​arranġament tiegħu bħal tempju. (Rivelazzjoni 7:9,15; Ġwann 10:16) Int wieħed li qed tgawdi dan il-​privileġġ inestimabbli?

Kif Jidħlu “l-​Affarijiet Mixtieqa”

5, 6. Qabel ma jiġu ssussati l-​ġnus kollha għall-​qerda, liema xogħol taʼ salvazzjoni jseħħ?

5 Ejjew issa nduru lejn Ħaggaj 2:7, fejn Jehovah jipprofetizza rigward id-​dar spiritwali tiegħu taʼ qima. Hu jgħid: “Jien se nissussa l-​ġnus kollha, u l-​affarijiet mixtieqa tal-​ġnus kollha jridu jidħlu; u se nimla din id-​dar bil-​glorja.” Profeziji Bibliċi juru li ‘ssussar tal-​ġnus’ jirreferi għall-​esekuzzjoni taʼ ġudizzju taʼ Jehovah fuq il-​ġnus. (Naħum 1:5, 6; Rivelazzjoni 6:12-17) Għaldaqstant, l-​azzjoni taʼ Jehovah ipprofetizzata f’Ħaggaj 2:7 se jkollha l-​quċċata tagħha billi l-​ġnus jiġu ssussati mill-​eżistenza—mitmumin għalkollox. Iżda xi ngħidu dwar “l-​affarijiet mixtieqa tal-​ġnus kollha”? Se jkollhom huma jistennew sa dak l-​issussar distruttiv finali biex jiġu mdaħhlin? Xejn minn dan.

6 Ġojeli 2:32 igħid li “kulmin isejjaħ isem Jehovah se joħroġ salvat; għax fil-​Muntanja Sijon u f’Ġerusalemm se juri li jkun hemm dawk li ħarbu, sewwa sew bħalma qal Jehovah, u fost dawk li salvaw, li lilhom Jehovah qiegħed isejjaħ.” Jehovah jiġbidhom ’il barra, u huma jsejħu lil ismu b’fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù qabel l-​issussar aħħari tat-​tribulazzjoni l-​kbira. (Qabbel Ġwann 6:44; Atti 2:38, 39.) B’ferħ, il-​folla kbira prezzjuża, li issa tgħodd iktar minn erbaʼ miljuni, ‘tidħol’ fid-​dar taʼ qima taʼ Jehovah b’antiċipazzjoni tal-​‘issussar tiegħu lill-​ġnus kollha’ f’Armageddon.—Rivelazzjoni 7:9, 10, 14.

7. X’inhu nvolut f’li ‘ssejjaħ isem Jehovah’?

7 Dawn li jsalvaw kif isejħu lil isem Jehovah? Ġakbu 4:8 jagħtina indikazzjoni, billi jistqarr: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu se jersaq qrib lejkom. Naddfu jdejkom, intom il-​midinbin, u ppurifikaw lil qlubkom, intom l-​indeċiżi.” Bħall-​fdal midlukin li fetħu t-​triq, dawk li jittamaw li jkunu mill-​folla kbira taʼ wħud li jsalvaw f’Armageddon iridu jaġixxu b’mod deċiżiv. Jekk int tittama li ssalva, trid tixrob fil-​fond mill-​Kelma purifikanti taʼ Jehovah u tapplika l-​livelli taʼ tjieba tiegħu f’ħajtek. Trid tkun deċiż f’li tiddedika ħajtek lil Jehovah, billi tissimbolizza dan bil-​magħmudija tal-​ilma. Li int issejjaħ lil Jehovah bil-​fidi jinkludi wkoll li tagħti xiehda għalih. B’hekk, f’​Rumani kapitlu 10, versi 9 u 10, Pawlu jikteb: “Jekk tiddikjara pubblikament dik il-​‘kelma f’fommok stess,’ li Ġesù hu Mulej, u teżerċita fidi f’qalbek li Alla qajmu mill-​imwiet, int se tiġi salvat. Għax bil-​qalb wieħed jeżerċita fidi għat-​tjieba, imma bil-​fomm wieħed jagħmel dikjarazzjoni pubblika għas-​salvazzjoni.” Imbagħad, fil-​vers 13, l-​appostlu jikkwota l-​profezija taʼ Ġojeli, billi jenfasizza li “kulmin isejjaħ isem Jehovah se jkun salvat.”

‘Fittex, Fittex, Fittex’

8. (a) Skond il-​profeta Sofonija, Jehovah x’jirrikjedi għas-​salvazzjoni? (b) Liema twissija ġġorr il-​kelma “x’aktarx” f’Sofonija 3:2 għalina?

8 Billi nduru lejn il-​ktieb Bibliku taʼ Sofonija, kapitlu 2, versi 2 u 3, naqraw dak li Jehovah jirrikjedi għas-​salvazzjoni: “Qabel ma tiġi fuqkom ir-​rabja taħraq taʼ Jehovah, qabel ma jiġi fuqkom jum ir-​rabja taʼ Jehovah, fittxu lil Jehovah, intom il-​ġwejdin kollha tal-​art, li pprattikajtu d-​deċiżjoni ġudizzjarja Tiegħu stess. Fittxu t-​tjieba, fittxu li tkunu ġwejdin. X’aktarx tistgħu tiġu moħbijin f’jum ir-​rabja taʼ Jehovah.” Innota l-​kelma “x’aktarx.” M’huwiex każ taʼ darba salvat, salvat dejjem. Li niġu moħbijin f’dak il-​jum jiddependi fuq li nkomplu nagħmlu dawk it-​tliet affarijiet. Irridu nfittxu lil Jehovah, infittxu t-​tjieba, u nfittxu li nkunu ġwejdin.

9. Dawk li jfittxu li jkunu ġwejdin kif inhuma ppremjati?

9 Tal-​għaġeb, tassew, huwa l-​premju talli nfittxu li nkunu ġwejdin! F’​Salm 37, versi 9 sa 11, naqraw: “Dawk li qegħdin jittamaw f’Jehovah huma dawk li se jkollhom pussess tal-​art. U ftit ieħor biss, u l-​wieħed mill-​agħar mhux se jkun iżjed . . . Imma l-​ġwejdin infushom se jkollhom pussess tal-​art, u huma tabilħaqq se jsibu l-​għaxqa bnina tagħhom fl-​abbundanza taʼ paċi.” U xi ngħidu dwar li nfittxu t-​tjieba? Vers 29 jistqarr: “It-​twajbin infushom se jkollhom pussess tal-​art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.” Rigward li nfittxu lil Jehovah, versi 39 u 40 igħidulna: “U s-​salvazzjoni tat-​twajbin hi minn Jehovah; hu l-​fortizza tagħhom fiż-​żmien taʼ niket. U Jehovah se jgħinhom u jipprovdilhom il-​ħarba. Hu se jipprovdilhom il-​ħarba minn nies mill-​agħar u jsalvahom, għaliex huma ħadu r-​refuġju fih.”

10. Min sar magħruf għall-​irrifjutar tagħhom biex ifittxu lil Jehovah u jfittxu li jkunu ġwejdin?

10 Is-​setet tal-​Kristjaneżmu naqsu li jfittxu lil Jehovah. Il-​kleru tagħhom saħansitra ma jaċċettawx l-​isem prezzjuż tiegħu, billi b’mod prużuntuż neħħewh mit-​traduzzjonijiet tagħhom tal-​Bibbja. Huma jippreferu jqimu Mulej jew Alla bla isem u jaduraw lil Trinità pagana. Barra minn dan, il-​Kristjaneżmu ma jfittixx it-​tjieba. Ħafna mill-​membri tiegħu jaddottaw jew javvanzaw stili taʼ ħajja permissivi. Minflok ma jfittxu li jkunu ġwejdin bħalma għamel Ġesù, huma jagħmlu turija minn barra, per eżempju fuq it-​televiżjoni, taʼ għixien lussuż u taʼ spiss immorali. Il-​membri tal-​kleru jħaxxnu lilhom infushom minn fuq dahar il-​merħliet tagħhom. Fi kliem Ġakbu 5:6, huma ‘għexu fil-​lussu fuq l-​art u daħlu għal pjaċir senswali.’ Hekk kif jum Jehovah joqrob, huma żgur se jsibu li l-​kelmiet imnebbħin japplikaw għalihom: “L-​affarijiet taʼ valur ma se jkunu taʼ ebda benefiċċju f’jum il-​qilla.”—Proverbji 11:4.

11. Min hu r-​raġel taʼ bla liġi, u kif ġemaʼ ħtija taʼ demm enormi?

11 Fl-​ewwel seklu tal-​E.K., kif jirrakkonta l-​appostlu Pawlu fit-​tieni ittra tiegħu lit-​Tessalonkin, xi Kristjani saru eċċitati, billi ħasbu li l-​jum taʼ Jehovah kien wasal dak in-​nhar. Imma Pawlu wissa li l-​ewwel l-​apostasija l-​kbira kellha tiġi, u “r-​raġel taʼ bla liġi” kellu jiġi rrivelat. (2 Tessalonkin 2:1-3) Issa, f’dan is-​seklu 20, nistgħu napprezzaw kemm kibret dik l-​apostasija u kemm huma bla liġi l-​kleru tal-​Kristjaneżmu fil-​ħarsa t’Alla. Matul dawn l-​aħħar jiem mill-​1914 ’il hawn, il-​kleru akkumula ħtija taʼ demm enormi billi appoġġjaw il-​’ħdim taʼ sikek tal-​moħriet fi sjuf.’ (Ġojeli 3:10) Huma komplew ukoll igħallmu duttrini foloz, bħal l-​immortalità inerenti tar-​ruħ umana, il-​purgatorju, it-​turment tan-​nar tal-​infern, il-​magħmudija tat-​trabi, it-​Trinità, u affarijiet bħal dawn. Fejn se jsibu ruħhom meta Jehovah jesegwixxi d-​deċiżjoni ġudizzjarja tiegħu? Proverbji 19:5 jistqarr: “Dak li jgħid il-​gideb mhux se jaħrab.”

12. (a) X’inhuma s-​“smewwiet” u l-​“art” umani li dalwaqt se jiġu mitmumin? (b) X’nitgħallmu mill-​qerda li ġejja taʼ din id-​dinja mill-​agħar?

12 F’​2 Pietru 3:10, naqraw: “[I]l-jum taʼ Jehovah se jiġi bħal ħalliel, li fih is-​smewwiet se jgħaddu lil hinn b’ħoss ivenven, imma l-​elementi billi jkunu jikwu se jdubu, u l-​art u x-​xogħlijiet ġo fiha se jinkixfu.” Tmexxijiet korrotti li kkampjaw bħal smewwiet fuq l-​umanità, flimkien mal-​elementi kollha li jifformaw is-​soċjeta umana mwaqqaʼ tal-​lum, se jinkinsu mill-​art t’Alla. Manifatturi u negozjanti taʼ armamenti qerrieda, imbrolljuni, reliġjonisti ipokriti u l-​kleru tagħhom, dawk li javvanzaw l-​oxxenità, il-​vjolenza, u l-​kriminalità—dawn kollha se jisparixxu. Huma se jdubu fil-​korla taʼ Jehovah. Imma fil-​versi 11 u 12, Pietru jżid din it-​twissija għall-​Kristjani: “Ladarba dawn l-​affarijiet kollha għandhom b’hekk idubu, liema xorta taʼ persuni għandkom tkunu f’atti qaddisin taʼ kondotta u f’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu qrib f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah.”

Mikiel Jidħol fl-​Azzjoni!

13, 14. Min hu l-​Vindikatur il-​kbir tat-​tmexxija taʼ Jehovah, u kif kien attiv mill-​1914 ’il hawn?

13 Kif se jkun hawn min jaħrab fiz-​“żmien taʼ niket” taʼ Jehovah? L-​Aġent t’Alla biex jipprovdi ħarba huwa l-​arkanġlu Mikiel, li ismu jfisser “Min Hu Bħal Alla?” B’mod xieraq, allura, huwa l-​Wieħed li jivvindika t-​tmexxija taʼ Jehovah, billi jappoġġja lil Jehovah bħala l-​uniku veru Alla u l-​Mulej Sovran bid-​dritt tal-​univers kollu.

14 Xi ġrajjiet tal-​għaġeb jiddeskrivi Rivelazzjoni kapitlu 12, versi 7 sa 17, rigward “jum il-​Mulej” mill-​1914 ’il hawn! (Rivelazzjoni 1:10) L-​arkanġlu Mikiel jitfaʼ lil Satana t-​traditur mis-​sema ’l isfel lejn l-​art. Iktar tard, kif deskritt f’​Rivelazzjoni kapitlu 19, versi 11 sa 16, wieħed imsejjaħ “Fidil u Veru” ’jisħaq il-​magħsar tal-​għeneb tar-​rabja tal-​korla t’Alla li Jistaʼ Kollox.’ Dan il-​gwerrier setgħan tas-​sema huwa msejjaħ “Sultan tas-​slaten u Mulej tal-​mulejiet.” Fl-​aħħar, Rivelazzjoni kapitlu 20, versi 1 u 2, jitkellem dwar anġlu kbir li jitfaʼ lil Satana fl-​abbissi u jżommu hemm għal elf sena. Ovvjament, dawn l-​iskritturi kollha jippontaw lejn il-​Vindikatur wieħed tas-​Sovranità taʼ Jehovah, il-​Mulej Ġesù Kristu, li lilu Jehovah poġġa fuq it-​tron glorjuż tiegħu tas-​sema fl-​1914.

15. Mikiel b’liema mod speċjali dalwaqt se jqum “bil-​wieqfa”?

15 Mikiel ilu “bil-​wieqfa,” bħalma jintqal f’​Danjel 12:1, għan-​nom tal-​poplu taʼ Jehovah minn mindu ġie maħtur bħala Sultan fl-​1914. Imma dalwaqt Mikiel għandu jqum “bil-​wieqfa” f’sens speċjali ħafna—bħala l-​Aġent taʼ Jehovah f’li jneħħi l-​hażen kollu mill-​art u bħala l-​Ħellies tas-​soċjetà globali tal-​poplu t’Alla. Kemm se jkun kbir dak iż-​“żmien taʼ niket” huwa indikat mill-​kliem taʼ Ġesù f’​Mattew 24:21, 22: “Imbagħad se jkun hemm tribulazzjoni kbira li bħalha ma seħħitx sa mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ sseħħ. Fil-​fatt, jekk dawk il-​jiem ma jitqassrux, ebda laħam ma se jsalva; imma minħabba fil-​magħżulin dawk il-​jiem se jitqassru.”

16. Liema laħam se jkun salvat matul it-​tribulazzjoni l-​kbira?

16 Kemm nistgħu nkunu ferħanin li xi laħam se jiġi salvat f’dak iż-​żmien! Le, mhux bħal-​Lhud ribellużi maqbudin ġewwa Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K., li xi wħud minnhom inġarru bħala rsiera lejn Ruma. Minflok, dawk li jaħarbu fiż-​“żmien tat-​tmiem” se jkunu bħall-​kongregazzjoni Kristjana li kienet diġà ħarbet minn Ġerusalemm meta beda l-​assedju finali. Huma se jkunu l-​poplu t’Alla stess, il-​miljuni tal-​folla kbira flimkien maʼ xi wħud midlukin li jkunu għadhom fuq l-​art. (Danjel 12:4) Il-​folla kbira ”joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira.” Għala? Għaliex “ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf.” Huma jeżerċitaw fidi fil-​qawwa li tifdi tad-​demm imxerred taʼ Ġesù u juru dik il-​fidi billi jaqdu lil Alla bil-​lealtà. Saħansitra issa, Jehovah, “Dak bil-​qiegħda fuq it-​tron,” jifrex it-​tinda protettiva tiegħu fuqhom, fil-​waqt li l-​Ħaruf, Kristu Ġesù, jirgħaħom u jiggwidahom lejn għejjun taʼ ilmijiet tal-​ħajja.—Rivelazzjoni 7:14, 15.

17. Il-​folla kbira kif inhi nkuraġġita b’mod partikulari biex taġixxi sabiex tinħeba matul il-​jum taʼ niket li ġej?

17 F’li jfittxu lil Jehovah, it-​tjieba, u li jkunu ġwejdin, il-​miljuni tal-​folla kbira m’għandhom qatt iħallu lill-​ewwel imħabba tagħhom għall-​verità tibred! Jekk int wieħed minn dawn il-​persuni bħal ngħaġ, x’għandek tagħmel? Kif mistqarr f’​Kolossin kapitlu 3, versi 5 sa 14, int trid ‘tinżaʼ kompletament il-​personalità l-​qadima bil-​prattiċi tagħha.’ Billi tfittex għajnuna divina, stinka biex ‘tlibbes lilek innifsek bil-​personalità l-​ġdida, ibbażata fuq għarfien eżatt.’ Waqt li tkun ġwejjed, ibni u ibqaʼ uri żelu f’li tfaħħar lil Jehovah u f’li tgħarraf lill-​oħrajn dwar il-​għanijiet grandjużi tiegħu. B’hekk, int tistaʼ tinħeba fiż-​“żmien taʼ niket,” il-​jum taʼ “rabja taħraq taʼ Jehovah.”

18, 19. Is-​sabar b’liema mod sar vitali għas-​salvazzjoni?

18 Il-​jum huwa qrib! Qed joqrob lejna bil-​ħeffa. Il-​ġbir taʼ individwi tal-​folla kbira ilu issa jipprogressa għal xi 57 sena. Għadd minn dawn mietu u jistennew l-​irxoxt tagħhom. Imma aħna żgurati mill-​profezija taʼ Rivelazzjoni li bħala grupp il-​folla kbira se joħorġu mit-​tribulazzjoni kbira bħala nukleu taʼ soċjetà tal-​“art ġdida.” (Rivelazzjoni 21:1) Se tkun hemm int? Dak hu possibbli, għax Ġesù jgħid f’Mattew 24:13: “Dak li jkun issaporta sat-​tmiem hu dak li se jkun salvat.”

19 Il-​pressjonijiet li n-​nies taʼ Jehovah iġarrbu f’din is-​sistema qadima jistgħu jkomplu jiżdiedu. U meta tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni kbira taʼ niket, int forsi ssofri tbatijiet. Imma żomm qrib taʼ Jehovah u l-​organizzazzjoni tiegħu. Ibqaʼ mqajjem! “‘Żommu rwieħkom fi stennija għalija,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah, ‘sal-​jum li fih inqum għall-​priża, għax id-​deċiżjoni ġudizzjarja tiegħi hi li niġbor ġnus, għalija biex niġmaʼ flimkien saltniet, sabiex insawwab fuqhom id-​denunzja tiegħi, ir-​rabja taħraq kollha tiegħi; għax bin-​nar taż-​żelu tiegħi se tinbelaʼ l-​art kollha.”ˈ—Sofonija 3:8.

20. Hekk kif iż-​“żmien taʼ niket” aħħari jersaq dejjem eqreb, x’għandna nagħmlu?

20 Għall-​protezzjoni u l-​inkuraġġiment tagħna, Jehovah b’qalb tajba pprovda lill-​poplu tiegħu “lingwa pura,” li tinkludi l-​messaġġ grandjuż tas-​Saltna li ġejja tiegħu, “sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9) Hekk kif iż-​“żmien taʼ niket” aħħari jersaq dejjem eqreb bil-​ħeffa, jalla naqdu b’żelu, billi ngħinu wħud ġwejdin oħra biex ‘isejħu isem Jehovah’ għas-​salvazzjoni.

Tiftakar?

◻ Liema att taʼ Jehovah se jiġi qabel il-​għoti taʼ paċi lill-​art?

◻ Skond Ġojeli, wieħed x’irid jagħmel sabiex isalva?

◻ Skond Sofonija, il-​ġwejdin kif jistgħu jsibu protezzjoni mir-​rabja taħraq taʼ Jehovah?

◻ Min hu “r-​raġel taʼ bla liġi,” u kif ġemaʼ ħtija taʼ demm?

Is-sabar kemm hu importanti fil-​kwistjoni tas-​salvazzjoni?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja