“Tħallix Idejk Jintelqu”
“Tħallix idejk jintelqu: il-Mulej Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva.”—SOFONIJA 3:16, 17.
1. Wieħed studjuż tal-Bibbja xi stqarr dwar il-profezija taʼ Sofonija?
IL-PROFEZIJA taʼ Sofonija ppuntat ferm ’il bogħod mill-ewwel twettiq tagħha fis-sebaʼ u s-sitt sekli Q.E.K. Fil-kummentarju tiegħu dwar Sofonija, il-Professur C. F. Keil kiteb: “Il-profezija taʼ Sofonija . . . mhux biss tibda bit-tħabbira taʼ ġudizzju universali fuq id-dinja kollha, li minnha joħroġ il-ġudizzju li se jaqaʼ fuq Ġuda minħabba dnubietha, u fuq id-dinja taʼ nazzjonijiet minħabba l-ostilità tagħha lejn il-poplu taʼ Jehovah; imma tittratta mill-bidu sat-tmiem dwar il-jum kbir u terribbli taʼ Jehovah.”
2. Liema similaritajiet jeżistu bejn il-kundizzjonijiet fi żmien Sofonija u s-sitwazzjoni ġol-Kristjaneżmu llum?
2 Illum, id-deċiżjoni ġudizzjarja taʼ Jehovah hija li jiġbor in-nazzjonijiet għall-qerda fuq skala ferm akbar minn dik taʼ żmien Sofonija. (Sofonija 3:8) Dawk in-nazzjonijiet li jsostnu li huma Kristjani huma partikolarment ħatjin fil-ħarsa t’Alla. Sewwa sew bħalma Ġerusalemm ħallset qares għan-nuqqas taʼ fedeltà tagħha lejn Jehovah, hekk ukoll il-Kristjaneżmu jrid jagħti kont lil Alla għall-mogħdijiet bla rażan tiegħu. Il-ġudizzji divini mlissnin kontra Ġuda u Ġerusalemm fi żmien Sofonija japplikaw saħansitra b’iżjed forza għall-knejjes u s-setet tal-Kristjaneżmu. Huma ħammġu wkoll il-qima pura bid-duttrini tagħhom li jiddiżonoraw lil Alla, li ħafna minnhom huma t’oriġini pagana. Huma ssaggrifikaw miljuni minn uliedhom mimlijin saħħa fuq l-artal modern tal-gwerra. Barra minn hekk, l-abitanti taʼ Ġerusalemm antitipika jħalltu l-hekk imsejħa Kristjanità maʼ l-astroloġija, prattiċi spiritistiċi, u immoralità sesswali degradanti, li jfakkru fil-qima taʼ Baal.—Sofonija 1:4, 5.
3. X’jistaʼ jingħad dwar ħafna mexxejja sekulari u gvernijiet politiċi llum, u Sofonija x’ipprofetizza?
3 Ħafna mill-mexxejja politiċi tal-Kristjaneżmu jħobbu jidhru fil-knisja. Imma bħall-“kbarat” taʼ Ġuda, għadd minnhom jisfruttaw lin-nies bħal “[i]ljuni jgħajtu” u “lpup” imġewħin. (Sofonija 3:1-3) Il-parassiti politiċi taʼ wħud bħal dawn ‘qegħdin jimlew id-dar tas-sidien tagħhom bi vjolenza u qerq.’ (Sofonija 1:9) It-tixħim u l-korruzzjoni huma abbundanti. Inkwantu għall-gvernijiet politiċi ġewwa u barra l-Kristjaneżmu, għadd li dejjem jikber minnhom ‘jitkabbru’ kontra n-nies taʼ Jehovah taʼ l-armati, ix-Xhieda tiegħu, billi jittrattawhom bħala “setta” mistmerra. (Sofonija 2:8; Atti 24:5, 14) Dwar il-mexxejja politiċi kollha bħal dawn u s-segwaċi tagħhom, Sofonija pprofetizza: “La l-fidda tagħhom lanqas id-deheb tagħhom ma jkun jistaʼ jeħlishom fil-jum tal-korla kbira tal-Mulej. Fin-nar imħeġġeġ tiegħu tintemm l-art kollha, għax qerda jagħmel, u tassew tal-għaġeb, minn kull min jgħammar fl-art.”—Sofonija 1:18.
‘Misturin F’Jum Il-Għadab Tal-Mulej’
4. X’juri li se jkun hemm uħud li jibqgħu ħajjin fil-jum il-kbir taʼ Jehovah, imma x’iridu jagħmlu?
4 Mhux l-abitanti kollha taʼ Ġuda ġew meqrudin fis-sebaʼ seklu Q.E.K. B’mod simili, se jkun hemm uħud li jibqgħu ħajjin fil-jum il-kbir taʼ Jehovah. Lil uħud bħal dawn Jehovah stqarr permezz tal-profeta tiegħu Sofonija: “Qabel ma jitwieled id-degriet, qabel ma l-jum igħaddi bħas-sifa li jtir, qabel is-saħna taʼ għadab il-Mulej ma tiġi fuqkom, qabel ma jiġi fuqkom jum għadab il-Mulej. Fittxu l-Mulej, intom ilkoll umli taʼ l-art, li għamiltu l-liġi tiegħu! Fittxu l-ħaqq, fittxu l-umiltà! Għandu mnejn tinsatru f’jum il-għadab tal-Mulej!”—Sofonija 2:2, 3, KŻ.
5. F’dan iż-żmien tat-tmiem, min kienu l-ewwel li taw kas tat-twissija taʼ Sofonija, u Jehovah kif użahom?
5 Fiż-żmien tat-tmiem taʼ din id-dinja, l-ewwel li taw kas taʼ l-istedina profetika kienu l-fdal taʼ Iżraeliti spiritwali, Kristjani midlukin. (Rumani 2:28, 29; 9:6; Galatin 6:16) Billi fittxew it-tjieba u l-umiltà u billi wrew rispett għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji taʼ Jehovah, huma ġew meħlusin minn Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, u rrestawrati għall-favur divin fl-1919. Minn dak in-nhar ’l hawn, u partikolarment mill-1922 ’l hawn, dawn il-fdal leali kienu u għadhom jipproklamaw bla biżaʼ l-ġudizzji taʼ Jehovah kontra l-knejjes u s-setet tal-Kristjaneżmu u kontra n-nazzjonijiet politiċi.
6. (a) Sofonija x’ipprofetizza dwar il-fdal leali? (b) Din il-profezija kif ġiet imwettqa?
6 Dwar dan il-fdal leali, Sofonija pprofetizza: “[I]nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken. U f’isem il-Mulej ifittxu l-kenn dawk li jifdal minn Israel. Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor, u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom, hekk li joqogħdu jirgħaw u jistrieħu bla ma jbeżżagħhom ħadd.” (Sofonija 3:12, 13) Dawn il-Kristjani midlukin minn dejjem żammew l-isem taʼ Jehovah fuq quddiem, imma dan kien speċjalment hekk mill-1931 ’l hawn, meta adottaw l-isem Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:10-12) Billi taw importanza lill-kwistjoni tas-sovranità taʼ Jehovah, huma onoraw l-isem divin, u dan ta prova li huwa taʼ refuġju għalihom. (Proverbji 18:10) Jehovah temagħhom spiritwalment bl-abbundanza, u jgħixu mingħajr biżaʼ f’ġenna spiritwali.—Sofonija 3:16, 17.
“Imsemmijin u Mfaħħrin Fost Il-Popli Kollha”
7, 8. (a) Liema profezija oħra twettqet fuq il-fdal taʼ Iżrael spiritwali? (b) Miljuni taʼ nies x’waslu biex jirrikonoxxu, u x’inhuma s-sentimenti tiegħek stess f’dan ir-rigward?
7 Il-ġibda profonda tal-fdal lejn l-isem taʼ Jehovah u l-prinċipji taʼ tjieba tal-Kelma tiegħu ma ġietx injorata. Nies sinċieri saru konxji tad-differenza bejn il-kondotta tal-fdal u l-korruzzjoni u l-ipokrezija tat-tmexxija politika u reliġjuża taʼ din id-dinja. Jehovah bierek lil ‘dawk li kien fadal minn Israel’ spiritwali. Onorahom bil-privileġġ li jġorru ismu, u ġiegħel li jkollhom reputazzjoni mill-aħjar fost il-popli taʼ l-art. Dan huwa bħalma pprofetizza Sofonija: “F’dak iż-żmien narġaʼ nġibkom; f’dak iż-żmien, niġmagħkom; għax nagħmilkom imsemmijin u mfaħħrin fost il-popli kollha taʼ l-art, meta jien inreġġagħkom għal li kontu quddiem għajnejkom, igħid il-Mulej.”—Sofonija 3:20, KŻ.
8 Mill-1935 ’l hawn, litteralment miljuni taʼ nies saru jirrikonoxxu li l-barka taʼ Jehovah qiegħda fuq il-fdal. B’ferħ isegwu lil dawn il-Lhud, jew Iżraeliti spiritwali, billi jgħidu: “Ħa niġi magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!” (Żakkarija 8:23) Dawn in-“ngħaġ oħra” jaraw fil-fdal midlukin “l-irsir leali u diskret,” maħtur minn Kristu “fuq ġidu [taʼ l-art] kollu.” Huma b’ħajr jieħdu sehem mill-ikel spiritwali ppreparat mill-klassi taʼ l-irsir “fiż-żmien xieraq.”—Ġwann 10:16; Mattew 24:45-47, NW.
9. Miljuni taʼ nies liema “lingwa” tgħallmu jitkellmu, u f’liema xogħol kbir qegħdin in-ngħaġ oħrajn jaqdu “spalla maʼ spalla” mal-fdal midlukin?
9 Flimkien mal-fdal, dawn il-miljuni taʼ ngħaġ oħrajn qegħdin jitgħallmu jgħixu u jitkellmu f’armonija mal-“lingwa pura.”a Jehovah ipprofetizza permezz taʼ Sofonija: “Imbagħad se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura, sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9, NW) Iva, in-ngħaġ oħrajn f’unità jaqdu lil Jehovah “spalla maʼ spalla” mal-membri midlukin tal-“merħla ċkejkna” fix-xogħol urġenti taʼ ppridkar taʼ “din il-Bxara t-tajba tas-Saltna . . . biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda.”—Luqa 12:32; Mattew 24:14.
‘Se Jasal Jum Il-Mulej’
10. Il-fdal midlukin dwar liema ħaġa kienu minn dejjem konvinti, u bħala klassi, x’se jibqgħu ħajjin biex jaraw?
10 Il-fdal midlukin żammew f’moħħhom kontinwament l-istqarrija ispirata taʼ l-appostlu Pietru: “Mhux li jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għal l-indiema. Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel.” (2 Pietru 3:9, 10) Membri tal-klassi taʼ l-irsir leali qatt ma kellhom xi dubji fuq il-miġja tal-jum taʼ Jehovah fi żmienna. Dak il-jum kbir se jibda bl-esekuzzjoni tal-ġudizzji t’Alla kontra l-Kristjaneżmu, Ġerusalemm antitipika, u l-bqija taʼ Babilonja l-Kbira.—Sofonija 1:2-4; Apokalissi 17:1, 5; 19:1, 2.
11, 12. (a) Liema parti oħra tal-profezija taʼ Sofonija ġiet imwettqa fuq il-fdal? (b) Il-fdal midlukin kif taw kas tas-sejħa, “Tħallix idejk jintelqu”?
11 Il-fdal leali jithennew li ġew meħlusin fl-1919 minn skjavitù spiritwali taħt Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Huma esperjenzaw it-twettiq tal-profezija taʼ Sofonija: “Għajjat bil-ferħ taʼ qalbek, bint Sijon, Israel, semmaʼ leħnek! Infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha, ja bint Ġerusalemm! Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontra tiegħek, keċċa l-egħdewwa tiegħek. Is-sultan t’Israel, il-Mulej hu f’nofsok; ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibżaʼ. Dak in-nhar igħidu lil Ġerusalemm: ‘Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu: il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva.’” —Sofonija 3:14-17.
12 Bil-konvinzjoni u prova abbundanti li Jehovah qiegħed f’nofshom, il-fdal midlukin komplew jimxu ’l quddiem bla biżaʼ f’li jwettqu l-inkarigu divin tagħhom. Huma ppridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u għamlu magħrufin il-ġudizzji taʼ Jehovah kontra l-Kristjaneżmu, il-bqija taʼ Babilonja l-Kbira, u s-sistema t’affarijiet mill-agħar kollha kemm hi taʼ Satana. Minkejja kull diffikultà, matul is-snin mill-1919 ’il hawn, obdew il-kmand divin: “Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu.” Huma ma tgħażżnux f’li jqassmu biljuni taʼ fuljetti, rivisti, kotba, u libretti li jħabbru s-Saltna taʼ Jehovah. Kienu t’eżempju li jispira l-fidi għan-ngħaġ l-oħrajn li, mill-1935 ’l hawn, inġemgħu magħhom.
“Tħallix Idejk Jintelqu”
13, 14. (a) Xi Lhud għala daru lura milli jaqdu lil Jehovah, u dan kif ġie muri? (b) X’ma jkunx għaqli li nagħmlu, u f’liema xogħol m’għandniex inħallu jdejna jintelqu?
13 Waqt li ‘nistennew’ il-jum il-kbir taʼ Jehovah, kif nistgħu nieħdu għajnuna prattika mill-profezija taʼ Sofonija? L-ewwel, għandna noqgħodu attenti li ma nsirux bħal-Lhud fi żmien Sofonija li daru lura milli jsegwu lil Jehovah għaliex ħaddnu dubji dwar kemm kien qrib il-jum taʼ Jehovah. Lhud bħal dawk mhux neċessarjament li stqarrew id-dubji tagħhom fil-miftuħ, imma l-korsa t’azzjoni tagħhom uriet li huma m’emmnux realment li l-jum il-kbir taʼ Jehovah kien qrib. Ikkonċentraw fuq li jgeddsu ġid materjali minflok ma jistennew lil Jehovah.—Sofonija 1:12, 13; 3:8.
14 Illum m’huwiex iż-żmien li nħallu dubji jinbtu fi qlubna. Ma jkunx wisq għaqli li nippostponu fi mħuħna jew fi qlubna l-miġja tal-jum taʼ Jehovah. (2 Pietru 3:1-4, 10) Għandna nevitaw li nduru lura milli nsegwu lil Jehovah jew milli ‘nħallu jdejna jintelqu’ fis-servizz tiegħu. Dan jinkludi li ma naħdmux ‘b’id għażżiena’ fl-ippridkar tagħna tal-“Bxara t-tajba.”—Proverbji 10:4; Mark 13:10.
Niġġieldu L-Indifferenza
15. Liema ħaġa tistaʼ ġġegħilna nitgħażżnu fis-servizz taʼ Jehovah, u din il-problema kif kienet imbassra fil-profezija taʼ Sofonija?
15 It-tieni, għandna noqogħdu għassa kontra l-effetti li jdgħajfu taʼ l-indifferenza. F’ħafna pajjiżi tal-Punent, li n-nies juru nuqqas taʼ interess f’affarijiet spiritwali jistaʼ jsir kaġun taʼ skuraġġiment fost xi predikaturi taʼ l-aħbar tajba. Indifferenza bħal din eżistiet fi żmien Sofonija. Jehovah stqarr permezz tal-profeta tiegħu: “Nikkastiga n-nies li . . . joqogħdu jgħidu f’qalbhom: ‘Ma jagħmel il-Mulej la ġid, la deni!’” (Sofonija 1:12) Hu u jikteb dwar dan il-passaġġ fil-Cambridge Bible for Schools and Colleges, A. B. Davidson stqarr li dan jirreferi għal nies li “niżlu għal livell baxx taʼ indifferenza bierda jew saħansitra nuqqas taʼ twemmin rigward kwalunkwe indħil minn poter ogħla fil-kwistjonijiet taʼ l-umanità.”
16. Liema stat mentali jeżisti fost ħafna membri tal-knejjes tal-Kristjaneżmu, imma Jehovah liema inkuraġġiment jagħtina?
16 L-indifferenza hija l-attitudni prevalenti llum f’ħafna partijiet tad-dinja, partikolarment fil-pajjiżi iżjed għonja. Saħansitra membri tal-knejjes tal-Kristjaneżmu sempliċement ma jemmnux li Alla Jehovah se jintervjeni fi kwistjonijiet umani fi żmienna. Huma jwarrbu l-isforzi tagħna biex nilħquhom bl-aħbar tajba tas-Saltna jew bi tbissima xettika jew bi tweġiba xotta xotta “Minix interessat!” Taħt dawn il-kundizzjonijiet, perseveranza fix-xogħol taʼ l-ippridkar tistaʼ tkun tassew sfida. Dan jittestja s-sabar fit-tul tagħna. Imma permezz tal-profezija taʼ Sofonija, Jehovah isaħħaħ lill-poplu leali tiegħu, billi jgħid: “Tħallix idejk jintelqu: il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’agħjat taʼ ferħ.”—Sofonija 3:16, 17.
17. Liema eżempju mill-aħjar għandhom isegwu wħud ġodda fost in-ngħaġ oħrajn, u kif?
17 Huwa fatt fl-istorja tan-nies taʼ Jehovah fi żmienna li l-fdal, kif ukoll uħud ixjeħ fost in-ngħaġ oħrajn, wettqu xogħol tremend taʼ ġbir f’dawn l-aħħar jiem. Dawn il-Kristjani leali kollha wrew sabar fit-tul matul is-snin. Ma ħallewx l-indifferenza min-naħa tal-maġġoranza fil-Kristjaneżmu tiskuraġġihom. Mela jalla l-uħud ġodda fost in-ngħaġ oħrajn ma jħallux lilhom infushom jiġu skuraġġiti bl-indifferenza lejn affarijiet spiritwali li hija tant prevalenti f’ħafna pajjiżi llum. Jalla ma jħallux ‘idejhom jintelqu,’ jew ibattu. Jalla jużaw kull opportunità biex jippreżentaw It-Torri Taʼ L-Għassa, l-Awake!, u pubblikazzjonijiet oħrajn mill-aħjar imfasslin speċjalment biex jgħinu nies bħal ngħaġ jitgħallmu l-verità dwar il-jum taʼ Jehovah u l-barkiet li se jiġu wara.
’Il Quddiem Waqt Li Nistennew Il-Jum Il-Kbir!
18, 19. (a) Liema inkuraġġiment biex nissaportu fit-tul insibu f’Mattew 24:13 u Isaija 35:3, 4? (b) Kif se niġu mberkin jekk nimxu ’l quddiem magħqudin fis-servizz taʼ Jehovah?
18 Ġesù stqarr: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Mela, ebda “idejn mitruħa” jew “irkubbtejn imriegħda” waqt li nistennew il-jum il-kbir taʼ Jehovah! (Isaija 35:3, 4) Il-profezija taʼ Sofonija tistqarr b’mod rassiguranti dwar Jehovah: “Bħala Wieħed setgħan, hu se jsalva lil ħaddieħor.” (Sofonija 3:17, NW) Iva, Jehovah se jsalva lill-“folla kbira” minn ġol-fażi finali tat-“tribulazzjoni l-kbira,” meta jordna lil Ibnu biex ifarrak f’biċċiet lin-nazzjonijiet politiċi li jkomplu ‘jitkabbru’ kontra niesu.—Rivelazzjoni 7:9, 14, NW; Sofonija 2:10, 11; Salm 2:7-9.
19 Hekk kif il-jum il-kbir taʼ Jehovah javviċina, jalla nimxu ’l quddiem b’żelu, naqduh “spalla maʼ spalla”! (Sofonija 3:9, NW) Billi nagħmlu hekk, aħna nfusna u oħrajn bla għadd se niġu mqegħdin f’pożizzjoni biex ‘f’jum il-korla tal-Mulej ikollna fejn nistkennu’ u nixhdu s-santifikar taʼ ismu qaddis.—Sofonija 2:3. (w96 3/1)
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni sħiħa fuq il-“lingwa pura,” ara It-Torri tal-Għassa, taʼ l-1 taʼ Lulju, 1991, paġni 12-16, u l-1 t’Awissu, 1991, paġni 7-16.
Bħala Reviżjoni
◻ Is-sitwazzjoni reliġjuża ġewwa l-Kristjaneżmu f’liema aspetti tikkorrispondi maʼ dik taʼ żmien Sofonija?
◻ Ħafna mexxejja politiċi llum kif jixbhu lill-“kbarat” sekulari fi żmien Sofonija?
◻ Liema wegħdi f’Sofonija ġew imwettqin fuq il-fdal?
◻ Miljuni taʼ nies x’waslu biex jirrikonoxxu?
◻ Għala m’għandniex inħallu jdejna jintelqu fis-servizz taʼ Jehovah?
[Stampi f’paġna 29]
Bħal Sofonija, il-fdal leali taʼ Kristjani midlukin kienu u għadhom jipproklamaw bla biżaʼ il-ġudizzji taʼ Jehovah
[Stampi f’paġna 32]
In-“ngħaġ oħra” ma ħallewx l-indifferenza tan-nies tiskuraġġihom