Tkellem il-Lingwa Pura u Għix Għal Dejjem!
“Fittxu lil Jehovah . . . Fittxu t-tjieba, fittxa li tkunu ġwejdin. X’aktarx tistgħu tiġu moħbijin f’jum ir-rabja taʼ Jehovah.”−SOFONIJA 2:3.
1. (a) Liema metodi jużaw l-istudenti biex jitgħallmu lingwa barranija? (b) Għala għandna nitkellmu l-lingwa pura?
L-ISTUDENTI jistgħu jitgħallmu xi lsien ġdid billi jużaw il-metodu tal-grammatika jew il-metodu tal-lingwa mitkellma. Taħt il-metodu tal-grammatika, huma ġeneralment jużaw kotba tal-iskola u jitgħallmu regoli tal-grammatika. Taħt il-metodu tal-lingwa mitkellma, huma jimitaw il-ħsejjes u mudelli taʼ kliem mitkellma mill-għalliem tagħhom. Iż-żewġ metodi huma wżati f’li wieħed jitgħallem il-“lingwa pura.” U huwa vitali li nitkellmu din il-lingwa jekk nittamaw li niġu “moħbijin f’jum ir-rabja taʼ Jehovah.”−Sofonija 2:1-3; 3:8, 9.
2. Kif nistgħu nitgħallmu dawk li nistgħu nsejħulhom ir-regoli tal-grammatika tal-lingwa pura?
2 Il-ktieb prinċipali tal-iskola li jintuża biex wieħed jitgħallem il-lingwa pura huwa l-Bibbja. Studju bil-għaqal tagħha u taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja jgħallmek dawk li nistgħu nsejħulhom ir-regoli tal-grammatika għall-lingwa pura. Studju tal-Bibbja fid-dar immexxi minn wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah huwa bidu tajjeb. Għal dawk li diġa huma ddedikati lil Alla, studju regulari u diliġenti tal-Iskrittura huwa essenzjali. Imma hemm modi speċjalment effettivi biex wieħed jitgħallem il-lingwa pura? U x’benefiċċji jirriżultaw milli wieħed jitkellimha?
Kif Titgħallem il-Lingwa Pura
3. Liema hu mod wieħed kif titgħallem il-lingwa pura?
3 Mod wieħed kif titgħallem il-lingwa pura huwa li tassoċja veritajiet li qed titgħallem maʼ punti li diġà taf, bħalma student tal-lingwa jistaʼ jirrakkonta b’mod progressiv diversi regoli tal-grammatika. Per eżempju, f’xi żmien int forsi kont taf li Ġesù Kristu huwa l-Iben t’Alla, imma ftit kont taf dwar id-dmirijiet tiegħu. Minn dak iż-żmien ’il hawn, studju tal-Bibbja forsi għallmek li Kristu qiegħed issa jaħkem bħala Sultan tas-sema u li matul ir-Renju taʼ Elf Sena tiegħu, l-umanità ubbidjenti se tiġi mgħollija lejn il-perfezzjoni. (Rivelazzjoni 20:5, 6) Iva, li tassoċja ħsibijiet ġodda maʼ dawk li diġà taf itejjeb il-fehma tiegħek dwar il-lingwa pura.
4. (a) Liema hu mod ieħor kif titgħallem ir-‘regoli tal-grammatika’ tal-lingwa pura, u liema rakkont tal-Bibbja huwa wżat biex jagħti stampa taʼ dan? (b) X’ġara hekk kif Gideon u t-tliet mitt raġel tiegħu ħadu azzjoni? (ċ) Ir-rakkont dwar Gideon igħallem liema lezzjoni?
4 Mod ieħor kif titgħallem ir-‘regoli grammatiċi’ tal-lingwa pura huwa billi tipprova ġġib quddiem għajnejk il-ġrajjiet fil-Bibbja. Biex nagħtu eżempju: Ipprova ‘ara u isma’’ r-rakkont miktub f’Imħallfin 7:15-23. Ħares! L-imħallef Iżraelit Gideon fired il-forzi tiegħu fi tliet kumpaniji taʼ mitt raġel kull waħda. Fid-dlam, huma jinżlu bil-kwiet minn fuq il-Muntanja taʼ Gilboa u jdawru l-kamp tal-Midjaniti reqdin. Armati sewwa, dawn it-300? Le, mhux militarment. Ħeqq, kieku kellhom jarawhom xi militaristi mkabbrin żgur li kienu jidħqu bihom! Kull wieħed għandu biss qarn, ġarra kbira tal-ilma, u torċa ġewwa l-ġarra. Imma isma’! Jingħata sinjal u l-mitt raġel maʼ Gideon idoqqu l-iqran tagħhom u jfarrku l-ġarar tal-ilma tagħhom. Il-mitejn l-oħra jagħmlu l-istess ħaġa. Hekk kif huma jgħollu t-torċi jaqbdu tagħhom ’il fuq, int tismagħhom igħajtu: “Is-sejf taʼ Jehovah u taʼ Gideon!” Kif jitterrorizza lill-Midjaniti dan! Huma joħorġu bil-fixkla mit-tined tagħhom, b’għajnejhom mimlijin irqad miftuħin bil-biżaʼ minħabba l-fjammi jogħlew li jikxfu dellijiet taʼ figuri u jrewħu biżaʼ superstizzjuz. Hekk kif il-Midjaniti jibdew jaħarbu, l-irġiel taʼ Gideon ikomplu jdoqqu l-iqran tagħhom, u Alla jpoġġi lill-egħdewwa tagħhom kontra xulxin. X’lezzjoni qawwija ferm fil-lingwa pura! Alla jistaʼ jeħles lill-qaddejja tiegħu mingħajr qawwa militari umana. Barra minn hekk, “Jehovah mhux se jabbanduna lill-poplu tiegħu minħabba fl-isem kbir tiegħu.”−1 Samwel 12:22.
5. Il-laqgħat Kristjani kif jistgħu jgħinu biex jirraffinaw id-diskors tagħna?
5 Meta l-istudenti jiġu mgħallmin ilsien barrani permezz tal-metodu tal-lingwa mitkellma, huma jipprovaw jirrepetu l-ħsejjes u l-kliem tal-għalliem b’mod korrett. Liema opportunitajiet mill-aħjar hemm biex inti titkellem il-lingwa pura fil-laqgħat Kristjani! Hemm nisimgħu kif oħrajn jesprimu rwieħhom f’dik il-lingwa taʼ verità Skritturali, u aħna jistaʼ jkollna l-privileġġ li nikkummentaw aħna stess. Nibżgħu aħna li forsi ngħidu xi ħaġa ħażina? Ejjew ma nħallux dan jinkwetana, għax anki żball li jiġi kkorreġut b’qalb tajba mill-anzjan li jkun qed jippresiedi laqgħa bħall-istudju taʼ kull ġimgħa fuq it-Torri tal-Għassa jistaʼ jirraffinalna d-diskors tagħna. Għalhekk, attendi u pparteċipa fil-laqgħat Kristjani regolarment.—Ebrej 10:24, 25.
Infiltrazzjoni taʼ Impuritajiet
6. Għala hemm tant kuntrast bejn ix-Xhieda taʼ Jehovah u l-organizzazzjonijiet reliġjużi tal-Kristjaneżmu?
6 Dawk li jiddikjaraw il-għan taʼ Jehovah u jannunzjaw is-Saltna stabbilita tiegħu fis-sema qed jitkellmu l-lingwa pura bħala x-Xhieda tiegħu. Huma jagħmlu lil ismu magħruf u jaqduh “spalla maʼ spalla,” jew fi qbil wieħed. (Sofonija 3:9) Għalkemm ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu għandhom il-Bibbja, m’humiex qegħdin jitkellmu l-lingwa pura jew isejħu l-isem t’Alla bil-fidi. (Ġojeli 2:32) M’għandhom ebda messaġġ armonjuż ibbażat fuq l-Iskrittura. Għala? Għaliex huma jpoġġu t-tradizzjonijiet reliġjużi, il-filosofiji tad-dinja, u l-lealtajiet politiċi fuq il-Kelma t’Alla. Il-għanijiet, it-tamiet, u l-metodi tagħhom huma kollha taʼ din id-dinja mill-agħar.
7. Liema differenzi bejn ix-Xhieda taʼ Jehovah u r-reliġjonijiet foloz huma indikati fl-1 Ġwann 4:4-6.
7 Il-Kristjaneżmu—fil-fatt, l-imperu dinji kollu kemm hu taʼ reliġjon falza—ma jitkellimx l-istess lingwa bħal dik tax-Xhieda taʼ Jehovah. Taʼ interess, lil dawk li qed jitkellmu l-lingwa pura, l-appostlu Ġwanni kitbilhom: “Intom toriġinaw minn Alla, . . . u kkonkwistajtu lil dawk il-persuni, għaliex dak li hu f’għaqda magħkom hu akbar minn dak li hu f’għaqda mad-dinja. Huma joriġinaw mid-dinja; huwa għalhekk li jitkellmu dak li jissokta mid-dinja u d-dinja tismagħhom. Aħna noriġinaw minn Alla. Dak li jikseb il-għarfien t’Alla jismagħna; dak li ma joriġinax minn Alla ma jismagħniex.” (1 Ġwann 4:4-6) Il-qaddejja taʼ Jehovah ikkonkwistaw fuq għalliema foloz għaliex Alla, li hu f’għaqda mal-poplu tiegħu, “hu akbar [mix-Xitan li] hu f’għaqda mad-dinja,” is-soċjetà umana bla tjieba. Ladarba l-apostati “joriġinaw mid-dinja” u għandhom l-ispirtu mill-agħar tagħha, huma “jitkellmu dak li jissokta mid-dinja u d-dinja tismagħhom.” Imma individwi li huma bħal ngħaġ jisimgħu minn dawk li joriġinaw minn Alla, billi jirrealizzaw li n-nies taʼ Jehovah jitkellmu l-lingwa pura taʼ verità Biblika pprovduta permezz tal-organizzazzjoni tiegħu.
8. X’inhi l-identità tar-raġel taʼ bla liġi?
8 Ġiet imbassra apostasija kbira, u ‘misteru tan-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi’ kien diġà beda jaħdem fl-ewwel seklu E.K. Hekk kif għadda ż-żmien, irġiel li aċċettaw—jew ħatfu—r-responsabbiltà taʼ li jgħallmu fil-kongregazzjoni bdew igħallmu ħafna duttrini foloz. Il-lingwa tagħhom kienet ’il bogħod minn waħda pura. Mela nħoloq “raġel taʼ bla liġi” kompost, il-kleru tal-Kristjaneżmu, li hu marbut maʼ ħafna tradizzjonijiet reliġjużi foloz, filosofiji tad-dinja, u tagħlim li mhux Skritturali.—2 Tessalonkin 2:3, 7.
Lingwa Pura Mismugħa mad-Dinja Kollha?
9. Liema żviluppi reliġjużi kien hemm matul is-seklu 19?
9 Minoranza żgħir biss taʼ nies li jibżgħu minn Alla ‘jagħmlu ġlieda iebsa għall-fidi li twasslet lill-qaddisin.’ (Ġuda 3) Fejn setgħu jinstabu wħud li jemmnu bħal dawn? Għal sekli, ir-reliġjon falza żammet lill-kotriet fi dlam spiritwali, imma Alla kien jafhom lil dawk il-ftit li kellhom l-approvazzjoni tiegħu. (2 Timotew 2:19) U mbagħad, f’nofs il-bidliet industrijali, kummerċjali, u soċjali tas-seklu 19, bdew iqumu vuċijiet li kienu differenti mill-babilonja ġenerali taʼ taħwid reliġjuż. Gruppi żgħar bdew jipprovaw jaqraw is-sinjali taż-żminijiet u jbassru t-tieni miġja taʼ Ġesù, imma mhux kollha kienu qed jitkellmu l-lingwa pura.
10. Liema grupp tat-“tieni miġja” għażel Alla biex jitkellem il-lingwa pura, u għala hu evidenti li l-id taʼ Jehovah kienet magħhom?
10 Fl-1879, madankollu, sar ċar liema leħen tat-“tieni miġja” kien qed jintgħażel minn Jehovah biex jitkellmu l-lingwa pura bħala x-Xhieda tiegħu. Sa dak iż-żmien, grupp żgħir taʼ studju tal-Bibbja mmexxi minn Charles Taze Russell kien qed jiltaqaʼ f’Pittsburgh, Pennsylvania, U.S.A. Huma kienu saru ċerti li t-tieni miġja taʼ Ġesù kellha tibda bil-preżenza inviżibbli tiegħu, li dalwaqt kien ġej żmien taʼ niket dinji, u li dan kellu jiġi segwit mir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu li kellu jġib restawrazzjoni tal-Ġenna tal-Art b’ħajja eterna għal bnedmin ubbidjenti. F’Lulju tal-1879 dawn l-Istudenti tal-Bibbja bdew jippubblikaw ir-rivista li issa hi magħrufa bħala The Watchtower, jew It-Torri tal-Għassa bil-Malti. Tqassmu biss 6,000 kopja minn dik l-ewwel ħarġa. Imma li “l-id taʼ Jehovah” kienet maʼ dawk ix-Xhieda huwa evidenti, għax din ir-rivista hija issa ppubblikata f’111-il lingwa b’medja taʼ stampar taʼ ’l fuq minn 15,000,000 kopja għal kull ħarġa.—Qabbel Atti 11:19-21.
11, 12. Liema huma xi veritajiet Skritturali mifhuma minn dawk li jitkellmu l-lingwa pura?
11 Permezz tal-Iskrittura Mqaddsa u taʼ pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, u speċjalment bl-ippridkar tal-aħbar tajba minn dawn il-Kristjani żelużi, il-lingwa pura ġiet li saret magħrufa mal-art kollha. U liema benefiċċji grandjużi jitgawdew minn dawk li jitkellmuha! Minflok ma jgħidu li ‘Alla u Alla, Kristu hu Alla, u l-Ispirtu s-Santu hu Alla’ bil-lingwaġġ misterjuż tat-Trinitarjaniżmu, huma jaqblu mal-pożizzjoni tal-Bibbja li Jehovah hu l-Iktar Għoli, li Ġesù Kristu bħala wieħed iżgħar huwa Ibnu, u li l-ispirtu qaddis huwa l-forza attiva tal-għaġeb t’Alla. (Ġenesi 1:2; Salm 83:18; Mattew 3:16, 17) Dawk li jitkellmu l-lingwa pura jafu li l-bniedem ma evolviex minn xi forma iktar baxxa taʼ ħajja imma ġie maħluq minn Alla li jħobb. (Ġenesi 1:27; 2:7) Huma jirrealizzaw li r-ruħ ma tibqax teżisti mal-mewt—fatt li jelimina l-biżaʼ mill-mejtin. (Ekkleżjasti 9:5, 10; Eżekjel 18:4) L-infern huwa mifhum bħala l-qabar komuni tal-umanità, mhux post tan-nar għal tbatija maħluq minn xi alla kattiv. (Ġob 14:13) Huma jafu wkoll li l-irxoxt huwa t-tama mogħtija minn Alla għall-mejtin.—Ġwann 5:28, 29; 11:25; Atti 24:15.
12 Dawk li jitkellmu l-lingwa pura juru rispett lejn id-demm u l-ħajja. (Ġenesi 9:3, 4; Atti 15:28, 29) Huma jirrealizzaw li l-ħajja fuq l-art taʼ Kristu hija l-prezz li tħallas bħala rahan biex jifdi lill-bnedmin ubbidjenti. (Mattew 20:28; 1 Ġwann 2:1, 2) Qatt ma jitolbu lil xi “qaddisin,” ladarba jafu li t-talbiet tagħhom għandhom ikunu diretti lejn Alla Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 14:6, 13, 14) Ladarba l-Kelma t’Alla tikkundanna l-idolatrija, xbihat ma jintużawx fil-qima tagħhom. (Eżodu 20:4-6; 1 Korintin 10:14) U jevitaw il-perikli tad-dimoniżmu għaliex huma jiċħdu l-ispiritiżmu, li hu wkoll ikkundannat fil-Bibbja.—Dewteronomju 18:10-12; Galatin 5:19-21.
13. Dawk li jitkellmu l-lingwa pura għala m’humiex imwerwrin?
13 Il-qaddejja taʼ Jehovah, li jitkellmu l-lingwa pura, m’humiex imwerwrin dwar fejn qegħdin fil-medda taż-żmien. Jehovah għallimhom li qegħdin fiż-“żmien tat-tmiem,” b’Ġesù preżenti bħala spirtu inviżibbli glorjuż. (Danjel 12:4; Mattew 24:3-14; 2 Timotew 3:1-5; 1 Pietru 3:18)) B’qawwiet setgħana tas-sema warajh, Kristu wasal biex jirkeb għal ġol-battalja biex jesegwixxi l-ġudizzju t’Alla kontra din is-sistema taʼ affarijiet. (Danjel 2:44; Rivelazzjoni 16:14, 16; 18:1-8; 19:11-21) Iva, u dawk li jitkellmu l-lingwa pura huma mħabbtin jiddikjaraw l-aħbar tajba li s-Saltna t’Alla taħt Kristu dalwaqt se ġġib barkiet grandjużi għall-bnedmin ubbidjenti kollha f’ġenna fuq l-art. (Isaija 9:6, 7; Danjel 7:13, 14; Mattew 6:9, 10; 24:14; Luqa 23:43) Dan kollu, u aħna sempliċement ħakkejna ftit il-wiċċ! Ċertament, il-lingwa pura hi l-iktar waħda rikka, l-iktar ilsien prezzjuż fuq l-art!
14. Liema benefiċċji oħra jitgawdew minn dawk li jitkellmu l-lingwa pura?
14 Il-benefiċċji li jitgawdew minn dawk li jitkellmu l-lingwa pura jinkludu “l-paċi t’Alla” lil tgħassew lil qlub u lil qawwiet mentali. (Filippin 4:6, 7) Huma jobdu l-liġijiet tal-Bibbja, li jġibu ’l quddiem is-saħħa, il-ferħ, u s-sodisfazzjon li jiġi meta wieħed ikun jogħġob lill-Ħallieq. (1 Korintin 6:9, 10) Iva, u l-kelliema tal-lingwa pura għandhom it-tama taʼ ħajja eterna fid-dinja l-ġdida li Alla jwiegħed.— 2 Pietru 3:13.
Użaha jew Itlifha
15. Kif se tibbenefika int minn qabda mill-aħjar tal-lingwa pura?
15 Jekk int trid li titkellem il-lingwa pura fid-dinja l-ġdida, int trid tant issir tafha sew li ssir il-lingwa li biha taħseb. Meta wieħed ikun qed jitgħallem lingwa, għall-ewwel jaħseb fil-lingwa naturali tiegħu u jittraduċi l-ħsibijiet tiegħu għal ġol-lingwa l-ġdida. Imma hekk kif isir jafha iktar lil dik il-lingwa l-ġdida, hu jibda jaħseb biha mingħajr il-bżonn tal-proċess taʼ traduzzjoni. B’mod simili, billi tistudja bir-reqqa, int tistaʼ tant tikseb qabda soda u mill-aħjar tal-lingwa pura li int tkun taf kif tapplika l-liġijiet u l-prinċipji tal-Bibbja biex issolvi l-problemi u tibqaʼ fil-“passaġġ tal-ħajja.”—Salm 16:11.
16. X’jistaʼ jiġri jekk int ma tużax il-lingwa pura regolarment?
16 Il-lingwa pura trid tużaha regolarment, inkella titlef l-abbiltà li titkellimha sewwa. Biex nagħtu eżempju: Snin ilu, xi wħud minna studjaw xi lingwa barranija. Forsi niftakru xi kelmiet f’dak l-ilsien imma x’aktarx li ma tantx nitkellmuha tajjeb għaliex ma nużawhiex il-ħin kollu. L-istess jistaʼ jiġri bil-lingwa pura. Jekk ma nużawhiex regolarment, nistgħu nitilfuha, u dan ikollu konsegwenzi traġiċi għall-ispiritwalità tagħna. Ejjew għalhekk nitkellmuha regolarment fil-laqgħat u fil-ministeru Kristjan. Dawn l-attivitajiet, flimkien maʼ studju persunali, se jgħinuna biex ingħidu l-affarijiet sewwa fil-lingwa pura. U kemm hu importanti dan!
17. X’hemm li juri li d-diskors jistaʼ jsalva l-ħajja jew jistaʼ jġib il-mewt?
17 Il-kliem jistaʼ jsalvalek ħajtek u jistaʼ jġib fuqek il-mewt. Dan ġie muri meta kien hemm konflitt bejn it-tribù Iżraelit taʼ Efraim u l-Imħallef Ġefta taʼ Gilead. Biex jidentifikaw lill-Efraimiti li kienu qed jipprovaw jaħarbu billi jaqsmu x-Xmara Ġordan, il-Gileaditi wżaw il-kelma “Xibbolet,” li kienet tibda bil-ħoss tal-“exxe,” bħala password. L-irġiel taʼ Efraim kixfu lilhom infushom mal-għassiesa Gileaditi fl-inħawi baxxi tal-Ġordan billi qalu “Sibbolet,” minflok “Xibbolet,” billi ppronunzjaw ħażin il-ħoss tal-ftuħ taʼ dik il-kelma. Bħala riżultat, 42,000 Efraimiti nqatlu! (Imħallfin 12:5, 6) Bl-istess mod, dak li jgħallmu l-kleru tal-Kristjaneżmu jistaʼ jidher li hu qrib il-lingwa pura għal dawk li ma tantx huma midħla tal-verità tal-Bibbja. Imma li titkellem b’mod reliġjuż falz ikun fatali f’jum ir-rabja taʼ Jehovah.
Magħqudin Nibqgħu Aħna
18, 19. X’inhu s-sinjifikat taʼ Sofonija 3:1-5?
18 B’referenza għal Ġerusalemm tal-qedem li ma baqgħetx leali u għax-xebh modern tagħhom, il-Kristjaneżmu, jintqal f’Sofonija 3:1-5: “Gwaj għaliha dik li qed tirvella u tniġġes lilha nfisha, il-belt oppressiva! Ma semgħetx minn leħen; ma laqgħetx id-dixxiplina. F’Jehovah ma fdatx. Lejn Alla tagħha ma resqetx qrib. Il-prinċpijiet tagħha ġo nofsha kienu ljuni jagħjtu. L-imħallfin tagħha kienu lpup taʼ fil-għaxija li ma għomodewx il-għadam sa fil-għodu. Il-profeti tagħha kienu insolenti, kienu nies taʼ ħażen kbir. Il-qassisin tagħha nfushom ipprofanaw dak li kien qaddis; għamlu vjolenza lil-liġi. Jehovah kien twajjeb ġo nofsha; ma kien jagħmel ebda nuqqas taʼ tjieba. Għodwa wara għodwa baqaʼ jagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja tiegħu stess. Bi nhar ma wrietx li kienet nieqsa. Imma l-wieħed mhux twajjeb ma kien jaf ebda mistħija.” X’inhu s-sinjifikat taʼ dak il-kliem?
19 Kemm Ġerusalemm tal-qedem u kemm il-Kristjaneżmu modern irribellaw kontra Jehovah u niġġsu lilhom infushom b’qima falza. Il-ħażen tal-mexxejja tagħhom irriżulta f’oppressjoni. Minkejja t-twissijiet ripetuti t’Alla, huma ma semgħux u ma qorbux lejh. Il-prinċpijiet tagħhom kienu bħal iljuni feroċi u bil-guħ, li b’arroganza warrbu t-tjieba. Bħal ilpup għatxana għad-demm, l-imħallfin tagħhom ċarrtu l-ġustizzja f’biċċiet. Il-qassisin tagħhom ‘ipprofanaw dak li hu qaddis u għamlu vjolenza lil-liġi’ t’Alla. Mela Jehovah wasal biex ‘jiġbor ġnus u jiġmaʼ flimkien saltniet, sabiex isawwab fuqhom id-denunzja tiegħu, ir-rabja taħraq kollha tiegħu.’—Sofonija 3:8.
20. (a) Xi trid tagħmel biex tibqaʼ ħaj f’jum ir-rabja taʼ Jehovah? (b) Kif tistaʼ int tittama li tgawdi barkiet eterni mingħand Alla?
20 Il-jum tar-rabja taʼ Jehovah qed joqrob malajr. Biex tibqaʼ ħaj għal ġod-dinja ġdida t’Alla, għalhekk, tgħallem u tkellem il-lingwa pura mingħajr dewmien. Billi tagħmel hekk biss tistaʼ int issib protezzjoni minn diżastru spiritwali issa u mill-gwaj globali li tant hu qrib. Ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jiddikjaraw il-jum tar-rabja t’Alla u l-messaġġ li jqawwi l-qalb tas-Saltna tiegħu. Kemm jieħdu pjaċir jitkellmu dwar il-glorja tal-istat tiegħu taʼ sultan! (Salm 145:10-13) Sir magħqud magħhom, u int tistaʼ tittama li tgawdi barkiet eterni mill-oriġinatur tal-lingwa pura, il-Mulej Sovran Jehovah.
Kif Kont Twieġeb?
◻ Liema huma xi modi kif titgħallem il-lingwa pura?
◻ Għala hu taʼ benefiċċju li titkellem il-lingwa pura?
◻ X’jistaʼ jiġri jekk ma tużax il-lingwa pura regolarment?
◻ Kif jistaʼ wieħed jibqaʼ ħaj f’jum ir-rabja taʼ Jehovah u jgawdi barkiet eterni?
[Stampa f’paġna 15]
Mill-1879 ’il quddiem intgħamel ċar li Charles Taze Russell u l-imseħbin tiegħu kienu qed jiġu wżati minn Alla biex iġibu ’l quddiem il-lingwa pura