LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 8/1 pp. 7-11
  • Siru Magħqudin bil-Lingwa Pura

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Siru Magħqudin bil-Lingwa Pura
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Lingwa Mogħtija minn Alla Llum!
  • Definizzjoni tal-​Lingwa Pura
  • Tgħallem il-​Lingwa Pura Issa!
  • Lingwa Pura Għall-Ġnus Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Tkellem il-Lingwa Pura u Għix Għal Dejjem!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Qiegħed Int Titkellem il-“Lingwa Pura” b’Mod Fluwenti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Nitkellmu l-“Lingwa Pura”
    Għannu Tifħir lil Jehovah
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 8/1 pp. 7-11

Siru Magħqudin bil-​Lingwa Pura

“Imbagħad se nagħti lil popli l-​bidla għal lingwa pura, sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.”−SOFONIJA 3:9.

1. In-​nies qatt semgħuh jitkellem lil Jehovah?

IL-​LINGWA taʼ Alla Jehovah hija pura. Imma n-​nies qatt semgħuh jitkellem? Iva, semgħuh! Dak ġara meta Ibnu, Ġesù Kristu, kien fuq l-​art 19-il seklu ilu. Per eżempju, meta Ġesù ġie mgħammed, Alla nstemaʼ jgħid: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:13-17) Dik kienet stqarrija taʼ verità pura, li semgħuha Ġesù u Ġwanni l-​Għammied f’lingwa umana.

2. X’inhu indikat mir-​referenza tal-​appostlu Pawlu għall-​“ilsna . . . tal-​anġli”?

2 Xi snin wara, l-​appostlu Kristjan Pawlu tkellem dwar “l-​ilsna tal-​bnedmin u tal-​anġli.” (1 Korintin 13:1) Dan x’jindika? Ħeqq, dan juri li mhux bnedmin biss imma persuni spirti wkoll jużaw lingwa u diskors! M’għandniex xi ngħidu, Alla u l-​anġli ma jikkomunikawx bejniethom billi jużaw ħsejjes taʼ leħen u lingwa li tinstemaʼ u li aħna nifhmuha. Għala le? Għaliex atmosfera bħal dik li tiksi lill-​art hi meħtieġa biex toħloq mewġ taʼ ħoss vokali li l-​widnejn umani jistgħu jisimgħuh u jifhmuh.

3. Il-​lingwa tal-​bnedmin kif oriġinat?

3 Kif oriġinat il-​lingwa umana? Xi wħud igħidu li l-​antenati tagħna ssaraw biex jikkomunikaw bejniethom billi għall-​ewwel kienu jonħru u jokorbu. Jgħid il-​ktieb Evolution (Life Nature Library): “Bniedem xadina taʼ madwar miljun sena ilu . . . x’aktarx li rnexxielu jibda jagħmel xi ftit ħsejjes taʼ kliem.” Imma l-​leksikografu rinomat Ludwig Koehler qal: “Id-​diskors uman huwa sigriet; huwa rigal divin, miraklu.” Iva, d-​diskors uman huwa rigal divin, għax Alla tah lingwa lill-​ewwel bniedem, Adam. Jidher li din kienet dik li eventwalment saret magħrufa bħala l-​Ebrajk. Dik il-​lingwa kienet mitkellma mid-​dixxendenti Iżraeliti taʼ “Abram l-​Ebrew,” patrijarka leali li l-​antenat tiegħu Xem kien iben taʼ Noè, il-​bennej tal-​arka. (Ġenesi 11:10-26; 14:13; 17:3-6) Meta wieħed iqis il-​barka profetika t’Alla fuq Xem, huwa raġonevoli li tikkonkludi li l-​lingwa tiegħu ma kinetx effettwata minn xi ħaġa li Alla Jehovah għamel mirakolożament 43 seklu ilu.—Ġenesi 9:26.

4. Min kien Nimrod, u kif kien użat minn Satana x-​Xitan?

4 F’dak iż-​żmien ‘l-​art kollha kienet taʼ lingwa waħda u taʼ sett wieħed taʼ kliem.’ (Ġenesi 11:1) Igħix f’dak iż-​żmien kien hemm il-​bniedem Nimrod, “kaċċatur setgħani f’oppożizzjoni lejn Jehovah.” (Ġenesi 10:8, 9) Il-​għadu l-​kbir u inviżibbli tal-​umanità, Satana, uża b’mod speċjali lil Nimrod biex joħloq il-​parti fuq l-​art tal-​organizzazzjoni tax-​Xitan. Nimrod ried jagħmel isem għalih innifsu, u dik l-​attitudni arroganti nfirxet fuq is-​segwaċi tiegħu, li ntefgħu fuq proġett speċjali taʼ bini fl-​art taʼ Xinar. Skond Ġenesi kapitlu 11, vers 4, huma qalu: “Ejjew! Ħa nibnu għalina nfusna belt u wkoll torri bil-​quċċata tiegħu fis-​smewwiet, u ħa nagħmlu isem magħruf għalina nfusna, minħabba l-​biżaʼ li nistgħu nixterdu fuq il-​wiċċ kollu tal-​art.” Dik il-​biċċa xogħol li kienet f’oppożizzjoni għall-​kmand t’Alla biex ‘jimlew l-​art’ sfaxxat meta Jehovah ħawwad il-​lingwa tar-​ribelli. “Għaldaqstant,” igħid ir-​rakkont tal-​Bibbja, “Jehovah xerridhom minn hemm fuq il-​wiċċ kollu tal-​art, u huma gradwalment waqfu milli jibnu l-​belt.” (Ġenesi 9:1; 11:2-9) Dik il-​belt ingħatat l-​isem taʼ Babel, jew Babilonja (li tfisser, “Taħwid”), “għaliex hemm Jehovah ħawwad id-​diskors tal-​art kollha.”—Byington.

5. (a) X’ġie evitat meta Alla ħawwad il-​lingwa tal-​bnedmin? (b) X’nistgħu nikkonkludu dwar il-​lingwa taʼ Noè u taʼ Sem?

5 Dak il-​miraklu—it-​taħwid tal-​lingwa umana waħda—wassal biex l-​art imtliet kif Alla kien ikkmanda lil Noè, u mblokka kull pjan li Satana setaʼ kellu biex jistabbilixxi l-​qima magħquda u mhux nadifa tiegħu nnifsu minn bnedmin li kienu rribellaw kontra l-​Mulej Sovran tas-​sema u l-​art. Veru, billi pprattikaw ir-​reliġjon falza fi kwalunkwe forma, in-​nies kienu vittmi tax-​Xitan, u kienu qed jaqdu lid-​demonji meta għamlu allat irġiel u allat nisa għalihom infushom u tawhom ismijiet bil-​lingwi differenti tagħhom, u qimuhom. (1 Korintin 10:20) Imma l-​azzjoni li ttieħdet minn l-​uniku veru Alla f’Babel ma ħallietx li tiġi fformata reliġjon falza waħda magħquda li tagħti lix-​Xitan il-​qima li mid-​dehra tant ixxennaq għaliha. M’għandniex xi ngħidu, it-​twajjeb Noè u ibnu Xem qatt ma involvew irwieħhom f’dak il-​fjask fl-​art taʼ Xinar. Mela wieħed jistaʼ jikkonkludi b’mod raġonevoli li l-​lingwa tagħhom baqgħet dik il-​waħda mitkellma mil-​leali Abram (jew Abraham)—l-​ilsien li bih Alla kellem lill-​bniedem Adam fil-​ġnien taʼ Għeden.

6. Fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Jehovah kif wera li hu setaʼ jagħti l-​abbiltà li jitkellmu bil-​lingwi?

6 Jehovah, li ħawwad il-​lingwa oriġinali tal-​bniedem, jistaʼ wkoll jagħti lil xi wħud l-​abbiltà li jitkellmu bl-​ilsna. Ħeqq, hu dan għamlu nhar jum il-​Pentekoste tas-​sena 33 tal-​Era Komuni tagħna! Skond Atti 2:1-11, madwar 120 segwaċi taʼ Ġesù Kristu kienu dak in-​nhar miġburin f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Atti 1:13, 15) F’daqqa waħda kien hemm ħoss mis-​sema “sewwa sew bħal dak taʼ żiffa qawwija li tonfoħ.” “Ilsna qishom tan-​nar” saru viżibbli u ġew imqassmin ’il hawn u ’l hinn. Minnufih id-​dixxipli “saru mimlijin bi spirtu qaddis u bdew jitkellmu b’ilsna differenti, sewwa sew bħalma l-​ispirtu kien qed jagħtihom biex jistqarru b’fommhom.” B’dawn il-​lingwi mnebbħin b’mod divin, huma tkellmu “dwar l-​affarijiet manjifiċi t’Alla.” U x’miraklu kien dak, hekk kif Lhud u prożeliti taʼ ilsna differenti, minn postijiet imbegħdin bħall-​Mesopotamja, l-​Eġittu, il-​Libja, u Ruma fehmu l-​messaġġ li jagħti l-​ħajja!

Lingwa Mogħtija minn Alla Llum!

7. Xi prospetti jkun hemm li kieku lingwa waħda kienet mitkellma u mifhuma mad-​dinja kollha?

7 Ladarba Alla jistaʼ jagħti ilsna differenti b’mod mirakoluż, ma jkunx verament sabiħ jekk jagħmilha possibbli biex lingwa waħda biss tiġi mitkellma u mifhuma mad-​dinja kollha? Dan kieku kien iġib iktar ftehim fost il-​familja umana. Bhalma tpoġġiha The World Book Encyclopedia: “Kieku l-​popli kollha jitkellmu bl-​istess ilsien, ir-​rabtiet kulturali u ekonomiċi kienu jkunu ferm iktar qrib, u r-​rieda tajba kienet tiżdied bejn il-​pajjiżi.” Sewwa, kien hemm mas-​600 lingwa universali li ġew proposti matul is-​snin. Minn dawn, l-​Espiranto kien l-​iktar li għamel suċċess għaliex tgħallmuh madwar 10,000,000 ruħ mindu nħoloq fis-​sena 1887. Iżda, ebda sforz uman biex igħaqqad lill-​bnedmin permezz taʼ lingwa universali ma qatt kiseb suċċess. Fil-​fatt, hemm iktar u iktar problemi li qed jikkaġunaw firda f’din id-​dinja hekk kif “nies mill-​agħar jimxu ’l quddiem mill-​ħażin għall-​agħar.”−2 Timotew 3:13.

8. Saħansitra jekk lingwa universali tiġi adottata fid-​dinja tal-​lum, x’jibqaʼ jeżisti, u għala?

8 F’dak li għandu x’jaqsam mar-​reliġjon, hemm konfużjoni kbira. Mhux hekk għandna nistennew, ladarba l-​ktieb Bibliku taʼ Rivelazzjoni jsejjaħ lill-​imperu dinji taʼ reliġjon falza bħala “Babilonja l-​Kbira”? (Rivelazzjoni 18:2) Iva, għax “Babilonja” tfisser “Taħwid.” Saħansitra kieku xi lingwa artifiċjali jew xi lsien naturali bħall-​Ingliż, il-​Franċiż, il-​Ġermaniż, jew ir-​Russu, kellha tiġi adottata bħala lingwa universali fid-​dinja tal-​lum, in-​nuqqas taʼ għaqda xorta kien jibqaʼ jeżisti reliġjożament u b’modi oħra. Għala? Għaliex “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​wieħed mill-​agħar,” Satana x-​Xitan. (1 Ġwann 5:19) Hu s-​sustanza nfisha tal-​egoiżmu, u għandu xenqa kollha regħba biex ikun meqjum mill-​bnedmin kollha, sewwa sew bħalma għamel fi żmien Nimrod u t-​Torri taʼ Babel. Heqq, lingwa universali mitkellma minn bnedmin midinba forsi tistaʼ tagħti lil Satana l-​opportunità li jistabbilixxi qima magħquda tax-​Xitan! Imma Jehovah qatt ma se jippermettiha; tabilħaqq, hu dalwaqt se jġib fi tmiem lir-​reliġjon falza kollha mnebbħa mix-​Xitan.

9. In-​nies mill-​ġnus u razez kollha issa kif qed jiġu magħqudin?

9 Iżda, fatt tal-​għaġeb hu li nies tajbin mill-​ġnus u r-​razez kollha qed jiġu magħqudin issa stess. Dan qed jiġri fuq it-​termini taʼ Alla u għall-​iskop tal-​qima tiegħu. Illum, Alla qed jagħmilha possibbli għall-​bnedmin li jitgħallmu u jitkellmu l-​unika lingwa pura fuq l-​art. U din tassew li hi lingwa universali. Tabilħaqq, Alla Jehovah qed igħallem din il-​lingwa pura lil ħafna nies mill-​ġnus kollha tal-​art illum. Dan hu bi twettieq tal-​wegħda profetika t’Alla permezz tal-​profeta u xhud tiegħu Sofonija: “Imbagħad se nagħti lil popli l-​bidla għal lingwa pura [litteralment, “xoffa nadifa”], sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9) X’inhi din il-​lingwa pura?

Definizzjoni tal-​Lingwa Pura

10. X’inhi l-​lingwa pura?

10 Il-​lingwa pura hija l-​verità t’Alla li nsibu fil-​Kelma tiegħu stess, l-​Iskrittura Mqaddsa. B’mod partikulari hija l-​verità dwar is-​Saltna t’Alla, li se ġġib il-​paċi u barkiet oħra għall-​bniedem. Il-​lingwa pura twarrab l-​iżball reliġjuz u l-​qima falza. Hi tgħaqqad lil dawk kollha li jitkellmuha fil-​qima pura, nadifa u bnina taʼ Alla veru u ħaj, Jehovah. Illum, xi 3,000 lingwa jaġixxu bħala imblokk għall-​fehma, u mijiet taʼ reliġjonijiet foloz iħawdu lill-​umanità. Mela kemm aħna ferħanin li Alla qed jagħti lil popli l-​bidla għal din il-​lingwa pura u tal-​għaġeb!

11. Il-​lingwa pura x’għamlet għal nies mill-​ġnus u r-​razez kollha?

11 Iva, il-​lingwa pura qed jitgħallmuha tajjeb nies minn kull ġens u razza. Bħala l-​uniku lsien spiritwalment pur fuq l-​art, din il-​lingwa qed isservi bħala forza setgħana li tgħaqqad. Hi tgħin lil dawk kollha li jitkellmuha “biex isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla,” jew litteralment, “bi spalla waħda.” Huma b’hekk jaqdu lil Alla “b’kunsens wieħed,” “b’kunsens unanimu wieħed u spalla magħquda waħda.” ( The New English Bible; The Amplified Bible) It-​traduzzjoni minn Steven T. Byington taqra: “Imbagħad jien [Alla Jehovah] se nagħmel xofftejn il-​popli kollha nodfa, biex huma jistgħu lkoll isejħu isem Jehovah u jikkooperaw fis-​servizz tiegħu.” Kooperazzjoni bħal din b’ħafna lingwi mad-​dinja kollha fis-​servizz t’Alla teżisti biss fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah. F’212-il pajjiż illum hemm ’il fuq minn erbaʼ miljuni minn dawn il-​proklamaturi tas-​Saltna li qed jippridkaw l-​aħbar tajba f’bosta lingwi tal-​bnedmin. Iżda, ix-​Xhieda ‘jitkellmu fi qbil’ u huma “magħqudin kif jixraq bl-​istess moħħ u bl-​istess linja taʼ ħsieb.” (1 Korintin 1:10) Dan hu hekk għaliex, huma fejn huma fuq l-​art, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kollha jitkellmu l-​lingwa pura waħda, għat-​tifħir u l-​glorja taʼ Missierhom tas-​sema.

Tgħallem il-​Lingwa Pura Issa!

12, 13. (a) Inti għala għandek tkun ikkonċernat dwar li titkellem il-​lingwa pura? (b) Il-​kliem taʼ Sofonija 3:8, 9 għala huwa tant sinjifikanti llum?

12 Għala għandek int tkun ikkonċernat dwar li titkellem il-​lingwa pura?’ Raġuni waħda hi, għaliex ħajtek tiddependi fuq li titgħallem titkellimha. Eżatt qabel ma Alla wiegħed li ‘jagħti lil popli l-​bidla għal lingwa pura,’ hu wissa: “Żommu rwieħkom fi stennija għalija,’ hija l-​kelma mitkellma taʼ Jehovah, ‘sal-​jum li fih inqum għall-​priża, għax id-​deċiżjoni ġudizzjarja tiegħi hi li niġbor ġnus, għalija biex niġmaʼ flimkien saltniet, sabiex insawwab fuqhom id-​denunzja tiegħi, il-​għadab jaħraq kollu tiegħi; għax bin-​nar taż-​żelu tiegħi se tinbelaʼ l-​art kollha.’”—Sofonija 3:8.

13 Dawk il-​kelmiet tal-​Mulej Sovran Jehovah intqalu għall-​ewwel darba 26 seklu ilu f’Ġuda, li tagħha Ġerusalemm kienet il-​kapitali. Imma dik l-​istqarrija kienet tapplika b’mod speċjali għal żmienna għaliex Ġerusalemm kienet tiffigura lill-​Kristjaneżmu. U żmienna, ladarba s-​saltna tas-​sema t’Alla twaqqfet fl-​1914, huwa l-​jum taʼ Jehovah biex jiġbor ġnus u jiġmaʼ saltniet. Hu ġabhom kollha kemm huma flimkien taħt l-​attenzjoni tiegħu permezz taʼ xogħol kbir taʼ xiehda. Dan, imbagħad, qanqalhom fl-​oppożizzjoni tagħhom lejn il-​għan tiegħu. Madankollu, Alla Jehovah bi ħniena kbira qiegħed jagħmilha possibbli għal nies mill-​ġnus kollha biex jingħaqdu f’li jitkellmu l-​lingwa pura. Biha, dawk kollha li qed ifittxu l-​ħajja fid-​dinja ġdida mwiegħda tiegħu jistgħu jaqduh għalenija qabel ma l-​ġnus kollha jimbalgħu fl-​espressjoni taħraq tal-​korla divina fil-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” imsejħa taʼ spiss Armageddon. (Rivelazzjoni 16:14, 16; 2 Pietru 3:13) B’ferħ, dawk li jitkellmu l-​lingwa pura u li jsejħu isem Jehovah bil-​fidi bħala adoraturi veri magħqudin se jgawdu protezzjoni divina matul is-​sħana taʼ dak id-​diżastru dinji. Alla se jdaħħalhom qawwijin u sħaħ fid-​dinja l-​ġdida, fejn il-​lingwa pura biss sa fl-​aħħar tkun fuq xofftejn il-​bnedmin kollha.

14. Permezz taʼ Sofonija, Alla kif wera li biex issalva fit-​tmiem taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet jitlob għal azzjoni immedjata?

14 Permezz tal-​profeta tiegħu Sofonija, Jehovah jagħmilha ċara li dawk li jittamaw li jibqgħu ħajjin matul it-​tmiem tas-​sistema taʼ affarijiet mill-​agħar preżenti jridu jieħdu azzjoni immedjata. Skond Sofonija 2:1-3, Alla jgħid: “Inġabru flimkien, iva, agħmel il-​ġbir, O ġens li ma ssirx pallidu bil-​mistħija. Qabel ma l-​istatut iwelled xi ħaġa, qabel ma l-​jum ikun għadda sewwa sew bħas-​sifa, qabel ma tiġi fuqkom ir-​rabja taħraq taʼ Jehovah, qabel ma jiġi fuqkom jum ir-​rabja taʼ Jehovah, fittxu lil Jehovah, intom ilkoll ġwejdin tal-​art, li pprattikajtu d-​deċiżjoni ġudizzjarja Tiegħu stess. Fittxu t-​tjieba, fittxu li tkunu ġwejdin. X’aktarx li tistgħu tiġu moħbijin f’jum ir-​rabja taʼ Jehovah.”

15. (a) X’kien l-​ewwel twettieq taʼ Sofonija 2:1-3? (b) Min salva mill-​esekuzzjoni taʼ ġudizzju minn Alla fuq Ġuda, u x’se jkun il-​parallel taʼ din is-​salvazzjoni fi żmienna?

15 Dawk il-​kelmiet kellhom it-​twettieq inizjali tagħhom fuq Ġuda u Ġerusalemm tal-​qedem. In-​nies midinba taʼ Ġuda ma wiġbux b’mod favorevoli għall-​appell t’Alla, bħalma ġie muri mill-​esekuzzjoni taʼ ġudizzju tiegħu fuqhom minn idejn il-​Babilonjani fis-​sena 607 Q.E.K. Saħansitra bħalma Ġuda kienet “ġens li ma jsirx pallidu bil-​mistħija” quddiem Alla, hekk il-​Kristjaneżmu kien bħal “ġens” bla mistħija quddiem Jehovah. Għaliex taw kas il-​kelma t’Alla, madankollu, xi Ġudeani u oħrajn baqgħu ħajjin, fosthom kien hemm Ġeremija, il-​profeta leali taʼ Jehovah. Oħrajn li salvaw kienu wieħed Etjopjan jismu Ebed-melek u dixxendenti taʼ Ġeħonadab. (Ġeremija 35:18, 19; 39:11, 12, 16-18) Bl-​istess mod illum, “folla kbira” taʼ “ngħaġ oħra” taʼ Ġesù miġburin mill-​ġnus kollha se jsalvaw f’Armageddon għal ġod-​dinja l-​ġdida t’Alla. (Rivelazzjoni 7:9; Ġwann 10:14-16) Dawk biss li jitgħallmu u jitkellmu l-​lingwa pura se jkunu l-​ferħanin li jsalvaw.

16. Wieħed x’irid jagħmel biex jiġi moħbi “f’jum r-​rabja taʼ Jehovah”?

16 Bħalma kien l-​“istatut” taʼ Jehovah li Ġuda u Ġerusalemm jiġu meqrudin għalkollox, hekk ukoll il-​Kristjaneżmu jrid jinqered. Tabilħaqq, il-​qerda tar-​reliġjon falza kollha hija qrib, u dawk li jixtiequ jibqgħu ħajjin iridu jaġixxu immedjatament. Dan huma jridu jagħmluh “qabel ma l-​jum ikun għadda sewwa sew bħas-​sifa,” billi malajr itir mar-​riħ, bħal meta l-​qamħ jintefaʼ fl-​arja waqt li qed jindires. Biex niġu meħlusin mill-​korla t’Alla, aħna rridu nitkellmu l-​lingwa pura u nwieġbu għat-​twissija t’Alla qabel ma jum ir-​rabja taħraq taʼ Jehovah jiġi fuqna. Fi żmien Sofonija u llum, uħud ġwejdin ifittxu lil Alla Jehovah, flimkien mat-​tjieba u li jkunu ġwejdin. Li nfittxu lil Jehovah jfisser li nħobbuh b’qalbna, ruħna, moħħna, u saħħitna kollha. (Mark 12:29, 30) ‘X’aktarx li [dawk li qed jagħmlu hekk] jistgħu jiġu moħbijin f’jum ir-​rabja taʼ Jehovah.’ Imma l-​profezija għala tgħid “x’aktarx”? Għaliex is-​salvazzjoni tiddependi fuq il-​fedeltà u fuq is-​sabar. (Mattew 24:13) Dawk li jkunu fi qbil mal-​livelli taʼ tjieba t’Alla u jibqgħu jitkellmu l-​lingwa pura se jiġu moħbijin f’jum ir-​rabja taʼ Jehovah.

17. Liema mistoqsijiet jibqgħalna biex nikkunsidraw?

17 Ladarba jum ir-​rabja taʼ Jehovah hu qrib u s-​salvazzjoni tiddependi fuq li titgħallem u tuża l-​lingwa pura, issa hu l-​ħin biex tkun involut profondament f’li tistudjaha u titkellimha. Imma wieħed kif jistaʼ jitgħallem il-​lingwa pura? U kif tistaʼ int tibbenefika milli titkellimha?

Kieku Kif Twieġeb?

◻ Il-​kliem tal-​bniedem kif oriġina?

◻ X’inhi l-​lingwa pura?

◻ Il-​kelmiet f’​Sofonija 3:8, 9 għala huma tant sinjifikanti llum?

◻ X’irridu nagħmlu biex inkunu moħbijin “f’jum ir-​rabja taʼ Jehovah”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja