Ikkultiva Umiltà Ġenwina
“Inti ssalva ’l poplu [“umli,” “NW”].”—2 SAMWEL 22:28.
1, 2. X’kellhom in komuni bosta mill-ħakkiema tad-dinja?
1IL-PIRAMIDI taʼ l-Eġittu jagħtu xiehda dwar dawk li ħakmu fuq din l-art fil-passat. Uħud oħra li għamlu impatt fuq l-istorja kienu Sanħerib taʼ l-Assirja, Alessandru l-Kbir tal-Greċja, u Ġulju Ċesari taʼ Ruma. Dawn il-ħakkiema kollha kellhom xi ħaġa in komuni. Huma ma kellhomx reputazzjoni li kienu ġenwinament umli.—Mattew 20:25, 26.
2 Tistaʼ timmaġina lil xi wieħed minn dawn il-ħakkiema li ssemmew hawn fuq bħala li kellu d-drawwa jfittex lil uħud li kienu fqajrin u li kellhom bżonn il-faraġ fis-saltna tiegħu? Żgur li le! U żgur li ma tistax timmaġina li kienu se jmorru fid-djar umli taċ-ċittadini magħkusin biex jinkuraġġuhom. Kemm hi differenti l-attitudni tagħhom minn dik tal-Ħakkiem Suprem taʼ l-univers, Alla Ġeħova!
L-Akbar Eżempju taʼ l-Umiltà
3. Il-Ħakkiem Suprem kif jittrattahom lis-sudditi bnedmin tiegħu?
3 Ġeħova tant huwa kbir li ħadd ma jistaʼ jifhem il-kobor tiegħu, madankollu “għajnejh jiġru fuq l-art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) U Ġeħova x’jagħmel meta jsib aduraturi umli li huma magħkusin minħabba diversi provi? Sa ċertu punt, hu “qiegħed” maʼ dawn l-uħud permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu sabiex iġedded ‘ir-ruħ umiljata, [u] iqawwi l-qalb miksura.’ (Isaija 57:15) Għalhekk, meta l-qaddejja tiegħu jieħdu r-ruħ huma jkunu jistgħu jkomplu jaqduh bil-ferħ. Kemm hu Alla umli!
4, 5. (a) Is-salmista kif ħassu dwar il-mod kif jaħkem Alla? (b) X’jiġifieri meta jingħad li Alla ‘jindenja ruħu jħares ’l isfel’ lejn dawk li huma “msejkna”?
4 Ħadd fl-univers m’umilja lilu nnifsu daqs il-Mulej Sovran sabiex jgħin lill-bnedmin midinbin. Is-salmista setaʼ jikteb: “Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, ogħla mis-smewwiet hu sebħu. Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed fl-għoli? Hu li [“jindenja ruħu,” NW] iħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art. Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, u jerfaʼ mill-miżbla l-fqajjar.”—Salm 113:4-7.
5 Innota t-terminu “jindenja ruħu.” Meta nirreferu għall-bnedmin, dan it-terminu għandu mnejn ikollu konnotazzjoni negattiva, meta xi ħadd “jaħseb li hu aqwa minn ħaddieħor.” Attitudni supperva bħal din qatt ma tistaʼ tiddeskrivi lil Alla Ġeħova, li huwa pur u qaddis, u għalhekk m’għandux traċċi tas-“suppervja.” (Marku 7:22, 23) Imma t-terminu “jindenja ruħu” jistaʼ jfisser ukoll li dak li jkun jinżel mil-livell soċjali tiegħu jew mill-pożizzjoni jew dinjità meta jittratta maʼ min hu inqas minnu. Għalhekk, xi Bibbji jittraduċu Salm 113:6 bħala li qed jgħid li Alla jumilja lilu nnifsu. Dan tassew jagħtina stampa ċara tal-personalità taʼ l-Alla umli tagħna li jieħu ħsieb bi mħabba l-bżonnijiet taʼ l-aduraturi imperfetti tiegħu.—2 Samwel 22:36.
Għala Ġesù Kien Umli
6. X’kien l-akbar att t’umiltà taʼ Ġeħova?
6 L-akbar att t’umiltà u mħabba li Alla qatt għamel kien meta bagħat lill-għażiż Iben uniġenitu tiegħu biex jitwieled fuq l-art u jitrabba bħala bniedem biex isalva lill-umanità. (Ġwanni 3:16) Ġesù għallimna l-verità dwar Missieru tas-sema, u mbagħad ta l-ħajja perfetta tiegħu sabiex ineħħi “d-dnub tad-dinja.” (Ġwanni 1:29; 18:37) Peress li jirrifletti perfettament il-personalità taʼ Missieru, inkluż l-umiltà taʼ Ġeħova, Ġesù kien lest li jagħmel dak kollu li Alla talbu biex jagħmel. Dan kien l-akbar eżempju t’umiltà u mħabba li xi ħadd qatt ta minn dawk kollha maħluqin minn Alla. Mhux kulħadd apprezza l-umiltà taʼ Ġesù, fil-fatt l-għedewwa tiegħu kienu saħansitra jqisuh bħala “l-iċken fost il-bnedmin.” (Danjel 4:14 [4:17, NW]) Madankollu, l-appostlu Pawlu rrealizza li sħabu fit-twemmin għandhom jimitaw lil Ġesù, u għalhekk għandhom jittrattaw lil xulxin b’umiltà.—1 Korintin 11:1; Filippin 2:3, 4.
7, 8. (a) Ġesù kif tgħallem ikun umli? (b) Ġesù liema stedina għamel lil dawk li kienu se jsiru dixxipli tiegħu?
7 Pawlu enfasizza l-eżempju mill-aqwa taʼ Ġesù billi kiteb: “Żommu din l-attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù, li, għalkemm kien jeżisti fis-sura t’Alla, ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, iżda xejjen lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ lsir u sar jixbah lill-bnedmin. Iktar minn hekk, meta sab ruħu f’għamla taʼ bniedem, umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-mewt, iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura.”—Filippin 2:5-8.
8 Xi wħud għandhom mnejn jitħassbu, ‘Ġesù kif tgħallem ikun umli?’ Dan kien ir-riżultat mill-aqwa tas-sħubija mill-qrib maʼ Missieru tas-sema għal annati taʼ snin, li matulhom hu qeda lil Alla bħala “ħaddiem tas-sengħa” meta nħoloq kollox. (Proverbji 8:30, NW) Wara l-irvell fl-Għeden, l-ewwel imwieled t’Alla setaʼ jinnota l-mod umli kif Missieru ttratta mal-bnedmin midinbin. B’hekk, meta kien fuq l-art, Ġesù setaʼ jirrifletti l-umiltà taʼ Missieru u għamel din l-istedina: “Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.”—Mattew 11:29; Ġwanni 14:9.
9. (a) X’kien dak li ġagħal lil Ġesù jinġibed lejn it-tfal? (b) Billi uża tifel, Ġesù liema lezzjoni għallem?
9 Minħabba li Ġesù kien ġenwinament umli, it-tfal iż-żgħar ma kinux jibżgħu minnu. Minflok, huma nġibdu lejh. Min-naħa tiegħu, hu wera li kien iħobbhom it-tfal u tahom l-attenzjoni. (Marku 10:13-16) X’kien dak li ġagħal lil Ġesù jinġibed lejn it-tfal? Żgur li huma kellhom kwalitajiet sbieħ li xi wħud mid-dixxipli adulti tiegħu ma kinux dejjem juru. Huwa fatt magħruf li t-tfal iqisu lill-adulti bħala li huma superjuri għalihom. Dan tistaʼ tarah mill-ħafna mistoqsijiet li jistaqsu. Iva, meta mqabblin mal-kbar, it-tfal huma iktar faċli biex tgħallimhom u ma jitkabbrux daqshekk malajr. F’okkażjoni minnhom, Ġesù ġibed tifel u qal lis-segwaċi Tiegħu: “Jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħal tfal żgħar, żgur li ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.” Hu kompla jgħidilhom: “Għalhekk, kulmin jumilja ruħu bħal dan it-tifel hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet.” (Mattew 18:3, 4) Ġesù semma din ir-regola: “Għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat u min jumilja ruħu jitgħolla.”—Luqa 14:11; 18:14; Mattew 23:12.
10. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
10 Din il-verità tqajjem mistoqsijiet importanti. Il-prospett taʼ li niksbu ħajja taʼ dejjem sa ċertu punt jiddependi milli nikkultivaw umiltà ġenwina. Imma l-Kristjani kultant għala jsibuha diffiċli biex ikunu umli? Għala jistaʼ jkun taʼ sfida biex inwarrbu l-kburija, u nittrattaw mal-provi tagħna b’umiltà? U x’se jgħinna biex jirnexxilna nikkultivaw umiltà ġenwina?—Ġakbu 4:6, 10.
Għala Huwa Diffiċli Tkun Umli
11. Għala m’għandniex niħduha bi kbira li għandna nissieltu biex inkunu umli?
11 Jekk qed issibha diffiċli biex turi l-umiltà, m’intix waħdek. Lura fl-1920, dan il-ġurnal iddiskuta l-parir li tagħti l-Bibbja dwar l-umiltà, u qal hekk: “Għalhekk, meta naraw x’valur kbir il-Mulej jagħti lill-umiltà, id-dixxipli veri se jiġu inkuraġġiti jikkultivaw din il-kwalità fil-ħajja taʼ kuljum.” Imbagħad bl-onestà kollha kompla jgħid li minkejja dawn il-pariri kollha taʼ l-Iskrittura, minħabba l-imperfezzjoni tan-natura umana, dawk li jsiru parti mill-poplu tal-Mulej u jiddeċiedu li jagħżlu li jsegwuh, isibuha iktar diffiċli u jkollhom jissieltu iktar biex juru l-umiltà minn kwalunkwe kwalità oħra. Dan jenfasizza raġuni waħda għala l-Kristjani veri għandhom jissieltu biex ikunu umli—in-natura umana midinba tixxennaq għal glorja li mhix mistħoqqa. Dan hu minħabba li aħna d-dixxendenti taʼ koppja midinba, Adam u Eva, li ċedew għax-xewqat egoistiċi tagħhom.—Rumani 5:12.
12, 13. (a) Id-dinja kif tistaʼ tkun t’ostaklu biex Kristjan juri l-umiltà? (b) Min qed jagħmlilna il-ġlieda tagħna biex nikkultivaw l-umiltà iktar diffiċli?
12 Raġuni oħra għala għandna mnejn insibuha diffiċli biex nuru umiltà ġenwina hi li aħna ninsabu mdawrin minn dinja li tinkuraġġixxi lin-nies biex jistinkaw ħalli jkunu superjuri għal oħrajn. Waħda mill-miri komuni li ssib fid-dinja hi x-xenqa biex jiġu sodisfati “x-xewqa tal-laħam [midneb] u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” (1 Ġwanni 2:16) Minflok ma jħallu x-xewqat tad-dinja jiddominaw fuqhom, id-dixxipli taʼ Kristu għandhom iżommu għajnejhom sempliċi u jiffokaw fuq li jagħmlu r-rieda t’Alla.—Mattew 6:22-24, 31-33; 1 Ġwanni 2:17.
13 It-tielet raġuni għala huwa diffiċli nikkultivaw u nuru l-umiltà hi minħabba li l-oriġinatur tas-suppervja, Satana x-Xitan, jaħkem din id-dinja. (2 Korintin 4:4; 1 Timotju 3:6) Satana jippromwovi l-karatteristiki mill-agħar tiegħu. Per eżempju, hu fittex li jingħata qima minn Ġesù u kien lest li jagħtih “is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom.” Ġesù, li dejjem wera l-umiltà, irrifjuta għalkollox l-offerta tax-Xitan. (Mattew 4:8, 10) Bl-istess mod, Satana jittanta lill-Kristjani biex ifittxu l-glorja għalihom infushom. Minflok, il-Kristjani umli jissieltu biex isegwu l-eżempju taʼ Ġesù, u jagħtu t-tifħir u l-glorja lil Alla.—Marku 10:17, 18.
Nikkultivaw u Nuru Umiltà Ġenwina
14. X’inhi l-“umiltà falza”?
14 Fl-ittra tiegħu lill-Kolossin, l-appostlu Pawlu wissa kontra li individwu juri li hu umli sempliċement biex jimpressjona lil oħrajn. Pawlu ddeskrivieha bħala “umiltà falza.” Dawk li jagħmlu taʼ bir-ruħhom li huma umli m’humiex nies spiritwali. Minflok, mingħajr ma jkunu jafu juru li fir-realtà huma ‘minfuħin bihom infushom.’ (Kolossin 2:18, 23) Ġesù pponta lejn umiltà falza bħal din. Hu kkundanna lill-Fariżej għat-talb li kien għal għajn in-nies u għall-mod kif kienu jsumu billi kienu jqarrsu u jkerrhu wiċċhom sabiex josservawhom in-nies. B’kuntrast, jekk irridu li Alla jqis it-talb persunali tagħna, irridu ngħiduh b’umiltà.—Mattew 6:5, 6, 16.
15. (a) X’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu nuru lumiltà? (b) Liema huma xi eżempji tajbin taʼ lumiltà?
15 Il-Kristjani jistgħu jiġu megħjunin jibqgħu juru umiltà ġenwina billi jiffokaw fuq l-aqwa eżempji t’umiltà, Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. Biex nagħmlu dan hemm bżonn li nistudjaw regolarment il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet li jgħinuna nistudjawha u li huma provduti mill-“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:45) Studju bħal dan huwa vitali għall-indokraturi Kristjani, sabiex ‘ma jintrefgħux f’qalbhom ’il fuq minn ħuthom.’ (Dewteronomju 17:19, 20; 1 Pietru 5:1-3) Irrifletti fuq il-ħafna eżempji taʼ wħud li ġew imberkin għall-attitudni umli tagħhom, bħal Rut, Anna, Eliżabetta, u ħafna oħrajn. (Rut 1:13–2:1; 1 Samwel 1:8-17, 17-26; Luqa 1:38-49) Aħseb ukoll dwar il-ħafna eżempji mill-aqwa taʼ rġiel prominenti li baqgħu umli fis-servizz tagħhom lil Ġeħova, bħal David, Ġosija, Ġwanni l-Għammied, u l-appostlu Pawlu. (2 Kronaki 34:1, 2, 19, 26-28; Salm 131:1; Ġwanni 1:26, 27; 3:26-30; Atti 21:20-26; 1 Korintin 15:9) U xi ngħidu għall-ħafna eżempji t’umiltà li nsibu fil-kongregazzjoni Kristjana llum? Jekk nimmeditaw fuq dawn l-eżempji, il-Kristjani veri se jiġu megħjunin juru l-“umiltà lejn xulxin.”—1 Pietru 5:5.
16. Il-ministeru Kristjan kif jistaʼ jgħinna nkunu umli?
16 Meta jkollna sehem regulari fil-ministeru Kristjan nistgħu wkoll niġu megħjunin inkunu umli. L-umiltà tistaʼ tagħmilna effettivi meta navviċinaw lin-nies li ma nafux meta nkunu qed naħdmu minn bieb għal bieb jew f’postijiet oħra. Dan hu speċjalment minnu meta l-inkwilini juru apatija jew ikunu ħorox meta nagħtuhom il-messaġġ Kristjan. Ħafna drabi t-twemmin tagħna jiġi dubitat, u l-umiltà tistaʼ tgħin lill-Kristjan jibqaʼ jwieġeb il-mistoqsijiet “bil-ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pietru 3:15) Il-qaddejja umli t’Alla marru f’territorji ġodda u għenu lil nies taʼ kulturi u livelli tal-ħajja differenti minn tagħhom. Ministri bħal dawn għandhom mnejn ikollhom ikampaw b’umiltà maʼ l-inkarigu diffiċli taʼ li jitgħallmu lingwa ġdida sabiex ikunu jistgħu jkunu iktar t’għajnuna għal dawk li jaqsmu l-aħbar tajba magħhom. Verament ħaqqhom prosit!—Mattew 28:19, 20.
17. Liema responsabbiltajiet Kristjani jeħtieġu l-umiltà?
17 Ħafna b’umiltà wettqu d-dmirijiet Kristjani tagħhom, billi poġġew l-interessi t’oħrajn qabel tagħhom. Per eżempju, hemm bżonn t’umiltà għal missier Kristjan biex iwarrab il-ħin mill-interessi tiegħu sabiex ikun jistaʼ jipprepara u jikkonduċi studju effettiv tal-Bibbja maʼ wliedu. L-umiltà tgħin ukoll lit-tfal iġibu unur u jobdu lill-ġenituri tagħhom, li huma imperfetti. (Efesin 6:1-4) In-nisa miżżewġin li żwieġhom m’humiex taʼ l-istess twemmin jiffaċċjaw sitwazzjonijiet li jirrikjedu l-umiltà hekk kif jipprovaw jirbħu lill-irġiel tagħhom bil-‘kondotta safja tagħhom flimkien mar-rispett profond.’ (1 Pietru 3:1, 2) L-umiltà kif ukoll l-imħabba mhix egoistika huma importanti wkoll meta nieħdu ħsieb bi mħabba l-bżonnijiet taʼ ġenituri li jkunu morda u avanzati fl-età.—1 Timotju 5:4.
L-Umiltà Ssolvi l-Problemi
18. L-umiltà kif tistaʼ tgħinna nsolvu l-problemi?
18 Il-qaddejja kollha t’Alla huma imperfetti. (Ġakbu 3:2) Ħafna drabi, għandhom mnejn jinqalgħu xi differenzi u nuqqas taʼ qbil bejn żewġ Kristjani. Wieħed forsi jkollu raġuni valida għalfejn jilmenta kontra l-ieħor. Ġeneralment, sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu solvuti jekk jiġi applikat dan il-parir: “Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll.” (Kolossin 3:13) M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex faċli li nsegwu dan il-parir, imma l-umiltà se tgħin lil dak li jkun japplika dan il-parir.
19. X’għandna niftakru meta nkellmu lil xi ħadd li naqasna?
19 Kultant Kristjan għandu mnejn iħossu li għandu raġuni valida għalxiex jilmenta u jħoss li hi serja wisq biex iħalliha għaddejja. F’dan il-każ, l-umiltà se tgħinu javviċina lil dak li fl-opinjoni tiegħu naqsu bit-tir li jirranġaw il-problema. (Mattew 18:15) Waħda mir-raġunijiet għala kultant il-problemi bejn il-Kristjani jibqgħu sejrin hi minħabba li wieħed jew forsi anki t-tnejn li huma jkunu kburin wisq biex jammettu l-iżball tagħhom. Jew il-wieħed li jieħu l-inizjattiva biex javviċina lill-ieħor jagħmel dan b’attitudni li hu l-wieħed ġust u jibda jikkritika. B’kuntrast, attitudni li hi ġenwinament umli se tgħin ħafna biex jiġu solvuti d-differenzi.
20, 21. X’inhi waħda mill-iktar affarijiet li tistaʼ tgħinna nkunu umli?
20 Pass importanti li għandna nieħdu meta niġu biex nikkultivaw l-umiltà hu li nitolbu lil Alla għall-għajnuna u l-ispirtu tiegħu. Imma ftakar, ‘Alla juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ [u jagħti l-ispirtu tiegħu lill-]umli.’ (Ġakbu 4:6) Għalhekk, jekk kellek xi nuqqas taʼ qbil maʼ xi sieħeb fit-twemmin, itlob lil Ġeħova sabiex ikun jistaʼ jgħinek tammetti b’umiltà kwalunkwe nuqqas, kbir jew żgħir, min-naħa tiegħek. Jekk weġġajt u dak li naqsek sinċerament jgħidlek, “Jiddispjaċini,” kun umli u aħfirlu. Jekk huwa diffiċli biex tagħmel dan, fittex l-għajnuna taʼ Ġeħova bit-talb sabiex tkun tistaʼ tneħħi kwalunkwe traċċa taʼ suppervja minn qalbek.
21 Jekk nifhmu kemm l-umiltà tistaʼ ġġib benefiċċji se nitqanqlu nikkultivaw u nżommu din il-kwalità prezzjuża. Sabiex inkunu nistgħu nagħmlu dan, kemm għandna eżempji sbieħ meta nħarsu lejn Alla Ġeħova u Ġesù Kristu! Qatt tinsa l-assiguranza divina: “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.”—Proverbji 22:4.
Punti għall-Meditazzjoni
• Min huma l-aqwa eżempji t’umiltà?
• L-umiltà għala hija diffiċli biex tiġi kultivata?
• X’jistaʼ jgħinna nkunu umli?
• Għala huwa importanti li nibqgħu umli?
[Stampa f’paġna 26]
Ġesù kien ġenwinament umli
[Stampa f’paġna 28]
Id-dinja tinkuraġġixxi lin-nies jistinkaw sabiex ikunu superjuri għal oħrajn
[Sors]
WHO photo by L. Almasi/K. Hemzǒ
[Stampa f’paġna 29]
L-umiltà tgħinna navviċinaw lil dawk li ma nafux fuq il-ministeru tagħna
[Stampi f’paġna 30]
In-nuqqas taʼ qbil ħafna drabi jistaʼ jiġi solvut jekk aħna b’umiltà ngħattu l-kwistjoni bi mħabba
[Stampi f’paġna 31]
Hemm ħafna modi kif Kristjan jistaʼ juri l-umiltà