Irnexxi f’li Tevita n-Nasba tar-Regħba
“Dawk li huma ddeterminati li jkunu għonja jaqgħu f’tentazzjoni u nasba.”—1 TIMOTEW 6:9.
1. Għala għandna nkunu kkonċernati dwar in-nasbiet?
IL-KELMA “nasba” tistaʼ tfakkrek f’kaċċatur li jarma xi makkinarju moħbi biex jaqbad lil xi priża aljenata. Madankollu, Alla jagħmilha ċara li għalina l-iktar nasbiet perikolużi huma, mhux makkinarji litterali simili, imma dak li jistaʼ jwaqqagħna f’nasba spiritwalment jew moralment. Ix-Xitan hu espert f’li jarma nasbiet bħal dawn.—2 Korintin 2:11; 2 Timotew 2:24-26.
2. (a) Jehovah kif igħinna nevitaw nasbiet perikolużi? (b) Liema tip partikolari taʼ nasba jiġi diskuss issa?
2 Jehovah igħinna billi jidentifika lil xi wħud mill-ħafna nasbiet diversi taʼ Satana. Per eżempju, Alla jwissi li xofftejna, jew fommna, jistgħu jkunu nasba jekk nitkellmu b’mod mhux għaqli, bla ħsieb, jew dwar dak li m’għandniex nitkellmu. (Proverbji 18:7; 20:25) Il-kburija tistaʼ tkun nasba, kif jistaʼ jkun li nagħmluha maʼ nies mogħtijin għar-rabja. (Proverbji 22:24, 25; 29:25) Imma ejjew nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq nasba oħra: “Dawk li huma ddeterminati li jkunu għonja jaqgħu f’tentazzjoni u nasba u ħafna xewqat bla sens u li jikkaġunaw uġigħ, li jixħtu lill-bnedmin f’qerda u f’rovina.” (1 Timotew 6:9) Dak li hemm wara dik in-nasba jew il-bażi għaliha jistaʼ jiġi miġbur fil-qosor fil-kelma “regħba.” Għalkemm ir-regħba hi spiss evidenzjata minn determinazzjoni biex wieħed isir sinjur, ir-regħba hi fil-fatt nasba b’ħafna aspetti.
Jehovah Iwissina dwar il-Periklu
3, 4. L-istorja umana tal-qedem fiha liema lezzjoni dwar ir-regħba?
3 Bażikament, ir-regħba hi xewqa mhix f’postha jew eċċessiva biex wieħed ikollu iżjed, kemm jekk dawn ikunu flus, affarijiet li jippossjedi, poter, sess, jew affarijiet oħrajn. M’aħniex l-ewwel nies li ġejna pperikolati min-nasba tar-regħba. Żmien ilu fil-ġnien taʼ Għeden, ir-regħba waqqgħet fin-nasba lil Eva u mbagħad lil Adam. Is-sieħeb taʼ Eva, li kellu iżjed esperjenza fil-ħajja milli kellha hi, kien ġie struwit personalment minn Jehovah. Alla kien ipprovdielhom dar ġenna. Huma setgħu jgawdu abbundanza taʼ ikel tajjeb u varjat, imkabbar fuq art bla tniġġis. Setgħu jistennew li jkollhom tfal perfetti, li magħhom huma setgħu jgħixu u jaqdu lil Alla għal dejjem. (Ġenesi 1:27-31; 2:15) Ma jidhirx dak li kien biżżejjed biex jissodisfa lil kwalunkwe bniedem?
4 Madankollu, li wieħed ikollu biżżejjed ma jżommx lura lir-regħba milli ssir nasba. Eva waqgħet fin-nasba bil-prospett taʼ li tkun bħal Alla, li jkollha iżjed indipendenza u li tistabbilixxi l-livelli tagħha stess. Milli jidher Adam ried sħubija kontinwa mas-sieħba sabiħa tiegħu, akkost taʼ kollox. Ladarba saħansitra dawn il-bnedmin perfetti waqgħu fin-nasba tar-regħba, int tistaʼ tapprezza għala r-regħba tistaʼ tkun taʼ periklu għalina.
5. Kemm hu importanti għalina li nevitaw in-nasba tar-regħba?
5 Irridu ngħassu kontra li naqgħu fin-nasba tar-regħba għaliex l-appostlu Pawlu jwissina: “Ma tafux li nies mhux twajbin m’humiex se jirtu s-saltna t’Alla? Tiġux żvijati. La żienja, la idolaturi, la adulteri, la rġiel miżmumin għal għanijiet mhux naturali, la rġiel li jimteddu maʼ rġiel, la ħallelin, la nies rgħiba . . . ma se jirtu s-saltna t’Alla.” (1 Korintin 6:9, 10) Pawlu qalilna wkoll: “Ħallu ż-żina u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-regħba lanqas biss jissemmew fostkom.” (Efesin 5:3) Mela r-regħba lanqas m’għandha tkun suġġett taʼ konversazzjoni bl-iskop li niggratifikaw il-laħam imperfett tagħna.
6, 7. (a) Liema eżempji mill-Bibbja jenfasizzaw kemm tistaʼ tkun qawwija r-regħba? (b) Dawk l-eżempji għala għandhom ikunu taʼ twissija għalina?
6 Jehovah irreġistra ħafna eżempji biex iżommna attenti għall-periklu tar-regħba. Ftakar fir-regħba taʼ Akan. Alla qal li Ġeriko kellha tiġi meqruda, imma d-deheb, il-fidda, ir-ram, u l-ħadid tagħha kienu għat-teżor Tiegħu. Akan għall-ewwel forsi kellu l-intenzjoni li jsegwi dik id-direzzjoni, imma r-regħba waqqgħatu fin-nasba. Hekk kif kien f’Ġeriko, kien bħal li kieku f’mawra biex jixtri fejn beda jara roħs li ma jitwemminx, inkluża tibdila sabiħa li dehret eżatta għalih. Waqt li beda jiġbor deheb u fidda li kienu jiswew eluf taʼ dollari, hu setaʼ ħaseb, ‘X’fortuna dik! Tant hi b’xejn, qisni qiegħed nisraq.’ Hekk preċiż! Billi xxennaq għal dak li suppost kellu jiġi meqrud jew ikkunsinnat, hu seraq mingħand Alla, u dak swielu ħajtu lil Akan. (Ġożwè 6:17-19; 7:20-26) Ikkunsidra, ukoll, l-eżempji taʼ Geħażi u taʼ Ġuda l-Iskarjota.—2 Slaten 5:8-27; Ġwann 6:64; 12:2-6.
7 M’għandniex ninjoraw il-fatt li t-tlieta msemmijin hawn fuq ma kinux pagani li ma kinux jafu l-livelli taʼ Jehovah. Minflok, huma kienu f’relazzjoni ddedikata m’Alla. Ilkoll kemm huma kienu raw b’għajnejhom mirakli li kienu jmisshom impressjonaw fuqhom il-qawwa t’Alla u l-importanza taʼ li wieħed iżomm il-favur tiegħu. Xorta waħda, in-nasba tar-regħba kienet il-waqgħa tagħhom. Aħna wkoll nistgħu nirrovinaw ir-relazzjoni tagħna m’Alla jekk inħallu lilna nfusna naqgħu fin-nasba tar-regħba taħt kwalunkwe għamla. Liema tipi jew għamliet taʼ regħba jistgħu jkunu b’mod speċjali perikolużi għalina?
Mitfugħin f’Nasba mir-Regħba għall-Għana jew għall-Affarijiet li Nippossjedu
8. Il-Bibbja tagħti liema twissija rigward il-għana?
8 Il-biċċa l-kbira tal-Kristjani semgħu t-twissijiet ċari mill-Bibbja kontra li wieħed jiżżviluppa mħabba għar-rikkezzi, xenqa għall-għana. Għala ma tirrevedix xi ftit minn dawn, kif insibu f’Mattew 6:24-33; f’Luqa 12:13-21; u fl-1 Timotew 6:9, 10? Fil-waqt li int tistaʼ tħoss li taċċetta u ssegwi dawn il-pariri, m’huwiex probabbli li Akan, Geħażi, u Ġuda kienu jgħidu li jaqblu magħhom ukoll? B’mod ċar, irridu nagħmlu iżjed milli sempliċement naqblu intellettwalment. Irridu noqogħdu attenti li n-nasba tar-regħba għall-għana jew għall-affarijiet li nippossjedu ma teffettwax il-ħajjiet tagħna taʼ kuljum.
9. Għala għandna neżaminaw l-attitudni tagħna rigward ix-xiri?
9 Fil-ħajja taʼ kuljum, taʼ spiss irridu nagħmlu xi xirjiet—ikel, ilbies, u oġġetti għad-dar. (Ġenesi 42:1-3; 2 Slaten 12:11, 12; Proverbji 31:14, 16; Luqa 9:13; 17:28; 22:36) Imma d-dinja kummerċjali tistimula xewqa għal iżjed affarijiet u għal affarijiet ġodda. Ħafna riklami li jimlew il-gazzetti, ir-rivisti, u fuq it-televiżjoni huma sforzi moħbijin biex iqanqlu r-regħba. Din il-ħaġa tistaʼ teżisti wkoll fi ħwienet b’armaturi mimlijin qomos, kowtijiet, ilbiesi, u ġersijiet, bi xkaffi taʼ żraben ġodda, tagħmir elettroniku, u cameras tar-ritratti. Il-Kristjani jagħmlu tajjeb li jistaqsu lilhom infushom, ‘Sar ix-xiri ċ-ċentru jew il-pjaċir ewlieni f’ħajti?’ ‘Għandi verament bżonn taʼ affarijiet ġodda li nara, jew id-dinja kummerċjali qiegħda tiffertilizza żrieragħ taʼ regħba fija?’—1 Ġwann 2:16.
10. Liema nasba taʼ regħba hi b’mod partikulari taʼ periklu għall-irġiel?
10 Jekk ix-xiri jidher li hu nasba komuni għan-nisa, li jiksbu iżjed flus hi nasba għal numru bla għadd taʼ rġiel. Ġesù ta tixbieha taʼ din in-nasba permezz taʼ raġel għani li kellu dħul tajjeb u madankollu kien iddeterminat li ‘jwaqqaʼ l-imħażen tiegħu u jibni oħrajn akbar biex jiġbor il-qamħ u l-affarijiet tajbin kollha tiegħu.’ Ġesù ma ħalla ebda dubju rigward il-periklu: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xorta taʼ xenqa” jew regħba. (Luqa 12:15-21) Kemm jekk aħna għonja u kemm jekk m’aħniex, għandna nagħtu kas taʼ dak il-parir.
11. Kristjan kif jistaʼ jaqaʼ fin-nasba tar-regħba għal iktar flus?
11 Ir-regħba għal iktar flus, jew għal affarijiet li jistgħu jinxtraw bil-flus, hi taʼ spiss imrawma bil-moħbi. Xi skema biex issir sinjur malajr tistaʼ tippreżenta ruħha—forsi xi ċans li jiġi darba waħda biss fil-ħajja għal sigurtà finanzjarja permezz taʼ investiment riskjuż. Jew wieħed jistaʼ jiġi ttantat biex jaqlaʼ flus bi prattiċi tan-negozju dubjużi jew illegali. Din ix-xewqa rgħiba tistaʼ ssir bla kontroll u twaqqgħek fin-nasba. (Salm 62:10; Proverbji 11:1; 20:10) Xi wħud ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana bdew xi negozji bit-tama li ħuthom li jafdawhom ikunu l-klijenti ewlenin tagħhom. Jekk l-oġġettiv tagħhom ma jkunx sempliċement li jipprovdu xi prodott jew servizz meħtieġ b’‘xogħol iebes, billi jagħmlu b’idejhom dak li hu xogħol tajjeb,’ imma li jagħmlu l-flus malajr għad-detriment taʼ Kristjani sħabhom, allura qegħdin jaġixxu bir-regħba. (Efesin 4:28; Proverbji 20:21; 31:17-19, 24; 2 Tessalonkin 3:8-12) Regħba għall-flus wasslet lil xi wħud biex jilagħbu f’lotteriji, jew f’xi xorta taʼ logħob tal-ażżard ieħor. Oħrajn, billi injoraw l-empatija u l-moħħ f’loku, bdew kawżi fil-qrati bil-għaġla bit-tama li jirbħu somom kbar taʼ flus jew isir xi ftehim favur tagħhom.
12. Għala nafu li r-regħba għall-għana tistaʼ tintrebaħ?
12 Dawn li għadna kif rajna huma oqsma fejn hu xieraq eżami tagħna nfusna biex inkunu nistgħu naraw bl-onestà jekk ir-regħba hix forsi qiegħda taħdem fina. Saħansitra jekk dan hu l-każ, nistgħu nitbiddlu. Ftakar li Żakkew inbidel. (Luqa 19:1-10) Jekk xi ħadd isib li r-regħba għall-għana jew għall-affarijiet li jippossjedi hi taʼ problema, għandu jkun iddeterminat daqs kemm kien Żakkew biex jaħrab min-nasba.—Ġeremija 17:9.
Regħba f’Aspetti Oħrajn tal-Ħajja
13. Salm 10:18 jiġbed għall-attenzjoni tagħna liema nasba oħra tar-regħba?
13 Xi wħud isibuha eħfef biex jaraw il-periklu tar-regħba rigward il-flus jew l-affarijiet li jippossjedu milli fejn din tidher taħt modi oħrajn. Dizzjunarju wieħed tal-Grieg igħid li l-grupp taʼ kliem tradotti “regħba” jew “xenqa” għandu s-sens taʼ “‘li trid iżjed,’ b’referenza għal poter eċċ. kif ukoll propjetà.” Iva, nistgħu naqgħu fin-nasba billi b’regħba nkunu rridu neżerċitaw poter fuq oħrajn, forsi biex inġagħluhom jirtogħdu taħt l-awtorità tagħna.—Salm 10:18.
14. Xewqa għall-poter f’liema oqsma kienet taʼ ħsara?
14 Minn żminijiet bikrin bnedmin imperfetti gawdew poter fuq oħrajn. Alla ra bil-quddiem li riżultat taʼ dwejjaq minħabba d-dnub tal-bniedem kellu jkun li ħafna rġiel miżżewġin ‘jiddominaw’ lin-nisa tagħhom. (Ġenesi 3:16) Dan in-nuqqas, madankollu, estenda lil hinn mix-xena taż-żwieġ. Eluf taʼ snin wara, kittieb tal-Bibbja nnota li “raġel iddomina lil raġel bi ħsara għalih.” (Ekkleżjasti 8:9) Int wisq probabbli taf kemm dan kien veru fi kwistjonijiet politiċi u militari, imma jistaʼ jagħti l-każ li fejn nistgħu ninfluwenzaw aħna stess, qegħdin ninsistu għal iktar poter jew kontroll?
15, 16. F’liema aspetti jistaʼ Kristjan jaqaʼ fin-nasba b’xewqa għal iktar poter? (Filippin 2:3)
15 Ilkoll kemm aħna nagħmluha maʼ bnedmin oħrajn—fil-familji tagħna jew maʼ dawk li jiġu minna, fuq ix-xogħol jew fl-iskola, fost il-ħbieb, u fil-kongregazzjoni. Nistgħu kultant, jew taʼ spiss, ikollna sehem f’li niddeċiedu x’se jsir, kif ukoll dwar kif u meta se jsir. Dak fih innifsu mhux żbaljat jew ħażin. Iżda, nieħdu gost aħna b’mod eċċessiv b’li nużaw xi awtorità li jistaʼ jkollna? Jistaʼ jagħti l-każ li nieħdu pjaċir li l-aħħar kelma tkun tagħna u dan irriduh dejjem iktar? Managers jew bosses tad-dinja taʼ spiss juru din l-attitudni billi jdawru lilhom infushom b’yes-men, li ma joffru l-ebda ideat kuntrarji u li ma jisfidawx il-ġiri dinji (regħba) tas-superjuri tagħhom għall-poter.
16 Din hi nasba li trid tiġi evitata fil-kuntatti tagħna maʼ sħabna Kristjani. Ġesù qal: “Intom tafu li l-ħakkiema tal-ġnus jagħmluha taʼ mulejiet fuqhom u n-nies kbar jaħkmu b’awtorità fuqhom. Dan mhux il-mod fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-ministru tagħkom.” (Mattew 20:25, 26) Din l-umiltà għandha tkun evidenti fil-mod kif anzjani Kristjani jittrattaw maʼ xulxin, maʼ qaddejja ministerjali, u mal-merħla. Tistaʼ xewqa għall-poter tiġi riflessa, per eżempju, minn indokratur li jippresiedi u li jikkonsulta maʼ anzjani sħabu biss dwar kwistjonijiet taʼ importanza żgħira imma li jieħu d-deċiżjonijiet ewlenin kollha waħdu? Lest hu verament li jiddelega responsabbiltajiet lil oħrajn? Problemi jistgħu jirriżultaw jekk qaddej ministerjali li jkun qiegħed jikkonduċi laqgħa tas-servizz tal-għalqa jkun jippretendi żżejjed fl-arranġamenti tiegħu, billi saħansitra jagħmel xi regoli.—1 Korintin 4:21; 9:18; 2 Korintin 10:8; 13:10; 1 Tessalonkin 2:6, 7.
17. Għala hu xieraq li nikkunsidraw l-ikel meta niddiskutu n-nasba tar-regħba?
17 L-ikel hu qasam ieħor li fih ħafna jaqgħu fin-nasba tar-regħba. M’għandniex xi ngħidu, huwa naturali li wieħed isib pjaċir f’li jiekol u jixrob; il-Bibbja titkellem b’approvazzjoni dwar dan. (Ekkleżjasti 5:18) Madankollu, mhix ħaġa rari li xewqa f’dan ir-rigward tikber fuq perijodu taʼ żmien, billi testendi lil hinn minn dak li hu b’mod raġonevoli taʼ pjaċir u suffiċjenti. Li kieku dan ma kienx qasam ieħor taʼ tħassib xieraq mill-qaddejja t’Alla, għala l-Kelma taʼ Jehovah tgħid fi Proverbji 23:20: “Tiġix li tkun fost dawk li jixorbu ħafna nbid, fost dawk li jieklu l-laħam bi ħniżrija”? Madankollu, kif nevitawha din in-nasba?
18. Liema eżami tagħna nfusna dwar l-ikel u x-xorb nistgħu nagħmlu?
18 Alla ma jissuġġerix li l-poplu tiegħu jgħaddi b’xi dieta stretta. (Ekkleżjasti 2:24, 25) Imma lanqas ma japprova li aħna nagħmlu l-ikel u x-xorb parti dominanti mill-konversazzjoni u mill-ippjanar tagħna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Insir jien taʼ spiss entużjażmat iżżejjed meta niddeskrivi xi ikla li kilt jew li qed nippjana li niekol?’ ‘Nitkellem jien dejjem dwar l-ikel u x-xorb?’ Indikazzjoni oħra tistaʼ tkun kif aħna nirreaġixxu meta jkollna ikla li ma ħallasniex għaliha jew li ma ppreparajniex aħna, forsi meta niġu mistednin fid-dar taʼ xi ħaddieħor jew meta l-ikel ikun disponibbli f’xi assemblea Kristjana. Jistaʼ jkun li allura nkunu inklinati li nieklu ħafna iżjed mis-soltu? Niftakru li Eżaw ippermetta li l-ikel isir importanti żżejjed, għall-ħsara dejjiema tiegħu.—Ebrej 12:16.
19. Kif tistaʼ r-regħba tkun problema rigward pjaċir sesswali?
19 Pawlu jagħtina d-dehen fuq nasba oħra: “Ħallu ż-żina u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-regħba lanqas biss jissemmew fostkom, sewwa sew bħalma jixraq lil nies qaddisin.” (Efesin 4:17-19; 5:3) Tabilħaqq, regħba għal pjaċiri sesswali tistaʼ tiżżviluppa. Dan il-pjaċir, m’għandniex xi ngħidu, għandu espressjoni xierqa fir-rabta taż-żwieġ. L-affezzjoni mill-qrib assoċjata maʼ dan il-pjaċir għandha parti f’li tgħin lir-raġel u lill-mara miżżewġin biex jibqgħu ddedikati lejn xulxin matul ħafna snin taʼ żwieġ. Ħafna nies jafu tajjeb, iżda, li d-dinja tal-lum poġġiet enfasi estrema fuq is-sess, billi tippreżenta bħala normali dak li attwalment hu riflessjoni tar-regħba li semma Pawlu. B’mod speċjali din il-ħarsa żbaljata taʼ pjaċiri sesswali tiġi addottata faċilment minn dawk li jesponu lilhom infushom għall-immoralità u n-nudiżmu komuni llum f’ħafna films, videos, u rivisti, kif ukoll f’postijiet taʼ divertiment.
20. Il-Kristjani kif jistgħu juru li huma attenti għall-periklu tar-regħba f’affarijiet sesswali?
20 Ir-rakkont tad-dnub taʼ David maʼ Batxeba juri li wieħed mill-qaddejja t’Alla jistaʼ jinqabad min-nasba tar-regħba sesswali. Għalkemm kien ħieles li jgawdi pjaċir fiż-żwieġ tiegħu stess, David ħalla tikber fih xewqa sesswali pprojbita. Billi nnota kemm kienet attraenti l-mara taʼ Urija, hu ma kkontrollax il-ħsieb—u l-għemil—taʼ li jieħu pjaċir ipprojbit magħha. (2 Samwel 11:2-4; Ġakbu 1:14, 15) Ċertament li aħna rridu naħarbu din il-għamla taʼ regħba. Fiż-żwieġ ukoll huwa xieraq li naħarbu r-regħba. Dan ikun jinkludi li nirrifjutaw prattiċi sesswali estremi. Raġel miżżewweġ li hu ddeterminat li jevita r-regħba f’dan il-qasam se jkun interessat b’mod ġenwin fis-sieħba tiegħu, sabiex kwalunkwe għażla li t-tnejn li huma jagħmlu rigward id-daqs tal-familja ma tistmax il-pjaċir tiegħu bħala iżjed importanti mis-saħħa preżenti jew futura taʼ martu.—Filippin 2:4.
Ibqaʼ Kun Iddeterminat li Tevita r-Regħba
21. Id-diskussjoni tagħna dwar ir-regħba għala m’għandhiex tiskuraġġina?
21 Jehovah ma jipprovdix avviżi jew twissijiet minħabba xi nuqqas taʼ fiduċja. Hu jaf li l-qaddejja devoti tiegħu jridu jaqduh lealment, u hu fiduċjuż li l-maġġoranza l-kbira se jibqgħu jagħmlu hekk. Dwar il-poplu tiegħu inġenerali, hu jistaʼ jagħmel espressjoni simili għal dik li għamel dwar Ġob meta kellem lil Satana: “Xħett qalbek fuq il-qaddej tiegħi Ġob, li m’hemm ħadd bħalu fuq l-art, raġel bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jwarrab mill-ħażen?” (Ġob 1:8) Missierna tas-sema li jħobbna u jafdana, iwissina kontra nasbiet perikolużi, bħal dawk konnessi maʼ għamliet taʼ regħba, għaliex iridna li nibqgħu bla tebgħa u leali lejh.
22. X’għandna nagħmlu jekk l-istudju tagħna kixef xi qasam taʼ periklu jew djufija persunali?
22 Kull wieħed u waħda minna writna tendenza lejn ir-regħba, u forsi din żviluppajnieha iżjed taħt l-influwenza tad-dinja mill-agħar. Xi ngħidu jekk matul l-istudju tagħna dwar ir-regħba—rigward il-għana, l-affarijiet li nippossjedu, il-poter u l-awtorità, l-ikel, jew il-pjaċir sesswali—int rajt xi qasam taʼ djufija? Mela daħħal f’qalbek il-parir taʼ Ġesù: “Jekk qatt idek iġġagħlek tieħu gambetta, aqtagħha barra; huwa aħjar għalik li tidħol fil-ħajja mmankat milli b’żewġ idejn titlaq f’Geħenna.” (Mark 9:43) Agħmel kwalunkwe bidliet li hemm bżonn isiru fl-attitudni jew fl-interessi. Evita n-nasba mortali tar-regħba. B’hekk bil-għajnuna t’Alla, int tkun tistaʼ “tidħol fil-ħajja.”
◻ Għala għandna nkunu kkonċernati dwar in-nasba tar-regħba?
◻ B’liema modi tistaʼ r-regħba għall-għana jew għall-affarijiet li nippossjedu twaqqagħna fin-nasba?
◻ Ir-regħba f’oqsma oħrajn tal-ħajja kif tistaʼ tippreżenta perikli reali?
◻ X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn xi djufija li għandna rigward ir-regħba?