LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 8/15 pp. 24-29
  • Liġi taʼ Mħabba f’Qalbna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Liġi taʼ Mħabba f’Qalbna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Liġi Miktuba fil-​Qalb
  • Liġijiet Ibbażati fuq l-​Imħabba
  • Biex Tħobb Trid Tobdi
  • L-​Imħabba fl-​Azzjoni
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Qegħdin Aħna Taħt L-Għaxar Kmandamenti?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Xi Jfisser li Nħobbu lill-Proxxmu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • X’Jistenna Jehovah Minna Llum?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 8/15 pp. 24-29

Liġi taʼ Mħabba f’Qalbna

“Inqiegħed il-​liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom.”​—ĠEREMIJA 31:33.

1, 2.(a) X’se nikkunsidraw issa? (b) Ġeħova kif wera lilu nnifsu fuq il-​Muntanja Sinaj?

FIŻ-​ŻEWĠ artikli taʼ qabel, tgħallimna li meta Mosè niżel minn fuq il-​Muntanja Sinaj, wiċċu kien qed jiddi bir-​raġġi li rriflettew il-​glorja taʼ Ġeħova. Iddiskutejna wkoll il-​velu li libes Mosè. Issa ejja nikkunsidraw kwistjoni relatata li għandha tifsir għall-​Kristjani llum.

2 Meta Mosè kien fuq il-​muntanja, hu rċieva istruzzjonijiet mingħand Ġeħova. Miġburin ħdejn il-​Muntanja Sinaj, l-​Iżraelin raw turija taʼ l-​għaġeb t’Alla nnifsu. “Kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta l-​muntanja. Nstamaʼ wkoll iż-​żarżir qawwi tat-​tromba, u triegħed il-​poplu kollu fil-​kamp. . . . Il-​muntanja tas-​Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax niżel fuqha l-​Mulej fin-​nar. Id-​duħħan beda tielaʼ ’l fuq bħad-​duħħan taʼ forn, u l-​muntanja kienet titheżheż kollha.”​—Eżodu 19:​16-​18.

3. Ġeħova kif ta l-​Għaxar Kmandamenti lill-​Iżrael, u l-​ġens x’beda jifhem?

3 Ġeħova kellem lill-​poplu permezz t’anġlu, u tahom il-​liġijiet li saru magħrufa bħala l-​Għaxar Kmandamenti. (Eżodu 20:​1-​17) B’hekk, ma setaʼ jkun hemm ebda dubju li dawn il-​liġijiet kienu mingħand Dak li jistaʼ kollox. Ġeħova kiteb dawn il-​kmandamenti fuq twavel tal-​ġebel​—twavel li Mosè kisser meta ra lill-​Iżraelin iqimu għoġol tad-​deheb. Ġeħova reġaʼ kiteb il-​kmandamenti fuq il-​ġebel. Din id-​darba, meta Mosè niżel bit-​twavel f’idu, wiċċu kien qed jiddi. Għalhekk, kulħadd kien se jifhem li dawk il-​liġijiet kellhom sinifikat enormi.​—Eżodu 32:​15-​19; 34:​1, 4, 29, 30.

4. L-​Għaxar Kmandamenti għala kienu taʼ importanza kbira?

4 Iż-​żewġ twavel li fuqhom kien hemm miktub l-​Għaxar Kmandamenti tqiegħdu ġewwa l-​arka tal-​patt fil-​post l-​Iktar Qaddis tat-​tabernaklu u iktar tard fit-​tempju. Il-​liġijiet li kienu fuq it-​twavel stqarrew il-​prinċipji prinċipali tal-​patt tal-​Liġi Mosajka u fformaw il-​bażi għall-​amministrazzjoni teokratika taʼ gvern nazzjonali. Taw prova li Ġeħova kien qed jittratta maʼ poplu speċifiku, poplu magħżul.

5. Il-​liġijiet t’Alla lill-​Iżrael b’liema modi rriflettew l-​imħabba tiegħu?

5 Dawn il-​liġijiet kixfu ħafna dwar Ġeħova, partikolarment dwar imħabbtu għall-​poplu tiegħu. Kemm servew taʼ għotja prezzjuża għal dawk li obdewhom! Studjuż wieħed kiteb: “L-​ebda sistema maħluqa mill-​bnedmin qabel jew wara . . . ma tistaʼ tiġi viċin, aħseb u ara kemm se tkun daqs, jew aħjar, minn dawn l-​għaxar kelmiet t’Alla.” Rigward il-​Liġi Mosajka kollha kemm hi, Ġeħova qal: “Jekk tisimgħu leħni u żżommu l-​patt tiegħi, intom tkunu l-​wirt tiegħi minn fost il-​popli kollha, għax l-​art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.”​—Eżodu 19:​5, 6.

Liġi Miktuba fil-​Qalb

6. Liema liġi tat prova li tiswa iktar minn liġijiet miktubin fuq il-​ġebel?

6 Iva, dawk il-​liġijiet divini kellhom valur kbir. Però, kont taf li l-​Kristjani midlukin għandhom xi ħaġa li tiswa ħafna iktar minn liġijiet miktubin fuq il-​ġebel? Ġeħova bassar dwar patt ġdid differenti mill-​patt tal-​Liġi li għamel mal-​ġens taʼ Iżrael. “Inqiegħed il-​liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom.” (Ġeremija 31:​31-​34) Ġesù, il-​Medjatur tal-​patt il-​ġdid, ma tax personalment sett taʼ liġijiet bil-​miktub lis-​segwaċi tiegħu. Hu naqqax il-​liġi taʼ Ġeħova fl-​imħuħ u l-​qlub tad-​dixxipli tiegħu bl-​affarijiet li qal u għamel.

7. “Il-​liġi tal-​Kristu” lil min ngħatat għall-​ewwel, u iktar tard min ħaddanha wkoll?

7 Din il-​liġi hi msejħa “l-​liġi tal-​Kristu.” L-​ewwel ngħatat, mhux lill-​ġens taʼ Iżrael naturali, li kien id-​dixxendenti taʼ Ġakobb, imma lil ġens spiritwali, “l-​Iżrael t’Alla.” (Galatin 6:​2, 16; Rumani 2:​28, 29) L-​Iżrael t’Alla hu magħmul minn Kristjani midlukin bl-​ispirtu. Maż-​żmien, ngħaqdu magħhom “folla kbira” minn kull ġens li wkoll tfittex biex tagħti qima lil Ġeħova. (Rivelazzjoni 7:​9, 10; Żakkarija 8:​23) Bħala “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed,” iż-​żewġ gruppi jħaddnu “l-​liġi tal-​Kristu,” u jħalluha tmexxihom f’dak kollu li jagħmlu.​—Ġwanni 10:16.

8. X’differenza kien hemm bejn il-​Liġi Mosajka u l-​liġi tal-​Kristu?

8 Kuntrarju għall-​Iżraelin naturali, li kienu marbutin mal-​Liġi Mosajka mit-​twelid, il-​Kristjani jibqgħu taħt il-​liġi tal-​Kristu minn jeddhom, fatturi bħar-​razza u l-​post tat-​twelid huma irrilevanti. Huma jitgħallmu dwar Ġeħova u t-​triqat tiegħu u jixxennqu biex jagħmlu r-​rieda tiegħu. Peress li għandhom il-​liġi t’Alla “fosthom,” miktuba, b’mod figurattiv, “f’qalbhom,” il-​Kristjani midlukin ma jobdux lil Alla sempliċement minħabba li Alla jistaʼ jiddixxiplina lil dawk li ma jobdux; u lanqas ma jobduh biss minħabba li jħossu li huwa dmirhom. L-​ubbidjenza tagħhom għandha għeruqha f’xi ħaġa iktar fundamentali u ħafna iktar qawwija, u dawk tan-​nagħaġ oħra b’mod simili huma ubbidjenti minħabba li għandhom il-​liġi t’Alla f’qalbhom.

Liġijiet Ibbażati fuq l-​Imħabba

9. Ġesù kif indika li l-​imħabba hi l-​essenza tal-​liġijiet taʼ Ġeħova?

9 L-​essenza tal-​liġijiet u r-​regoli kollha taʼ Ġeħova tistaʼ tinġabar f’kelma waħda: l-​imħabba. Din minn dejjem kienet u dejjem se tkun parti essenzjali mill-​qima pura. Meta Ġesù ġie mistoqsi liema hu l-​akbar kmandament, hu qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” It-​tieni hu dan: “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Imbagħad qal: “Fuq dawn iż-​żewġ kmandamenti żżomm il-​Liġi kollha, u l-​Profeti.” (Mattew 22:​35-​40) Ġesù b’hekk indika li, mhux biss il-​Liġi bl-​Għaxar Kmandamenti, imma l-​Iskrittura Ebrajka kollha kemm hi hija bbażata fuq l-​imħabba.

10. Kif nafu li l-​imħabba hija l-​bażi għal-​liġi tal-​Kristu?

10 Hija l-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu l-​bażi għal-​liġi f’qalb il-​Kristjani? Iva! Il-​liġi tal-​Kristu tinvolvi mħabba mill-​qalb għal Alla u tinkludi kmandament ġdid​—il-​Kristjani għandhom ikollhom imħabba taʼ ssagrifikar għal xulxin. Għandhom iħobbu bħalma kien iħobb Ġesù, u hu minn jeddu ta ħajtu għal ħbiebu. Hu għallem lid-​dixxipli tiegħu biex iħobbu lil Alla u biex iħobbu lil xulxin, bħalma hu kien ħabb lilhom. L-​imħabba li tispikka li juru lejn xulxin hija l-​kwalità prinċipali li huma identifikati minnha l-​Kristjani veri. (Ġwanni 13:​34, 35; 15:​12, 13) Ġesù saħansitra tahom istruzzjoni biex iħobbu lill-​għedewwa tagħhom.​—Mattew 5:​44.

11. Ġesù kif wera mħabba kemm għal Alla u kemm għall-​umanità?

11 Ġesù ħalla eżempju perfett f’li juri limħabba. Bħala spirtu setgħan fis-​sema, hu kien lest jaċċetta l-​opportunità biex javanza l-​interessi taʼ Missieru fuq l-​art. Mhux talli ta ħajtu bħala bniedem biex oħrajn ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem, imma talli wera lin-​nies kif għandhom jgħixu. Kien umli, qalbu tajba, u wera konsiderazzjoni, billi għen lil dawk imtaqqlin u mgħakksin. Kif ukoll ta “l-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem,” u għen lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova mingħajr ma qataʼ qalbu.​—Ġwanni 6:​68.

12. Għala jistaʼ jingħad li l-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu huma marbutin flimkien mill-​qrib?

12 Fil-​fatt, l-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu huma marbutin flimkien mill-​qrib. L-​appostlu Ġwanni qal: “L-​imħabba hi minn Alla . . . Jekk xi ħadd jgħid: ‘Inħobb lil Alla,’ iżda jobgħod lil ħuh, hu giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġwanni 4:​7, 20) Ġeħova hu kemm is-​sors u kemm il-​personifikazzjoni taʼ l-​imħabba. Dak kollu li jagħmel hu influwenzat mill-​imħabba. Aħna nħobbu għax maħluqin fix-​xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:​27) Billi nuru li nħobbu l-​proxxmu tagħna, nuru l-​imħabba tagħna għal Alla.

Biex Tħobb Trid Tobdi

13. Jekk irridu nħobbu lil Alla, x’għandna nagħmlu l-​ewwel?

13 Kif nistgħu nħobbu lil Alla li ma nistgħux naraw? L-​ewwel pass kruċjali hu li nsiru nafuh. Ma nistgħux verament inħobbu jew nafdaw stranġier. B’hekk, il-​Kelma t’Alla tinkuraġġina biex insiru nafu lil Alla billi naqraw il-​Bibbja, nitolbu, u billi nassoċjaw maʼ dawk li diġà jafuh u jħobbuh. (Salm 1:​1, 2; Filippin 4:6; Ebrej 10:25) L-​erbaʼ evanġelji huma speċjalment taʼ valur, għaliex jikxfu l-​personalità taʼ Ġeħova kif inhi murija fil-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù Kristu. Ix-​xewqa tagħna li nobdu lil Alla u nimitaw il-​personalità tiegħu tissaħħaħ hekk kif insiru nafuh u napprezzaw l-​imħabba li wera magħna. Iva, l-​imħabba għal Alla tinvolvi l-​ubbidjenza.

14. Għala jistaʼ jingħad li l-​liġijiet t’Alla m’humiex tqal?

14 Meta nħobbu lil xi ħadd, aħna nkunu nafu xi jħobb u x’ma jħobbx, u nimxu fi qbil maʼ dan. Ma rridux inweġġgħu lil dawk li nħobbu. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Għax l-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) La huma tqal, u lanqas m’huma ħafna. L-​imħabba tmexxina. M’għandniex għalfejn nimmemorizzaw lista twila taʼ liġijiet biex inkunu nafu kif għandna naġixxu; l-​imħabba tagħna għal Alla tiggwidana. Jekk inħobbu lil Alla, ikun t’għaxqa li nagħmlu r-​rieda tiegħu. B’hekk niksbu l-​approvazzjoni t’Alla, u se jkun għall-​ġid tagħna għax id-​direzzjoni tiegħu dejjem hi għall-​aħjar tagħna.​—Isaija 48:17.

15. X’se jqanqalna biex nimitaw lil Ġeħova? Spjega.

15 L-​imħabba għal Alla tqanqalna biex nimitaw il-​kwalitajiet tiegħu. Meta nħobbu lil xi ħadd, aħna nammiraw il-​kwalitajiet tiegħu u nfittxu li nkunu bħalu. Ikkunsidra r-​relazzjoni bejn Ġeħova u Ġesù. Huma kienu flimkien fis-​smewwiet għal forsi biljuni taʼ snin. Bejniethom kien hemm imħabba profonda u pura. Ġesù tant kemm kien jixbah lil Missieru tas-​sema b’mod perfett li setaʼ jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġwanni 14:9) Hekk kif niksbu għarfien u apprezzament għal Ġeħova u għal Ibnu, aħna nitqanqlu biex inkunu bħalhom. L-​imħabba tagħna għal Ġeħova, flimkien maʼ l-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu, se tgħinna ‘ninżgħu l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha, u nilbsu l-​personalità l-​ġdida.’​—Kolossin 3:​9, 10; Galatin 5:​22, 23.

L-​Imħabba fl-​Azzjoni

16. L-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu kif inhi murija bl-​attività taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim tagħna?

16 Bħala Kristjani, aħna nħallu l-​imħabba tagħna għal Alla u għall-​proxxmu tqanqalna biex nieħdu sehem fl-​ippridkar tas-​Saltna u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Billi nagħmlu dan, nogħġbu lil Alla Ġeħova, “li jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Timotju 2:​3, 4) Aħna b’hekk nistgħu nsibu ferħ f’li ngħinu lil oħrajn ikollhom il-​liġi tal-​Kristu miktuba f’qalbhom. U hi l-​għaxqa tagħna li nosservawhom hekk kif il-​personalitajiet tagħhom jinbidlu biex jirriflettu l-​kwalitajiet divini taʼ Ġeħova. (2 Korintin 3:​18) L-​għajnuna mogħtija lil oħrajn biex isiru jafu lil Alla hi verament l-​iktar rigal prezzjuż li nistgħu nagħtuhom. Dawk li jaċċettaw il-​ħbiberija taʼ Ġeħova jistgħu jgawduha għall-​eternità.

17. Għala huwa għaqli li nikkultivaw l-​imħabba għal Alla u għall-​proxxmu minflok għall-​affarijiet materjali?

17 Ngħixu f’dinja fejn l-​affarijiet materjali jingħataw valur kbir, saħansitra huma maħbubin. Però, l-​affarijiet materjali ma jibqgħux għal dejjem. Dawn jistgħu jinsterqu jew jittieklu mill-​kamla. (Mattew 6:​19) Il-​Bibbja twissina: “Id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:​16, 17) Iva, Ġeħova se jibqaʼ għal dejjem, u anki dawk li jħobbuh u jaqduh. Għalhekk, ma jagħmilx iktar sens li nikkultivaw imħabba għal Alla u għan-​nies milli nfittxu l-​affarijiet tad-​dinja, li anki fl-​aqwa ċirkustanzi huma biss temporanji?

18. Waħda missjunarja kif uriet imħabba mhix egoistika?

18 Dawk li jfittxu l-​imħabba jġibu tifħir lil Ġeħova. Ikkunsidra lil Sonia, missjunarja fis-​Senegal. Hi studjat il-​Bibbja maʼ mara jisimha Heidi, li ħadet il-​HIV mir-​raġel tagħha li ma kienx taʼ l-​istess twemmin. Wara li żewġha miet, Heidi tgħammdet, imma s-​saħħa tagħha malajr bdiet tmur lura, u ddaħħlet l-​isptar bl-​AIDS. Sonia tirrakkonta: “L-​istaff taʼ l-​isptar għamlu l-​aħjar tagħhom, imma kienu ftit. Volontieri mill-​kongregazzjoni ġew mitluba jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħha fl-​isptar. It-​tieni lejl, qgħadt ħdejha fuq tapit ħdejn is-​sodda tagħha u għent biex nieħdu ħsiebha sakemm mietet. It-​tabib li kien qed jieħu ħsieb qal: ‘L-​akbar problema tagħna hi li spiss anki tal-​familja jabbandunaw lil qrabathom meta jkunu jafu li għandhom l-​AIDS. Int, li ma tiġix minnha, m’intix mill-​istess pajjiż, u lanqas m’int taʼ l-​istess kulur, għala taċċetta li tirriskja lilek innifsek?’ Jien spjegajtlu li għalija, Heidi kienet tassew oħti, intimi daqslikieku kellna l-​istess omm u missier. Minħabba li sirt naf lil oħti l-​ġdida, kien il-​pjaċir tiegħi li nieħu ħsiebha.” Ġara li Sonia ma sofriet ebda effetti koroh mill-​isforzi tagħha kollhom imħabba biex tieħu ħsieb lil Heidi.

19. Taʼ xiex għandna nieħdu vantaġġ la għandna l-​liġi t’Alla f’qalbna?

19 Ħafna eżempji taʼ mħabba mhix egoistika jistgħu jinsabu fost il-​qaddejja taʼ Ġeħova llum. M’hemm l-​ebda sett taʼ liġijiet bil-​miktub li jidentifika lill-​poplu t’Alla llum. Minflok, naraw it-​twettiq taʼ dak li hemm miktub f’Ebrej 8:​10: “‘Għax dan hu l-​patt li nagħmel maʼ dar Iżrael wara dak iż-​żmien,’ jgħid Ġeħova. ‘Inqiegħed il-​liġijiet tiegħi f’moħħhom, u niktibhom fi qlubhom. U nsir Alla tagħhom, u huma jsiru l-​poplu tiegħi.’” Jalla dejjem ngħożżu l-​liġi li Ġeħova kiteb f’qalbna, u nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex nuru mħabba.

20. Il-​liġi tal-​Kristu għala hi imprezzabbli?

20 X’ferħ ingawdu mill-​fatt li naqdu lil Alla flimkien mal-​fratellanza t’aħwa madwar id-​dinja li tant turi mħabba! Dawk li għandhom il-​liġi tal-​Kristu f’qalbhom igawdu xi ħaġa imprezzabbli f’din id-​dinja mingħajr imħabba. Mhux talli jgawdu l-​imħabba taʼ Ġeħova imma jitgħaxxqu wkoll fl-​għaqda taʼ mħabba b’saħħitha li teżisti fil-​fratellanza. “Ara! Kemm hu tajjeb u kemm hu pjaċevoli li aħwa jgħammru flimkien f’unità!” Għalkemm ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħixu f’ħafna pajjiżi, jitkellmu b’diversi ilsna, u jirrappreżentaw ħafna kulturi, huma jgawdu għaqda reliġjuża li ma titqabbel maʼ xejn. Din l-​għaqda ġġib il-​favur taʼ Ġeħova. Is-​Salmista kiteb: “Hemm [fost poplu magħqud bl-​imħabba] Ġeħova kkmanda li tkun il-​barka, saħansitra l-​ħajja għal żmien indefinit.”​—Salm 133:​1-3, NW.

Taf Twieġeb?

• Kemm kienu importanti l-​Għaxar Kmandamenti?

• X’inhi l-​liġi miktuba fil-​qlub?

• Liema rwol għandha l-​imħabba fil-​“liġi tal-​Kristu”?

• B’liema modi nistgħu nuru l-​imħabba tagħna għal Alla u għall-​proxxmu?

[Stampa f’paġna 25]

L-​Iżraelin kellhom liġijiet miktubin fuq twavel tal-​ġebel

[Stampi f’paġna 26]

Il-​Kristjani għandhom il-​liġi t’Alla f’qalbhom

[Stampa f’paġna 28]

Sonia maʼ tifla mis-​Senegal fil-​konvenzjoni distrettwali 2004

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja