Kapitlu 18
“It-Tmiem Tad-Dinja” Huwa Qrib Ferm!
1. Is-segwaċi taʼ Kristu fuq l-art kif kellhom ikunu jafu meta hu kien beda jaħkem fis-sema?
META ĠESÙ KRISTU xeħet lil Satana u lill-anġli tiegħu ’l barra mis-sema u beda l-ħakma tas-Saltna tiegħu, dan kien ifisser li t-tmiem taʼ Satana u tas-sistema mill-agħar tiegħu kien fil-qrib. (Rivelazzjoni 12:7-12) Imma s-segwaċi taʼ Kristu fuq l-art kif setgħu jkunu jafu li din il-ġrajja fis-sema, li ma kenitx tidher b’għajnejhom, kienet seħħet? Kif setgħu jkunu jafu li Kristu kien preżenti b’mod inviżibbli bil-poter tas-Saltna u li “t-tmiem tad-dinja” kien fil-qrib? Setgħu jkunu jafu billi jiċċekkjaw biex jaraw jekk is-“sinjal” li Ġesù ta kienx qiegħed jitwettaq.
2. Id-dixxipli taʼ Kristu liema mistoqsija staqsewh?
2 Ftit qabel il-mewt taʼ Ġesù, waqt li kien qiegħed bil-qiegħda fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, erbgħa mill-appostli tiegħu ġew biex jistaqsuh għal “sinjal.” Dan huwa l-mod kif il-mistoqsija tagħhom inqrat, fil-King James Version, minn miljuni taʼ nies: “Għidilna, meta se jkunu dawn l-affarijiet? u x’se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek, u t-tmiem tad-dinja?” (Mattew 24:3) Imma dawn l-espressjonijiet, il-“miġja tiegħek” u “t-tmiem tad-dinja,” x’ifissru tassew?
3. (a) L-espressjonijiet “il-miġja tiegħek” u “t-tmiem tad-dinja” x’ifissru tassew? (b) Il-mistoqsija li għamlu d-dixxipli taʼ Kristu kif, allura, tiġi tradotta b’mod korrett?
3 Il-kelma Griega hawnhekk tradotta “miġja” hija parousia, u tfisser “preżenza.” Mela, allura, meta s-“sinjal” ikun jidher, dan ifisser li nkunu nafu li Kristu hu preżenti għalkemm ma jidhirx, li diġà ġie fil-poter tas-Saltna. L-espressjoni “tmiem tad-dinja” wkoll tistaʼ tiżvijak ferm. Din ma tfissirx it-tmiem taʼ l-art, imma, minflok, it-tmiem tas-sistema t’affarijiet taʼ Satana. (2 Korintin 4:4) Il-mistoqsija taʼ l-appostli għalhekk tinqara b’mod eżatt: “Għidilna, Meta se jkunu dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet?”—Mattew 24:3, New World Translation.
4. (a) Liema affarijiet jifformaw “is-sinjal” li Ġesù ta? (b) “Is-sinjal” b’liema mod jistaʼ jiġi mqabbel maʼ marka tas-swabaʼ?
4 Ġesù ma tax biss ġrajja waħda bħala “s-sinjal.” Hu rrakkonta dwar ħafna ġrajjiet u sitwazzjonijiet. Kittieba oħrajn tal-Bibbja minbarra Mattew semmew ġrajjiet oħrajn li kellhom jimmarkaw l-“aħħar jiem.” Dawn l-affarijiet kollha li kienu mbassrin kellhom iseħħu matul iż-żmien li l-kittieba tal-Bibbja sejħulu l-“aħħar jiem.” (2 Timotew 3:1-5; 2 Pietru 3:3, 4) Dawn il-ġrajjiet kellhom ikunu bħal-linji differenti li jifformaw il-marka tas-swabaʼ taʼ persuna, marka li ma tistax tappartjeni lil kwalunkwe persuna oħra. L-“aħħar jiem” fihom id-disinn taʼ marki, jew ġrajjiet, tagħhom stess. Dawn jifformaw “marka tas-swabaʼ” pożittiva li ma tistax tappartjeni lil kwalunkwe perijodu ieħor taʼ żmien.
5, 6. Hekk kif teżamina 11-il evidenza dwar l-“aħħar jiem” fil-paġni li ġejjin, x’tifhem dwar “il-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet”?
5 F’kapitlu 16 taʼ dan il-ktieb ikkunsidrajna evidenza Biblika li Kristu rritorna u beda jaħkem fost l-għedewwa tiegħu fis-sena 1914. Issa ħares bir-reqqa lejn id-diversi karatteristiċi tas-“sinjal” tal-preżenza taʼ Kristu u evidenza oħra taʼ l-“aħħar jiem” tas-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ Satana. Waqt li teżamina dawn l-affarijiet imbassrin fl-erbaʼ paġni li jmiss, innota kif kienu u għadhom qegħdin ikollhom twettieq mill-1914 ’l hawn.
“ĠENS SE JQUM KONTRA ĠENS u SALTNA KONTRA SALTNA.”—Mattew 24:7.
Żgur li int rajt din il-parti tas-“sinjal” titwettaq mill-1914 ’l hawn! F’dik is-sena bdiet l-I Gwerra Dinjija. Qatt fl-istorja ma kien hemm gwerra terribbli bħal din. Kienet gwerra totali. L-I Gwerra Dinjija kienet ħafna akbar mill-gwerer il-kbar kollha miġġildin matul l-2,400 sena taʼ qabel l-1914. Madankollu 21 sena biss wara li ntemmet dik il-gwerra, bdiet it-II Gwerra Dinjija. U din kienet erbaʼ darbiet iktar qerrieda mill-I Gwerra Dinjija.
Gwerer terribbli jkomplu jiġu miġġildin. Mindu ntemmet it-II Gwerra Dinjija fl-1945, iktar minn 25 miljun ruħ inqatlu f’xi 150 gwerra miġġildin madwar il-globu. Fi kwalunkwe ġurnata, kien u għad hemm, bħala medja, 12-il gwerra għaddejjin x’imkien fid-dinja. U hemm it-theddida kontinwa taʼ gwerra dinjija oħra. L-Istati Uniti waħedha għandha biżżejjed armi nukleari biex teqred kull raġel, mara u tifel u tifla fuq l-art għal 12-il darba!
“SE JKUN HEMM NUQQAS TAʼ IKEL.”—Mattew 24:7.
Wara l-I Gwerra Dinjija ġie l-akbar ġuħ fl-istorja kollha. Fit-Tramuntana taċ-Ċina biss 15,000 mietu kuljum mill-ġuħ. Imma n-nuqqas taʼ ikel kien saħansitra akbar wara t-II Gwerra Dinjija. Kwart mid-dinja kienu qegħdin imutu bil-ġuħ dak iż-żmien! U minn dak iż-żmien ’l hawn, l-ikel baqaʼ skars għal ħafna nies fuq l-art.
“Kull 8.6 sekondi xi ħadd f’xi pajjiż m’huwiex żviluppat imut bħala riżultat taʼ mard ikkaġunat minn nutriment ħażin,” qalet it-Times taʼ New York fl-1967. Miljuni għadhom imutu bil-ġuħ—xi 50 miljun kull sena! Sa l-1980, madwar kwart tan-nies fuq l-art (1,000,000,000 ruħ) kienu bil-ġuħ għaliex ma kellhomx biżżejjed x’jieklu. Saħansitra f’pajjiżi fejn l-ikel huwa abbundanti, ħafna huma fqar wisq biex jixtruh.
“F’POST WIEĦED WARA IEĦOR PESTI.”—Luqa 21:11.
Eżatt wara l-I Gwerra Dinjija iktar nies mietu bl-influwenza Spanjola milli kienu mietu minn kwalunkwe epidemija taʼ mard fl-istorja taʼ l-umanità. L-għadd taʼ mwiet kien taʼ xi 21 miljun ruħ! Madankollu l-pesta u l-mard ikomplu jinfirxu bla kontroll. Miljuni sħaħ imutu kull sena minn mard tal-qalb u kanċer. Mard venerju qiegħed jinfirex bil-għaġla. Mardiet terribbli oħrajn, bħalma huma l-malarja, is-snail fever u r-river blindness, iseħħu f’pajjiż wara l-ieħor, speċjalment fl-Asja, fl-Afrika u fl-Amerka Latina.
“SE JKUN HEMM . . . TERREMOTI F’POST WIEĦED WARA IEĦOR.”—Mattew 24:7.
Mill-1914 s’issa, kien u għad hawn ħafna iktar terremoti kbar milli kien hemm f’xi perijodu simili ieħor fl-istorja ddokumentata. Għal iktar minn 1,000 sena, mis-sena 856 E.K. sa l-1914, kien hemm biss 24 terremot kbir li kkaġunaw xi 1,973,000 mewt. Imma fit-63 sena mill-1915 sa l-1978, total taʼ xi 1,600,000 ruħ mietu fi 43 terremot kbir.
“ŻJIEDA TAʼ ILLEGALITÀ.” —Mattew 24:12.
Minn kull parti tad-dinja jaslu rapporti taʼ żjieda fl-illegalità u fil-kriminalità. Kriminalità taʼ vjolenza, bħalma huma l-qtil, l-istupru u s-serq, hija issa inkontrollabbli. Fl-Istati Uniti biss, att kriminali serju jiġi mwettaq, bħala medja, kważi kull sekonda. F’ħafna postijiet ħadd ma jħossu fis-sigurtà fit-toroq, saħansitra matul il-ġurnata. Bil-lejl in-nies joqogħdu ġo djarhom bil-bibien imsakkrin u bl-istaneg, jibżgħu joħorġu barra.
“SE JKUN HEMM DEHRIET MIMLIJIN BIŻAʼ.”—Luqa 21:11.
Il-biżaʼ huwa probabbli l-akbar emozzjoni dominanti fil-ħajjiet tan-nies illum. Ftit wara li ġew sploduti l-ewwel bombi nukleari, ix-xjenzat atomiku Harold C. Urey qal: “Se nieklu l-biżaʼ, norqdu l-biżaʼ, ngħixu fil-biżaʼ u mmutu fil-biżaʼ.” Għal ħafna mill-bnedmin dan huwa dak li qiegħed jiġri. U dan m’huwiex sempliċement minħabba t-theddida dejjem preżenti taʼ gwerra nukleari. In-nies ukoll jibżgħu mill-kriminalità, mit-tniġġis, mill-mard, mill-inflazzjoni u minn ħafna affarijiet oħrajn li jheddu s-sigurtà tagħhom u l-istess ħajjiethom.
‘DIŻUBBIDJENZA LEJN IL-ĠENITURI.’—2 Timotew 3:2.
Taʼ spiss illum il-ġenituri ftit għandhom kontroll fuq uliedhom. Iż-żgħażagħ jirribellaw kontra l-awtorità kollha. Mela kull pajjiż fuq l-art huwa effettwat mill-pjaga tal-kriminalità fost iż-żgħażagħ. Iktar minn nofs ir-reati serji kollha f’xi pajjiżi jitwettqu minn tfal taʼ bejn l-10 u s-17-il sena. Qtil, stupru, assalt, serq mid-djar, serq taʼ karozzi, u kull xorta taʼ serq ieħor—dawn l-affarijiet kollha qegħdin isiru minn tfal. Qatt fl-istorja ma kienet daqshekk komuni d-diżubbidjenza lejn il-ġenituri.
“IĦOBBU L-FLUS.”—2 Timotew 3:2.
Kull fejn tħares illum tistaʼ tara atti taʼ regħba. Ħafna se jagħmlu prattikament kwalunkwe ħaġa għall-flus. Se jisirqu jew saħansitra joqtlu. M’hijiex xi ħaġa rari li persuni rgħiba jipproduċu u jbiegħu prodotti li huma magħrufin, b’mod jew ieħor, li jmarrdu jew li joqtlu lil oħrajn. Jew bil-miftuħ, jew bil-mod kif jgħixu, in-nies qegħdin jgħidu dwar il-flus: ‘Dan huwa l-alla tiegħi.’
“IĦOBBU L-PJAĊIRI MINFLOK MA JĦOBBU ’L ALLA.” —2 Timotew 3:4.
Il-biċċa l-kbira tan-nies illum jaħsbu biss dwar li jagħmlu dak li jogħġob lilhom jew lill-familji tagħhom, mhux dak li jogħġob ’l Alla. Partikolarment ħafna jħobbu dak li Alla jikkundanna, inkluż il-fornikazzjoni, l-adulterju, is-sokor, l-abbuż tad-drogi u l-hekk imsejħin pjaċiri oħrajn. Saħansitra pjaċiri li, fihom infushom, jistgħu jkunu bnini jiġu mqegħdin qabel kwalunkwe sforz biex wieħed jitgħallem dwar Alla u jaqdih.
“GĦANDHOM GĦAMLA TAʼ DEVOZZJONI LEJN ALLA IMMA JAGĦTU PROVA LI HUMA FOLOZ GĦALL-QAWWA TAGĦHA.”—2 Timotew 3:5.
Mexxejja dinjin u bħalhom nies komuni taʼ spiss jilagħbuha taʼ tajbin. Huma jistgħu jattendu għal funzjonijiet fil-knejjes u jagħtu kontribuzzjonijiet għal opri reliġjużi. Dawk fil-gvern jistgħu jpoġġu idhom fuq Bibbja meta jieħdu l-kariga. Imma taʼ spiss din hija sempliċement “għamla taʼ devozzjoni lejn Alla.” Sewwa sew bħalma bassret il-Bibbja, il-vera qima t’Alla m’hijiex tassew forza fil-ħajjiet tal-biċċa l-kbira tan-nies illum. M’humiex immotivati minn qawwa reali għat-tajjeb.
“JIRROVINAW L-ART.”—Rivelazzjoni 11:18.
L-arja li nibilgħu, l-ilma li nixorbu u l-art li fiha jikber l-ikel tagħna qegħdin jiġu mniġġsin. Dan huwa tant serju li x-xjenzat Barry Commoner wissa: “Nemmen li t-tniġġis kontinwu taʼ l-art, jekk ma jiġix ikkontrollat, eventwalment se jeqred il-kapaċità taʼ din il-pjaneta bħala post għal ħajja umana.”
6 Wara li kkunsidrajt dan kollu, m’huwiex ċar li “s-sinjal” li Kristu ta u l-evidenzi mbassrin mid-dixxipli tiegħu qegħdin jitwettqu issa? Għalkemm hemm ħafna provi oħrajn, dawk imniżżlin hawnhekk għandhom ikunu biżżejjed biex juru li aħna tassew qegħdin ngħixu fiż-żmien li l-Bibbja bassret bħala l-“aħħar jiem.”
7. (a) X’inhu dak li jagħmel lill-profeziji tal-Bibbja rigward il-preżenza taʼ Kristu u l-“aħħar jiem” daqstant straordinarji? (b) F’kuntrast maʼ dak li bassret il-Bibbja, mexxejja dinjin x’kienu qegħdin ibassru preċiż qabel l-1914?
7 Madankollu xi persuni jistgħu jgħidu: ‘Affarijiet bħalma huma l-gwerer, il-ġuħ, il-pesti u t-terremoti ġraw spiss matul l-istorja. Mela ma jkunx diffiċli li tbassar li kellhom jerġgħu jiġru.’ Imma aħseb ftit: Il-Bibbja mhux biss bassret dawn l-affarijiet, imma indikat li kellhom jiġru fuq skala dinjija. Ukoll, il-Bibbja qalet li dawn l-affarijiet kollha kellhom iseħħu fuq il-ġenerazzjoni li kienet ħajja fl-1914. Madankollu xi mexxejja prominenti tad-dinja x’kienu qegħdin ibassru preċiż qabel l-1914? Kienu qegħdin jgħidu li kundizzjonijiet li jwiegħdu paċi dinjija qatt ma kienu daqshekk favorevoli. Madankollu l-inkwiet terribbli li l-Bibbja bassret beda eżatt fil-ħin, fl-1914! Fil-fatt, mexxejja dinjin issa jgħidu li l-1914 kienet is-sena li fiha l-istorja nbidlet kompletament.
8. (a) Ġesù liema ġenerazzjoni indika li kellha tara t-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet? (b) Mela dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti?
8 Wara li ġibed l-attenzjoni lejn il-ħafna affarijiet li mmarkaw il-perijodu mill-1914 ’il quddiem, Ġesù qal: “Din il-ġenerazzjoni bl-ebda mod ma se tgħaddi sakemm dawn l-affarijiet kollha [inkluż it-tmiem taʼ din is-sistema] jseħħu.” (Mattew 24:34, 14) Liema ġenerazzjoni ried ifisser Ġesù? Hu ried ifisser il-ġenerazzjoni taʼ nies li kienu ħajjin fl-1914. Dawk il-persuni li għad baqaʼ minn dik il-ġenerazzjoni huma issa xjuħ ħafna. Madankollu, xi wħud minnhom se jkunu għadhom ħajjin biex jaraw it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Mela minn dan nistgħu nkunu ċerti: Dalwaqt issa se jkun hemm tmiem f’daqqa waħda għall-ħażen kollu u għan-nies mill-agħar kollha f’Armageddon.
[Stampa f’paġna 149]
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu liema ħaġa kellha tkun prova viżibbli tal-preżenza inviżibbli tiegħu fil-poter tas-Saltna
[Stampa f’paġna 154]
1914—ARMAGEDDON
Xi wħud mill-ġenerazzjoni li kienu jgħixu fl-1914 se jaraw it-tmiem tas-sistema t’affarijiet u jgħaddu ħajjin minnu