L-Aħħar Jum tal-Ħajja taʼ Ġesù Bħala Bniedem
Huwa tard wara nofsinhar tal-Ġimgħa, 14 taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K. Grupp taʼ rġiel u nisa jinsabu lesti biex jidfnu ħabib għażiż. Wieħed mill-irġiel, li jismu Nikodemu, ġab xi ħwawar biex iħejji l-ġisem għad-difna. Raġel jismu Ġużeppi pprovda għażel nadif biex fih jitgeżwer il-katavru kollu mbenġel u mbiċċer.
MIN huma dawn in-nies, u lil min qed jidfnu? Dan kollu jeffettwak lilek? Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, ejja mmorru lura għall-bidu taʼ dak il-jum sinjifikanti.
Il-Ħamis fil-Għaxija, l-14 taʼ Nisan
Qamar kwinta u jiddi tielaʼ bil-mod fuq Ġerusalemm. Il-belt iffollata qed tirtira wara ġurnata xogħol. Din il-lejla l-arja hija mimlija bir-riħa tfuħ taʼ ħaruf mixwi. Iva, eluf taʼ nies qed jippreparaw għal ġrajja speċjali—iċ-ċelebrazzjoni annwali tal-Qbiż.
Ġewwa kamra kbira tal-mistidnin, insibu lil Ġesù Kristu u lit-12-il appostlu tiegħu madwar mejda mħejjija. Ismaʼ! Ġesù qed jitkellem. “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla taʼ l-Għid magħkom qabel ma nbati,” hu jgħid. (Luqa 22:15) Ġesù jaf li l-għedewwa reliġjużi tiegħu għandhom l-intenzjoni li joqtluh. Imma qabel jiġri dan, xi ħaġa verament sinjifikanti sseħħ din il-lejla.
Wara li ġie osservat il-Qbiż, Ġesù jgħid: “Wieħed minnkom se jittradini.” (Mattew 26:21) Dan inikket lill-appostli. Min jistaʼ jkun? Wara ftit diskussjoni, Ġesù jgħid lil Ġuda l-Iskarjota: “Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx.” (Ġwann 13:27) Għalkemm l-oħrajn lanqas biss jirrealizzaw, Ġuda huwa traditur. Hu jitlaq sabiex iwettaq l-irwol vili tiegħu fil-komplott kontra Ġesù.
Osservanza Speċjali
Ġesù issa jistabbilixxi osservanza ġdida—waħda li tikkommemora l-mewt tiegħu. Waqt li jieħu ħobża, Ġesù jgħid talba taʼ ringrazzjament fuqha u jqassamha. “Ħudu, kulu,” jgħidilhom. “Dan hu ġismi li jingħata għalikom.” Wara li kull wieħed minnhom kiel biċċa mill-ħobż, hu jieħu kies bl-inbid aħmar u jgħid talba fuqu. “Ixorbu lkoll minnu,” jgħidilhom Ġesù, billi jispjegalhom: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom.” Hu jagħti istruzzjoni lill-11-il appostlu li baqgħu leali: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—Mattew 26:26-28; Luqa 22:19, 20; 1 Korintin 11:24, 25.
Dik il-lejla Ġesù jipprepara bil-ħlewwa lill-appostli leali tiegħu għal dak li kellu jiġri, u jsaħħaħ l-imħabba profonda tiegħu għalihom. “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din,” jispjegalhom, “li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom.” (Ġwann 15:13-15) Iva, il-11-il appostlu taw prova li huma ħbieb veri billi baqgħu maʼ Ġesù waqt il-provi tiegħu.
Tard fil-għaxija—forsi wara nofsillejl—Ġesù jgħid talba memorabbli, u wara jkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Jehovah. Imbagħad, mad-dawl tal-qamar kwinta, huma joħorġu mill-belt u jgħaddu mill-Wied taʼ Kedron.—Ġwann 17:1–18:1.
Fil-Ġnien taʼ Ġetsemani
Ftit wara, Ġesù u l-appostli jaslu fil-ġnien taʼ Ġetsemani. Waqt li jħalli lil tmienja mill-appostli fid-daħla tal-ġnien, Ġesù jieħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni iktar ’il ġewwa ħdejn is-siġar taż-żebbuġ. “Nħossni mnikket għall-mewt,” jgħid lil dawn it-tlieta. “Ibqgħu hawn u ishru.”—Mark 14:33, 34.
It-tliet appostli joqogħdu jistennew waqt li Ġesù jidħol iktar ’il ġewwa fil-ġnien biex jitlob. B’għajat qawwi u bid-dmugħ, hu jitlob: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi!” Hemm responsabbiltà kbira fuq spallejn Ġesù. Kemm huwa taʼ niket għalih li joqgħod jaħseb dwar x’se jgħidu l-għedewwa taʼ Jehovah meta l-Iben uniġenitu Tiegħu jissammar maʼ zokk bħallikieku kien xi kriminal! Saħansitra iktar taʼ wġigħ għal Ġesù hu l-ħsieb tat-tmaqdir li kellu jintefaʼ fuq l-għażiż Missieru tas-sema jekk jonqos li jgħaddi minn din il-prova agonizzanti. Ġesù tant jitlob bil-ħrara u tant ikun f’agunija li l-għaraq tiegħu jsir bħal qtar tad-demm hekk kif iċarċar fl-art.—Luqa 22:42, 44.
Ġesù għadu kemm spiċċa jitlob għat-tielet darba. Issa ġejjin xi rġiel li qed iġorru torċi u lampi. Dak li qed jimxi quddiem m’hu ħadd ħlief Ġuda l-Iskarjota, li jiġi dritt fuq Ġesù. “Is-sliem għalik, Rabbi!” hu jgħid, waqt li jbus lil Ġesù b’mod teneru ħafna. Ġesù jwieġeb: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?”—Mattew 26:49; Luqa 22:47, 48; Ġwann 18:3.
F’daqqa waħda, l-appostli jirrealizzaw x’ikun qed jiġri. Il-Mulej, l-għażiż ħabib tagħhom kien se jiġi arrestat! Għalhekk, Pietru jaqbad sejf u jaqtaʼ l-widna taʼ l-irsir tal-qassis il-kbir. “Ieqfu! Biżżejjed!” malajr jgħid Ġesù. Waqt li jtawwal idu ’l quddiem, hu jfejjaq l-irsir u jikkmanda lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Luqa 22:50, 51; Mattew 26:52) L-uffiċjali u s-suldati jaħtfu lil Ġesù u jorbtuh. Maħkumin mill-biżaʼ u l-konfużjoni, l-appostli jabbandunaw lil Ġesù u jaħarbu fid-dlam.—Mattew 26:56; Ġwann 18:12.
Il-Ġimgħa fil-Għodu, l-14 taʼ Nisan
Issa qabeż nofsillejl sew, u ninsabu fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa. Ġesù l-ewwel jittieħed lejn id-dar taʼ Anna, dak li qabel kien il-Qassis il-Kbir, li għad għandu ħafna influwenza u qawwa. Anna jinterrogah u mbagħad jibagħtu lejn id-dar tal-Qassis il-Kbir Kajfa fejn iltaqaʼ s-Sinedriju.
Il-mexxejja reliġjużi issa jipprovaw isibu xhieda biex joħolqu każ kontra Ġesù. Madankollu, anki x-xhieda foloz ma jistgħux jaqblu fix-xiehda tagħhom. Il-ħin kollu, Ġesù jibqaʼ sieket. Billi jbiddel it-tattika, Kajfa jistaqsih: “Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla.” Dan huwa fatt li ħadd ma jistaʼ jiċħdu, u għalhekk Ġesù jwieġeb b’kuraġġ: “Jiena hu, . . . u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema.”—Mattew 26:63; Mark 14:60-62.
“Din dagħwa!” jgħajjat Kajfa. “Xi ħtieġa għandna iżjed taʼ xhieda?” Issa xi wħud lil Ġesù jagħtuh bil-ħarta u jobżqulu f’wiċċu. Oħrajn jagħtuh daqqiet taʼ ponn u tgħidx kemm jgħajruh. (Mattew 26:65-68; Mark 14:63-65) Mas-sebħ fil-jum tal-Ġimgħa, il-membri tas-Sinedriju jerġgħu jiltaqgħu, forsi biex jagħtu xi dehra taʼ legalità lill-ġuri illegali taʼ bil-lejl. Ġesù jerġaʼ b’kuraġġ jindika li hu l-Kristu, l-Iben t’Alla.—Luqa 22:66-71.
Imbagħad, il-qassisin ewlenin u l-irġiel ixjeħ jibagħtu lil Ġesù biex jidher quddiem Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman tal-Ġudea. Huma jakkużaw lil Ġesù li qed ixewwex lill-ġens, qed jipprojbixxi l-ħlas tat-taxxi lil Ċesari, u “qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan.” (Luqa 23:2; qabbel Mark 12:17.) Wara li jinterroga lil Ġesù, Pilatu jgħid: “Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem.” (Luqa 23:4) Meta Pilatu jismaʼ li Ġesù huwa Galilew, jibagħtu għand Erodi Antipa, il-ħakkiem tal-Galilija, li jinsab f’Ġerusalemm għall-festa tal-Qbiż. Erodi, ma kienx moħħu f’li jara li sseħħ il-ġustizzja. Hu sempliċement irid jara lil Ġesù jwettaq xi miraklu. Ladarba Ġesù ma jissodisfax il-kurżità tiegħu u jibqaʼ sieket, Erodi u s-suldati tiegħu jiżżuffjettaw bih u jibagħtuh lura għand Pilatu.
“Imma dan x’għamel ħażin?” jerġaʼ jistaqsihom Pilatu. “Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu.” (Luqa 23:22) Għalhekk, hu jġiegħel li jifflaġellaw lil Ġesù bi frosta b’ħafna strixxi li b’uġigħ kbir iċċarrat dahar Ġesù. Imbagħad il-ġemgħa tas-suldati jdeffsulu kuruna tax-xewk ġo rasu. Huma jwaqqgħuh għaż-żuffjett u jagħtuh b’qasba iebsa, billi jimbottaw il-kuruna tax-xewk iktar ġol-qorriegħa tiegħu. Waqt li jgħaddi minn dan l-uġigħ u abbuż indeskrivibbli kollu, Ġesù jibqaʼ jżomm dinjità u saħħa taʼ l-għaġeb.
Pilatu—forsi bit-tama li l-kundizzjoni taʼ Ġesù kollu mbiċċer se tqanqal ftit tas-simpatija—jerġaʼ jippreżentah lill-folla. “Araw,” jesklama Pilatu, “Se nġibulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih.” Imma l-qassisin ewlenin jgħajtu: “Sallbu! Sallbu!” (Ġwann 19:4-6) Hekk kif il-folla tibda tinsisti iktar, Pilatu jċedi u jagħti lil Ġesù f’idejhom biex jissammar maʼ zokk.
Mewta Agonizzanti
Bħalissa l-għodwa daħlet ġmielha, forsi qed noqorbu lejn nofsinhar. Ġesù issa jittieħed ’il barra minn Ġerusalemm lejn post imsejjaħ Golgota. Imsiemer kbar għaddejjin minn idejn u saqajn Ġesù waqt li jissammar maz-zokk tat-tortura. Il-kliem ma jistax jiddeskrivi l-agunija hekk kif it-toqol taʼ ġismu jistrieħ fuq il-ġrieħi taʼ l-imsiemer meta z-zokk tat-tortura jittellaʼ ’l fuq. Tinġabar folla biex tosserva lil Ġesù u liż-żewġ kriminali li ġew imsammrin maʼ zokk. Ħafna jgħajru lil Ġesù. “Salva oħrajn,” jiżżuffjettaw il-qassisin ewlenin u oħrajn, “lilu nnifsu ma jistax isalva!” Anki s-suldati u ż-żewġ kriminali msammrin ħdejh iwaqqgħu lil Ġesù għaċ-ċajt.—Mattew 27:41-44.
F’daqqa waħda f’nofsinhar, wara li Ġesù kien ilu ftit tal-ħin fuq iz-zokk, fuq l-art taqaʼ dalma tal-biżaʼ u taʼ oriġini divina għal tliet sigħat sħaħ.a Forsi huwa dan li jqanqal lil dak il-wieħed ħażin biex iċanfar lill-ieħor. Imbagħad, waqt li jdur lejn Ġesù, jitolbu: “Ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” X’fidi taʼ l-għaġeb hi din waqt li qed jiffaċċja mewta imminenti! “Verament ngħidlek illum,” iwieġeb Ġesù, “Int se tkun miegħi fil-Ġenna.”—Luqa 23:39-43, New World Translation.
Għall-ħabta tat-tlieta taʼ wara nofsinhar, Ġesù jħoss li tmiemu wasal. “Għandi l-għatx!” hu jgħid. Imbagħad, b’leħen għoli hu jgħajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Ġesù jistaʼ jħoss li Missieru, bħallikieku, neħħa l-protezzjoni minn fuqu biex iħalli l-integrità tiegħu tiġi pprovata sal-limitu, u hu jikkwota l-kliem taʼ David. Xi ħadd ipoġġi sponża mxappa f’inbid qares maʼ xofftejn Ġesù. Meta jieħu ftit minn dak l-inbid, Ġesù jlissen bla nifs: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad jgħajjat, “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi,” ibaxxi rasu, u jmut.—Ġwann 19:28-30; Mattew 27:46; Luqa 23:46; Salm 22:2 [Salm 22:1, NW].
Ladarba huwa tard wara nofsinhar, isiru arranġamenti bl-għaġla biex jidfnu lil Ġesù qabel is-Sabat (15 taʼ Nisan) li jibda fi nżul ix-xemx. Ġużeppi t’Arimatija, membru magħruf sew tas-Sinedriju li kien dixxiplu bil-moħbi taʼ Ġesù, jingħata l-permess biex jidfnu. Nikodemu, li wkoll kien membru tas-Sinedriju li stqarr il-fidi f’Ġesù bil-moħbi, jassisti billi jġib 33 kilogramma taʼ mirra u sabbara. Bil-galbu kollu, huma jpoġġu l-ġisem taʼ Ġesù f’qabar ġdid tal-mafkar fil-qrib.
Jinsab Ħaj mill-Ġdid!
Għadu d-dlam kmieni l-Ħadd fil-għodu meta Marija taʼ Magdala u xi nisa oħrajn imorru lejn il-qabar taʼ Ġesù. Imma ara! Il-ġebla taʼ quddiem il-qabar ġiet imgerba ’l hemm. Ara, il-qabar huwa vojt! Marija taʼ Magdala titlaq tiġri biex tgħid lil Pietru u lil Ġwanni. (Ġwann 20:1, 2) Eżatt kif telqet, lin-nisa l-oħrajn jidhrilhom anġlu. Dan jgħidilhom: “Tibżgħu xejn intom.” Hu jħeġġiġhom ukoll: “Morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet.”—Mattew 28:2-7.
Huma u sejrin jgħaġġlu, maʼ min jiltaqgħu? Ħadd ħlief Ġesù nnifsu! “Morru wasslu l-aħbar lil ħuti,” hu jgħidilhom. (Mattew 28:8-10) Iktar tard, Marija taʼ Magdala tinsab ħdejn il-qabar tibki x’ħin Ġesù jidhrilha. Hi bilkemm tiflaħ iżżomm bil-ferħ u titlaq tiġri biex tgħid lid-dixxipli l-oħrajn din l-aħbar sabiħa. (Ġwann 20:11-18) Fil-fatt, f’dan il-Ħadd indimentikabbli, Ġesù rxoxtat jidher ħames darbiet lil diversi dixxipli, billi ma jħallilhom l-ebda dubju li hu, tabilħaqq, jinsab ħaj mill-ġdid!
Kif Dan Jeffettwa Lilek
Kif jistgħu ġrajjiet li seħħew 1,966 sena ilu jeffettwawk issa li ninsabu fil-bidu tas-seklu 21? Xhud li ra b’għajnejh dawk il-ġrajjiet jispjega: “B’dan dehret l-imħabba taʼ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun taʼ tpattija għal dnubietna.”—1 Ġwann 4:9, 10.
Il-mewt taʼ Kristu b’liema mod hija ‘sagrifiċċju taʼ tpattija’? Hija taʼ tpattija għaliex tagħmilha possibbli li jkollna relazzjoni favorevoli m’Alla. L-ewwel bniedem, Adam, irribella kontra Alla u b’hekk għadda wirt taʼ dnub u mewt fuq in-nisel tiegħu. Ġesù, min-naħa l-oħra, ta ħajtu bħala fidwa biex iħallas il-prezz għad-dnub u l-mewt taʼ l-umanità, u b’hekk jipprovdi bażi biex Alla jestendi ħniena u favur. (1 Timotju 2:5, 6) Billi teżerċita fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù li jpatti għad-dnubiet, int tistaʼ tinħeles mill-kundanna li writt mingħand il-midneb Adam. (Rumani 5:12; 6:23) Imbagħad, dan jiftaħ l-opportunità meraviljuża biex ikollok relazzjoni persunali maʼ Missierek tas-sema kollu mħabba, Alla Jehovah. Fil-qosor, is-sagrifiċċju suprem taʼ Ġesù jistaʼ jfisser ħajja li ma tispiċċa qatt għalik.—Ġwann 3:16; 17:3.
Dawn il-kwistjonijiet u oħrajn relatati se jiġu diskussi nhar il-Ħamis fil-għaxija, l-1 t’April, f’għaxriet t’eluf taʼ postijiet madwar id-dinja meta miljuni taʼ nies se jinġabru biex jikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù Kristu. Int mistieden biex tkun preżenti. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-inħawi tiegħek se jkunu ferħanin li jgħidulek fejn u meta tistaʼ tattendi. Il-fatt li tkun preżenti żgur li se jkattar l-apprezzament tiegħek għal dak li Alla tagħna kollu mħabba u Ibnu l-għażiż għamlu fl-aħħar jum tal-ħajja taʼ Ġesù bħala bniedem.
[Nota taʼ taħt]
a Id-dalma ma setgħetx ġiet ikkaġunata permezz taʼ eklissi tax-xemx għaliex Ġesù miet meta l-qamar kien kwinta. L-eklissi tax-xemx idum biss ftit minuti u jseħħ meta l-qamar ikun bejn l-art u x-xemx fi żmien taʼ qamar ġdid.
[Ċart/Stampi f’paġna 7]
IL-MEWT U L-IRXOXT TAʼ ĠESU
NISAN TAS-SENA 33 E.K. 14 ll-Ħamis fil-għaxija. ĠRAJJIET: Iċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż; Ġesù jaħsel saqajn l-appostli; Ġuda joħroġ biex jittradixxi lil Ġesù, Kristu jistabbilixxi l-Mafkar taʼ mewtu (Din is-sena se jiġi osservat nhar il-Ħamis, l-1 t’April, wara nżul ix-xemx); twissija biex iħejji lill-appostli għat-tluq tiegħu. L-AQWA BNIEDEMb 113, par 2 sa ,117, par. 1.
Minn nofsillejl sa qabel jisbaħ. ĠRAJJIET: Wara t-talba u l-għanjiet taʼ tifħir, Ġesù u l-appostli jmorru fil-ġnien taʼ Ġetsemani ; Ġesù jitlob b’għajat qawwi u bid-dmugħ ; Ġuda l-lskarjota jasal maʼ folla kbira u jittradixxi lil Ġesù ; l-appostli jaħarbu hekk kif Ġesù jiġi marbut u meħud għand Anna; Ġesù meħud għand il-Qassis il-Kbir Kajfa biex jidher quddiem is-Sinedriju; ikkundannat għall-mewt ; abbużat verbalment u fiżikament ; Pietru jiċħad lil Ġesù għal tliet darbiet. L-AQWA BNIEDEM 117 sa 120.
ll-Ġimgħa fil-għodu. ĠRAJJIET: Mas-sebħ, Ġesù jerġaʼ jidher quddiem is-Sinedriju; jittieħed għand Pilatu; jintbagħat għand Erodi; lura għand Pilatu ; Ġesù fflaġellat, insultat, u attakkat; taħt pressjoni Pilatu jagħtih fʼidejhom biex jiġi msammar maʼ zokk ; meħud lejn Golgota għall-esekuzzjoni tard fil-għodu. L-AQWA BNIEDEM 121 sa 124.
Minn nofsinhar sa wara nofsinhar. ĠRAJJIET: Imsammar maʼ zokk ftit qabel nofsinhar; dalma minn nofsinhar sa madwar it-tlieta taʼ wara nofsinhar, meta Ġesù jmut; terremot vjolenti; il-purtiera tat-tempju tiċċarrat fi tnejn. L-AQWA BNIEDEM 125, 126.
Tard wara nofsinhar. ĠRAJJIET: ll-ġisem taʼ Ġesù jitqiegħed f’qabar fi ġnien qabel is-Sabat. L-AQWA BNIEDEM 127, pari. 1-7.
15 ll-Ġimgħa fil-għaxija. ĠRAJJIET: Jibda s-Sabat.
Is-Sibt. ĠRAJJIET: Pilatu jippermetti għassiesa mal-qabar taʼ Ġesù. L-AQWA BNIEDEM 127, pari 8-9.
16 ll-Ħadd. ĠRAJJIET: Kmieni fil-għodu l-qabar taʼ Ġesù jinstab vojt; Ġesù rxoxtat jidher lil (1) grupp taʼ dixxipli nisa, inkluż Salomi, Ġwanna, u Marija omm Ġakbu; (2) Marija taʼ Magdala; (3) Kleofa u sieħbu; (4) Xmun Pietru; (5) ġabra t’appostli u dixxipli oħrajn. L-AQWA BNIEDEM 127, par. 10 as 129, par. 10.
[Nota taʼ taħt]
b Hawnhekk hawn imniżżlin in-numri li jidentifikaw il-kapitli mill-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex. Għal-lista li fiha re-ferenzi Skritturali ddettaljati dwar l-aħħar ministeru taʼ Ġesù, ara l-ktieb “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” paġna 290. Dawn il-kotba huma ppubblikati mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.