LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 4/15 pp. 4-7
  • Meta r-Rieda t’Alla Sseħħ fuq l-Art

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta r-Rieda t’Alla Sseħħ fuq l-Art
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ir-​Rieda t’Alla Matul Żmien taʼ Ribelljoni
  • ‘Ħa Jkun li Trid Int’—Kompletament
  • Is-Saltna t’Alla—Il-Ħakma l-Ġdida fuq id-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Id-Dinja Tagħna Qatt Se Tinqered?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
    “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
  • Iċ-Ċavetta għal Dinja Ferħana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 4/15 pp. 4-7

Meta r-​Rieda t’Alla Sseħħ fuq l-​Art

META Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu, “Ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art,” hu kien qed jitkellem bħala wieħed li kien għex fis-​sema mal-​Missier. (Mattew 6:10; Ġwanni 1:18; 3:13; 8:42) Qabel ma sar bniedem, Ġesù kien għex fi żmien meta kulma kien jiġri fis-​sema u fl-​art kien fi qbil mar-​rieda t’Alla. Dak kien żmien sabiħ taʼ suċċess u sodisfazzjon.—Proverbji 8:27-31.

L-​ewwel ħlejjaq t’Alla kienu spirti, ‘anġli tiegħu, setgħana u qawwija li jagħmlu l-​ordni tiegħu.’ Huma kienu u għadhom ‘qaddejja tiegħu, li jagħmlu r-​rieda tiegħu.’ (Salm 103:20, 21) Kellu kull wieħed minnhom ir-​rieda li jesprimi ruħu u jagħżel dak li jixtieq? Iva, u meta nħolqot l-​art, dawn l-​‘ulied t’Alla għajtu bil-​ferħ.’ (Ġob 38:7) L-​għajat taʼ ferħ tagħhom wera li huma kienu kuntenti bir-​rieda t’Alla, u qablu maʼ din ir-​rieda.

Wara li ħalaq l-​art, Alla ħejjieha biex jgħixu l-​bnedmin u fl-​aħħar ħalaq lill-​ewwel raġel u mara. (Ġenesi, kapitlu 1) Kien dan ukoll jistħoqqlu tifħir? Ir-​rakkont ispirat jgħid: “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna,” iva, bla difett, perfett.—Ġenesi 1:31.

X’kienet ir-​rieda t’Alla għall-​ewwel ġenituri tagħna u t-​tfal tagħhom? Skond Ġenesi 1:28, din ukoll kienet tajba ħafna: “Berikhom Alla u qalilhom: ‘Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-​ħut tal-​baħar u t-​tajr taʼ l-​ajru u l-​ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-​art.’” Biex iwettqu dan l-​inkarigu mill-​isbaħ, il-​ġenituri oriġinali tagħna kien se jkollhom jibqgħu jgħixu—għal dejjem—u l-​istess uliedhom. Ma kien hemm xejn li jindika traġedja, inġustizzja, qsim il-​qalb, jew mewt.

Dan kien żmien meta r-​rieda t’Alla kienet qiegħda sseħħ kemm fis-​sema kif ukoll fl-​art. Kulmin kien jagħmel ir-​rieda t’Alla kien se jikseb ferħ kbir. X’mar ħażin?

Sfida mhix mistennija qamet dwar ir-​rieda t’Alla. Le, din ma kinitx xi ħaġa li ma setgħetx tissolva. Madankollu, din tat bidu għal perijodu twil taʼ qsim il-​qalb u niket li kien se jikkaġuna konfużjoni sħiħa dwar ir-​rieda t’Alla għall-​umanità. Ilkoll kemm aħna sfajna vittmi taʼ dawn l-​affarijiet. X’kienet din l-​isfida?

Ir-​Rieda t’Alla Matul Żmien taʼ Ribelljoni

Wieħed mill-​ħlejjaq spirti, li kienu “wlied Alla,” ra l-​possibbiltà li jfixkel ir-​rieda t’Alla għall-​bnedmin, bil-​ħsieb li jibbenefika hu. Iktar ma dan l-​ispirtu ħaseb fuq din il-​possibbiltà, iktar bdiet tidher li tistaʼ tirnexxi u iktar bdiet togħġbu l-​idea. (Ġakbu 1:14, 15) Forsi rraġuna li jekk jirnexxilu jġiegħel lill-​ewwel koppja umana tismaʼ minnu minflok minn Alla, imbagħad Alla kien se jkollu jittollera ħakma rivali. Forsi f’moħħu ħaseb li Alla ma kienx se joqtolhom, għax imbagħad kien ikun ifisser li l-​iskop tiegħu falla. Minflok, Alla Jehovah kien se jkollu jbiddel l-​iskop tiegħu, u jaċċetta l-​pożizzjoni taʼ dan l-​iben spirtu u l-​fatt li issa l-​ħolqien uman tiegħu kien se jibda jobdi lilu. B’mod xieraq, iktar tard dan ir-​ribell ġie msejjaħ Satana, jiġifieri, “Avversarju.”—Ġob 1:6, Karm Żammit.

Satana aġixxa skond ix-​xewqa tiegħu u kellem lill-​mara. Hu ħeġġiġha biex tinjora r-​rieda t’Alla u biex issir indipendenti moralment, billi qalilha: “Le, żgur ma tmutux. . . . Issiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 3:1-5) Il-​mara għoġbitha din l-​idea taʼ ħelsien, u aċċettatha għax ħasbet li jekk tismaʼ minnu kienet se tgħix ħajja aħjar. Wara, hi pperswadiet lil żewġha biex jagħmel bħalha.—Ġenesi 3:6.

Din ma kinitx ir-​rieda t’Alla għal Adam u Eva. Kienet ir-​rieda tagħhom. U magħha kienet se ġġib konsegwenzi diżastrużi. Alla kien diġà qalilhom li jekk ma jobdux imutu. (Ġenesi 3:3) Huma ma ġewx maħluqin biex ikunu indipendenti minn Alla u fl-​istess ħin jirnexxu. (Ġeremija 10:23) Barra minn hekk, huma kienu se jsiru imperfetti, u l-​imperfezzjoni u l-​mewt kienu se jgħaddu għal fuq nisilhom. (Rumani 5:12) Satana ma setax ireġġaʼ lura dawn l-​effetti.

Ifisser li dawn l-​iżviluppi biddlu għal dejjem l-​iskop, jew ir-​rieda, t’Alla għall-​umanità u għall-​art? Le. (Isaija 55:9-11) Imma dawn qajmu mistoqsijiet li kellhom jiġu mwieġba: Jistgħu l-​bnedmin ‘isiru bħal Alla, li jaf it-​tajjeb u l-​ħażin,’ bħalma kien sostna Satana? Fi kliem ieħor, jekk ningħataw biżżejjed żmien, nistgħu niddeterminaw waħedna x’inhu tajjeb u ħażin, taʼ ġid u taʼ ħsara, fl-​aspetti kollha tal-​ħajja? Ladarba jmexxi bl-​aqwa mod, jistħoqqlu Alla ubbidjenza totali? Jistħoqqilha li nobduha bis-​sħiħ ir-​rieda tiegħu? Int kif twieġeb?

Mod wieħed biss kien hemm biex jissolvew dawn il-​mistoqsijiet quddiem il-​ħolqien intelliġenti kollu: Dawk li jridu l-​indipendenza kellhom jitħallew jipprovaw biex jaraw jekk jirnexxilhomx. Jekk jingħataw il-​mewt, b’daqshekk ma kinux se jissolvew il-​kwistjonijiet li kienu qamu. Iżda jekk l-​umanità kellha titħalla rajha f’idejha għal biżżejjed żmien, ir-​risposta kienet se toħroġ waħedha x’ħin jidhru r-​riżultati. Alla indika li hu kien se jaġixxi b’dan il-​mod meta qal lill-​mara li kien se jkollha t-​tfal. B’hekk kellha tibda familja umana. Illum, aħna ninsabu ħajjin bis-​saħħa taʼ dan!—Ġenesi 3:16, 20.

Madankollu, dan ma kienx ifisser li Alla kien se jħalli lill-​bnedmin u lill-​iben spirtu ribelluż jagħmlu kulma jridu. Alla ma kienx ċeda s-​sovranità tiegħu, u lanqas ma kien abbanduna l-​iskop tiegħu. (Salm 83:19 [83:18, NW]) Dan urieh b’mod ċar meta bassar li eventwalment kellu jinqered il-​wieħed li qajjem l-​irvell u li kellhom jitneħħew l-​effetti ħżiena kollha. (Ġenesi 3:15) Għaldaqstant, sa mill-​bidunett, il-​familja umana kellha l-​wegħda li ġej serħan.

Sadanittant, l-​ewwel ġenituri tagħna kienu qatgħu lilhom infushom u lill-​ulied futuri tagħhom mill-​ħakma t’Alla. Biex huma jevitaw il-​konsegwenzi koroh tad-​deċiżjoni tagħhom, Alla kien se jkollu jimponi kull darba r-​rieda tiegħu fuqhom. Imma kieku għamel hekk, ma kienx ikun qed iħallihom jipprovaw jgħixu b’mod indipendenti.

M’għandniex xi ngħidu, l-​individwi setgħu jagħżlu l-​ħakma t’Alla. Matul dan iż-​żmien huma setgħu jitgħallmu x’inhi r-​rieda t’Alla għan-​nies u jimxu fuqha kemm jistaʼ jkun. (Salm 143:10) Madankollu, huma ma kinux se jiġu meħlusin mill-​problemi sakemm il-​kwistjoni taʼ l-​indipendenza totali taʼ l-​umanità ma tkunx għadha ssolviet.

L-effetti taʼ l-​għażla persunali mill-​ewwel bdew jidhru. Kajjin, l-​ewwel imwieled tal-​familja umana, qatel lil ħuh Abel għax “għemilu kien ħażin u dak taʼ ħuh kien tajjeb.” (1 Ġwanni 3:12) Din ma kinitx ir-​rieda t’Alla, għax Alla kien wissa lil Kajjin u iktar tard ikkastigah. (Ġenesi 4:3-12) Kajjin kien għażel l-​indipendenza morali li kien offra Satana; għalhekk hu kien oriġina “mill-​Ħażin.” Uħud oħrajn għamlu bħalu.

Wara li l-​bnedmin kienu ilhom jgħixu fuq l-​art għal iktar minn 1,500 sena, “l-​art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-​vjolenza.” (Ġenesi 6:11) Kien hemm bżonn t’azzjoni deċiżiva sabiex l-​art ma tispiċċax f’rovina. Alla ħa azzjoni billi ġab dilluvju globali u pproteġa lill-​unika familja sewwa li kien għad baqaʼ—Noè, martu, uliedu, u n-​nisa tagħhom. (Ġenesi 7:1) Aħna lkoll id-​dixxendenti tagħhom.

Matul l-​istorja minn żmien Noè ’l hawn, Alla pprovda gwida għal dawk li jixtiequ jkunu jafu r-​rieda tiegħu b’mod sinċier. Hu nebbaħ irġiel leali biex iniżżlu bil-​miktub it-​tagħrif meħtieġ għal kulmin idur lejh għall-​gwida. Dan it-​tagħrif jinsab imniżżel fil-​Bibbja. (2 Timotju 3:16) Hu ppermetta li bnedmin leali jkollhom relazzjoni miegħu, saħansitra jsiru ħbieb tiegħu. (Isaija 41:8) U hu pprovdielhom is-​saħħa meħtieġa biex jissaportu l-​provi diffiċli li l-​umanità ilha tesperjenza tul dawn il-​millennji kollha taʼ indipendenza. (Salm 46:1; Filippin 4:13) Kemm għandna nkunu grati għal din l-​għajnuna kollha!

‘Ħa Jkun li Trid Int’—Kompletament

Dak li Alla għamel s’issa m’huwiex ir-​rieda kollha li kellu maħsuba għall-​umanità. L-​appostlu Kristjan Pietru kiteb: “Aħna, skond il-​wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Dan il-​lingwaġġ simboliku jirreferi għal gvern ġdid li se jaħkem fuq l-​umanità u soċjetà umana ġdida li se tkun taħt dan il-​gvern.

Il-profeta Danjel tkellem ċar u tond meta kiteb: “Fi żmien dawn is-​slaten, Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt. . . . Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Din il-​profezija tbassar it-​tmiem tas-​sistema dinjija preżenti li ma rnexxietx u s-​Saltna, jew gvern, t’Alla li se tiħdilha postha. X’aħbar tajba hi din! Xi darba, il-​konflitti u l-​egoiżmu li jimlew id-​dinja taʼ llum bil-​vjolenza u li jerġgħu jheddu li jeqirdu l-​art se jkunu xi ħaġa tal-​passat.

Meta se jseħħu dawn l-​affarijiet? Id-​dixxipli taʼ Ġesù staqsewh: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-​sinjal tal-​miġja tiegħek u taʼ tmiem id-​dinja?” Parti mit-​tweġiba taʼ Ġesù kienet: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:3, 14.

Hija xi ħaġa magħrufa maʼ kullimkien li dan ix-​xogħol taʼ ppridkar issa qiegħed isir mad-​dinja kollha. X’aktarx li int rajtu jsir fl-​inħawi fejn toqgħod. Fil-​ktieb tiegħu These Also Believe (Dawn Ukoll Jemmnu), il-​Professur Charles S. Braden jikteb: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah laħqu letteralment l-​art kollha bix-​xogħol taʼ xiehda. . . . L-​ebda grupp reliġjuż ieħor fid-​dinja ma wera daqstant żelu u persistenza fi sforz biex tixxandar l-​aħbar tajba tas-​Saltna daqskemm urew ix-​Xhieda taʼ Jehovah.” Ix-​Xhieda qed ixandru b’mod attiv din l-​aħbar tajba f’iktar minn 230 pajjiż u bi kważi 400 lingwa. Dan ix-​xogħol imbassar qatt qabel ma kien seħħ fuq skala daqshekk globali. Huwa wieħed mill-​ħafna evidenzi li ż-​żmien qed joqrob biex din is-​Saltna tieħu post il-​gvernijiet umani.

Is-Saltna li Ġesù qal li kellha tixxandar hija l-​istess waħda li għallimna nitolbu għaliha fit-​talba mudell tiegħu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 6:10) Iva, din is-​Saltna hija l-​mezz li Alla se juża biex iwettaq l-​iskop tiegħu, ir-​rieda tiegħu, għall-​umanità u għall-​art.

Dan xi jfisser? Ħa jweġibna l-​ktieb taʼ l-​Apokalissi 21:3, 4: “Smajt leħen qawwi ġej mit-​tron jgħid: ‘Din hi l-​għamara taʼ Alla mal-​bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.’” Imbagħad, ir-​rieda t’Alla se sseħħ tabilħaqq kemm fuq l-​art kif ukoll fis-​sema—kompletament.a Ma tixtieqx tkun parti minnha?

[Nota taʼ taħt]

a Jekk tixtieq issir taf iktar dwar is-​Saltna t’Alla, jekk jogħġbok ikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Jehovah fejn toqgħod jew ibgħat ittra f’wieħed mill-​indirizzi mniżżlin f’paġna 2 taʼ din ir-​rivista.

[Stampi f’paġna 5]

L-​indipendenza mir-​rieda t’Alla ġabet traġedja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja