LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Ir-Regola tad-Deheb—Tagħlim Universali
    It-Torri tal-Għassa—2001 | Diċembru 1
    • Ir-​Regola tad-​Deheb—Tagħlim Universali

      “Mela dak kollu li tridu li l-​bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.”—Mattew 7:12.

      DAN il-​kliem qalu Ġesù Kristu kważi elfejn sena ilu fil-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja. Fis-​sekli li għaddew, intqal u nkiteb ħafna dwar din l-​istqarrija sempliċi. Fost affarijiet oħrajn, ġiet imfaħħra bħala li hija “l-​istess essenza taʼ l-​Iskrittura,” “ġabra fil-​qosor tad-​dmir taʼ Kristjan lejn il-​proxxmu tiegħu,” u “prinċipju fundamentali u moralment korrett.” Tant saret magħrufa din l-​istqarrija li spiss jirreferu għaliha bħala r-​Regola tad-​Deheb.

      Madankollu, l-​idea tar-​Regola tad-​Deheb bl-​ebda mod m’hi limitata biss għall-​hekk imsejħa dinja Kristjana. Il-​Ġudaiżmu, il-​Buddiżmu, u l-​filosofija Griega kollha spjegaw dan il-​prinċipju etiku b’ħafna modi. Per eżempju, stqarrija taʼ Konfuċju, li hu meqjum fl-​Orjent bħala l-​aqwa għaref u għalliem, hi magħrufa sew, speċjalment għan-​nies li jgħixu fil-​Lvant Imbiegħed. F’The Analects, it-​tielet wieħed mill-​Erbaʼ Kotba taʼ Konfuċju, dan il-​ħsieb insibuh espress tliet darbiet. Biex iwieġeb mistoqsijiet li sarulu mill-​istudenti tiegħu, Konfuċju darbtejn stqarr: “Dak li ma tridux isir lilek, tagħmlux lil ħaddieħor.” Darb’oħra, meta l-​istudent tiegħu Zigong ftaħar “Dak li ma rridx li ħaddieħor jagħmel lili, jien ukoll ma rridx nagħmlu lilu,” l-​għalliem wieġeb b’din ir-​risposta meqjusa, “Iva, imma dan għad m’għandekx il-​ħila tagħmlu.”

      Meta wieħed jaqra dan il-​kliem, ikun jistaʼ jara li l-​istqarrija taʼ Konfuċju hija verżjoni negattiva taʼ dak li qal Ġesù iktar tard. Id-​differenza ovvja hi li r-​Regola tad-​Deheb imlissna minn Ġesù tirrikjedi azzjonijiet pożittivi; li wieħed jagħmel il-​ġid lil oħrajn. Immaġina kieku n-​nies kellhom jaġixxu f’armonija maʼ l-​istqarrija pożittiva taʼ Ġesù, u b’hekk jieħdu ħsieb u jagħmlu affarijiet biex jgħinu lil oħrajn, u jgħixu kuljum fi qbil maʼ din ir-​regola. Taħseb int li b’hekk id-​dinja taʼ llum issir post aħjar? Bla dubju.

      Kemm jekk ir-​regola tingħad fil-​pożittiv, fin-​negattiv, jew fi kwalunkwe għamla oħra, dak li hu sinifikanti hu li n-​nies fi żminijiet u postijiet differenti u li ġejjin minn ambjent taʼ ħajja differenti poġġew fiduċja sħiħa fl-​idea tar-​Regola tad-​Deheb. Dan juri sempliċement li dak li qal Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja huwa tagħlim universali li jeffettwa l-​ħajja tan-​nies kullimkien u f’kull perijodu taʼ żmien.

      Saqsi lilek innifsek: ‘Nixtieq jien li niġi trattat bir-​rispett, bil-​ġustizzja, bl-​onestà? Nixtieq jien li ngħix f’dinja mingħajr preġudizzju razzjali, kriminalità, u gwerer? Nixtieq jien li nkun ġo familja fejn kulħadd ikun jimpurtah mis-​sentimenti u l-​benesseri taʼ l-​oħrajn?’ Fil-​fatt, min se jirrifjutahom dawn il-​possibbiltajiet? Ir-​realtà ħarxa hi li ftit ferm huma dawk li jgawdu dawn il-​kundizzjonijiet. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies lanqas biss joħolmuhom affarijiet bħal dawn.

      Ir-​Regola tad-​Deheb Imtebbgħa

      Matul l-​istorja, kien hemm każi taʼ atti kriminali kontra l-​umanità li fihom id-​drittijiet tan-​nies ġew kalpestati għall-​aħħar. Dawn jinkludu l-​bejgħ taʼ l-​ilsiera minn ġo l-​Afrika, il-​kampijiet tan-​Nazi li fihom inqatlu ħafna nies, xogħol sforzat fuq il-​minorenni, u ġenoċidji brutali f’diversi postijiet. Il-​lista li tkexkxek tistaʼ tibqaʼ sejra.

      Illum, id-​dinja tagħna bit-​teknoloġija avanzata li fiha hija egoista ferm. Ftit huma dawk li jaħsbu f’ħaddieħor meta fin-​nofs ikun hemm il-​konvenjenza tagħhom jew id-​drittijiet li jaħsbu li għandhom. (2 Timotju 3:​1-5) Għala hawn daqshekk nies li saru egoisti, kefrin, ma jħossux għal ħaddieħor, imma jimpurtahom biss minnhom infushom? Mhux għaliex ir-​Regola tad-​Deheb, għalkemm għadha magħrufa maʼ kullimkien, qed titwarrab bħala li mhix realistika, bħala li hi tifkira morali tal-​passat? B’sogħba, dan huwa l-​każ saħansitra fost ħafna li jsostnu li jemmnu b’Alla. U skond kif sejrin l-​affarijiet, in-​nies se jkomplu jsiru dejjem iktar jimpurtahom biss minnhom infushom.

      Għalhekk, il-​mistoqsijiet vitali li jridu jiġu kunsidrati huma: X’jinvolvi li tgħix fi qbil mar-​Regola tad-​Deheb? Għad hawn min għadu josservaha? U qatt se jkun hawn xi żmien meta l-​bnedmin kollha se jgħixu f’armonija mar-​Regola tad-​Deheb? Għat-​tweġibiet sinċieri taʼ dawn il-​mistoqsijiet, jekk jogħġbok aqra l-​artiklu li jmiss.

      [Stampa f’paġna 3]

      Konfuċju u oħrajn għallmu aspetti differenti tar-​Regola tad-​Deheb

  • Ir-Regola tad-Deheb Hija Effettiva
    It-Torri tal-Għassa—2001 | Diċembru 1
    • Ir-​Regola tad-​Deheb Hija Effettiva

      Waqt li l-​biċċa l-​kbira min-​nies iqisu r-​Regola tad-​Deheb bħala tagħlim morali mgħarraf minn Ġesù, hu nnifsu qal: “It-​tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.”—Ġwann 7:16.

      IVA, l-​Oriġinatur tat-​tagħlim taʼ Ġesù, inkluż is-​silta li saret magħrufa bħala r-​Regola tad-​Deheb, hu dak li bagħat lil Ġesù, jiġifieri, il-​Ħallieq, Alla Jehovah.

      Fil-bidu, l-​iskop t’Alla kien li l-​bnedmin kollha jittrattaw lil xulxin bħalma kieku jixtiequ li jiġu trattati huma nfushom. Hu tana l-​aqwa eżempju f’li jesprimi interess u tħassib għall-​benesseri taʼ l-​oħrajn fil-​mod kif ħalaq lill-​bnedmin: “Alla ħalaq il-​bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.” (Ġenesi 1:27) Dan ifisser li Alla b’imħabba żejjen lill-​bnedmin b’ammont tal-​kwalitajiet li jispikkaw tiegħu stess sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-​ħajja fis-​sliem, fl-​hena, u fl-​armonija—possibbilment għal dejjem. Il-​kuxjenza tagħhom mogħtija minn Alla, meta titħarreġ b’mod xieraq, kellha tiggwidahom biex jittrattaw lil oħrajn kif huma nfushom riedu li jiġu trattati.

      Jiddomina l-​Egoiżmu

      Ladarba l-​bnedmin kellhom bidu meraviljuż bħal dan, x’ġara eżatt? Fi kliem sempliċi, in-​nies bdew jesprimu l-​karatteristika moqżieża taʼ l-​egoiżmu. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies huma familjari mar-​rakkont Bibliku dwar dak li għamlet l-​ewwel koppja umana, kif insibuh miktub f’Ġenesi kapitlu 3. Imħeġġin minn Satana, li jiħodha kontra l-​livelli taʼ tjieba kollha t’Alla, Adam u Eva b’egoiżmu rrifjutaw il-​ħakma t’Alla u ppreferew li jkunu indipendenti u ma jkollhomx x’jaqsmu Miegħu assolutament. L-​azzjoni egoistika u ribelluża tagħhom ma rriżultatx biss f’telf kbir għalihom infushom imma wkoll f’konsegwenzi traġiċi għan-​nisel kollu li kellu jitnissel minnhom. Din kienet turija ċara daqs il-​kristall tar-​riżultat diżastruż li jkun hemm meta jiġi injorat it-​tagħlim li sar magħruf bħala r-​Regola tad-​Deheb. Għaldaqstant, ‘permezz taʼ bniedem wieħed fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u hekk il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha, għax kollha dinbu.’—Rumani 5:12.

      Għalkemm il-​bnedmin in ġenerali rrifjutaw it-​toroq taʼ mħabba t’Alla Jehovah, hu m’abbandunahomx. Per eżempju, lill-​membri tal-​ġens taʼ Iżrael, Jehovah tahom il-​Liġi tiegħu biex tiggwidahom. Din għallmithom jittrattaw lil oħrajn bħalma jixtiequ li ħaddieħor jittratta lilhom. Il-​Liġi tathom direzzjoni fuq kif jittrattaw lill-​ilsiera, lill-​iltiema, u lir-​romol, u spjegat kif kellhom jiġu trattati każi taʼ attakki fuq persuni, ħtif taʼ persuni, u serq. Il-​liġijiet sanitarji wrew interess u tħassib għas-​saħħa taʼ l-​oħrajn. Kien hemm ukoll liġijiet fuq kwistjonijiet sesswali. Jehovah ġabar fil-​qosor il-​Liġi tiegħu billi qal lin-​nies: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek,” stqarrija li ġiet kwotata minn Ġesù iktar tard. (Levitiku 19:18; Mattew 22:​39, 40) Il-​Liġi kien fiha wkoll regolamenti dwar kif kellhom jiġu trattati r-​residenti barranin fost l-​Iżraelin. Il-​Liġi kkmandat: “Taħqarx il-​barrani; int taf xi jħoss il-​barrani; għax barrani int kont fl-​art taʼ l-​Eġittu.” Fi kliem ieħor, l-​Iżraelin kellhom juru mogħdrija u qalb tajba maʼ nies żvantaġġati.—Eżodu 23:9; Levitiku 19:34; Dewteronomju 10:19.

      Dment li l-​Iżraelin segwew fedelment il-​Liġi, Jehovah kien ibierku lill-​ġens. Taħt ir-​renju taʼ David u taʼ Salamun, il-​ġens kellu r-​riżq u n-​nies kienu henjin u sodisfatti. Rakkont storiku jgħidilna: “Il-​poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien kotran bħar-​ramel tal-​baħar; u kienu lkoll ferħana jieklu u jixorbu. Il-​poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien jgħix fiż-​żgur, kulħadd taħt id-​dielja u t-​tina tiegħu.”—1 Slaten 4:20; 5:5 (4:​20, 25, NW).

      B’sogħba, il-​ġens ma damx wisq igawdi l-​paċi u s-​sigurtà. Għalkemm kellhom il-​Liġi t’Alla, l-​Iżraelin m’osservawhiex; huma ħallew l-​egoiżmu joħonqilhom l-​interess u t-​tħassib li suppost kellhom juru għal oħrajn. Dan, flimkien maʼ l-​apostasija, irriżulta fi tbatija għalihom individwalment u anki bħala ġens. Fl-​aħħar, fis-​sena 607 Q.E.K., Jehovah ippermetta li l-​Babiloniżi jeqirdu s-​saltna taʼ Ġuda, il-​belt taʼ Ġerusalemm, u wkoll it-​tempju manjifiku li kien hemm fiha. Għal liema raġuni? “‘Talli ma smajtux kelmti, arawni, se nibgħat inġib il-​ġnus kollha tat-​tramuntana, oraklu tal-​Mulej, u Nabukodonosor, sultan taʼ Babilonja, il-​qaddej tiegħi, u nġibhom kontra din l-​art u kontra min jgħammar fiha u kontra dawn il-​ġnus kollha taʼ madwarha u nitlaqhom għall-​qerda, u nagħmel minnhom waħx, daħk u tħarbit għal dejjem.’” (Ġeremija 25:​8, 9) Xi prezz kellhom iħallsu talli abbandunaw il-​qima safja taʼ Jehovah!

      Eżempju li Għandna Nimitaw

      Mill-​banda l-​oħra, Ġesù Kristu mhux biss għallem ir-​Regola tad-​Deheb imma tana wkoll l-​aqwa eżempju billi segwieha. Hu kien jimpurtah ġenwinament mill-​benesseri taʼ l-​oħrajn. (Mattew 9:36; 14:14; Luqa 5:​12, 13) Darba waħda, qrib il-​belt taʼ Najn, Ġesù ra armla qalbha maqsuma fil-​funeral taʼ l-​uniku iben li kellha. Ir-​rakkont Bibliku jgħid: “Kif raha l-​Mulej tħassarha.” (Luqa 7:​11-15) Skond Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words, il-​kelma “tħassarha” tindika “li jitqanqal fil-​ġewwieni tiegħu.” Hu ħass l-​uġigħ li kellha f’qalbha, u dan qanqlu biex jieħu passi pożittivi ħalli jtaffilha l-​uġigħ. X’ferħ ħasset din l-​armla meta Ġesù rxoxta lit-​tifel u “tah lil ommu”!

      Fl-aħħar, f’armonija maʼ l-​iskop t’Alla, Ġesù volontarjament sofra u ta ħajtu bħala fidwa sabiex il-​bnedmin setgħu jiġu meħlusin mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. Dan kien l-​eżempju suprem taʼ kif wieħed jgħix fi qbil mar-​Regola tad-​Deheb.—Mattew 20:28; Ġwann 15:13; Lhud 4:15.

      Nies li Japplikaw ir-​Regola tad-​Deheb

      Hawn xi nies fi żmienna li tassew jgħixu fi qbil mar-​Regola tad-​Deheb? Iva, u mhux biss meta jkun jaqblilhom. Per eżempju, matul it-​Tieni Gwerra Dinjija fil-​Ġermanja Nazista, ix-​Xhieda taʼ Jehovah żammew il-​fidi tagħhom f’Alla u l-​imħabba għall-​proxxmu tagħhom u rrifjutaw li jaġixxu kontra r-​Regola tad-​Deheb. Waqt li l-​Istat inforza kampanja taʼ mibegħda u diskriminazzjoni kontra l-​Lhud kollha, ix-​Xhieda baqgħu jsegwu r-​Regola tad-​Deheb. Saħansitra fil-​kampijiet tal-​konċentrament, huma baqgħu jieħdu ħsieb bnedmin sħabhom, u qasmu l-​ikel magħhom, għalkemm dan kien skars. Dan għamluh kemm maʼ Lhud bil-​ġuħ kif ukoll maʼ dawk li ma kinux Lhud u li kienu fl-​istess sitwazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm kienu kmandati mill-​Istat biex jaqbdu l-​armi u joqtlu lil oħrajn, huma ma ridux jagħmlu dan, sewwa sew bħalma ma xtaqux li ħaddieħor joqtol lilhom. Kif setgħu joqtlu lil dawk li kellhom iħobbuhom bħalhom infushom? Talli rrifjutaw, ħafna minnhom intbagħtu lejn il-​kampijiet tal-​konċentrament u anki saħansitra ngħataw il-​mewt.—Mattew 5:​43-48.

      Hekk kif taqra dan l-​artiklu, tkun qed tibbenefika minn eżempju ieħor tar-​Regola tad-​Deheb fl-​azzjoni. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrealizzaw li llum ħafna nies isofru għax la għandhom tama u lanqas għajnuna. Minħabba dan, ix-​Xhieda jieħdu azzjoni pożittiva minn jeddhom biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar it-​tama u d-​direzzjoni prattika li jinsabu fil-​Bibbja. Dan kollu huwa parti minn xogħol globali u edukattiv li qed isir issa fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Ir-​riżultat? Bħalma ġie profetizzat f’Isaija 2:​2-4, “ħafna popli,” fil-​fatt iktar minn sitt miljun individwu madwar id-​dinja, ġew ‘mgħallmin triqat il-​Mulej u jimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.’ B’mod figurattiv, huma tgħallmu “jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel.” Huma sabu l-​paċi u s-​sigurtà f’dawn iż-​żminijiet mimlijin inkwiet.

      Xi Ngħidu Għalik?

      Ieqaf ftit u irrifletti fuq it-​torturi u s-​sofferenzi li ġew fuq il-​bnedmin minħabba li ġiet injorata r-​Regola tad-​Deheb mindu kien hemm ir-​ribelljoni f’Għeden, li qanqal Satana x-​Xitan. Jehovah għandu l-​iskop li jreġġaʼ lura s-​sitwazzjoni dalwaqt. Kif? “Kien għalhekk li deher l-​Iben taʼ Alla, biex iħott kull ma għamel ix-​Xitan.” (1 Ġwann 3:8) Dan se jseħħ taħt is-​Saltna t’Alla, li se titmexxa b’għerf u kapaċità minn Ġesù Kristu, dak li għallem ir-​Regola tad-​Deheb u għex fi qbil magħha.—Salm 37:​9-11; Danjel 2:44.

      Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem osserva: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-​ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom. Dejjem iħenn u jislef bil-​qalb, u wliedu jgħixu bil-​barka.” (Salm 37:​25, 26) Ma taqbilx li l-​biċċa l-​kbira min-​nies illum qegħdin jieħdu u jaħtfu minflok ma ‘jħennu u jisilfu bil-​qalb’? Jidher ċar li jekk issegwi r-​Regola tad-​Deheb, dan jistaʼ jwassal biex int ikollok il-​vera paċi u sigurtà għaliex bis-​saħħa tagħha tkun tistaʼ tikseb ħafna barkiet issa u fil-​futur taħt is-​Saltna t’Alla. Is-​Saltna t’Alla se tneħħi l-​egoiżmu u l-​ħażen kollu minn fuq l-​art, u minflok is-​sistema preżenti taʼ ħakma korrotta magħmula mill-​bniedem, se ġġib sistema ġdida magħmula minn Alla. Dakinhar, in-​nies kollha se jieħdu pjaċir jgħixu fi qbil mar-​Regola tad-​Deheb.—Salm 29:11; 2 Pietru 3:13.

      [Stampi f’paġna 4, 5]

      Ġesù mhux biss għallem ir-​Regola tad-​Deheb imma tana wkoll l-​aqwa eżempju billi pprattikaha

      [Stampi f’paġna 7]

      Li ssegwi r-​Regola tad-​Deheb jistaʼ jwassal biex int ikollok il-​vera paċi u sigurtà

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja