LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 12/1 pp. 4-7
  • Ir-Regola tad-Deheb Hija Effettiva

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ir-Regola tad-Deheb Hija Effettiva
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jiddomina l-​Egoiżmu
  • Eżempju li Għandna Nimitaw
  • Nies li Japplikaw ir-​Regola tad-​Deheb
  • Xi Ngħidu Għalik?
  • Ir-Regola tad-Deheb—Tagħlim Universali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Segwi r-Regola tad-Deheb fil-ministeru tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Jintwera li l-Mod Kif Jaħkem Ġeħova Hu Sewwa u Ġust
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Ir-Regola tad-Deheb—X’lnhi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 12/1 pp. 4-7

Ir-​Regola tad-​Deheb Hija Effettiva

Waqt li l-​biċċa l-​kbira min-​nies iqisu r-​Regola tad-​Deheb bħala tagħlim morali mgħarraf minn Ġesù, hu nnifsu qal: “It-​tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.”—Ġwann 7:16.

IVA, l-​Oriġinatur tat-​tagħlim taʼ Ġesù, inkluż is-​silta li saret magħrufa bħala r-​Regola tad-​Deheb, hu dak li bagħat lil Ġesù, jiġifieri, il-​Ħallieq, Alla Jehovah.

Fil-bidu, l-​iskop t’Alla kien li l-​bnedmin kollha jittrattaw lil xulxin bħalma kieku jixtiequ li jiġu trattati huma nfushom. Hu tana l-​aqwa eżempju f’li jesprimi interess u tħassib għall-​benesseri taʼ l-​oħrajn fil-​mod kif ħalaq lill-​bnedmin: “Alla ħalaq il-​bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.” (Ġenesi 1:27) Dan ifisser li Alla b’imħabba żejjen lill-​bnedmin b’ammont tal-​kwalitajiet li jispikkaw tiegħu stess sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-​ħajja fis-​sliem, fl-​hena, u fl-​armonija—possibbilment għal dejjem. Il-​kuxjenza tagħhom mogħtija minn Alla, meta titħarreġ b’mod xieraq, kellha tiggwidahom biex jittrattaw lil oħrajn kif huma nfushom riedu li jiġu trattati.

Jiddomina l-​Egoiżmu

Ladarba l-​bnedmin kellhom bidu meraviljuż bħal dan, x’ġara eżatt? Fi kliem sempliċi, in-​nies bdew jesprimu l-​karatteristika moqżieża taʼ l-​egoiżmu. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies huma familjari mar-​rakkont Bibliku dwar dak li għamlet l-​ewwel koppja umana, kif insibuh miktub f’Ġenesi kapitlu 3. Imħeġġin minn Satana, li jiħodha kontra l-​livelli taʼ tjieba kollha t’Alla, Adam u Eva b’egoiżmu rrifjutaw il-​ħakma t’Alla u ppreferew li jkunu indipendenti u ma jkollhomx x’jaqsmu Miegħu assolutament. L-​azzjoni egoistika u ribelluża tagħhom ma rriżultatx biss f’telf kbir għalihom infushom imma wkoll f’konsegwenzi traġiċi għan-​nisel kollu li kellu jitnissel minnhom. Din kienet turija ċara daqs il-​kristall tar-​riżultat diżastruż li jkun hemm meta jiġi injorat it-​tagħlim li sar magħruf bħala r-​Regola tad-​Deheb. Għaldaqstant, ‘permezz taʼ bniedem wieħed fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u hekk il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha, għax kollha dinbu.’—Rumani 5:12.

Għalkemm il-​bnedmin in ġenerali rrifjutaw it-​toroq taʼ mħabba t’Alla Jehovah, hu m’abbandunahomx. Per eżempju, lill-​membri tal-​ġens taʼ Iżrael, Jehovah tahom il-​Liġi tiegħu biex tiggwidahom. Din għallmithom jittrattaw lil oħrajn bħalma jixtiequ li ħaddieħor jittratta lilhom. Il-​Liġi tathom direzzjoni fuq kif jittrattaw lill-​ilsiera, lill-​iltiema, u lir-​romol, u spjegat kif kellhom jiġu trattati każi taʼ attakki fuq persuni, ħtif taʼ persuni, u serq. Il-​liġijiet sanitarji wrew interess u tħassib għas-​saħħa taʼ l-​oħrajn. Kien hemm ukoll liġijiet fuq kwistjonijiet sesswali. Jehovah ġabar fil-​qosor il-​Liġi tiegħu billi qal lin-​nies: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek,” stqarrija li ġiet kwotata minn Ġesù iktar tard. (Levitiku 19:18; Mattew 22:​39, 40) Il-​Liġi kien fiha wkoll regolamenti dwar kif kellhom jiġu trattati r-​residenti barranin fost l-​Iżraelin. Il-​Liġi kkmandat: “Taħqarx il-​barrani; int taf xi jħoss il-​barrani; għax barrani int kont fl-​art taʼ l-​Eġittu.” Fi kliem ieħor, l-​Iżraelin kellhom juru mogħdrija u qalb tajba maʼ nies żvantaġġati.—Eżodu 23:9; Levitiku 19:34; Dewteronomju 10:19.

Dment li l-​Iżraelin segwew fedelment il-​Liġi, Jehovah kien ibierku lill-​ġens. Taħt ir-​renju taʼ David u taʼ Salamun, il-​ġens kellu r-​riżq u n-​nies kienu henjin u sodisfatti. Rakkont storiku jgħidilna: “Il-​poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien kotran bħar-​ramel tal-​baħar; u kienu lkoll ferħana jieklu u jixorbu. Il-​poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien jgħix fiż-​żgur, kulħadd taħt id-​dielja u t-​tina tiegħu.”—1 Slaten 4:20; 5:5 (4:​20, 25, NW).

B’sogħba, il-​ġens ma damx wisq igawdi l-​paċi u s-​sigurtà. Għalkemm kellhom il-​Liġi t’Alla, l-​Iżraelin m’osservawhiex; huma ħallew l-​egoiżmu joħonqilhom l-​interess u t-​tħassib li suppost kellhom juru għal oħrajn. Dan, flimkien maʼ l-​apostasija, irriżulta fi tbatija għalihom individwalment u anki bħala ġens. Fl-​aħħar, fis-​sena 607 Q.E.K., Jehovah ippermetta li l-​Babiloniżi jeqirdu s-​saltna taʼ Ġuda, il-​belt taʼ Ġerusalemm, u wkoll it-​tempju manjifiku li kien hemm fiha. Għal liema raġuni? “‘Talli ma smajtux kelmti, arawni, se nibgħat inġib il-​ġnus kollha tat-​tramuntana, oraklu tal-​Mulej, u Nabukodonosor, sultan taʼ Babilonja, il-​qaddej tiegħi, u nġibhom kontra din l-​art u kontra min jgħammar fiha u kontra dawn il-​ġnus kollha taʼ madwarha u nitlaqhom għall-​qerda, u nagħmel minnhom waħx, daħk u tħarbit għal dejjem.’” (Ġeremija 25:​8, 9) Xi prezz kellhom iħallsu talli abbandunaw il-​qima safja taʼ Jehovah!

Eżempju li Għandna Nimitaw

Mill-​banda l-​oħra, Ġesù Kristu mhux biss għallem ir-​Regola tad-​Deheb imma tana wkoll l-​aqwa eżempju billi segwieha. Hu kien jimpurtah ġenwinament mill-​benesseri taʼ l-​oħrajn. (Mattew 9:36; 14:14; Luqa 5:​12, 13) Darba waħda, qrib il-​belt taʼ Najn, Ġesù ra armla qalbha maqsuma fil-​funeral taʼ l-​uniku iben li kellha. Ir-​rakkont Bibliku jgħid: “Kif raha l-​Mulej tħassarha.” (Luqa 7:​11-15) Skond Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words, il-​kelma “tħassarha” tindika “li jitqanqal fil-​ġewwieni tiegħu.” Hu ħass l-​uġigħ li kellha f’qalbha, u dan qanqlu biex jieħu passi pożittivi ħalli jtaffilha l-​uġigħ. X’ferħ ħasset din l-​armla meta Ġesù rxoxta lit-​tifel u “tah lil ommu”!

Fl-aħħar, f’armonija maʼ l-​iskop t’Alla, Ġesù volontarjament sofra u ta ħajtu bħala fidwa sabiex il-​bnedmin setgħu jiġu meħlusin mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. Dan kien l-​eżempju suprem taʼ kif wieħed jgħix fi qbil mar-​Regola tad-​Deheb.—Mattew 20:28; Ġwann 15:13; Lhud 4:15.

Nies li Japplikaw ir-​Regola tad-​Deheb

Hawn xi nies fi żmienna li tassew jgħixu fi qbil mar-​Regola tad-​Deheb? Iva, u mhux biss meta jkun jaqblilhom. Per eżempju, matul it-​Tieni Gwerra Dinjija fil-​Ġermanja Nazista, ix-​Xhieda taʼ Jehovah żammew il-​fidi tagħhom f’Alla u l-​imħabba għall-​proxxmu tagħhom u rrifjutaw li jaġixxu kontra r-​Regola tad-​Deheb. Waqt li l-​Istat inforza kampanja taʼ mibegħda u diskriminazzjoni kontra l-​Lhud kollha, ix-​Xhieda baqgħu jsegwu r-​Regola tad-​Deheb. Saħansitra fil-​kampijiet tal-​konċentrament, huma baqgħu jieħdu ħsieb bnedmin sħabhom, u qasmu l-​ikel magħhom, għalkemm dan kien skars. Dan għamluh kemm maʼ Lhud bil-​ġuħ kif ukoll maʼ dawk li ma kinux Lhud u li kienu fl-​istess sitwazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm kienu kmandati mill-​Istat biex jaqbdu l-​armi u joqtlu lil oħrajn, huma ma ridux jagħmlu dan, sewwa sew bħalma ma xtaqux li ħaddieħor joqtol lilhom. Kif setgħu joqtlu lil dawk li kellhom iħobbuhom bħalhom infushom? Talli rrifjutaw, ħafna minnhom intbagħtu lejn il-​kampijiet tal-​konċentrament u anki saħansitra ngħataw il-​mewt.—Mattew 5:​43-48.

Hekk kif taqra dan l-​artiklu, tkun qed tibbenefika minn eżempju ieħor tar-​Regola tad-​Deheb fl-​azzjoni. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrealizzaw li llum ħafna nies isofru għax la għandhom tama u lanqas għajnuna. Minħabba dan, ix-​Xhieda jieħdu azzjoni pożittiva minn jeddhom biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar it-​tama u d-​direzzjoni prattika li jinsabu fil-​Bibbja. Dan kollu huwa parti minn xogħol globali u edukattiv li qed isir issa fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Ir-​riżultat? Bħalma ġie profetizzat f’Isaija 2:​2-4, “ħafna popli,” fil-​fatt iktar minn sitt miljun individwu madwar id-​dinja, ġew ‘mgħallmin triqat il-​Mulej u jimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.’ B’mod figurattiv, huma tgħallmu “jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel.” Huma sabu l-​paċi u s-​sigurtà f’dawn iż-​żminijiet mimlijin inkwiet.

Xi Ngħidu Għalik?

Ieqaf ftit u irrifletti fuq it-​torturi u s-​sofferenzi li ġew fuq il-​bnedmin minħabba li ġiet injorata r-​Regola tad-​Deheb mindu kien hemm ir-​ribelljoni f’Għeden, li qanqal Satana x-​Xitan. Jehovah għandu l-​iskop li jreġġaʼ lura s-​sitwazzjoni dalwaqt. Kif? “Kien għalhekk li deher l-​Iben taʼ Alla, biex iħott kull ma għamel ix-​Xitan.” (1 Ġwann 3:8) Dan se jseħħ taħt is-​Saltna t’Alla, li se titmexxa b’għerf u kapaċità minn Ġesù Kristu, dak li għallem ir-​Regola tad-​Deheb u għex fi qbil magħha.—Salm 37:​9-11; Danjel 2:44.

Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem osserva: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-​ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom. Dejjem iħenn u jislef bil-​qalb, u wliedu jgħixu bil-​barka.” (Salm 37:​25, 26) Ma taqbilx li l-​biċċa l-​kbira min-​nies illum qegħdin jieħdu u jaħtfu minflok ma ‘jħennu u jisilfu bil-​qalb’? Jidher ċar li jekk issegwi r-​Regola tad-​Deheb, dan jistaʼ jwassal biex int ikollok il-​vera paċi u sigurtà għaliex bis-​saħħa tagħha tkun tistaʼ tikseb ħafna barkiet issa u fil-​futur taħt is-​Saltna t’Alla. Is-​Saltna t’Alla se tneħħi l-​egoiżmu u l-​ħażen kollu minn fuq l-​art, u minflok is-​sistema preżenti taʼ ħakma korrotta magħmula mill-​bniedem, se ġġib sistema ġdida magħmula minn Alla. Dakinhar, in-​nies kollha se jieħdu pjaċir jgħixu fi qbil mar-​Regola tad-​Deheb.—Salm 29:11; 2 Pietru 3:13.

[Stampi f’paġna 4, 5]

Ġesù mhux biss għallem ir-​Regola tad-​Deheb imma tana wkoll l-​aqwa eżempju billi pprattikaha

[Stampi f’paġna 7]

Li ssegwi r-​Regola tad-​Deheb jistaʼ jwassal biex int ikollok il-​vera paċi u sigurtà

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja