Ħakkiem Għani Jagħmel Għażla Mhix Għaqlija
IL-ĦAKKIEM żagħżugħ u għani kien rett, jobdi l-liġi, u reliġjuż. Hu mar għand Ġesù, niżel għarkopptejh u staqsa: “Għalliem tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-ħajja taʼ dejjem?”
Meta wieġbu, Ġesù indika li sabiex jikseb il-ħajja r-raġel kellu jħares il-kmandamenti t’Alla. Meta ġie mitlub biex ikun speċifiku, Ġesù qal: “Toqtolx, Tagħmilx adulterju, Tisraqx, Tixhidx falz, Onora lil missierek u lil ommok, u, Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Dawn kienu kmandamenti fundamentali fil-Liġi li ngħatat lil Mosè. Ir-raġel imbagħad qal: “Dawn kollha ħaristhom; x’jonqosni iktar?”—Mattew 19:16-20.
Ġesù “ħass imħabba għalih” u qal: “Ħaġa waħda jonqsok: Mur, bigħ dak li għandek u agħti lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.”—Marku 10:17-21.
F’daqqa waħda l-ħakkiem żagħżugħ kellu deċiżjoni diffiċli quddiemu. X’kien se jagħmel? Kien se jkun lest li jitlaq il-ġid materjali u jsir segwaċi taʼ Ġesù, jew kien se jżomm il-ġid tiegħu? Kien se jfittex it-teżori fuq l-art, jew kien se jfittex it-teżori fis-sema? Żgur li kienet deċiżjoni diffiċli għalih. Jidher ċar li kien interessat fil-valuri spiritwali, għax hu kien iħares il-Liġi u staqsa x’jistaʼ jagħmel iktar biex jirbaħ il-favur t’Alla. X’kienet id-deċiżjoni tiegħu? Hu “telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.”—Marku 10:22.
Id-deċiżjoni tal-ħakkiem żagħżugħ ma kinitx għaqlija. Li kieku sar segwaċi leali taʼ Ġesù, hu kien jistaʼ jirċievi dak li kien qed ifittex—ħajja taʼ dejjem. Ma nafux x’sar minnu dan iż-żagħżugħ. Madankollu, nafu li madwar erbgħin sena wara, l-armati Rumani għamlu ħerba minn Ġerusalemm u mill-biċċa l-kbira tal-Lhudija. Ħafna Lhud tilfu kemm il-ġid tagħhom kif ukoll ħajjithom.
B’kuntrast mal-ħakkiem żagħżugħ, l-appostlu Pietru u xi dixxipli oħrajn għamlu għażla għaqlija. Huma ‘telqu kollox’ u segwew lil Ġesù. Kemm ibbenefikaw minn din id-deċiżjoni! Ġesù qalilhom li kienu se jirċievu ħafna iktar minn dak li kienu ħallew warajhom. Iktar minn hekk, kienu se jirtu l-ħajja taʼ dejjem. Id-deċiżjoni tagħhom kienet waħda li, fil-futur, ma kienx se jiddispjaċihom li ħaduha.—Mattew 19:27-29.
Ilkoll niffaċċjaw deċiżjonijiet fil-ħajja—xi wħud żgħar, xi wħud kbar. Ġesù x’qal dwar dawn id-deċiżjonijiet? Int se taċċetta l-pariri tiegħu? Jekk tagħżel li taċċetta, int se tiġi mbierek bil-kbir. Issa ejja nikkunsidraw kif nistgħu nsegwu lil Ġesù u nibbenefikaw minn dak li qal.