It-Tagħlim Divin Jittrijonfa
“Għajnejk iridu jsiru għajnejn li qegħdin jaraw lill-Għalliem Grandjuż tiegħek. U widnejk stess se jisimgħu kelma warajk li tgħid: ‘Din hi l-mogħdija. Imxu fiha.’”—ISAIJA 30:20, 21.
1. L-istruzzjoni taʼ Jehovah għala tistaʼ b’mod xieraq tissejjaħ tagħlim divin?
ALLA JEHOVAH huwa s-Sors taʼ l-aqwa tagħlim li xi ħadd jistaʼ jirċievi. Jekk nisimgħu meta jitkellem, speċjalment permezz tal-Kelma Sagra tiegħu, hu se jkun l-Għalliem Grandjuż tagħna. (Isaija 30:20) It-test tal-Bibbja Ebrajka ssejjaħlu wkoll “il-Wieħed Divin.” (Salm 50:1) Għalhekk, l-istruzzjoni taʼ Jehovah hija tagħlim divin.
2. F’liema sens hu veru li Alla waħdu hu għaref?
2 Id-dinja hija kburija bil-ħafna istituzzjonijiet edukattivi tagħha, imma lanqas waħda minnhom ma tagħti tagħlim divin. Iva, l-għerf kollu li l-umanità akkumulat matul l-istorja jammonta għal ftit meta jitqabbel maʼ l-istruzzjoni divina bbażata fuq l-għerf infinit taʼ Jehovah. Rumani 16:27 igħid li Alla waħdu huwa għaref, u dan huwa veru fis-sens li Jehovah biss jippossjedi għerf assolut.
3. Ġesù Kristu għala hu l-aqwa għalliem li qatt mexa fuq l-art?
3 L-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, huwa mudell taʼ għerf u kien l-aqwa għalliem li qatt mexa fuq l-art. U mhux taʼ b’xejn! Għal sekli sħaħ Jehovah kien l-Għalliem tiegħu fis-smewwiet. Fil-fatt, it-tagħlim divin beda meta Alla beda jistruwixxi lill-ewwel ħolqien tiegħu, l-Iben uniġenitu tiegħu. Ġesù setaʼ għalhekk igħid: “Sewwa sew bħalma l-Missier għallem lili jien nitkellem dawn l-affarijiet.” (Ġwann 8:28; Proverbji 8:22, 30) Il-kelmiet stess taʼ Kristu rreġistrati fil-Bibbja jżidu ferm maʼ l-għarfien tagħna taʼ tagħlim divin. Billi jgħallmu dak li għallem Ġesù, Kristjani midlukin jobdu lill-Għalliem Grandjuż tagħhom, li r-rieda tiegħu hi li “l-għerf iddiversifikat ferm t’Alla” jkun mgħarraf permezz tal-kongregazzjoni.—Efesin 3:10, 11; 5:1; Luqa 6:40.
It-Tfittxija Għall-Għerf
4. X’intqal dwar il-kapaċità tal-moħħ?
4 Il-ksib taʼ l-għerf li jirriżulta minn tagħlim divin jitlob użu diliġenti tal-fakultajiet tal-ħsieb tagħna mogħtijin minn Alla. Dan huwa possibbli għaliex il-moħħ uman għandu potenzjal tremend. Igħid il-ktieb The Incredible Machine: “Saħansitra l-kompjuters l-iktar sofistikati li nistgħu nġibu quddiem għajnejna huma primittivi mqabblin mal-komplessità u l-flessibilità kważi infiniti tal-moħħ uman—kwalitajiet magħmulin possibbli permezz tas-sistema komplikata u kalibrata tiegħu taʼ sinjali elettrokimiċi. . . . Il-miljuni taʼ sinjali li jgħaddu minn ġo moħħok fi kwalunkwe mument iġorru tagħbija straordinarja taʼ informazzjoni. Iġibu aħbarijiet dwar l-ambjenti taʼ ġewwa u taʼ barra taʼ ġismek: dwar xi bugħawwieġ fis-sabaʼ taʼ sieqek, jew ir-riħa tfuħ tal-kafè, jew xi kumment tad-daħk taʼ xi ħabib. Hekk kif sinjali oħrajn jipproċessaw u janalizzaw l-informazzjoni, jipproduċu ċerti emozzjonijiet, memorji, ħsibijiet, jew pjanijiet li jwasslu għal deċiżjoni. Kważi minnufih, sinjali minn moħħok igħidu lil partijiet oħrajn taʼ ġismek x’għandhom jagħmlu: ċaqlaq subgħajk taʼ sieqek, ixrob il-kafè, idħak, jew forsi irrispondi b’mod makakk. Sadattant moħħok qiegħed ukoll jirregola n-nifs, il-kimika tad-demm, u t-temperatura tiegħek, u proċessi essenzjali oħrajn li m’intix konxju tagħhom. Jibgħat kmandi li jżommu lil ġismek stabbli u jaħdem tajjeb minkejja bidliet kontinwi fl-ambjent tiegħek. Iħejji wkoll għal ħtiġijiet futuri.”—Paġna 326.
5. Fis-sens Skritturali, x’inhu l-għerf?
5 Għalkemm il-moħħ uman bla dubju għandu kapaċità taʼ l-għaġeb, kif nistgħu nużaw il-moħħ bl-aħjar mod? Mhux billi ngħaddsu rasna biss fi studju iebes tal-lingwa, taʼ l-istorja, tax-xjenza, jew tar-reliġjon komparattiva. Għandna nużaw il-fakultajiet taʼ ħsieb tagħna primarjament biex nirċievu tagħlim divin. Hu biss jirriżulta f’għerf ġenwin. Imma x’inhu l-għerf veru? Fis-sens Skritturali, għerf ipoġġi enfasi fuq ġudizzju sod ibbażat fuq għarfien eżatt u fehma vera. Permezz taʼ l-għerf nistgħu nużaw l-għarfien u l-fehma b’suċċess biex insolvu problemi, biex nevitaw jew niskansaw perikli, biex ngħinu lil oħrajn, u biex inwettqu għanijiet. Taʼ interess, il-Bibbja tagħmel kuntrast bejn l-għerf u l-bluha u l-istupidità—karatteristiċi li żgur li rridu nevitawhom.—Dewteronomju 32:6; Proverbji 11:29; Ekkleżjasti 6:8.
Il-Ktieb Il-Kbir Taʼ Istruzzjoni Taʼ Jehovah
6. Jekk irridu nuru l-għerf veru, minn xiex irridu nagħmlu użu tajjeb?
6 Hemm abbundanza taʼ għerf dinji madwarna. (1 Korintin 3:18, 19) Iva, din id-dinja hi kotrana bi skejjel u libreriji li fihom miljuni taʼ kotba! Ħafna minn dawn huma kotba taʼ istruzzjoni li jagħtu tagħlim f’dik li hi lingwa, matematika, xjenza, u oqsma oħrajn taʼ għarfien. Imma l-Għalliem Grandjuż ipprovda l-ktieb taʼ istruzzjoni li jisboq lill-oħrajn kollha—il-Kelma mnebbħa tiegħu, il-Bibbja. (2 Timotew 3:16, 17) Hija eżatta mhux biss meta ssemmi affarijiet relatati maʼ suġġetti bħalma huma l-istorja, il-ġeografija, u l-istudju tal-pjanti imma wkoll meta tbassar il-futur. Barra minn hekk, tgħinna ngħixu l-ħajja l-iktar hienja u l-iktar produttiva preċiż issa. M’għandniex xi ngħidu, sewwa sew bħalma l-istudenti fi skola tad-dinja għandhom bżonn jużaw il-kotba tagħhom, aħna rridu nsiru midħla sewwa mal-Ktieb il-kbir taʼ istruzzjoni t’Alla jekk irridu nuru għerf veru bħala dawk “mgħallmin minn Jehovah.”—Ġwann 6:45.
7. Li tkun midħla b’mod intellettwali mal-kontenut tal-Bibbja għala tgħid li m’huwiex biżżejjed?
7 Madankollu, li nkunu midħla b’mod intellettwali tal-Bibbja m’huwiex l-istess bħal li jkollna għerf veru u li naġixxu fi qbil mat-tagħlim divin. Biex nagħtu stampa: Fis-seklu 17 E.K., raġel Kattoliku li kien jismu Cornelius van der Steen ra kif għamel biex isir Ġeżwita imma ma ġiex aċċettat għaliex kien qasir wisq. Igħid Manfred Barthel fil-ktieb tiegħu The Jesuits—History & Legend of the Society of Jesus: “Il-kumitat informa lil van der Steen li huma kienu lesti li jwarrbu l-ħtieġa tat-tul, imma biss bil-patt li hu jitgħallem igħid il-Bibbja kollha kemm hi bl-amment. L-istorja ma kinitx tkun taʼ min isemmiha li kieku van der Steen ma aċċettax din it-talba kemmxejn prużuntuża.” Xi sforz kien meħtieġ biex jimmemorizza l-Bibbja kollha kemm hi! Ċertament, madankollu, huwa bil-wisq iżjed importanti li wieħed jifhem il-Kelma t’Alla milli li jitgħallimha bl-amment.
8. X’se jgħinna biex nibbenefikaw minn tagħlim divin u nuru għerf veru?
8 Jekk irridu nibbenefikaw bis-sħiħ mit-tagħlim divin u b’hekk nuru għerf veru, għandna bżonn għarfien eżatt taʼ l-Iskrittura. Irridu wkoll inkunu ggwidati mill-ispirtu qaddis, jew forza attiva, taʼ Jehovah. Permezz taʼ dan se nkunu nistgħu nitgħallmu veritajiet profondi, “l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Korintin 2:10) Għalhekk, ħalli b’mod diliġenti nistudjaw il-Ktieb il-kbir taʼ istruzzjoni taʼ Jehovah u nitolbu għall-gwida tiegħu permezz taʼ l-ispirtu qaddis. F’armonija maʼ Proverbji 2:1-6, ħalli noqogħdu attenti għall-għerf, immejlu lil qalbna lejn id-dehen, u ngħajtu għall-fehma. Għandna bżonn nagħmlu dan bħal li kieku qegħdin infittxu għal teżori moħbijin, għax imbagħad biss se ‘nifhmu l-biżaʼ taʼ Jehovah u nsibu l-istess għarfien t’Alla.’ Konsiderazzjoni taʼ xi trijonfi u benefiċċji tat-tagħlim divin se ssebbaħ l-apprezzament tagħna għall-għerf mogħti minn Alla.
Fehma Progressiva
9, 10. Alla x’qal f’Ġenesi 3:15, u x’inhi l-fehma xierqa taʼ dawk il-kelmiet?
9 It-tagħlim divin jittrijonfa billi jagħti lin-nies taʼ Jehovah fehma progressiva taʼ l-Iskrittura. Per eżempju, tgħallimna li kien Satana x-Xitan li tkellem permezz tas-serpent f’Għeden u b’mod falz akkuża li Alla kien gideb meta Hu qal li l-mewt kellha tkun il-kastig talli kielu l-frotta pprojbita. Madankollu, aħna naraw li d-diżubbidjenza lejn Alla Jehovah tassew ġabet mewt fuq ir-razza umana. (Ġenesi 3:1-6; Rumani 5:12) Madankollu, Alla ta tama lill-umanità meta qal lis-serpent, u b’hekk lil Satana: “Se nqiegħed għadwa bejnek u l-mara u bejn iż-żerriegħa tiegħek u ż-żerriegħa tagħha. Hu se jbenġlek fir-ras u int se tbenġlu fil-għarqub.”—Ġenesi 3:15.
10 Dawk il-kelmiet inkludew sigriet li ġie rrivelat b’mod progressiv permezz tat-tagħlim divin. Jehovah għallem lill-poplu tiegħu li t-tema l-iktar importanti tal-Bibbja hija l-ivvindikar tas-sovranità tiegħu permezz taż-Żerriegħa, billi dixxendent taʼ Abraham u David ikollu d-dritt legali għall-ħakma tas-Saltna. (Ġenesi 22:15-18; 2 Samwel 7:12, 13; Eżekjel 21:25-27) L-Għalliem Grandjuż tagħna għallimna li Ġesù Kristu huwa ż-Żerriegħa primarja tal-“mara,” l-organizzazzjoni universali t’Alla. (Galatin 3:16) Minkejja kull prova li Satana ġab fuqu, Ġesù żamm l-integrità—saħansitra sal-mewt, it-tbenġil taż-Żerriegħa fil-għarqub. Tgħallimna wkoll li 144,000 werrieta mseħbin tas-Saltna minn fost il-bnedmin se jieħdu sehem maʼ Kristu f’li jfarrku r-ras taʼ Satana, “is-serpent oriġinali.” (Rivelazzjoni 14:1-4; 20:2; Rumani 16:20; Galatin 3:29; Efesin 3:4-6) Kemm napprezzawh għarfien bħal dan tal-Kelma t’Alla!
Ġod-Dawl Taʼ L-Għaġeb T’Alla
11. Għala jistaʼ jingħad li tagħlim divin jittrijonfa billi jġib lin-nies fid-dawl spiritwali?
11 It-tagħlim divin jittrijonfa billi jġib lin-nies fid-dawl spiritwali. Kristjani midlukin kellhom dik l-esperjenza bi twettieq taʼ l-1 Pietru 2:9: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu għal pussess speċjali, biex għandkom tiddikjaraw barra l-pajjiż l-affarijiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom ’il barra mid-dlam għal ġod-dawl taʼ l-għaġeb tiegħu.” Illum, dawl mogħti minn Alla huwa gawdut ukoll minn “folla kbira” li se jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-art. (Rivelazzjoni 7:9; Luqa 23:43) Hekk kif Alla jgħallem lin-nies tiegħu, Proverbji 4:18 jagħti prova li hu veru: “[I]l-passaġġ taʼ l-uħud twajbin hu bħad-dawl qawwi li qiegħed isir iktar u iktar qawwi sakemm il-jum jiġi stabbilit fis-sod.” Dan il-proċess taʼ tagħlim progressiv jirfina l-fehma tagħna taʼ tagħlim divin, saħansitra bħalma studenti jimxu ’l quddiem minħabba l-għajnuna mill-aħjar taʼ għalliem meta jistudjaw il-grammatika, l-istorja, jew xi suġġett ieħor.
12, 13. Tagħlim divin ipproteġa lin-nies taʼ Jehovah kontra liema perikli duttrinali?
12 Trijonf ieħor tat-tagħlim divin huwa li lill-umlin li jirċevuh jipproteġihom mit-“tagħlim tad-demonji.” (1 Timotew 4:1) Mill-banda l-oħra, ħares lejn il-Kristjaneżmu! Lura fis-sena 1878, il-prelat Kattoliku Ruman John Henry Newman kiteb: “Billi fdaw fil-qawwa tal-Kristjanità biex tirreżisti l-infezzjoni tal-ħażen, u biex tbiddel lill-istess strumenti u oġġetti u prattiċi marbutin mal-qima tad-demonji għal użu evanġeliku, . . . il-ħakkiema tal-Knisja minn żminijiet bikrin kienu lesti, jekk tqum l-okkażjoni, li jadottaw, jew jimitaw, jew jawtorizzaw ir-riti u d-drawwiet eżistenti tal-popolin, kif ukoll il-filosofija tal-klassi edukata.” Newman żied li affarijiet bħalma huma l-ilma mbierek, l-ilbies tal-qassisin, u x-xbihat kienu “kollha taʼ oriġini pagan, u ġew imqaddsin billi ġew adottati fil-Knisja.” In-nies t’Alla huma grati tabilħaqq li t-tagħlim divin jipproteġihom minn apostasija bħal din. Dan jegħleb lil kull forma taʼ demoniżmu.—Atti 19:20.
13 It-tagħlim divin jittrijonfa fuq l-iżball reliġjuż b’kull mod. Bħala dawk mgħallmin minn Alla, per eżempju, ma nemmnux fit-Trinità imma nirrikonoxxu li Jehovah huwa l-Iktar Għoli, Ġesù huwa Ibnu, u l-ispirtu qaddis huwa l-forza attiva t’Alla. Ma nibżgħux min-nar taʼ l-infern, għax nirrealizzaw li l-infern tal-Bibbja huwa l-qabar komuni tal-bnedmin. U fil-waqt li r-reliġjonisti foloz igħidu li r-ruħ umana hija immortali, aħna nafu li l-mejtin m’huma konxji taʼ xejn affattu. Nistgħu nsemmu għadd kbir taʼ veritajiet miksubin permezz tat-tagħlim divin. X’barka hi li nkunu ħelsin mill-jasar spiritwali taħt Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza!—Ġwann 8:31, 32; Rivelazzjoni 18:2, 4, 5.
14. Il-qaddejja t’Alla għala jistgħu jkomplu jimxu fid-dawl spiritwali?
14 Minħabba li t-tagħlim divin jittrijonfa fuq l-iżball reliġjuż, il-qaddejja t’Alla permezz tiegħu jistgħu jimxu fid-dawl spiritwali. Hu bħal li kieku jisimgħu kelma warajhom li tgħid: “Din hi l-mogħdija. Imxu fiha.” (Isaija 30:21) It-tagħlim t’Alla jipproteġi wkoll lill-qaddejja tiegħu minn raġunar falz. Meta “appostli foloz” kienu qegħdin jikkaġunaw inkwiet fil-kongregazzjoni f’Korintu, l-appostlu Pawlu kiteb: “L-armi tal-gwerra tagħna m’humiex tal-laħam, imma qawwijin permezz t’Alla biex jegħlbu affarijiet li jkunu daħlu fil-fond ħafna. Għax qegħdin naqilbu taʼ taħt fuq raġunar u kull ħaġa mkabbra li titqajjem kontra l-għarfien t’Alla; u qegħdin inġibu kull ħsieb fi qbid biex nagħmluh ubbidjenti lejn il-Kristu.” (2 Korintin 10:4, 5; 11:13-15) Raġunar kuntrarju għat-tagħlim divin jiġi maqlub taʼ taħt fuq permezz taʼ l-istruzzjoni li tingħata bi ħlewwa fil-kongregazzjoni u permezz taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba lil dawk taʼ barra.—2 Timotew 2:24-26.
Qima Bl-Ispirtu U L-Verità
15, 16. Xi jfisser li tqim lil Jehovah bl-ispirtu u l-verità?
15 Hekk kif ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna jimxi ’l quddiem, it-tagħlim divin jittrijonfa f’li juri lill-ġwejdin kif iridu jqimu lil Alla “bl-ispirtu u l-verità.” Ħdejn il-bir taʼ Ġakobb qrib il-belt taʼ Sikar, Ġesù qal lil mara Samaritana li hu setaʼ jipprovdi ilma li kien jagħti ħajja taʼ dejjem. Billi rrefera għas-Samaritani, hu żied: “Intom tqimu dak li ma tafux . . . Is-siegħa ġejja, u hi issa, meta l-veri adoraturi se jqimu lill-Missier bl-ispirtu u l-verità, għax, tabilħaqq, il-Missier qiegħed ifittex lil uħud bħal dawn biex iqimuh.” (Ġwann 4:7-15, 21-23) Ġesù mbagħad identifika lilu nnifsu bħala l-Messija.
16 Imma kif nistgħu nqimu lil Alla bl-ispirtu? Billi nagħtu qima animata minn qlub grati mimlijin bl-imħabba t’Alla bbażata fuq għarfien eżatt tal-Kelma tiegħu. Nistgħu nqimuh bil-verità billi niċħdu l-qerq reliġjuż u nagħmlu r-rieda divina, kif irrivelata fil-Ktieb il-kbir taʼ istruzzjoni taʼ Jehovah.
Trijonfanti Fuq Provi U Fuq Id-Dinja
17. Kif tistaʼ tagħti prova li tagħlim divin għen lill-qaddejja taʼ Jehovah jiffaċċjaw il-provi?
17 Meta n-nies t’Alla jiffaċċjaw provi, it-tagħlim divin jittrijonfa darba wara l-oħra. Ikkunsidra dan: Fil-bidu tat-II Gwerra Dinjija, f’Settembru taʼ l-1939, il-qaddejja taʼ Jehovah kellhom bżonn dehen speċjali fil-Ktieb il-kbir taʼ istruzzjoni tiegħu. Taʼ għajnuna kbira kien artiklu f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Novembru, 1939, li b’mod ċar ippreżenta tagħlim divin fuq il-kwistjoni tan-newtralità Kristjana. (Ġwann 17:16) Bl-istess mod, kmieni fis-snin 60, artikli tal-Watchtower dwar sottomissjoni relattiva lejn “awtoritajiet superjuri” governattivi għenu lin-nies t’Alla biex jaġixxu fi qbil mat-tagħlim divin meta kienu ffaċċjati minn taqlib soċjali.—Rumani 13:1-7; Atti 5:29.
18. Uħud li kienu jistqarru li kienu Kristjani fit-tieni u t-tielet seklu E.K. kif kienu jħarsu lejn tgawdija taʼ livelli morali baxxi, u tagħlim divin liema għajnuna jipprovdi f’dak ir-rigward illum?
18 It-tagħlim divin igħinna nittrijonfaw fuq it-tentazzjonijiet, bħalma huwa li niġu mħajrin biex infittxu tgawdija taʼ livell morali baxx. Innota x’intqal minn dawk li kienu jgħidu li huma Kristjani fit-tieni u fit-tielet sekli taʼ l-Era Komuni tagħna. Tertulljanu kiteb: “M’għandna xejn x’naqsmu, fid-diskors, fil-vista jew fis-smigħ, mal-ġenn taċ-ċirku, in-nuqqas taʼ mistħija tat-teatru, is-salvaġiżmu taʼ l-arena.” Kittieb ieħor taʼ dak il-perijodu staqsa: “Kristjan leali x’jagħmel fost dawn l-affarijiet, ladarba hu lanqas biss ma jistaʼ jaħseb dwar il-ħażen? Għala jieħu gost bir-rappreżentazzjonijiet taż-żina?” Avolja dawn il-kittieba għexu xi snin wara l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, huma kkundannaw ix-xalar taʼ livell morali baxx. Illum, it-tagħlim divin jagħtina l-għerf biex naħarbu tgawdija oxxena, immorali, u vjolenti.
19. Tagħlim divin kif igħinna nittrijonfaw fuq id-dinja?
19 Li naġixxu fi qbil mat-tagħlim divin igħinna biex nittrijonfaw fuq id-dinja nfisha. Iva, li napplikaw it-tagħlim taʼ l-Għalliem Grandjuż tagħna jagħmilna rebbiħin fuq l-influwenzi mill-agħar taʼ din id-dinja, li qiegħda taħt il-qawwa taʼ Satana. (2 Korintin 4:4; 1 Ġwann 5:19) Efesin 2:1-3 igħid li Alla għamilna ħajjin għalkemm konna mejtin fin-nuqqasijiet u d-dnubiet meta mxejna skond il-ħakkiem taʼ l-awtorità taʼ l-arja. Niżżu ħajr lil Jehovah li t-tagħlim divin igħinna biex nittrijonfaw fuq ix-xewqat tad-dinja u l-ispirtu li joħroġ mingħand l-għadu tiegħu u tagħna—il-qarrieq il-prim, Satana x-Xitan!
20. Liema mistoqsijiet jixirqilhom iktar konsiderazzjoni?
20 Biċ-ċar, allura, it-tagħlim divin jittrijonfa b’ħafna modi. Fil-fatt, ikun impossibbli li ssemmi t-trijonfi tiegħu kollha. Jeffettwa lil nies madwar id-dinja kollha. Imma x’inhu jagħmel għalik? It-tagħlim divin kif qed jeffettwa lil ħajtek? [w94 02/01]
X’Tgħallimt Int?
◻ Il-veru għerf kif jistaʼ jiġi definit?
◻ Alla x’irrivela b’mod progressiv rigward Ġenesi 3:15?
◻ Tagħlim divin kif ittrijonfa f’affarijiet spiritwali?
◻ Xi jfisser li tqim lil Alla bl-ispirtu u l-verità?
◻ Tagħlim divin kif għen lill-qaddejja taʼ Jehovah biex jittrijonfaw fuq il-provi u fuq id-dinja?
[Stampi f’paġna 23]
Ġesù żamm l-integrità sal-mewt—it-tbenġil taż-Żerriegħa fil-għarqub