L-Aħbar Tajba tas-Saltna X’Inhi?
Is-sena l-oħra f’235 pajjiż madwar id-dinja kien hemm 6,035,564 ruħ, kemm żgħażagħ u kemm xjuħ, li qattgħu 1,171,270,425 siegħa jitkellmu m’oħrajn dwarha. Dan m’għamluhx bil-kliem biss, imma wkoll billi ħallew f’idejn in-nies iktar minn 700 miljun biċċa letteratura biex jirriklamawha jew jispjegawha. Qassmu wkoll eluf taʼ awdjokasetts u vidjokasetts biex ixerrduha maʼ kullimkien. Fuqiex qed nitkellmu?
QED nitkellmu fuq l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Verament, “dan l-evanġelju tas-Saltna” qatt qabel fl-istorja tal-bniedem ma ġie pridkat fuq skala hekk kbira kif qed narawh jiġi pridkat illum.—Mattew 24:14.
Dawk li qed jagħmlu dan ix-xogħol taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim madwar id-dinja huma kollha volontieri. F’għajnejn in-nies forsi jidhru li m’humiex kwalifikati biżżejjed biex jagħmlu dan ix-xogħol. Mela, minfejn qed iġibu dan il-kuraġġ u s-suċċess tagħhom? Il-qawwa taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna hi fattur ewlieni, għax din hi aħbar dwar barkiet li se jiġu fuq il-bnedmin. Dawn huma barkiet li l-bnedmin kollha tant jixtiquhom—il-ferħ, il-ħelsien mit-tbatija ekonomika, gvern tajjeb, paċi u sigurtà. U hemm xi ħaġa oħra li l-biċċa l-kbira min-nies lanqas biss joħolmuha—il-ħajja taʼ dejjem! Din hi tabilħaqq aħbar tajba għal min qed ifittex it-tifsira tal-ħajja u l-iskop tagħha. Iva, dawn il-barkiet kollha, u iktar minn hekk, jistgħu jkunu tiegħek jekk int taċċetta u taġixxi fi qbil mal-proklamazzjoni taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna.
X’Inhi s-Saltna?
Iżda, x’inhi s-Saltna li qed tixxandar bħala aħbar tajba? Hija dik is-Saltna li miljuni taʼ nies ġew mgħallmin jitolbu għaliha b’dan il-kliem familjari: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.”—Mattew 6:9, 10.
Din hi s-Saltna li tkellem dwarha l-profeta Ebrew Danjel iktar minn 25 seklu ilu meta kiteb: “Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.
B’hekk, l-aħbar tajba hi dwar is-Saltna, jew il-gvern, li biha Alla se jelimina l-ħażen. Din, imbagħad, se taħkem fuq l-art kollha fil-paċi u se ġġiegħel l-iskop oriġinali li l-Ħallieq kellu għall-umanità u għall-art isir realtà.—Ġenesi 1:28.
“Is-Saltna tas-Smewwiet Waslet”
Kważi elfejn sena ilu, l-aħbar tajba tas-Saltna xxandret pubblikament għall-ewwel darba minn raġel dedikat li d-dehra u x-xeħta tiegħu kienu jispikkaw. Dan ir-raġel kien Ġwanni l-Għammied, bin il-qassis Lhudi Żakkarija u martu Eliżabetta. Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, bħalma kien jilbes il-profeta Elija, li kien jiffigurah bil-quddiem. Imma kien il-messaġġ tiegħu li ġibed l-attenzjoni taʼ ħafna nies. “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet.”—Mattew 3:1-6.
Is-semmiegħa taʼ Ġwanni kienu Lhud, li kienu jgħidu li huma adoraturi taʼ dak Alla veru, Jehovah. Bħala ġens, huma kienu rċivew il-patt tal-Liġi permezz taʼ Mosè madwar 1,500 sena qabel. It-tempju mill-isbaħ, li fih kienu jiġu offruti sagrifiċċji skond kif kienet titlob il-Liġi, kien għadu wieqaf f’Ġerusalemm. Il-Lhud kienu ċerti li l-qima tagħhom kienet tajba f’għajnejn Alla.
Madankollu, x’ħin semgħu lil Ġwanni, xi nies bdew jirrealizzaw li r-reliġjon tagħhom ma kinitx dik li ħasbu huma. Il-kultura u l-filosofija Griega kienu daħlu bil-mod il-mod u saru parti mit-tagħlim reliġjuż Lhudi. Il-liġi li kienu rċivew mingħand Alla permezz taʼ Mosè ma baqgħetx pura, u saret saħansitra ma tiswa xejn, minħabba l-preċetti u t-tradizzjonijiet tal-bnedmin. (Mattew 15:5, 6 [15:6, NW]) Il-biċċa l-kbira min-nies, li ġew imqarrqin mill-mexxejja reliġjużi tagħhom bla qalb u bla ħniena, ma baqgħux iqimu lil Alla b’mod aċċettabbli. (Ġakbu 1:27) Kellhom bżonn jindmu mid-dnubiet li għamlu kontra Alla u kontra l-patt tal-Liġi.
Dak iż-żmien, ħafna mil-Lhud kienu qed jistennew il-miġja tal-Messija, jew il-Kristu, imwiegħed u xi wħud kienu qed jaħsbu dwar Ġwanni “jekk kienx hu l-[“Kristu,” NW].” Madankollu, Ġwanni ċaħad li kien hu, u minflok idderiġiehom lejn xi ħaddieħor, li dwaru qal: “Ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu.” (Luqa 3:15, 16) Lid-dixxipli tiegħu Ġwanni introduċielhom lil Ġesù billi ddikjara: “Araw il-Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.”—Ġwann 1:29.
Din kienet tabilħaqq aħbar tajba, għax Ġwanni kien fil-fatt qed juri lin-nies kollha t-triq għall-ħajja u għall-hena—Ġesù, dak li “jneħħi d-dnub tad-dinja.” Bħala dixxendenti taʼ Adam u Eva, il-bnedmin kollha jitwieldu taħt it-tirannija tad-dnub u l-mewt. Rumani 5:19 jispjega: “Għax kif bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Adam] il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza taʼ wieħed [Ġesù] il-ħafna jsiru ġusti.” Ġesù, bħal ħaruf tas-sagrifiċċju, kellu “jneħħi d-dnub” u jreġġaʼ lura l-istat tal-biki tal-kundizzjonijiet li l-umanità tinsab fih. “Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt,” tispjega l-Bibbja, “imma d-don li tana Alla huwa l-ħajja taʼ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.”—Rumani 6:23.
Bħala bniedem perfett—fil-fatt, l-aqwa bniedem li qatt għex—Ġesù beda jxandar l-aħbar tajba. Ir-rakkont tal-Bibbja f’Mark 1:14, 15 jgħidilna: “Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju taʼ Alla u jgħid: ‘Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna taʼ Alla waslet: indmu u emmnu fl-Evanġelju.’”
Dawk li wieġbu għall-messaġġ taʼ Ġesù u eżerċitaw fidi fl-aħbar tajba kienu mberkin bil-kbir. Ġwann 1:12 jgħid: “Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu.” Ladarba kienu t-tfal, jew l-ulied, t’Alla, huma kien jistħoqqilhom jirċievu l-premju taʼ ħajja taʼ dejjem.—1 Ġwann 2:25.
Imma l-privileġġ li jirċievu l-barkiet tas-Saltna ma kienx miftuħ biss għan-nies fl-ewwel seklu. Bħalma diġà ssemma, l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla llum qed tiġi mxandra u mgħallma madwar l-art abitata kollha. Għalhekk il-barkiet tas-Saltna għadhom jistgħu jinkisbu. X’għandek tagħmel int biex tirċievi dawn il-barkiet? L-artiklu li jmiss se jispjega dan.