Għażliet li Jwasslu għall-Hena
“KEMM nixtieq li ħadt deċiżjoni differenti!” Kemm-il darba għedt hekk lilek innifsek? Ilkoll irridu nagħmlu għażliet li mhux se jiddispjaċina li nkunu għamilniehom, speċjalment meta dawn l-għażliet jeffettwaw il-ħajja tagħna. Però, kif nistgħu nagħmlu għażliet li jwasslu għall-hena?
L-ewwelnett, għandna bżonn livelli li huma verament taʼ min joqgħod fuqhom. Jeżistu livelli bħal dawn? Ħafna nies jaħsbu li le. Skond stħarriġ fl-Istati Uniti, 75 fil-mija mill-istudenti fl-aħħar snin tal-kulleġġ jemmnu li m’hemmx regoli dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin u li l-ideat dwar dak li hu tajjeb u ħażin ivarjaw skond “il-valuri individwali u d-diversità kulturali.”
Huwa raġunevoli li naħsbu li l-livelli morali huma sempliċement kwistjoni t’opinjoni persunali jew popolari? Le, m’huwiex. Li kieku n-nies għandhom il-libertà jagħmlu dak li xtaqu, ir-riżultat ikun diżastruż. Min irid jgħix f’post fejn m’hemmx liġijiet, qrati, u pulizija? Iżjed minn hekk, mhux dejjem tistaʼ toqgħod fuq l-opinjoni persunali. Forsi nagħżlu li nagħmlu xi ħaġa li naħsbu li hija tajba, imma mbagħad insiru nafu li konna żbaljati. Tabilħaqq, l-istorja kollha tal-bnedmin tagħti prova kemm huwa minnu dan il-vers Bibliku: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh.” (Ġeremija 10:23) Allura, fejn nistgħu nduru għall-gwida meta nieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet importanti tal-ħajja?
Il-ħakkiem żagħżugħ li ssemma fl-artiklu taʼ qabel b’mod għaqli mar għand Ġesù. Bħalma rajna, sabiex iwieġeb il-mistoqsija taż-żagħżugħ, Ġesù rrefera għal-Liġi t’Alla. Ġesù għaraf li Alla Ġeħova hu l-ogħla Sors t’għarfien u għerf u li Hu jaf x’inhu l-aħjar għall-ħolqien Tiegħu. Minħabba f’hekk, Ġesù qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) Verament, il-Kelma t’Alla hija sors taʼ direzzjoni taʼ min joqgħod fuqha li se tgħinna nagħmlu għażliet għaqlin f’ħajjitna. Ejja nikkunsidraw ftit prinċipji li hemm fil-Kelma t’Alla li jekk napplikawhom se jikkontribwixxu għall-hena tagħna.
Ir-Regola tad-Deheb
Fil-Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù għallem prinċipju bażiku li jistaʼ jgħinna nagħmlu għażliet għaqlin fir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn. Dan hu dak li qal: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) Dan il-prinċipju taʼ kondotta spiss jissejjaħ ir-Regola tad-Deheb.
Xi wħud użaw espressjoni simili imma fin-negattiv: “Tagħmilx lil oħrajn dak li ma tixtieqx li oħrajn jagħmlu lilek.” Sabiex tara d-differenza bejn ir-Regola tad-Deheb u l-espressjoni fin-negattiv, ikkunsidra l-parabbola taʼ Ġesù dwar is-Samaritan it-tajjeb. Wieħed Lhudi ġie msawwat u tħalla nofsu mejjet fil-ġenb tat-triq. Qassis u Levita rawh imma baqgħu għaddejjin. Minħabba li m’għamlu xejn biex iżidu mat-tbatija tar-raġel, jistaʼ jingħad li aġixxew skond il-verżjoni negattiva tar-Regola tad-Deheb. B’kuntrast, wieħed Samaritan li kien għaddej waqaf biex jagħti l-għajnuna. Hu nfaxxa l-ġrieħi tar-raġel u ħadu f’lukanda. Hu ttratta lir-raġel bil-mod li kieku hu jkun irid jiġi trattat. Hu applika r-Regola tad-Deheb—u għamel l-għażla t-tajba.—Luqa 10:30-37.
Hemm ħafna modi kif nistgħu napplikaw dan il-prinċipju taʼ kondotta b’riżultati tajbin. Ejja ngħidu li familja ġdida tiġi tgħix fl-inħawi tiegħek. Għala ma tiħux l-inizjattiva biex tiltaqaʼ u tagħti merħba lill-membri tagħha? Għandek mnejn tgħinhom isiru familjari mal-post u forsi tgħinhom bil-mistoqsijiet u l-bżonnijiet tagħhom. Billi tieħu l-inizjattiva u turi konsiderazzjoni mal-ġirien, int se tiżviluppa relazzjonijiet tajbin mal-ġirien ġodda tiegħek. Ukoll se jkollok is-sodisfazzjon taʼ li tkun taf li għamilt dak li jogħġob lil Alla. M’hijiex din deċiżjoni għaqlija?
Għażliet li Nagħmlu għax Inħobbu lil Oħrajn
Flimkien mar-Regola tad-Deheb, Ġesù ta direzzjoni oħra li se tgħinek tagħmel għażliet għaqlin. Meta ġie mistoqsi liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi Mosajka, Ġesù wieġeb: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ Fuq dawn iż-żewġ kmandamenti żżomm il-Liġi kollha, u l-Profeti.”—Mattew 22:36-40.
Il-lejl taʼ qabel mewtu, Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu “kmandament ġdid,” biex iħobbu lil xulxin. (Ġwanni 13:34) Għala ddeskriva dan il-kmand bħala ġdid? Wara kollox, ma kienx diġà spjega li l-imħabba għall-proxxmu kienet waħda miż-żewġ kmandamenti li fuqhom iżżomm il-Liġi kollha? Skond il-Liġi Mosajka, l-Iżraelin ngħataw il-kmand: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Levitiku 19:18) Madankollu, Ġesù issa kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu iktar minn hekk. F’dak l-istess lejl, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li kien se jagħti ħajtu għalihom. Imbagħad qalilhom: “Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġwanni 15:12, 13) Iva, dan il-kmandament kien ġdid fis-sens li kien jirrikjedi li tqiegħed l-interessi taʼ ħaddieħor qabel tiegħek.
Hemm ħafna modi kif nistgħu nuru mħabba mhix egoistika, billi nagħmlu iktar milli sempliċement nieħdu ħsieb l-interessi tagħna nfusna. Per eżempju, ejja ngħidu li tgħix f’appartament u ridt tismaʼ l-mużika b’volum li jferrħek imma li jdejjaq lill-ġâr tiegħek. Tkun lest int li tiċċaħħad mill-pjaċir tiegħek sabiex il-ġâr tiegħek ikollu ftit paċi? Fi kliem ieħor, tkun lest int li tqiegħed il-benesseri tal-ġâr qabel tiegħek stess?
Ikkunsidra sitwazzjoni oħra. F’ġurnata kiesħa u bis-silġ fil-Kanada, raġel imdaħħal fiż-żmien kellu żjara minn tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Matul il-konversazzjoni, ir-raġel semma li minħabba li kien ibati b’qalbu ma setax ineħħi s-silġ minn quddiem id-dar tiegħu. Xi siegħa wara, hu semaʼ xi ħoss kbir taʼ brix quddiem id-dar. Iż-żewġ Xhieda kienu ġew lura biex ineħħu s-silġ mill-passaġġ u t-taraġ li kienu jwasslu għall-bieb tiegħu. “Illum esperjenzajt l-imħabba Kristjana ġenwina fl-azzjoni,” kiteb hu f’ittra lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Kanada. “Din il-ġrajja verament tejbet u bidlet il-ħarsa tiegħi, li s-soltu tkun waħda pessimista, lejn id-dinja taʼ llum. Kompliet issaħħaħ ir-rispett kbir li diġà kelli għax-xogħol tagħkom taʼ madwar id-dinja.” Iva, il-fatt li nagħżlu li nagħtu daqqa t’id, anki jekk f’xi ħaġa li tidher żgħira, jistaʼ jeffettwa lil oħrajn b’mod pożittiv. Tabilħaqq hemm ħafna hena meta nagħmlu għażliet bħal dawn li jinvolvu sagrifiċċju min-naħa tagħna!
Għażliet li Nagħmlu għax Inħobbu lil Alla
Fattur ieħor li għandna nikkunsidraw meta nagħmlu għażliet hu dak li Ġesù ddeskrivieh bħala l-akbar kmandament—li nħobbu lil Alla. Ġesù indirizza l-kliem tiegħu lil-Lhud, li bħala ġens kien diġà f’relazzjoni dedikata maʼ Ġeħova. Xorta waħda, Iżraelin individwali kellhom jagħżlu jekk kinux se jaqdu lil Alla tagħhom billi jħobbuh b’ruħhom kollha u b’qalbhom kollha.—Dewteronomju 30:15, 16.
Bl-istess mod, l-għażliet li int tagħmel jirriflettu kif tħossok dwar Alla. Per eżempju, hekk kif l-apprezzament tiegħek għall-valur prattiku tal-Bibbja jikber, int ukoll trid tagħmel għażla. Tkun lest int li tibda studju regulari tal-Bibbja, bil-mira li ssir segwaċi taʼ Ġesù? Jekk tagħżel li tagħmel dan żgur li se jkollok l-hena, għax Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.
Ma nafux jekk iż-żagħżugħ iddispjaċiehx għad-deċiżjoni tiegħu. Madankollu, żgur nafu kif l-appostlu Pietru ħassu wara li segwa lil Ġesù Kristu għal ħafna snin. Madwar is-sena 64 E.K., hekk kif kien riesaq lejn it-tmiem taʼ ħajtu, Pietru inkuraġġixxa lil sħabu fit-twemmin: “Agħmlu l-almu tagħkom biex fl-aħħar [Alla] isibkom bla tebgħa u bla difett u fil-paċi.” (2 Pietru 1:14; 3:14) Jidher ċar li Pietru ma ddispjaċiehx mill-għażla li kien għamel iktar minn 30 sena qabel, u hu inkuraġġixxa lil oħrajn biex iżommu maʼ l-għażla li kienu għamlu.
Sabiex insegwu l-parir taʼ Pietru hemm bżonn li nagħżlu li naċċettaw ir-responsabbiltajiet taʼ li nkunu wieħed jew waħda mid-dixxipli taʼ Ġesù u li nosservaw il-kmandamenti t’Alla. (Luqa 9:23; 1 Ġwanni 5:3) Dan jistaʼ jidher diffiċli, però għandna l-wegħda rassiguranti taʼ Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.”—Mattew 11:28-30.
Ikkunsidra l-esperjenza t’Arthur. Meta kellu għaxar snin, Arthur beda jitgħallem il-vjolin, bil-prospett li jkollu karriera professjonali. Sakemm għalaq 14-il sena, hu kien qed idoqq il-vjolin fil-kunċerti. Xorta waħda, hu ma kienx hieni. Missieru minn dejjem kellu mistoqsijiet dwar it-tifsir tal-ħajja u kien jistieden għalliema reliġjużi d-dar; madankollu, hu qatt ma kien sodisfatt bit-tweġibiet tagħhom. Bħala familja, huma kienu jitkellmu dwar jekk Alla tassew jeżistix u għala jippermetti l-ħażen. Imbagħad missier Arthur beda diskussjoni max-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-konversazzjoni laqtitu lil missier Arthur u wasslet għal studju tal-Bibbja mal-familja kollha.
Maż-żmien, Arthur beda jifhem mill-Iskrittura għala Alla jippermetti t-tbatija, u hu ra b’mod ċar x’inhu l-iskop tal-ħajja. Flimkien maʼ tliet membri oħrajn tal-familja tiegħu, Arthur għamel għażla li ma ddispjaċiehx li kien għamel. Hu ddedika ħajtu lil Ġeħova. “Jien ferħan ħafna li Ġeħova berikni bl-għarfien tal-verità u li hu ħelisni mir-rivalità li spiss ikun hemm fost il-mużiċisti professjonali. Biex jirnexxu, in-nies lesti li jagħmlu kollox.”
Arthur għadu jieħu pjaċir idoqq il-vjolin għall-ħbieb tiegħu, imma ħajtu m’hijiex iffokata fuq dan. Minflok, ħajtu hija ffokata fuq is-servizz tiegħu lil Alla. Hu qed jaqdi f’wieħed mill-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Bħal Arthur u miljuni oħrajn, imma għall-kuntrarju tal-ħakkiem żagħżugħ u għani, int ukoll tistaʼ tagħmel l-għażla li se ġġiblek l-akbar hena—dik li taċċetta l-istedina taʼ Ġesù biex tkun is-segwaċi tiegħu.
[Stampa f’paġna 6]
Id-deċiżjoni tiegħek tistaʼ tagħmel differenza fil-ħajja t’oħrajn
[Stampa f’paġna 7]
Int se tistudja l-Bibbja u ssir segwaċi taʼ Ġesù?