LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 3/8 pp. 22-23
  • Kif Għandna Nużaw il-Libertà Tagħna taʼ l-Għażla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Għandna Nużaw il-Libertà Tagħna taʼ l-Għażla?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Deċiżjonijiet fi Kwistjonijiet Persunali
  • Id-​Deċiżjoni li Taqdi ’l Alla
  • Eżerċita l-​fidi—Iddeċiedi bil-​għaqal!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • “Kull Wieħed Iġorr it-Tagħbija Tiegħu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Agħmel għażliet għaqlin matul żgħożitek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Kif Tistaʼ Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 3/8 pp. 22-23

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Kif Għandna Nużaw il-​Libertà Tagħna taʼ l-​Għażla?

ALLA żejjen lill-​ewwel bnedmin, Adam u Eva, bl-​abbiltà li jagħmlu l-​għażliet tagħhom stess. Hu inkariga lil Adam biex jieħu ħsieb il-​ġnien taʼ l-​Għeden. Parti minn xogħol Adam kien li jagħżel l-​ismijiet għall-​annimali. (Ġenesi 2:​15, 19) Iktar importanti minn hekk, Adam u Eva setgħu jiddeċiedu jekk iridux jobdu lil Alla jew le.—Ġenesi 2:​17, 18.

Minn dak iż-​żmien ’l hawn, in-​nies għamlu biljuni bla għadd taʼ deċiżjonijiet—ħafna minnhom kienu għaqlin, xi wħud meħudin ħażin, u oħrajn saru b’intenzjoni ħażina għall-​aħħar. Xi għażliet ħżiena li għamel il-​bniedem ġabu riżultati diżastrużi. Minkejja dan, Alla qatt ma ndaħal fid-​dritt tagħna taʼ l-​għażla. Bħala Missier li jħobb, Alla jipprovdilna l-​għajnuna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin permezz tal-​paġni tal-​Bibbja. Hu jwissina wkoll dwar il-​konsegwenzi li jiġu minn għażliet ħżiena. Il-​Bibbja tgħid li aħna se naħsdu dak li niżirgħu.—Galatin 6:7.

Deċiżjonijiet fi Kwistjonijiet Persunali

Dwar ċerti kwistjonijiet Alla jesprimi r-​rieda tiegħu b’mod ċar, waqt li jipprovdilna direzzjoni speċifika. Madankollu, f’ħafna kwistjonijiet, il-​Bibbja ma tagħmilx regoli li se jmexxuna fl-​affarijiet persunali kollha tagħna. Minflok, tagħti gwida vasta li tħalli lill-​individwu jagħżel skond il-​gosti u x-​xewqat tiegħu. Per eżempju, innota x’tgħid dwar ir-​rikreazzjoni.

L-​Iskrittura ssejjaħ lil Jehovah bħala li hu “dak Alla hieni.” (1 Timotju 1:​11, NW) Il-​Kelma tiegħu titkellem dwar “żmien li tidħak” u “żmien li tiżfen.” (Koħèlet 3:​1, 4) Il-​Bibbja tgħidilna li s-​Sultan David kien idoqq il-​mużika biex oħrajn iħossuhom tajjeb. (1 Samwel 16:​16-18, 23) Ġesù attenda festa taʼ tieġ, u għamel xi ħaġa iktar għall-​okkażjoni meta bidel l-​ilma fi nbid.—Ġwann 2:​1-10.

Madankollu, il-​Bibbja twissina b’mod xieraq: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.” (Proverbji 13:20) Iċ-​“ċajt mhux sewwa” u l-​attivitajiet immorali joffendu ’l Alla u jistgħu jkissru r-​relazzjoni tagħna miegħu. (Efesin 5:​3-5) Meta f’laqgħat soċjali l-​alkoħol jintuża mingħajr kontroll xieraq, jistgħu jirriżultaw problemi serji. (Proverbji 23:​29-35; Isaija 5:​11, 12) Ukoll, Alla Jehovah jobgħod il-​vjolenza.—Salm 11:5; Proverbji 3:31.

Dawn il-​versi Bibliċi jgħinuna nħarsu lejn ir-​rikreazzjoni mill-​ħarsa t’Alla. Meta jiġu biex jagħżlu, il-​Kristjani jikkunsidraw x’tgħid il-​Kelma t’Alla. M’għandniex xi ngħidu, ilkoll se niffaċċjaw il-​konsegwenzi tajbin jew ħżiena taʼ l-​għażliet li nagħmlu.—Galatin 6:​7-10.

Bl-istess mod, il-​Kristjani jiġu mħeġġin jieħdu deċiżjonijiet għaqlin fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi f’affarijiet bħalma huma l-​ilbies, iż-​żwieġ, it-​trobbija taʼ l-​ulied, u fin-​negozju. Dawn jinkludu kwistjonijiet li m’humiex imsemmijin b’mod speċifiku fl-​Iskrittura, iżda l-​prinċipji li hemm fiha jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-​kuxjenza. (Rumani 2:​14, 15) Il-​prinċipju li ġej japplika fid-​deċiżjonijiet persunali kollha li jieħdu l-​Kristjani: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-​glorja taʼ Alla.”—1 Korintin 10:31.

Meta niġu biex nieħdu dawn id-​deċiżjonijiet, nagħmlu tajjeb ukoll jekk nikkunsidraw il-​prinċipju taʼ li ma nindaħlux fejn ma jesagħniex. (1 Tessalonikin 4:​11, NW) Il-​Kristjani spiss jiffaċċjaw diversi għażliet li ma jmorrux kontra r-​rieda t’Alla. Għalhekk, dak li jippreferi Kristjan wieħed jistaʼ jkun differenti minn dak li jippreferu l-​oħrajn. Żgur li Alla ma jiħux gost jara lill-​qaddejja tiegħu jiġġudikaw lil xulxin. (Ġakbu 4:​11, 12) Il-​Bibbja tagħti l-​parir għaqli: “Jalla ma jkun hemm ħadd minnkom li jkollu jbati għax . . . jindaħal fejn ma jesgħux.”—1 Pietru 4:15.

Id-​Deċiżjoni li Taqdi ’l Alla

Il-​Bibbja ssemmi l-​benefiċċju taʼ li tkun qed taqdi ’l Alla. Madankollu, Alla ma jisforzax lin-​nies biex iqimuh. Minflok, hu jistieden lill-​ħlejjaq umani biex isiru aduraturi tiegħu. Per eżempju, il-​Bibbja tgħid: “Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, għarkubbtejna quddiem il-​Mulej li ħalaqna!”—Salm 95:6.

Stedina bħal din ngħatat lil Iżrael tal-​qedem. Iktar minn 3,500 sena ilu, Iżrael qagħad biswit il-​Muntanja Sinaj, u Alla għarraf lil dawk il-​miljuni taʼ nies is-​sistema taʼ reliġjon vera permezz tal-​Liġi Mosajka. Issa kellhom għażla x’jagħmlu: Kienu se jaqduh ’l Alla jew le? Kif wieġbu? Huma qalu għalenija: “Kull ma qalilna l-​Mulej [lesti, “NW”] nagħmluh, u nisimgħu minnu.” (Eżodu 24:7) Id-​deċiżjoni li jqimu lil Jehovah kienet tagħhom stess.

Fl-ewwel seklu, Ġesù beda l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Mattew 4:17; 24:14) Hu qatt ma ġiegħel lil xi ħadd biex jingħaqad miegħu f’dan ix-​xogħol. Minflok, hu b’qalb tajba stieden lil oħrajn billi qalilhom: “Ejja u imxi warajja.” (Mark 2:14; 10:21) Ħafna kienu dawk li aċċettaw l-​istedina tiegħu u bdew jippridkaw miegħu. (Luqa 10:​1-9) Wara xi żmien, xi wħud għażlu li jitilqu lil Ġesù. Ġuda għażel li jittradih. (Ġwann 6:66; Atti 1:25) Iktar tard, taħt il-​gwida taʼ l-​appostli, ħafna iktar uħud saru dixxipli, mhux għax ġew sforzati b’xi sikkina m’għonqhom, iżda għax użaw ir-​rieda ħielsa tagħhom. Huma kienu disposti sewwa u “emmnu.” (Atti 13:48; 17:34) Illum ukoll, il-​Kristjani veri jobdu minn jeddhom il-​Kelma t’Alla u jsegwu t-​tagħlim taʼ Ġesù.

Jidher ċar li Alla jixtieqna nużaw l-​abbiltà tagħna biex nagħżlu. Ukoll, hu jipprovdi gwida fil-​Bibbja biex tgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. (Salm 25:12) Fil-​qasam tad-​deċiżjonijiet persunali, kull Kristjan għandu jikkunsidra sew il-​prinċipji t’Alla. B’dan il-​mod biss nistgħu nagħtu lil Alla “qima spiritwali” bil-​qawwa tar-​raġuni.—Rumani 12:1.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja