Ismaʼ l-Leħen Ġewwieni
“In-nies tal-ġnus li m’għandhomx liġi [t’Alla] jagħmlu b’mod naturali l-affarijiet tal-liġi.”—RUMANI 2:14.
1, 2. (a) Ħafna kif aġixxew minħabba l-interess tagħhom f’oħrajn? (b) Liema rakkonti Skritturali jagħtu eżempju taʼ interess f’oħrajn?
RAĠEL t’20 sena li kien fuq pjattaforma taʼ stazzjon tal-ferrovija taħt l-art qabdu attakk epilettiku u waqaʼ fuq il-linji tal-ferrovija. Malli wieħed raġel ra dan, hu telaq idejn it-tfal bniet tiegħu u qabeż fuq il-linji. Hu ġibed lir-raġel epilettiku lejn gandott bejn il-linji tal-ferrovija, u pproteġieh mill-ferrovija li r-roti tagħha bdew iwerżqu biex tieqaf eżatt fuq rashom. Xi wħud għandhom mnejn isejħulu eroj lir-raġel li salva lill-ieħor, imma hu qal: “Individwu għandu jagħmel dak li hu tajjeb. Jien għamilt dan biex nuri qalb tajba. Mhux biex ikolli r-rikonoxximent jew il-glorja.”
2 Forsi taf lil xi ħadd li rriskja ħajtu biex jgħin lil oħrajn. Ħafna għamlu dan matul it-tieni gwerra dinjija, billi ħbew lil uħud li kienu stranġieri. Ukoll, ftakar fl-esperjenza taʼ l-appostlu Pawlu u l-275 ruħ li esperjenzaw nawfraġju f’Malta, ħdejn Sqallija. In-nies tal-post ġew jgħinu lil dawn l-istranġieri, u wrewhom “qalb tajba li ma bħalha.” (Atti 27:27–28:2) Jew xi ngħidu dwar it-tfajla Iżraelija, li għalkemm forsi ma rriskjatx ħajjitha, hi wriet interess b’qalb tajba fis-saħħa taʼ wieħed mis-Sirjani li ħatfuha? (2 Slaten 5:1-4) U aħseb dwar il-parabbola magħrufa sew li qal Ġesù dwar is-Samaritan it-tajjeb. Qassis u Levita injoraw lil Lhudi seħibhom li kien nofsu mejjet, imma wieħed Samaritan għamel minn kollox biex jgħinu. Din il-parabbola messet il-qalb taʼ nies minn diversi kulturi matul is-sekli.—Luqa 10:29-37.
3, 4. Il-fatt li hawn tant uħud li jaġixxu bla egoiżmu minkejja r-riskji, x’jgħidilna dwar it-teorija taʼ l-evoluzzjoni?
3 Veru, aħna qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom”; ħafna nies huma “feroċi” u “mingħajr imħabba għat-tajjeb.” (2 Timotju 3:1-3) Xorta waħda, m’osservajniex aħna għemejjel taʼ ħniena, forsi saħansitra bbenefikajna minnhom personalment? It-tendenza li ngħinu lil oħrajn, anki jekk dan jitlob sagrifiċċju min-naħa tagħna, hija tant komuni li xi wħud isejħulha għajnuna “umanitarja.”
4 Din ix-xewqa li tingħata għajnuna anki jekk inbatu personalment tidher fir-razez u fil-kulturi kollha, u din tikkontradixxi kwalunkwe stqarrija li l-bniedem evolva bil-liġi tal-ġungla, “is-sopravivenza taʼ l-iktar wieħed li jadatta ruħu għall-ambjent taʼ madwaru.” Francis S. Collins, ġenetiku li ħa t-tmexxija fl-isforz tal-gvern taʼ l-Istati Uniti biex ifisser il-materjal ġenetiku tal-bniedem (DNA), qal: “L-altruiżmu bla egoiżmu jippreżenta sfida kbira għall-evoluzzjonisti. . . . Ma jistax jiġi spjegat minn ġeni individwali u egoisti li huma programmati biex iżommu lilhom infushom ħajjin.” Hu qal ukoll: “Xi nies jagħtu minnhom infushom bla egoiżmu lil dawk li ma jagħmlux parti mill-grupp tagħhom, u li m’għandhom assolutament xejn komuni bejniethom. . . . Dan [l-altruiżmu] donnu ma jistaʼ jiġi spjegat b’ebda mod mit-teorija taʼ Darwin.”
“Il-Leħen tal-Kuxjenza”
5. Spiss x’ġie osservat fin-nies?
5 Dr. Collins jirreferi għal aspett wieħed taʼ l-altruiżmu tagħna: “Il-leħen tal-kuxjenza li jsejħilna biex ngħinu lil oħrajn anki jekk ma jingħata xejn lura.”a Il-fatt li hu semma l-“kuxjenza” jistaʼ jfakkarna f’xi ħaġa li enfasizza l-appostlu Pawlu: “Kulmeta n-nies tal-ġnus li m’għandhomx liġi jagħmlu b’mod naturali l-affarijiet tal-liġi, dawn in-nies, għalkemm m’għandhomx liġi, huma liġi għalihom infushom. Dawn juru li s-sustanza tal-liġi hi miktuba fi qlubhom, waqt li l-kuxjenza tagħhom qed tixhed magħhom u, fi ħsibijiethom stess, qed jiġu akkużati jew skużati.”—Rumani 2:14, 15.
6. In-nies kollha għala jridu jagħtu kont lill-Ħallieq?
6 Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu wera li l-bnedmin iridu jagħtu kont lil Alla għaliex l-eżistenza u l-kwalitajiet Tiegħu huma evidenti f’dak li nistgħu naraw. Dan kien minnu “mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem.” (Rumani 1:18-20; Salm 19:2-5 [19:1-4, NW]) Huwa minnu li ħafna jinjoraw lill-Ħallieq tagħhom u jgħixu ħajja immorali. Madankollu, ir-rieda t’Alla hi li l-bnedmin jirrikonoxxu s-sewwa tiegħu u jindmu mill-prattiki ħżiena tagħhom. (Rumani 1:22–2:6) Il-Lhud kellhom raġuni li ma setgħux jiċħduha biex jagħmlu dan—huma ngħataw il-Liġi t’Alla permezz taʼ Mosè. Imma anki n-nies li ma kellhomx “id-dikjarazzjonijiet sagri t’Alla” kien imisshom irrikonoxxew li Alla jeżisti.—Rumani 2:8-13; 3:2.
7, 8. Kemm hu komuni s-sens taʼ dak li hu sewwa, u dan x’juri?
7 Raġuni konvinċenti għala kulħadd għandu jirrikonoxxi lil Alla u jaġixxi skond dan, hi s-sens ġewwieni dwar x’inhu tajjeb u ħażin. Is-sens tagħna tas-sewwa jindika li għandna kuxjenza. Immaġina dan: Xi tfal żgħar qed jistennew wara xulxin biex jużaw bandla. Imbagħad wieħed mit-tfal imur fuq quddiem, waqt li jinjora lil dawk li qed jistennew. Ħafna jirreaġixxu billi jgħidu, ‘Mhux sew!’ Issa staqsi lilek innifsek, ‘Kif inhu li anki t-tfal b’mod spontanju juru li għandhom sens taʼ dak li hu sewwa u dak li m’huwiex?’ Il-fatt li jagħmlu dan jirrifletti s-sens morali li għandhom minn ġewwa. Pawlu kiteb: “Kulmeta n-nies tal-ġnus li m’għandhomx liġi jagħmlu b’mod naturali l-affarijiet tal-liġi.” Hu ma qalx, “Jekk xi darba,” bħallikieku din kienet xi ħaġa li rari sseħħ. Hu qal “kulmeta,” jew “meta,” billi indika li dan iseħħ spiss. Jiġifieri, in-nies “jagħmlu b’mod naturali l-affarijiet tal-liġi,” li jfisser li jiġu mqanqlin mis-sens morali li għandhom minn ġewwa biex jaġixxu fi qbil maʼ dak li naqraw fil-liġi miktuba t’Alla.
8 Din l-inklinazzjoni morali tistaʼ taraha f’ħafna pajjiżi. Professur taʼ l-Università taʼ Cambridge nnota li l-livelli tal-Babiloniżi, l-Eġizzjani, il-Griegi kif ukoll taʼ l-Aboriġini Awstraljani u taʼ dawk li oriġinaw mill-Amerika inkludew “kliem qawwi kontra l-moħqrija, il-qtil, it-tradiment u l-qerq, l-istess livelli taʼ qalb tajba lejn ix-xjuħ, iż-żgħar, u d-dgħajfin.” U Dr. Collins kiteb: “L-idea taʼ dak li hu tajjeb u ħażin tidher li hija komuni mad-dinja kollha fost il-membri kollha taʼ l-ispeċi umana.” Ma jfakkrekx dan f’Rumani 2:14?
Il-Kuxjenza Tiegħek —Kif Taħdem?
9. X’inhi l-kuxjenza, u kif tistaʼ tgħinek qabel ma taġixxi?
9 Il-Bibbja turi li l-kuxjenza hija kapaċità ġewwinija biex teżamina u tqis l-għemejjel tiegħek. Hija bħal leħen minn ġewwa li jikkummenta dwar jekk dak li tagħmel huwiex tajjeb jew le. Pawlu semma lil dan il-leħen tiegħu minn ġewwa: “Il-kuxjenza tiegħi tixhed miegħi fl-ispirtu qaddis.” (Rumani 9:1) Per eżempju, dan il-leħen jistaʼ jkellmek minn qabel meta tkun qed tikkunsidra jekk għandekx tagħmel xi ħaġa li tinvolvi xi deċiżjoni morali. Il-kuxjenza tiegħek tistaʼ tgħinek biex tqis x’se tagħmel fil-futur u tissuġġerilek kif se tħossok jekk tagħmilha.
10. Spiss kif taħdem il-kuxjenza?
10 Iktar komuni hu l-fatt li l-kuxjenza tiegħek tibda taġixxi wara li tagħmel xi ħaġa. Meta kien qed jaħrab mis-Sultan Sawl, David kien f’pożizzjoni li jagħmel xi ħaġa nieqsa mir-rispett lejn is-sultan midluk t’Alla, u hekk għamel. Wara dan, “David stess ħass il-kuxjenza tniggżu.” (1 Samwel 24:4-6 [24:1-5, NW]; Salm 32:3, 5) Il-kelma “kuxjenza” f’ċerti Bibbji ma tintużax f’dan ir-rakkont; imma dan hu dak li ħass David—ir-reazzjoni tal-kuxjenza tiegħu. Ilkoll kemm aħna ħassejna b’mod simili t-tingiż tal-kuxjenza tagħna. Għamilna xi ħaġa, u wara bdejna ninkwetaw, ansjużi minħabba kif aġixxejna. Xi nies li ma kinux iħallsu t-taxxi tant kienu turmentati mill-kuxjenza tagħhom li iktar tard ħallsu d-dejn tagħhom. Oħrajn ġew imqanqlin biex jistqarru dnub t’adulterju lis-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. (Ebrej 13:4) Madankollu, meta wieħed jaġixxi fi qbil mal-kuxjenza tiegħu, dan jistaʼ jirriżulta f’sens taʼ sodisfazzjon u paċi.
11. Għala jistaʼ jkun perikoluż li sempliċement nisimgħu mill-kuxjenza tagħna? Agħti eżempju.
11 Allura nistgħu aħna sempliċement inħallu l-kuxjenza tagħna tiggwidana? Filwaqt li huwa tajjeb li nisimgħu mill-kuxjenza tagħna, il-messaġġ tagħha jistaʼ jqarraq bina bil-kbir. Iva, il-leħen tal-“bniedem li aħna minn ġewwa” jistaʼ jqarraq bina. (2 Korintin 4:16) Ikkunsidra eżempju wieħed. Il-Bibbja tgħidilna dwar Stiefnu, segwaċi devot taʼ Kristu “kollu grazzja u qawwa.” Xi Lhud tefgħu lil Stiefnu ’l barra minn Ġerusalemm u ħaġġruh għall-mewt. Sawlu (li iktar tard sar l-appostlu Pawlu) kien wieqaf fil-qrib u ‘kien fehma waħda magħhom fil-mewt li taw’ lil Stiefnu. Milli jidher, il-Lhud tant kienu konvinti li aġixxew kif suppost li l-kuxjenza tagħhom ma niggżithomx. Dan x’aktarx li kien il-każ taʼ Sawlu wkoll, għaliex wara dan hu kien “għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej.” Jidher ċar li l-kuxjenza tiegħu ma kinitx qed tgħidlu s-sewwa.—Atti 6:8; 7:57–8:1; 9:1.
12. Liema hu mod wieħed kif il-kuxjenza tagħna jistaʼ jkun li ġiet influwenzata?
12 X’setaʼ effettwa l-kuxjenza taʼ Sawlu? Ħaġa waħda setgħet kienet il-kuntatt mill-qrib li kellu m’oħrajn. Ħafna minna ġieli tkellimna fuq it-telefon maʼ raġel li leħnu jinstemaʼ simili ħafna għal dak taʼ missieru. Sa ċertu punt, it-ton tal-leħen taʼ l-iben jistaʼ jkun li ntiret, imma jistaʼ jkun ukoll li hu ġie influwenzat mill-mod kif jitkellem missieru. B’mod simili, Sawlu setaʼ ġie effettwat minħabba l-kuntatt mill-qrib li kellu mal-Lhud li kienu jobogħdu lil Ġesù u opponew it-tagħlim tiegħu. (Ġwanni 11:47-50; 18:14; Atti 5:27, 28, 33) Iva, jistaʼ jkun li l-ħbieb taʼ Sawlu influwenzaw il-leħen li semaʼ minn ġewwa, il-kuxjenza tiegħu.
13. L-ambjent taʼ dak li jkun kif jistaʼ jeffettwa l-kuxjenza?
13 Il-kuxjenza tistaʼ wkoll tiġi effettwata mill-kultura jew l-ambjent ġenerali li wieħed jgħix fih, sewwasew bħalma l-ambjent taʼ dak li jkun jistaʼ jwassal lil xi ħadd biex jitkellem b’aċċent jew djalett. (Mattew 26:73) Dan jistaʼ jkun li seħħ fil-każ taʼ l-Assirjani tal-qedem. Huma kienu magħrufin għas-sengħa militari, u kienu jnaqqxu xeni li fihom kienu jidhru qed jittorturaw lill-ilsiera. (Naħum 2:12, 13 [2:11, 12, NW]; 3:1) In-Ninwin taʼ żmien Ġona huma deskritti bħala li “ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom.” Dan ifisser li ma kellhomx livell korrett biex jiġġudikaw dak li hu u m’huwiex xieraq mill-ħarsa t’Alla. Immaġina kif dan l-ambjent setaʼ effettwa l-kuxjenza taʼ xi ħadd li trabba f’Ninwè! (Ġona 3:4, 5; 4:11) B’mod simili llum, il-kuxjenza taʼ dak li jkun tistaʼ tkun effettwata mill-attitudni taʼ dawk taʼ madwaru.
Intejbu l-Leħen Ġewwieni
14. Il-kuxjenza tagħna kif tirrifletti dak li jgħid Ġenesi 1:27?
14 Ġeħova pprovda l-għotja taʼ kuxjenza lil Adam u Eva, u aħna writna l-kuxjenza mingħandhom. Ġenesi 1:27 jgħidilna li l-bnedmin huma magħmulin fuq xbihat Alla. Dan ma jfissirx is-sura fiżika t’Alla, għaliex huwa spirtu u aħna tad-demm u l-laħam. Aħna magħmulin fuq xbihat Alla fis-sens li għandna l-kwalitajiet tiegħu fina, inkluż sens morali b’kuxjenza li taħdem. Din ir-realtà tipprovdi indikazzjoni dwar kif nistgħu nsaħħu l-kuxjenza tagħna, billi nagħmluha iktar taʼ min joqgħod fuqha. Dan nagħmluh billi nitgħallmu iktar dwar il-Ħallieq u nersqu eqreb lejh.
15. Liema hu mod wieħed kif nistgħu nibbenefikaw meta nsiru nafu lil Missierna?
15 Il-Bibbja turina li f’ċertu sens Ġeħova hu Missier għalina lkoll. (Isaija 64:7 [64:8, NW]) Il-Kristjani leali, kemm jekk it-tama tagħhom hi għas-sema u kemm jekk li jgħixu f’ġenna taʼ l-art, jistgħu jindirizzaw lil Alla bħala Missierhom. (Mattew 6:9) Għandha tkun ix-xewqa tagħna li nersqu dejjem iktar qrib lejn Missierna, u b’hekk nitgħallmu kif hu jħares lejn l-affarijiet u nitgħallmu l-livelli tiegħu. (Ġakbu 4:8) Ħafna wħud m’għandhom ebda interess f’li jagħmlu dan. Huma bħal-Lhud li Ġesù qal dwarhom: “Intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu s-sura tiegħu; u l-kelma tiegħu ma tibqax fikom.” (Ġwanni 5:37, 38) Aħna ma smajniex il-leħen stess t’Alla, imma nistgħu nitgħallmu kif jaħsibha billi naqraw il-kelma tiegħu, u b’hekk insiru bħalu u nibdew inħossuna bħalu.
16. Ir-rakkont taʼ Ġużeppi x’jurina dwar it-taħriġ tal-kuxjenza tagħna u l-fatt li nwieġbu għaliha?
16 Ir-rakkont taʼ Ġużeppi f’dar Putifar jurina dan. Mart Putifar ipprovat tisseduċi lil Ġużeppi. Għalkemm kien jgħix fi żmien meta ebda ktieb Bibliku kien għadu ma nkiteb u l-Għaxar Kmandamenti kienu għadhom ma ngħatawx, Ġużeppi rreaġixxa billi qal: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” (Ġenesi 39:9) Hu ma kienx qed iwieġeb b’dan il-mod sempliċement biex jogħġob lill-familja tiegħu; huma kienu jgħixu ’l bogħod minnu. Primarjament hu ried jogħġob lil Alla. Ġużeppi kien jaf il-livell t’Alla għaż-żwieġ—raġel wieħed għal mara waħda, waqt li t-tnejn huma magħqudin bħala “ġisem wieħed.” U hu x’aktarx li kien semaʼ dwar kif ħassu Abimelek meta sar jaf li Rebekka kienet miżżewġa—jekk jiħodha kien ikun ħażin, u kien iġib ħtija fuq niesu. Ukoll, Ġeħova bierek ir-riżultat f’dan il-każ, u b’dan il-mod wera l-ħarsa tiegħu lejn l-adulterju. X’aktarx li minħabba li Ġużeppi kien jaf dan kollu hu saħħaħ l-effett tal-kuxjenza tiegħu li kien wiret, u dan qanqlu biex jiċħad l-immoralità sesswali.—Ġenesi 2:24; 12:17-19; 20:1-18; 26:7-14.
17. Fl-isforz tagħna biex inkunu bħal Missierna, għala ninsabu f’sitwazzjoni aħjar minn taʼ Ġużeppi?
17 M’għandniex xi ngħidu, aħna issa ninsabu f’sitwazzjoni aħjar minn taʼ Ġużeppi. Għandna l-Bibbja kollha kemm hi li minnha nitgħallmu kif jaħsibha u jħossu Missierna, inkluż x’japprova u x’jipprojbixxi. Iktar ma nkunu midħla taʼ l-Iskrittura, iktar se nersqu qrib t’Alla u iktar se nkunu bħalu. Hekk kif nagħmlu dan, dak li tgħidilna l-kuxjenza tagħna x’aktarx li se jkun jixbah iktar il-mod taʼ kif jaħsibha Missierna. Ikun iktar u iktar fi qbil mar-rieda tiegħu.—Efesin 5:1-5.
18. Minkejja l-influwenzi li setaʼ kellna fil-passat, x’nistgħu nagħmlu biex il-kuxjenza tagħna ssir iktar taʼ min joqgħod fuqha?
18 Xi ngħidu dwar il-mod kif l-ambjent jeffettwa l-kuxjenza tagħna? Jistaʼ jkun li aħna ġejna influwenzati mill-ħsibijiet u l-azzjonijiet tal-qraba tagħna u mill-ambjent ġenerali li trabbejna fih. Għalhekk, il-leħen tal-kuxjenza tagħna jistaʼ jkun li tmewwet jew tgħawweġ. Dan kellimna bl-“aċċent” t’oħrajn li jinsabu madwarna. Huwa minnu li ma nistgħux nibdlu l-passat tagħna, imma nistgħu nkunu determinati li nagħżlu ħbieb u ambjent li se jeffettwaw il-kuxjenza tagħna b’mod tajjeb. Pass fundamentali hu li nkunu regolarment maʼ Kristjani devoti li ilhom jipprovaw ikunu bħal Missierhom. Il-laqgħat tal-kongregazzjoni, inkluż is-sħubija taʼ qabel u wara, jipprovdulna opportunitajiet eċċellenti għal dan. Nistgħu ninnotaw il-mod taʼ ħsieb u r-reazzjonijiet taʼ Kristjani sħabna li huma bbażati fuq il-Bibbja, inkluż kemm huma lesti li jisimgħu mill-kuxjenza tagħhom hekk kif din tirrifletti l-ħarsa u l-mogħdijiet t’Alla. Maż-żmien, dan jistaʼ jgħinna biex inġibu l-kuxjenza tagħna fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja, u b’hekk iġġibna iktar simili għal xbihat Alla. Meta naġġustaw il-leħen ġewwieni tagħna skond il-prinċipji taʼ Missierna u nċedu għall-influwenza tajba taʼ Kristjani sħabna, il-kuxjenza tagħna se tkun iktar taʼ min joqgħod fuqha u se nkunu iktar inklinati li nagħtu widen għal dak li tgħidilna.—Isaija 30:21.
19. Liema aspetti oħrajn tal-kuxjenza huwa xieraq li nikkunsidraw?
19 Xorta waħda, xi wħud jissieltu kuljum biex iwieġbu għall-kuxjenza tagħhom. L-artiklu li jmiss se jikkunsidra xi sitwazzjonijiet li ffaċċjaw xi Kristjani. Billi neżaminaw sitwazzjonijiet bħal dawn, aħna nistgħu naraw b’mod iktar ċar l-irwol tal-kuxjenza tagħna, għala l-kuxjenzi jistgħu jvarjaw, u kif nistgħu nwieġbu iktar għal-leħen tal-kuxjenza.—Ebrej 6:11, 12.
[Nota taʼ taħt]
a B’mod simili, Owen Gingerich, professur tar-riċerka astronomika fl-Università taʼ Harvard, kiteb: “L-altruiżmu jistaʼ tabilħaqq iqajjem mistoqsija mingħajr . . . tweġiba xjentifika li tistaʼ tittieħed minn osservazzjoni tal-qasam taʼ l-annimali. Jistaʼ sempliċement ikun li t-tweġiba iktar konvinċenti tinsab f’qasam differenti għalkollox u hija konnessa mal-kwalitajiet umanitarji mogħtijin minn Alla li jinkludu l-kuxjenza.”
X’Tgħallimt?
• Għala sens taʼ dak li hu tajjeb u ħażin, jew kuxjenza, instab fil-kulturi kollha?
• Għala għandna bżonn noqogħdu attenti dwar li nħallu l-kuxjenza tagħna biss tiggwidana?
• Liema huma xi modi kif nistgħu ntejbu l-leħen li nisimgħu minn ġewwa?
[Stampi f’paġna 23]
Lil David niggżitu l-kuxjenza imma . . .
dan ma kienx minnu dwar Sawlu taʼ Tarsu
[Stampa f’paġna 24]
Aħna nistgħu nħarrġu l-kuxjenza tagħna