LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 11/15 pp. 23-27
  • Intom “issa l-poplu t’Alla”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Intom “issa l-poplu t’Alla”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​POPLU L-​ĠDID T’ALLA
  • “POPLU GĦAL ISMU”
  • TWELID MILL-​ĠDID TAL-​POPLU T’ALLA
  • “AĦNA SE NIĠU MAGĦKOM”
  • KUN PROTETT MAL-​POPLU TAʼ ĠEĦOVA
  • Xhieda Kristjani b’Ċittadinanza tas-Sema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Imweldin fil-Ġens Magħżul minn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “L-Iżrael t’Alla” u l-“Folla Kbira”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • “Ara, Jien Magħkom il-Jiem Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 11/15 pp. 23-27
L-ispirtu qaddis qed jiġi mferraʼ fuq l-appostli u d-dixxipli taʼ Kristu f’Pentekoste tas-sena 33 EK

Intom “issa l-​poplu t’Alla”

“Darba ma kontux poplu, imma issa [sirtu] l-​poplu t’Alla.”—1 PT. 2:10.

TAF TWIEĠEB?

  • Min sar il-​poplu l-​ġdid taʼ Ġeħova fl-​ewwel seklu?

  • Il-​Kristjani veri fl-​ewwel seklu, b’liema mod kienu poplu għal isem Ġeħova?

  • Min huwa l-​poplu taʼ Ġeħova llum, u n-​“nagħaġ oħrajn” x’għandhom jagħmlu biex jiġu protetti matul it-​‘tribulazzjoni l-​kbira’?

1, 2. (a) X’bidla saret f’Pentekoste tas-​sena 33 EK? (b) Min kienu l-​ewwel membri tal-​ġens il-​ġdid taʼ Ġeħova? (Ara l-​ewwel stampa.)

F’PENTEKOSTE tas-​sena 33 EK, Ġeħova għamel bidla kbira fl-​istorja. Hu għamel ġens ġdid li jissejjaħ “l-​Israel t’Alla,” jew Iżrael spiritwali. (Gal. 6:16) Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jagħżel il-​membri individwali għal dan il-​ġens. Għall-​ewwel darba, il-​poplu t’Alla ma kellux bżonn jagħmel iċ-​ċirkonċiżjoni bl-​istess mod kif kienu jagħmlu fi żmien Abraham. Minflok, rigward kull membru taʼ dan il-​ġens il-​ġdid, Pawlu kiteb: “Iċ-​ċirkonċiżjoni tiegħu hi dik fil-​qalb bl-​ispirtu.”—Rum. 2:29.

2 L-​ewwel membri tal-​ġens il-​ġdid t’Alla kienu l-​appostli u iktar minn 100 dixxiplu ieħor taʼ Kristu li kienu ltaqgħu flimkien f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Atti 1:12-​15) Alla ferraʼ l-​ispirtu qaddis fuqhom, u saru wlied Alla. (Rum. 8:15, 16; 2 Kor. 1:21) Dan ta prova li Ġeħova kien aċċetta s-​sagrifiċċju taʼ Kristu u biddel il-​patt tal-​Liġi maʼ patt ġdid. (Lq. 22:20; aqra Ebrej 9:15.) B’hekk, dawn id-​dixxipli saru membri tal-​ġens il-​ġdid taʼ Ġeħova, il-​poplu l-​ġdid tiegħu. L-​ispirtu qaddis tahom l-​abbiltà li jitkellmu u jifhmu ħafna lingwi u li jgħallmu “l-​affarijiet grandjużi t’Alla.”—Atti 2:1-​11.

IL-​POPLU L-​ĠDID T’ALLA

3-5. (a) Pietru x’qal lil-​Lhud f’Pentekoste? (b) Il-​ġens il-​ġdid kif kiber fil-​bidu tal-​ewwel seklu?

3 Ġeħova uża l-​appostlu Pietru biex jistieden lil-​Lhud u l-​proseliti ħalli jsiru membri tal-​ġens il-​ġdid Tiegħu, il-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. F’Pentekoste, Pietru b’kuraġġ qal lil-​Lhud li huma għandhom jaċċettaw lil Ġesù, ir-​raġel li kienu ‘sammru maʼ zokk,’ għax “Alla għamlu kemm Mulej u kemm Kristu.” Meta l-​folla saqsiet x’għandha tagħmel, Pietru wieġeb: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu għall-​maħfra tad-​dnubiet, u tirċievu l-​ispirtu qaddis bħala għotja b’xejn.” (Atti 2:22, 23, 36-​38) Dakinhar, madwar 3,000 persuna żdiedu mal-​ġens il-​ġdid taʼ Iżrael spiritwali. (Atti 2:41) Imbagħad, l-​appostli komplew jippritkaw b’żelu, u aktar nies aċċettaw il-​verità. (Atti 6:7) Il-​ġens il-​ġdid kien qed jikber.

4 Iktar tard, id-​dixxipli taʼ Ġesù bdew jippritkaw b’suċċess lis-​Samaritani. Ħafna tgħammdu mill-​evanġelizzatur Filippu, imma ma rċivewx l-​ispirtu qaddis mill-​ewwel. Il-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm bagħtet żewġ appostli, Pietru u Ġwanni, għand dawn l-​aħwa rġiel u nisa ġodda Samaritani, u “qiegħdu idejhom fuqhom, u bdew jirċievu l-​ispirtu qaddis.” (Atti 8:5, 6, 14-​17) Għaldaqstant, dawn is-​Samaritani wkoll saru membri midlukin bl-​ispirtu taʼ Iżrael spiritwali.

Pietru jidħol fid-dar taʼ Kornelju

Pietru pprietka lil Kornelju u lil qraba u ħbieb tiegħu (Ara paragrafu 5)

5 Fis-​sena 36 EK, Alla uża lil Pietru biex jistieden lil grupp ieħor fil-​ġens il-​ġdid taʼ Iżrael spiritwali. Dan ġara meta Pietru pprietka lil Kornelju, fizzjal Ruman tal-​armata, u lil qraba u ħbieb tiegħu. (Atti 10:22, 24, 34, 35) Il-​Bibbja tgħid li waqt li Pietru kien għadu qed jitkellem, “niżel l-​ispirtu qaddis fuq dawk kollha [mhux Lhud] li kienu qed jisimgħu l-​kelma. U stagħġbu l-​irġiel leali li kienu ġew maʼ Pietru u li kienu miċ-​ċirkonċiżi, għax l-​ispirtu qaddis, l-​għotja b’xejn, kien qed jitferraʼ wkoll fuq in-​nies tal-​ġnus.” (Atti 10:44, 45) Minn dakinhar ’il quddiem, dawk li ma kinux Lhud ċirkonċiżi kienu mistiedna biex ikunu parti minn Iżrael spiritwali.

“POPLU GĦAL ISMU”

6, 7. Il-​membri tal-​ġens il-​ġdid x’għamlu bħala ‘poplu għal isem Ġeħova’?

6 F’laqgħa tal-​ġemgħa li tiggverna tal-​Kristjani tal-​ewwel seklu li saret fis-​sena 49 EK, id-​dixxiplu Ġakbu qal: “Simgħon [Pietru] irrakkonta bir-​reqqa kif għall-​ewwel darba Alla dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Dan il-​‘poplu l-​ġdid għal ismu’ kien magħmul minn Kristjani Lhud u Kristjani mhux Lhud li Alla għamilhom f’ġens wieħed. (Rum. 11:25, 26a) Imbagħad, Pietru kiteb: “Darba ma kontux poplu, imma issa [sirtu] l-​poplu t’Alla.” Pietru spjega l-​iskop taʼ dan il-​ġens il-​ġdid billi qal: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-​kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.” (1 Pt. 2:9, 10) Kellhom ikunu xhieda kuraġġużi għal Ġeħova u jfaħħruh fil-​pubbliku bħala s-​Sovran Universali.

7 Ġeħova issa kien qed juża lill-​ġens il-​ġdid taʼ Iżrael spiritwali u setaʼ jsejħilhom “il-​poplu li sawwart għalija, sabiex jirrakkonta dwari affarijiet li jistħoqqilhom tifħir.” (Is. 43:21) B’kuraġġ qalu lin-​nies li Ġeħova hu l-​uniku Alla veru u li l-​allat l-​oħra kollha huma foloz. (1 Tess. 1:9) Kienu xhieda taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù “f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.”—Atti 1:8; Kol. 1:23.

8. L-​appostlu Pawlu liema twissija ta lill-​poplu t’Alla tal-​ewwel seklu?

8 Pawlu kien xhud kuraġġuż għal Ġeħova u ddefendieh bħala li hu l-​uniku Alla veru, anki meta tkellem maʼ filosfi pagani. Pawlu rraġuna li Ġeħova “għamel id-​dinja u kulma fiha, peress li Hu l-​Mulej tas-​sema u l-​art.” (Atti 17:18, 23-​25) Lejn l-​aħħar tat-​tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu wissa lill-​poplu t’Alla: “Jien naf li wara t-​tluq tiegħi jidħlu fostkom ilpup ħorox li ma jittrattawx lill-​merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) Sat-​tmiem tal-​ewwel seklu, diġà kien hemm ħafna apostati.—1 Ġw. 2:18, 19.

9. Il-​poplu t’Alla xi ġralu wara li l-​appostli mietu?

9 Wara li mietu l-​appostli, l-​apostasija tferrxet mal-​kongregazzjonijiet, u fformaw il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Minflok ma jkunu poplu għal isem Ġeħova, dawn il-​Kristjani foloz neħħew isem Alla minn ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja. Barra minn hekk, huma ddiżonoraw ’l Alla b’ħafna modi oħra. Segwew ritwali pagani u għallmu duttrini li mhumiex mill-​Bibbja. Iġġieldu “gwerer qaddisin” u sostnew li qed jiġġieldu f’isem Alla. Kienu korrotti u immorali sesswalment. Għal mijiet taʼ snin, wara li bdiet l-​apostasija, kien hemm biss ftit aduraturi taʼ Ġeħova leali fuq l-​art u ma kien hemm ebda grupp organizzat li kien “poplu għal ismu.”

TWELID MILL-​ĠDID TAL-​POPLU T’ALLA

10, 11. (a) Ġesù x’bassar dwar “il-​qamħ” u “s-​sikrana”? (b) Il-​parabbola taʼ Ġesù kif twettqet wara l-​1914, u x’kien ir-​riżultat?

10 Ġesù uża l-​parabbola tal-​qamħ u s-​sikrana biex jgħid bil-​quddiem li l-​apostasija kienet se tagħmilha diffiċli ħafna biex dak li jkun jagħraf ir-​reliġjon vera. Hu qal li ‘waqt li n-​nies ikunu reqdin,’ ix-​Xitan kien se jiżraʼ s-​sikrana fl-​għelieqi fejn Bin il-​bniedem kien żeraʼ ż-​żerriegħa tal-​qamħ. Il-​qamħ u s-​sikrana kienu se jikbru flimkien sal-​“konklużjoni tas-​sistema.” Ġesù spjega li “ż-​żerriegħa t-​tajba” tirrappreżenta lil “ulied is-​saltna” u li “s-​sikrana” tirrappreżenta lil “ulied il-​Ħażin.” Matul l-​aħħar żminijiet, Bin il-​bniedem kien se jibgħat lill-​“ħassada,” jiġifieri l-​anġli, biex jisseparaw il-​qamħ mis-​sikrana. Ulied is-​Saltna kienu se jinġabru. (Mt. 13:24-​30, 36-​43) Dan kif kellu jiġri? Dan kif għamilha possibbli għal Alla biex jerġaʼ jkollu grupp organizzat t’aduraturi fuq l-​art?

11 “Il-​konklużjoni tas-​sistema” bdiet fl-​1914. Matul il-​gwerra li faqqgħet f’dik is-​sena, il-​ftit eluf taʼ Kristjani midlukin, jiġifieri “wlied is-​saltna,” kienu lsiera f’sens spiritwali f’Babilonja l-​Kbira. Fl-​1919, Ġeħova ħelishom u għamel ċar id-​differenza li hemm bejnhom u bejn “is-​sikrana,” jiġifieri l-​Kristjani foloz. Hu ġabar lil “ulied is-​saltna” f’poplu organizzat, eżatt bħalma pprofetizza Isaija: “Sejra art tinġieb bl-​uġigħ tal-​ħlas f’jum wieħed? Jew sejjer ġens jitwieled f’darba waħda? Għax lil Sijon bdielha l-​uġigħ tal-​ħlas kif ukoll wildet lil uliedha.” (Is. 66:8) F’dan il-​kuntest, Sijon hi l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova magħmula mill-​anġli. Sijon “wildet” meta nħalaq il-​ġens taʼ wlied midluka fuq l-​art.

12. Il-​midlukin kif urew li huma ‘poplu għal isem Ġeħova’?

12 Eżatt bħall-​Kristjani tal-​bidu, “ulied is-​saltna” midlukin kellhom ikunu xhieda taʼ Ġeħova. (Aqra Isaija 43:1, 10, 11.) Huma kellhom jispikkaw bħala nies differenti minħabba l-​kondotta Kristjana tajba tagħhom u minħabba li jippritkaw “din l-​aħbar tajba tas-​saltna . . . bħala xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mt. 24:14; Flp. 2:15) B’dan il-​mod, għenu lil miljuni jiżviluppaw relazzjoni personali mill-​qrib maʼ Ġeħova.—Aqra Danjel 12:3.

“AĦNA SE NIĠU MAGĦKOM”

13, 14. (a) Dawk li mhumiex midlukin, kif jistgħu jqimu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli? (b) Dan kif kien imbassar fil-​profeziji tal-​Bibbja?

13 L-​artiklu taʼ qabel wera li f’Iżrael tal-​qedem, Ġeħova aċċetta l-​qima taʼ dawk li ma kinux Iżraelin meta kienu jqimu mal-​poplu tiegħu. (1 Slat. 8:41-​43) Illum, dawk li mhumiex midlukin għandhom iqimu lil Ġeħova max-​Xhieda midlukin tiegħu.

14 Ħafna żmien ilu, xi profeti qalu bil-​quddiem li ħafna kienu se jqimu lil Ġeħova mal-​poplu tiegħu f’dan iż-​żmien tal-​aħħar. Isaija bassar: “Ħafna popli jmorru u jgħidu: ‘Ejjew, ħa nitilgħu lejn il-​muntanja taʼ Ġeħova, lejn id-​dar taʼ l-​Alla taʼ Ġakobb; u hu jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.’ Għax minn Sijon toħroġ il-​liġi, u l-​kelma taʼ Ġeħova minn Ġerusalemm.” (Is. 2:2, 3) Bl-​istess mod, il-​profeta Żakkarija bassar li “ħafna popli u ġnus setgħanin se jiġu biex ifittxu lil Ġeħova taʼ l-​armati f’Ġerusalemm u biex ifittxu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.” Żakkarija ddeskriviehom bħala “għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” li, f’sens simboliku, kienu se jaqbdu tarf il-​libsa taʼ Iżrael spiritwali. Dawn l-​għaxart irġiel jgħidu: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żak. 8:20-​23.

15. Xi jfisser li n-​“nagħaġ oħrajn” ‘se jmorru’ mal-​Iżraelin spiritwali?

15 In-​“nagħaġ oħrajn” ‘se jmorru’ mal-​Iżraelin spiritwali billi jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Mk. 13:10) Huma jsiru parti mill-​poplu t’Alla. Huma u l-​midlukin huma “merħla waħda” mmexxijin mir-​“ragħaj mill-​aħjar,” jiġifieri Kristu Ġesù.—Aqra Ġwanni 10:14-​16.

KUN PROTETT MAL-​POPLU TAʼ ĠEĦOVA

16. Ġeħova x’se jagħmel biex jagħti bidu għal Armageddon?

16 Wara li Babilonja l-​Kbira tiġi meqruda, se jkun hemm attakk sfrenat fuq il-​poplu t’Alla. Se jkollna bżonn il-​protezzjoni taʼ Ġeħova biex nibqgħu ħajjin. Fiż-​żmien magħżul minnu, Ġeħova se jidderieġi l-​affarijiet fuq l-​art, u dan se jwassal għal attakk fuq il-​poplu tiegħu. Dan se jagħti bidu għall-​aħħar parti tat-​‘tribulazzjoni l-​kbira,’ jiġifieri Armageddon. (Mt. 24:21; Eżek. 38:2-​4) F’dak iż-​żmien, Gog se jattakka “poplu miġbur [mill-​ġdid] mill-​ġnus,” jiġifieri l-​poplu taʼ Ġeħova. (Eżek. 38:10-​12) Meta jiġri dan, Ġeħova mill-​ewwel se jsalva lill-​poplu tiegħu u jagħmel gwerra kontra Gog u l-​armata tiegħu. Ġeħova se jigglorifika s-​sovranità tiegħu u jqaddes lil ismu. Hu jgħid: “Ċertament li se . . . ngħarraf min jien quddiem għajnejn ħafna ġnus; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”—Eżek. 38:18-​23.

Kongregazzjoni taʼ żmienna tiltaqaʼ bil-moħbi f’kantina

Matul ‘it-tribulazzjoni l-kbira,’ se jkollna bżonn nassoċjaw mill-qrib mal-kongregazzjoni lokali tagħna (Ara paragrafi 16-18)

17, 18. (a) Meta Gog jattakka l-​poplu taʼ Ġeħova, liema istruzzjonijiet se jirċievi l-​poplu? (b) Jekk irridu l-​protezzjoni taʼ Ġeħova, x’għandna bżonn nagħmlu?

17 Meta Gog jibda l-​attakk, Ġeħova se jgħid lill-​qaddejja tiegħu: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-​kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-​bibien tiegħek warajk. Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-​kundanna.” (Is. 26:20) F’dak il-​ħin importanti, Ġeħova se jagħtina istruzzjonijiet li se jsalvawna, u “l-​kmamar taʼ ġewwa” jistgħu jkunu konnessi mal-​kongregazzjonijiet lokali tagħna.

18 Għaldaqstant, jekk nixtiequ nibbenefikaw mill-​protezzjoni taʼ Ġeħova matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, jeħtieġ li nagħrfu li Ġeħova għandu poplu fuq l-​art, organizzat f’kongregazzjonijiet. Hemm bżonn li nuru li aħna man-​naħa tal-​poplu taʼ Ġeħova u nibqgħu nassoċjaw mill-​qrib mal-​kongregazzjoni lokali. B’qalbna kollha, jalla ningħaqdu mas-​salmista f’li nxandru: “Is-​salvazzjoni hi taʼ Ġeħova. Il-​barka tiegħek qiegħda fuq il-​poplu tiegħek.”—Salm 3:8.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja