LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 5/1 pp. 13-19
  • Min Se “Joħroġ Salv”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Se “Joħroġ Salv”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żewġ Twettiqiet tal-​Profezija
  • Kif Se Nsejħu Isem Jehovah?
  • Ġenna Spiritwali
  • L-​Aħħar taʼ Sistema t’Affarijiet
  • Attakk Li Ġie mit-Tramuntana!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Saħħaħna l-Fiduċja Tagħna f’Ġeħova Għax Issaportejna l-Provi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Żomm Qrib f’Moħħok il-Jum taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Ħu Bħala Mudell lill-Profeti —Ġoel
    Il-Ministeru tas-Saltna—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 5/1 pp. 13-19

Min Se “Joħroġ Salv”?

“Jiġri li kull min isejjaħ isem il-​Mulej [Jehovah] ikun salv.”—ATTI 2:21.

1. Pentekoste tas-​sena 33 E.K. għala kien jum kruċjali fl-​istorja tad-​dinja?

PENTEKOSTE tas-​sena 33 E.K. kien jum kruċjali fl-​istorja tad-​dinja. Għala? Għaliex dak in-​nhar twieled ġens ġdid. Għall-​ewwel, dan ma kienx xi ġens kbir ħafna​—numru żgħir taʼ 120 dixxiplu taʼ Ġesù li kienu nġabru f’kamra fis-​sular taʼ fuq f’Ġerusalemm. Imma llum, meta l-​biċċa l-​kbira tal-​ġnus li eżistew dakinhar intesew, il-​ġens imwieled f’dik il-​kamra taʼ fuq għadu magħna. Dan il-​fatt huwa taʼ importanza kbira għalina lkoll, ladarba dan huwa l-​ġens maħtur minn Alla biex ikun ix-​xhud tiegħu quddiem l-​umanità.

2. Liema ġrajjiet mirakolużi mmarkaw it-​twelid tal-​ġens il-​ġdid?

2 Meta dak il-​ġens il-​ġdid beda jeżisti, seħħew ġrajjiet importanti li wettqu l-​kliem profetiku taʼ Ġoel. Naqraw dwar dawn il-​ġrajjiet f’Atti 2:2-4: “F’daqqa waħda ġie mis-​sema ħoss bħal taʼ riħ qawwi, u mela d-​dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-​nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Mtlew ilkoll bl-​Ispirtu s-​Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma l-​Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.” B’dan il-​mod dawk il-​120 raġel u mara leali saru ġens spiritwali, l-​ewwel membri taʼ dak li iktar tard l-​appostlu Pawlu sejjaħlu l-​“Iżrael taʼ Alla.”—Galatin 6:16.

3. Liema profezija taʼ Ġoel twettqet f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K.?

3 Inġabru folol taʼ nies biex jinvestigaw ir-​“riħ qawwi,” u l-​appostlu Pietru spjegalhom li kienet qiegħda titwettaq waħda mill-​profeziji taʼ Ġoel. Liema profezija? Sewwa, ismaʼ x’qal: “‘U jiġri fl-​aħħar jiem, jgħid Alla, li jiena [n]sawwab mill-​Ispirtu tiegħi fuq kull bniedem[,] u jħabbru wliedkom, subjien u bniet, u ż-​żgħażagħ tagħkom jaraw dehriet, u x-​xjuħ tagħkom joħolmu ħolmiet; u wkoll fuq il-​qaddejja tiegħi, rġiel u nisa, nsawwab f’dawk il-​jiem mill-​ispirtu tiegħi[,] u jħabbru. U jien nagħmel għeġubijiet fl-​għoli tas-​smewwiet[,] u sinjali isfel fl-​art: demm u nar u dħaħen kbar. Ix-​xemx tinbidel fi dlam, u l-​qamar f’demm[,] qabel ma jasal jum il-​Mulej, jum kbir u glorjuż. U jiġri li kull min isejjaħ isem il-​Mulej ikun salv.’” (Atti 2:17-21) Il-​kliem li kkwota Pietru jinstab f’​Ġoel 3:1-5 [Ġoel 2:28-32, NW], u t-​twettiq tiegħu kien ifisser li ma kienx baqaʼ wisq żmien għall-​ġens Lhudi. Il-​“jum kbir u glorjuż” taʼ Jehovah, żmien taʼ rendikont għal Iżrael żleali, kien fil-​qrib. Imma min kellu jiġi salvat, jew meħlus? U dan x’kien qed juri bil-​quddiem?

Żewġ Twettiqiet tal-​Profezija

4, 5. Fid-​dawl tal-​ġrajjiet li kienu resqin, Pietru ta liema parir, u dak il-​parir għala ma kienx japplika biss għal żmienu?

4 Fis-​snin taʼ wara s-​sena 33 E.K., Iżrael spiritwali t’Alla ffjorixxa, imma l-​ġens taʼ Iżrael tal-​laħam m’għamilx hekk. Fis-​sena 66 E.K., l-​Iżrael tal-​laħam kien fi gwerra kontra Ruma. Fis-​sena 70 E.K., Iżrael kważi ma baqax jeżisti, u Ġerusalemm flimkien mat-​tempju tagħha ġiet maħruqa għalkollox. F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Pietru ta parir mill-​aħjar fid-​dawl taʼ dik it-​traġedja li kienet riesqa. Billi reġaʼ kkwota lil Ġoel, hu qal: “Kull min isejjaħ isem il-​Mulej ikun salv.” Kull Lhudi individwali kellu jagħmel deċiżjoni persunali biex isejjaħ isem Jehovah. Dan kien jinkludi li jagħti kas l-​istruzzjonijiet li kompla jagħti Pietru: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-​isem taʼ Ġesù Kristu għall-​maħfra taʼ dnubietkom.” (Atti 2:38) Dawk li kienu qegħdin jisimgħu lil Pietru kellhom jaċċettaw lill-​Messija, dak li lilu Iżrael bħala ġens kien ċaħdu.

5 Dak il-​kliem profetiku taʼ Ġoel kellu impatt qawwi fuq uħud ġwejdin fl-​ewwel seklu. Madankollu, dan għandu impatt iktar qawwi llum għaliex, kif juru l-​ġrajjiet fis-​seklu 20, kien hemm it-​tieni twettiq tal-​profezija taʼ Ġoel. Ejjew naraw kif.

6. L-​identità taʼ l-​Iżrael t’Alla kif bdiet tiċċara hekk kif qorbot is-​sena 1914?

6 Wara l-​mewt taʼ l-​appostli, l-​Iżrael t’Alla ġie moħbi mis-​sikrana tal-​Kristjanità falza. Madankollu, matul iż-​żmien taʼ l-​aħħar, li beda fl-​1914, l-​identità taʼ dan il-​ġens spiritwali reġgħet għal darb’oħra saret ċara. Dan kollu kien bi twettiq tal-​parabbola taʼ Ġesù tal-​qamħ u s-​sikrana. (Mattew 13:24-30, 36-43) Hekk kif qorbot is-​sena 1914, il-​Kristjani midlukin bdew jisseparaw lilhom infushom mill-​Kristjaneżmu żleali, billi ċaħdu bil-​qlubija d-​duttrini foloz tiegħu u ppridkaw dwar it-​tmiem li kien ġej taʼ “żmien il-​ġnus.” (Luqa 21:24) Imma l-​ewwel gwerra dinjija, li faqqgħet fl-​1914, qajmet kwistjonijiet li ma kinux ippreparati għalihom. Taħt pressjoni intensa, ħafna battew, u xi wħud għamlu kompromess. Sa l-​1918 l-​attività taʼ ppridkar tagħhom kienet kważi waqfet.

7. (a) Liema ġrajja simili għal Pentekoste tas-​sena 33 E.K. seħħet fl-​1919? (b) Mill-​1919 ’l hawn, liema effett kellu t-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu t’Alla fuq il-​qaddejja taʼ Jehovah?

7 Xorta waħda, dan ma damx għal ħafna żmien. Mill-​1919, Jehovah beda jferraʼ l-​ispirtu tiegħu fuq il-​poplu tiegħu b’mod li jfakkarna f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. M’għandniex xi ngħidu, fl-​1919 ma kienx hemm uħud li jitkellmu bl-​ilsna u l-​ebda ħoss bħal taʼ riħ qawwi. Mill-​kliem taʼ Pawlu ddokumentat fl-​1 Korintin 13:8 nifhmu li ż-​żmien tal-​mirakli kien ilu li spiċċa. Minkejja dan, l-​ispirtu t’Alla kien evidenti b’mod ċar fl-​1919 meta, waqt konvenzjoni f’Cedar Point, Ohio, fl-​Istati Uniti, il-​Kristjani leali reġgħu ngħataw il-​ħajja u għal darb’oħra bdew ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Fl-​1922 reġgħu ltaqgħu f’Cedar Point u ġew imħeġġin għall-​azzjoni bl-​appell “Irriklamaw, irriklamaw, irriklamaw is-​Sultan u s-​saltna tiegħu.” Bħalma kien ġara fl-​ewwel seklu, id-​dinja ġiet imġiegħla tagħti kas l-​effetti tat-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu t’Alla. Kull Kristjan dedikat​—maskil u femminil, żgħir u kbir—​beda “jipprofetizza,” jiġifieri, jiddikjara “l-​għeġubijiet taʼ Alla.” (Atti 2:11) Bħal Pietru, huma ħeġġew lil uħud ġwejdin: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-​nisel ħażin.” (Atti 2:40) Uħud li taw kas kif setgħu jagħmluh dan? Billi jisimgħu mill-​kliem taʼ Ġoel misjub f’​Ġoel 3:5 [Ġoel 2:32, NW]: “Kull min isejjaħ isem il-​Mulej jinħeles [“joħroġ salv,” NW].”

8. L-​affarijiet taʼ l-​Iżrael t’Alla kif imxew ’il quddiem mill-​1919 ’l hawn?

8 Minn dawk is-​snin bikrin ’l hawn, l-​affarijiet taʼ l-​Iżrael t’Alla mxew ’il quddiem. L-​issiġillar tal-​midlukin jidher li hu avanzat ġmielu, u mis-​snin tletin ’l hawn daħlet fix-​xena folla kbira taʼ wħud ġwejdin b’tama għall-​art. (Apokalissi 7:3, 9) Kulħadd iħoss sens t’urġenza, għaliex it-​tieni twettiq taʼ Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW] juri li ninsabu qrib lejn jum taʼ Jehovah li jqanqal il-​biżaʼ saħansitra akbar, meta se tinqered sistema dinjija t’affarijiet reliġjuża, politika, u kummerċjali. Għandna kull raġuni għalfejn ‘insejħu isem il-​Mulej [Jehovah]’ b’fidi sħiħa li se jsalvana!

Kif Se Nsejħu Isem Jehovah?

9. X’inhuma xi affarijiet li huma involuti f’li nsejħu isem Jehovah?

9 X’hemm involut f’li nsejħu isem Jehovah? Il-​kuntest taʼ Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW] jgħinna nwieġbu din il-​mistoqsija. Per eżempju, Jehovah ma jagħtix widen lil kulmin isejjaħlu. Skond profeta ieħor, Isaija, Jehovah qal lil Iżrael: “Meta intom tiftħu jdejkom, jien inwarrab għajnejja minnkom; ukoll jekk tkattru t-​talb, jien ma nismagħkomx.” Jehovah għala rrifjuta li jagħtih widen lill-​ġens tiegħu stess? Hu nnifsu jispjega: “Għax idejkom mimlija demm.” (Isaija 1:15) Jehovah m’huwiex se jismaʼ lil min hu ħati taʼ demm jew lil min qiegħed jipprattika d-​dnub. Kien għalhekk li Pietru qal lil-​Lhud f’Pentekoste biex jindmu. Fil-​kuntest taʼ Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW], insibu li Ġoel ukoll jenfasizza l-​indiema. Per eżempju, f’Ġoel 2:12, 13, naqraw: “Iżda mqar issa, oraklu tal-​Mulej, erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, bis-​sawm, bil-​biki, u bl-​ilfiq. Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom, u erġgħu duru lejn il-​Mulej, Alla tagħkom, għax hu twajjeb u ħanin, tqil biex jinkorla, u kollu tjieba.” Mill-​1919 ’l hawn, Kristjani midlukin aġixxew fi qbil maʼ dak il-​kliem. Huma nidmu min-​nuqqasijiet tagħhom u kienu ddeterminati li qatt iktar ma jagħmlu kompromess jew ibattu fix-​xogħol. Dan fetaħ it-​triq biex jiġi mferraʼ l-​ispirtu t’Alla. Kull individwu li jrid isejjaħ isem Jehovah u jiġi mismugħ irid isegwi l-​istess korsa.

10. (a) X’inhi l-​indiema vera? (b) Jehovah kif iwieġeb għall-​indiema vera?

10 Ftakar, indiema vera hija iktar milli sempliċement tgħid, “Jiddispjaċini.” L-​Iżraeliti kienu jċarrtu l-​ilbiesi taʼ fuq tagħhom biex juru l-​intensità tas-​sentimenti tagħhom. Imma Jehovah jgħid: “Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom.” Indiema vera tiġi mill-​qalb, mill-​fond taʼ ġewwa fina. Din tinkludi li nagħtu daharna lill-​għemil ħażin, saħansitra bħalma naqraw f’Isaija 55:7: “Ħa jħalli triqtu l-​midneb, u l-​bniedem il-​ħażin fehmietu; ħa jerġaʼ lura għand il-​Mulej.” Tinvolvi li nobogħdu d-​dnub, l-​istess bħalma għamel Ġesù. (Lhud 1:9) Imbagħad, nafdaw f’Jehovah biex jaħfrilna fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju tar-​rahan għaliex Jehovah hu “twajjeb u ħanin, tqil biex jinkorla, u kollu tjieba.” Hu se jaċċetta l-​qima tagħna, l-​offerta spiritwali tagħna taʼ l-​ikel u tax-​xorb. Hu se jagħti widen meta nsejħu ismu.—Ġoel 2:13, 14.

11. Il-​qima vera liema post għandu jkollha f’ħajjitna?

11 Fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù tana xi ħaġ’oħra x’inżommu f’moħħna meta qal: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla.” (Mattew 6:33) Il-​qima tagħna m’għandhiex titqies b’mod każwali, bħala xi ħaġa li nagħmluha biex ngħidu li għamilnieha ħalli nikkwietaw il-​kuxjenza tagħna. Is-​servizz tagħna lejn Alla jixraqlu l-​ewwel post f’ħajjitna. B’hekk, permezz taʼ Ġoel, Jehovah jkompli jgħidilna: “Doqqu t-​tromba f’Sijon! . . . Iġbru l-​poplu, qaddsu l-​ġemgħa; għajjtu x-​xjuħ, iġbru t-​tfal, u t-​trabi tal-​ħalib! Ħa joħroġ l-​għarus minn ġo kamartu u l-​għarusa mill-​kmajra tagħha!” (Ġoel 2:15, 16) Hija xi ħaġa naturali għal miżżewġin friski li jiġu distratti, billi jkun moħħhom biss f’xulxin. Imma anki għalihom, is-​servizz tagħhom lejn Jehovah jrid jiġi l-​ewwel. Xejn m’għandu jiġi qabel il-​ġbir tagħna flimkien quddiem Alla tagħna, u li nsejħu ismu.

12. Liema potenzjal għal tkabbir jidher mir-​rapport tal-​Mafkar tas-​sena l-​oħra?

12 B’dan f’moħħna, ejjew nikkunsidraw statistika li ħarġet mir-​Rapport tas-​Sena taʼ Servizz 1997 tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Is-​sena l-​oħra kellna quċċata taʼ 5,599,931 pubblikatur tas-​Saltna​—verament folla kbira taʼ wħud li jfaħħru! L-​attendenza għall-​Mafkar kienet taʼ 14,322,226​—madwar tmien miljuni u nofs iktar min-​numru taʼ pubblikaturi. Dik il-​figura turi li hemm potenzjal qawwi għal tkabbir. Ħafna minn dawk it-​tmien miljuni u nofs kienu diġà qegħdin jistud-jaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah bħala persuni li wrew interess jew bħala tfal taʼ ġenituri mgħammdin. Numru kbir minnhom kienu qed jattendu laqgħa għall-​ewwel darba. Il-​fatt li kienu preżenti ta opportunità mill-​aħjar lix-​Xhieda taʼ Jehovah biex isiru jafuhom aħjar u joffrulhom l-​għajnuna biex jimxu iktar ’il quddiem. Imbagħad, hemm dawk li narawhom kull sena għall-​Mafkar u forsi jattendu għal xi ftit laqgħat oħrajn, imma jieqfu hemm. M’għandniex xi ngħidu, il-​bibien dejjem miftuħin biex uħud bħal dawn jiġu għal-​laqgħat. Imma aħna nħeġġuhom biex jimmeditaw bil-​għaqal fuq il-​kliem profetiku taʼ Ġoel u jikkunsidraw x’passi oħrajn iridu jieħdu biex ikunu ċerti li Jehovah se jismagħhom meta jsejħu ismu.

13. Jekk diġà qegħdin insejħu isem Jehovah, liema responsabbiltà għandna lejn oħrajn?

13 L-​Appostlu Pawlu enfasizza aspett ieħor dwar li nsejħu isem Alla. Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, hu kkwota l-​kliem profetiku taʼ Ġoel: “Għax kull min isejjaħ isem il-​Mulej isalva.” Imbagħad irraġuna: “Imma kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (Rumani 10:13, 14) Iva, ħafna oħrajn li s’issa għadhom ma sarux jafu lil Jehovah għandhom bżonn isejħu isem Alla. Dawk li diġà jafu lil Jehovah għandhom ir-​responsabbiltà mhux biss li jippridkaw imma wkoll li jħabirku u jagħtuhom dik l-​għajnuna.

Ġenna Spiritwali

14, 15. In-​nies taʼ Jehovah se jgawdu liema barkiet bħal taʼ ġenna talli jsejħu ismu b’mod li jogħġob lilu?

14 Dak huwa l-​mod kif kemm il-​midlukin u kemm in-​nagħaġ l-​oħrajn iqisu s-​sitwazzjoni, u bħala riżultat, Jehovah jberikhom. “U l-​Mulej ġietu għira għall-​art tiegħu, għader il-​poplu tiegħu.” (Ġoel 2:18) Fl-​1919, Jehovah wera żelu u mogħdrija għall-​poplu tiegħu meta rrestawrahom u ġabhom fil-​qasam tiegħu t’attività spiritwali. Din hija verament ġenna spiritwali, deskritta tajjeb minn Ġoel b’dawn il-​kelmiet: “Tibżax, art, ifraħ u thenna, għax ħwejjeġ kbar għamel il-​Mulej! La tibżgħux, bhejjem tar-​rabaʼ! Għax il-​ħdura tal-​kampanja reġgħet nibtet, is-​siġar qed jitqalu bil-​frott tagħhom, it-​tina u d-​dielja qed iroddu l-​ġid tagħhom. Ulied Sijon, ifirħu, thennew fil-​Mulej, Alla tagħkom! Għaliex hu takom ilma bikri kif imiss, bagħtilkom ix-​xita bikrija, u x-​xita mwaħħra, bħal fl-​imgħoddi. L-​andrijiet jimtlew bil-​qmuħ, l-​imgħasar ifuru bi nbid ġdid u żejt.”—Ġoel 2:21-24.

15 X’dehra pjaċevoli! Provvedimenti abbundanti taʼ tliet prodotti prinċipali għall-​ħajja f’Iżrael​—il-​qamħ, iż-​żejt taż-​żebbuġa, u l-​inbid—​flimkien maʼ merħliet kotrana. Fi żmienna dak il-​kliem profetiku huwa mwettaq b’mod spiritwali. Jehovah jipprovdilna l-​ikel spiritwali kollu li neħtieġu. Ma nitgħaxxqux aħna b’abbundanza bħal din mogħtija minn Alla? Verament, bħalma bassar Malakija, Alla tagħna ‘fetaħ għalina t-​twieqi tas-​sema, u sawwab fuqna barka bl-​abbundanza.’—Malakija 3:10.

L-​Aħħar taʼ Sistema t’Affarijiet

16. (a) It-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu x’ifisser għal żmienna? (b) X’hemm merfugħ għall-​futur?

16 Huwa wara li jbassar il-​kundizzjonijiet bħal taʼ ġenna għall-​poplu t’Alla li Ġoel jipprofetizza dwar it-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah. Meta Pietru kkwota din il-​profezija f’Pentekoste, hu qal li kienet twettqet “fl-​aħħar jiem.” (Atti 2:17) It-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu t’Alla dakinhar kien ifisser li kienu bdew l-​aħħar jiem għas-​sistema Lhudija t’affarijiet. It-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu t’Alla fuq l-​Iżrael t’Alla fis-​seklu 20 ifisser li aħna qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem tas-​sistema dinjija t’affarijiet. Meta nqisu dan, x’hemm merfugħ għall-​futur? Il-​profezija taʼ Ġoel tkompli tgħidilna: “Fis-​sema u l-​art nuri sinjali, demm u nar u kolonni taʼ duħħan! Ix-​xemx tinbidel fi dlam, u l-​qamar f’demm, qabel ma jasal Jum il-​Mulej, kbir u tal-​biżaʼ!”—Ġoel 3:3, 4 [Ġoel 2:30, 31, NW].

17, 18. (a) Liema jum taʼ Jehovah li jqanqal il-​biżaʼ ġie fuq Ġerusalemm? (b) Iċ-​ċertezza tal-​jum taʼ Jehovah li jqanqal il-​biżaʼ x’iqanqalna biex nagħmlu?

17 Fis-​sena 66 E.K., dan il-​kliem profetiku beda jseħħ fil-​Ġudea hekk kif il-​ġrajjiet bdew jersqu b’mod ineżorabbli lejn il-​quċċata tal-​jum taʼ Jehovah li jqanqal il-​biżaʼ fis-​sena 70 E.K. X’biżaʼ kieku dak iż-​żmien kont fost dawk li ma kinux qed jeżaltaw isem Jehovah! Illum, hemm merfugħin ġrajjiet daqstant tal-​biżaʼ, meta din is-​sistema dinjija t’affarijiet kollha kemm hi se tiġi meqruda taħt id Jehovah. Xorta waħda, salvazzjoni hija possibbli. Il-​profezija tkompli: “Kull min isejjaħ isem il-​Mulej jinħeles [“joħroġ salv,” NW], għax fuq il-​muntanja Sijon ikun hemm is-​salvazzjoni, kif qal il-​Mulej, u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-​Mulej isejjaħ.” (Ġoel 3:5 [Ġoel 2:32, NW]) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma verament grati li jafu l-​isem taʼ Jehovah, u huma fiduċjużi bis-​sħiħ li hu se jsalvahom meta jgħajtulu.

18 X’se jiġri, iżda, meta l-​jum il-​kbir u glorjuż taʼ Jehovah se jfaqqaʼ fuq din id-​dinja bil-​qilla kollha tiegħu? Dan se jiġi diskuss fl-​aħħar artiklu taʼ studju.

Tistaʼ Tiftakar?

◻ Jehovah meta ferraʼ għall-​ewwel darba l-​ispirtu tiegħu fuq il-​poplu tiegħu?

◻ X’inhuma xi ftit mill-​affarijiet involuti sabiex wieħed isejjaħ isem Jehovah?

◻ Il-​jum il-​kbir u glorjuż taʼ Jehovah meta ġie fuq Iżrael tal-​laħam?

◻ Jehovah kif ibierek lil dawk li jsejħu ismu llum?

[Stampa f’paġna 15]

Ġens ġdid twieled f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K.

[Stampa f’paġni 16, 17]

Iktar kmieni f’dan is-​seklu, Jehovah ferraʼ għal darb’oħra l-​ispirtu tiegħu fuq il-​poplu tiegħu bi twettiq taʼ Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW]

[Stampa f’paġna 18]

In-​nies iridu jiġu megħjunin isejħu isem Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja