“Agħmel Ħidma taʼ Evanġelista”
“Oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, . . . agħmel ħidma taʼ evanġelista.”—2 TIMOTJU 4:5.
1. Ġesù liema inkarigu tahom lis-segwaċi tiegħu?
L-ISEM u l-iskopijiet taʼ Jehovah qed jiġu dikjarati madwar id-dinja. Dan hu għaliex in-nies dedikati t’Alla ħadu bis-serjetà l-inkarigu li Ġesù Kristu ta lis-segwaċi tiegħu meta qal: “Morru . . . agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.”—Mattew 28:19, 20.
2. Liema istruzzjoni rċieva l-indokratur Timotju, u liema hu mod wieħed kif l-indokraturi Kristjani jistgħu jwettqu l-ministeru tagħhom?
2 Id-dixxipli taʼ Ġesù taʼ l-ewwel seklu ħadu dan l-inkarigu bis-serjetà. Per eżempju, l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju, indokratur Kristjan: “Agħmel ħidma taʼ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.” (2 Timotju 4:5) Illum, mod wieħed kif indokratur jaqdi sewwa l-ministeru tiegħu hu billi jkun proklamatur żeluż tas-Saltna, wieħed li jieħu sehem regolarment fil-ministeru taʼ l-għalqa. Per eżempju, l-indokratur taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni għandu l-privileġġ premjanti li jkun minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ l-ippridkar u jħarreġ lil oħrajn. Pawlu wettaq ir-responsabbiltà persunali tiegħu li jiddikjara l-aħbar tajba, u hu għen biex iħarreġ lil oħrajn għall-ministeru.—Atti 20:20; 1 Korintin 9:16, 17.
Evanġelizzaturi Żelużi tal-Passat
3, 4. Liema esperjenzi kellu Filippu bħala evanġelizzatur?
3 Il-Kristjani tal-bidu kienu magħrufin bħala evanġelizzaturi żelużi. Ikkunsidra l-evanġelizzatur Filippu. Hu kien wieħed mis-‘sebat irġiel li kellhom isem tajjeb mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf,’ magħżulin biex iwettqu ttqassim taʼ ikel b’mod imparzjali kuljum fost il-Kristjani romol, Griegi u Ebrej, li kienu f’Ġerusalemm. (Atti 6:1-6) Wara li dan is-servizz speċjali spiċċa u l-Kristjani kollha ħlief l-appostli xterrdu minħabba l-persekuzzjoni, Filippu mar is-Samarija. Hemmhekk iddikjara l-aħbar tajba u ngħata l-qawwa permezz taʼ l-ispirtu qaddis biex ikeċċi d-demonji u jfejjaq lil individwi zopop u paralizzati. Ħafna Samaritani aċċettaw il-messaġġ tas-Saltna u tgħammdu. Meta semgħu dan, l-appostli f’Ġerusalemm bagħtu lill-appostli Pietru u Ġwanni lejn is-Samarija sabiex l-uħud li kienu għadhom kif tgħammdu setgħu jirċievu l-ispirtu qaddis.—Atti 8:4-17.
4 L-ispirtu t’Alla mbagħad idderieġa lil Filippu biex jiltaqaʼ maʼ l-ewnuku Etjopjan fit-triq li tagħti għal Gaża. Wara l-ispjegazzjoni ċara taʼ Filippu dwar il-profezija taʼ Isaija, dan l-“uffiċjal għoli taʼ Kandaċi, sultana taʼ l-Etjopja” wera fidi f’Ġesù Kristu u tgħammed. (Atti 8:26-38) Imbagħad, Filippu mar Ażotu u mbagħad Ċesarija, “ixandar l-Evanġelju f’kull belt sakemm wasal.” (Atti 8:39, 40) Hu żgur ħalla eżempju mill-aqwa fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar!
5. L-erbat ibniet taʼ Filippu għalxiex kienu partikolarment magħrufin?
5 Filippu kien għadu attiv fil-ministeru f’Ċesarija xi 20 sena wara. Meta Pawlu u Luqa qagħdu d-dar tiegħu, hu “kellu erbaʼ xebbiet li kellhom id-don tal-profezija.” (Atti 21:8-10) Jidher ċar li huma kienu mħarrġin sew spiritwalment, kellhom żelu għall-ministeru, u saħansitra kellhom il-privileġġ li jitkellmu profetikament. Iż-żelu tal-ġenituri għall-ministeru jistaʼ jkollu effett mill-aħjar fuq l-ulied subien u bniet illum, billi jħeġġiġhom jagħmlu l-evanġelizzar żeluż ix-xogħol prinċipali tagħhom tul ħajjithom.
Evanġelizzaturi Żelużi Llum
6. Liema suċċess kellhom l-evanġelizzaturi taʼ l-ewwel seklu?
6 Fil-profezija kbira tiegħu li tipponta lejn żmienna u ż-żmien taʼ l-aħħar, Ġesù Kristu ddikjara: “L-ewwel jeħtieġ li l-Evanġelju jkun imxandar lill-ġnus kollha.” (Mark 13:10) It-tmiem kellu jiġi wara li l-aħbar tajba tkun ġiet pridkata “fid-dinja kollha.” (Mattew 24:14) Hekk kif Pawlu u evanġelizzaturi oħra taʼ l-ewwel seklu pproklamaw l-aħbar tajba, ħafna bdew jemmnu, u ġew ifformati kongregazzjonijiet f’ħafna postijiet maʼ l-Imperu Ruman kollu. L-anzjani maħturin biex jaqdu f’dawn il-kongregazzjonijiet ipparteċipaw maʼ ħuthom irġiel u nisa fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar u estendew l-attività taʼ l-ippridkar maʼ kullimkien. Il-kelma taʼ Jehovah baqgħet tikber u tinxtered f’dawk il-jiem, eżatt bħalma tagħmel illum għaliex miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah qed jagħmlu x-xogħol taʼ l-evanġelizzar. (Atti 19:20) Int wieħed minn dawk in-nies li bil-ferħ ifaħħru lil Jehovah?
7. Il-proklamaturi tas-Saltna x’qegħdin jagħmlu llum?
7 Ħafna proklamaturi tas-Saltna llum qed jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet biex iżidu s-sehem tagħhom fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar. Eluf daħlu għax-xogħol missjunarju, u mijiet t’eluf jieħdu sehem fl-attività t’evanġelizzar full-time bħala pijunieri regulari u awżiljarji. U kemm qed isir xogħol mill-aħjar minn irġiel, nisa, u tfal li qed jaqdu bħala pubblikaturi żelużi tas-Saltna! Tabilħaqq, in-nies kollha taʼ Jehovah qed igawdu l-barkiet kbar li hu jagħtihom waqt li jaqduh spalla maʼ spalla bħala evanġelizzaturi Kristjani.—Sofonija 3:9.
8. Liema xogħol taʼ mmarkar qed isir issa, u minn min?
8 Alla ta lis-segwaċi midlukin taʼ Ġesù rresponsabbiltà li jipproklamaw l-aħbar tajba mad-dinja kollha. Jappoġġawhom f’dan ix-xogħol taʼ l-evanġelizzar hemm in-numru li dejjem jiżdied tan-“nagħaġ oħra” taʼ Kristu. (Ġwanni 10:16) B’mod profetiku, dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet jitqabbel maʼ li nagħmlu marka fuq ġbin dawk li qed jitniehdu u jitbikkew minħabba l-affarijiet moqżieża li qed iseħħu. Dalwaqt, il-ħżiena se jinqerdu. Sadanittant, xi privileġġ għandna li nieħdu veritajiet li jsalvaw il-ħajjiet lill-abitanti taʼ l-art!—Eżekjel 9:4-6, 11.
9. Uħud ġodda kif jistgħu jiġu megħjunin fil-ministeru?
9 Jekk ilna nieħdu sehem fix-xogħol taʼ levanġelizzar, x’aktarx li nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu lill-uħud ġodda fil-kongregazzjoni. Kultant, forsi nistgħu nitolbuhom biex joħorġu magħna fil-ministeru. Dawk li jaqdu bħala anzjani huma inkuraġġiti jagħmlu dak kollu li jistgħu ħalli jibnu spiritwalment lill-Kristjani sħabhom. Permezz taʼ l-isforzi mill-aħjar taʼ indokraturi umlin, ħafna qed jiġu megħjunin sabiex ikunu evanġelizzaturi żelużi u jagħmlu l-frott.—2 Pietru 1:5-8.
Nagħtu Xiehda minn Dar għal Dar
10. Kristu u s-segwaċi tiegħu tal-bidu ħallew liema eżempju fil-ministeru?
10 Ġesù Kristu ħalla eżempju eċċellenti għas-segwaċi tiegħu bħala evanġelizzatur. Rigward il-ministeru taʼ Kristu u taʼ l-appostli tiegħu, il-Kelma t’Alla tgħid: “Huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna taʼ Alla. Kellu miegħu t-Tnax.” (Luqa 8:1) Xi ngħidu dwar l-appostli nfushom? Wara t-tixrid taʼ l-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., “kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija.”—Atti 5:42.
11. Skond Atti 20:20, 21, l-appostlu Pawlu x’għamel fil-ministeru tiegħu?
11 Minħabba x-xogħol żeluż tiegħu t’evanġelizzar, l-appostlu Pawlu setaʼ jgħid lill-anzjani Kristjani minn Efesu: “Qatt ma bżajt nurikom dak li hu taʼ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-beraħ u kemm fid-djar.” Meta Pawlu kien qed ‘jgħallem fid-djar,’ kien hu qed iżur id-djar taʼ sħabu li jaqdu lil Jehovah, u jagħmel żjajjar pastorali lil uħud li kienu diġà jemmnu? Le, għax hu jkompli jispjega: “Nwissi lil-Lhud u lill-Griegi li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jemmnu fil-Mulej tagħna Ġesù.” (Atti 20:20, 21) Ġeneralment, dawk li diġà kienu dedikati lil Jehovah ma kellhomx bżonn istruzzjoni dwar ‘indiema lejn Alla u twemmin fil-Mulej Ġesù.’ Pawlu ħarreġ lill-anzjani Kristjani f’Efesu fil-ministeru minn dar għal dar waqt li lil dawk li ma kinux jemmnu għallimhom dwar l-indiema u l-fidi. Pawlu kien qed isegwi l-metodu li stabbilixxa Ġesù meta għamel dan.
12, 13. Fi qbil maʼ Filippin 1:7, x’għamlu n-nies taʼ Jehovah dwar id-dritt tagħhom li jippridkaw?
12 Il-ministeru minn dar għal dar jistaʼ jkun taʼ sfida. Per eżempju, xi wħud ma jiħdux pjaċir meta mmorru għandhom bil-messaġġ tal-Bibbja. Aħna ma nixtiqux indejqu lin-nies. Madankollu, il-ministeru minn dar għal dar huwa Skritturali, u l-imħabba għal Alla u għall-proxxmu timmotivana biex nagħtu xiehda b’dan il-mod. (Mark 12:28-31) Biex ‘niddefendu u nistabbilixxu legalment’ id-dritt tagħna taʼ l-ippridkar minn dar għal dar, aħna ppreżentajna kawżi quddiem il-qrati, inkluż il-Qorti Suprema taʼ l-Istati Uniti. (Filippin 1:7, NW) Il-qorti kważi dejjem iddeċidiet favurina. Dan il-verdett huwa tipiku:
13 “It-tqassim bl-idejn taʼ fuljetti reliġjużi huwa forma t’evanġelizzar missjunarju li ilu jintuża għal żmien twil—mindu vvintaw il-magni taʼ l-istampar. Kien forza qawwija f’diversi movimenti reliġjużi matul is-snin. Dan it-tip t’evanġelizzar huwa użat illum fuq skala kbira minn diversi setet reliġjużi li l-bejjiegħa tagħhom iwasslu l-Evanġelju lil eluf taʼ djar, u permezz taʼ żjajjar persunali jipprovaw jirbħu lin-nies għall-fidi tagħhom. . . . Dan it-tip t’attività reliġjuża jokkupa l-istess pożizzjoni importanti taħt l-Ewwel Emenda [tal-Kostituzzjoni taʼ l-Istati Uniti] daqs dik li tokkupa l-qima fil-knejjes u l-ippridkar minn fuq il-pulpti.”—Murdock v. Pennsylvania, 1943.
Għala Nibqgħu Nippridkaw?
14. Kif jistaʼ jkun hemm tkabbir fil-ministeru tagħna?
14 Hemm ħafna raġunijiet għala nippridkaw minn dar għal dar. Kull darba li mmorru għand xi inkwilin, aħna nipprovaw niżirgħu żerriegħa taʼ verità Skritturali. Billi nagħmlu żjajjar lura, aħna nfittxu li nsaqquha. U dan jistaʼ jkollu effett tajjeb u jkun hemm tkabbir, għax Pawlu kiteb: “Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar.” (1 Korintin 3:6) Għalhekk ejja nkomplu ‘nħawlu u nsaqqu,’ fiduċjużi li Jehovah se ‘jkabbar.’
15, 16. Għala mmorru għand in-nies darba wara l-oħra?
15 Aħna nagħmlu x-xogħol taʼ l-evanġelizzar għax hemm il-ħajjiet involuti. Bl-ippridkar nistgħu nsalvaw lilna nfusna u lil dawk li jisimgħuna. (1 Timotju 4:16) Kieku nkunu nafu li hemm il-ħajja taʼ xi ħadd fil-periklu, konna aħna nagħmlu biss sforz b’nofs qalb biex nipprovaw ngħinuh? Dażgur li le! Ladarba hemm is-salvazzjoni involuta, aħna nibqgħu mmorru għand in-nies darba wara l-oħra. Iċ-ċirkustanzi jibqgħu jinbidlu. Xi ħadd li jkollu wisq x’jagħmel biex jismaʼ meta nħabbtulu forsi jkun lest jismaʼ l-messaġġ tal-Bibbja darb’oħra. Għandu mnejn li membru differenti tal-familja jinzerta jiftaħ il-bieb, u dan jistaʼ jwassal għal diskussjoni Skritturali.
16 M’humiex biss iċ-ċirkustanzi taʼ l-inkwilini li jistgħu jinbidlu imma anki l-attitudni tagħhom. Per eżempju, it-telfa taʼ wġigħ minħabba l-mewt taʼ xi ħadd maħbub forsi tqanqal lil individwu biex jismaʼ l-messaġġ tas-Saltna. Aħna nixtiequ nfarrġu lil dak li jkun, ngħinuh isir konxju tal-bżonn spiritwali tiegħu, u nuruh kif jistaʼ jissodisfa dan il-bżonn.—Mattew 5:3, 4.
17. X’inhi r-raġuni prinċipali għall-attività tagħna taʼ l-ippridkar?
17 Ir-raġuni prinċipali għala nagħtu xiehda minn dar għal dar jew nieħdu sehem f’modi oħra tal-ministeru hija x-xewqa li nagħmlu l-isem taʼ Jehovah magħruf. (Eżodu 9:16; Salm 83:19 [83:18, NW]) Kemm hu premjanti meta x-xogħol taʼ l-evanġelizzar tagħna jgħin lil dawk li jħobbu l-verità u l-ġustizzja biex isiru wħud li jfaħħru lil Jehovah! Is-salmista kanta: “Iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll, ix-xjuħ flimkien mat-tfal: ħa jfaħħru isem il-Mulej, għax ismu waħdu l-għoli, sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!”—Salm 148:12, 13.
L-Evanġelizzar Jibbenefikana Personalment
18. Kif nibbenefikaw mix-xogħol taʼ l-evanġelizzar?
18 Ix-xogħol taʼ l-evanġelizzar jibbenefikana personalment b’diversi modi. Il-fatt li mmorru minn dar għal dar bl-aħbar tajba jgħinna nikkultivaw l-umiltà, partikolarment meta ma niġux milqugħin tajjeb. Sabiex inkunu evanġelizzaturi effettivi, aħna rridu nkunu bħal Pawlu, li ‘sar kollox maʼ kulħadd, biex isalva lil kulħadd.’ (1 Korintin 9:19-23) L-esperjenza fil-ministeru tgħinna nkunu tattikużi. Billi nistrieħu fuq Jehovah u nagħżlu l-kliem tagħna bil-għaqal, aħna nistgħu napplikaw il-parir taʼ Pawlu: “Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-melħ taʼ l-għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.”—Kolossin 4:6.
19. L-evanġelizzaturi kif qed jiġu megħjunin mill-ispirtu qaddis?
19 Ix-xogħol taʼ l-evanġelizzar iqanqalna wkoll biex nistrieħu fuq l-ispirtu qaddis t’Alla. (Żakkarija 4:6) Imbagħad, il-frott tiegħu—“l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan”—isir evidenti fil-ministeru tagħna. (Galatin 5:22, 23) Jeffettwa kif naġixxu man-nies, għax jekk noqogħdu għad-direzzjoni taʼ l-ispirtu, dan se jgħinna neżerċitaw l-imħabba, nuru l-ferħ u l-paċi, nuru s-sabar u l-qalb tajba, nuru t-tjieba u l-fidi, u nuru l-ħlewwa u r-rażna waqt li niddikjaraw l-aħbar tajba.
20, 21. Liema huma xi benefiċċji u barkiet li nirċievu jekk nibqgħu beżlin bħala evanġelizzaturi?
20 Barka oħra li tiġi fuqna bħala evanġelizzaturi hi li nsiru nifhmu iktar lil ħaddieħor. Meta n-nies isemmu l-problemi tagħhom—mard, nuqqas taʼ xogħol, problemi fil-familja—aħna ma naġixxux bħallikieku aħna xi professjonisti li nagħtu l-pariri, imma naqsmu skritturi inkuraġġanti u taʼ faraġ magħhom. Aħna konċernati dwar nies li ġew mogħmijin spiritwalment imma jidhru li għad għandhom imħabba għall-ġustizzja. (2 Korintin 4:4) U x’barka hi li nagħtu għajnuna spiritwali lil dawk “li kellhom attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem”!—Atti 13:48, NW.
21 Parteċipazzjoni regulari fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar tgħinna nżommu moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali. (Luqa 11:34) Dan żgur hu taʼ benefiċċju, għax inkella nistgħu naqgħu għat-tentazzjonijiet materjalistiċi li huma tant komuni f’din id-dinja. L-appostlu Ġwanni ħeġġeġ lill-Kristjani: “Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih. Kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda taʼ l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan m’huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja. U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:15-17) Jekk nibqgħu beżlin bħala evanġelizzaturi u jkollna ħafna x’nagħmlu fil-ħidma tal-Mulej, dan se jgħinna nobogħdu d-dinja.—1 Korintin 15:58.
Ġemmgħu Teżori fis-Sema
22, 23. (a) Liema teżori qed iġemmgħu l-evanġelizzaturi Kristjani? (b) L-artiklu li jmiss kif se jgħinna?
22 Attività żeluża fl-ippridkar tas-Saltna ġġib benefiċċji dejjiema. Ġesù wera dan meta qal: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.”—Mattew 6:19-21.
23 Jalla nibqgħu nġemmgħu teżori fis-sema, konxji li ma jistaʼ jkollna ebda privileġġ akbar minn dak li nirrappreżentaw lill-Mulej Sovran Jehovah bħala x-xhieda tiegħu. (Isaija 43:10-12) Waqt li nwettqu l-inkarigu tagħna bħala ministri t’Alla, x’aktarx li se nħossuna bħalma ħassitha mara Kristjana li kellha fuq id-90 sena, li qalet dan dwar il-ħajja twila tagħha taʼ servizz lil Alla: “Jien u nħares lura nirringrazzja lil Jehovah talli ħa paċenzja bija matul dawn is-snin kollha, u nitlob bil-ħerqa li hu jkun Missieri kollu mħabba għal dejjem.” Jekk aħna ngħożżu bl-istess mod ir-relazzjoni tagħna m’Alla, żgur li nkunu rridu nagħmlu x-xogħol t’evanġelizzatur bir-reqqa. L-artiklu li jmiss se jgħinna naraw kif nistgħu naqdu sewwa l-ministeru tagħna.
Int Kif Twieġeb?
• Għala għandna nagħmlu x-xogħol taʼ l-evanġelizzar?
• X’tistaʼ tgħid dwar ix-xogħol t’evanġelizzaturi fil-passat u fil-preżent?
• Għala nagħtu xiehda minn dar għal dar?
• Kif tibbenefika personalment milli tagħmel ix-xogħol taʼ l-evanġelizzar?
[Stampi f’paġna 10]
Uħud ferriħija llum jixbhu lil evanġelizzaturi bħal Filippu u t-tfal bniet tiegħu
[Stampa f’paġna 14]
Int kif tibbenefika personalment waqt li taqsam l-aħbar tajba m’oħrajn?