Il-Kristjani tal-Bidu u l-Liġi Mosajka
“Il-Liġi, mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu.”—GALATIN 3:24.
1, 2. X’kienu xi benefiċċji li gawdew l-Iżraelin li kienu jobdu bir-reqqa l-Liġi Mosajka?
FIS-SENA 1513 Q.E.K., Jehovah ta lill-Iżraelin sistema taʼ liġijiet. Hu qal lin-nies li jekk jisimgħu minn leħnu, kien se jberikhom u kienu se jgawdu ħajja mimlija ferħ u sodisfazzjon.—Eżodu 19:5, 6.
2 Din is-sistema jew kodiċi tal-Liġi, imsejħa l-Liġi Mosajka, jew sempliċement “il-Liġi,” kienet ‘qaddisa, ġusta u tajba.’ (Rumani 7:12) Din mexxiet ’il quddiem ċerti virtujiet bħall-ħlewwa, l-onestà, il-moralità, u l-qalb tajba mal-proxxmu. (Eżodu 23:4, 5; Levitiku 19:14; Dewteronomju 15:13-15; 22:10, 22) Il-Liġi qanqlet ukoll lil-Lhud biex iħobbu lil xulxin. (Levitiku 19:18) Iżjed minn hekk, ma kellhomx jitħalltu mal-Ġentili jew jieħdu nisa minn fosthom li ma kinux taħt il-Liġi. (Dewteronomju 7:3, 4) Bħal “ħajt” li kien jifred il-Lhud mill-Ġentili, il-Liġi Mosajka żammet lin-nies t’Alla milli jitniġġsu mill-ħsibijiet u l-prattiċi pagani.—Efesin 2:14, 15; Ġwann 18:28.
3. Ladarba ħadd ma setaʼ jħares il-Liġi perfettament, liema effett kellha din?
3 Madankollu, lanqas l-iktar Lhud kuxjenzjużi ma setgħu jħarsu l-Liġi t’Alla perfettament. Kien Jehovah qed jippretendi wisq minnhom? Le. Waħda mir-raġunijiet għala ngħatat il-Liġi lil Iżrael kienet biex tagħmel id-dnubiet jidhru. (Galatin 3:19) Il-Liġi għamlet lil-Lhud sinċieri konxji li kellhom assolutament bżonn taʼ Feddej. Meta dan il-Wieħed wasal, il-Lhud leali ferħu ferm. Il-ħelsien tagħhom mis-saħta tad-dnub u l-mewt kien fil-qrib!—Ġwann 1:29.
4. Lil-Lhud, il-Liġi f’liema sens kienet ‘tmexxihom qishom tfal lejn Kristu’?
4 Il-Liġi Mosajka kellha tkun arranġament temporanju. Hu u jikteb lil sħabu l-Kristjani, l-appostlu Pawlu ddeskrivieha bħala li “tmexxina qisna tfal lejn Kristu.” (Galatin 3:24) Fiż-żminijiet tal-qedem kien ikun hemm qaddej li kien iwassal it-tfal l-iskola u lura d-dar. Ġeneralment ma kienx ikun għalliem; sempliċement kien imexxi lit-tfal s’għand l-għalliem. B’mod simili, il-Liġi Mosajka kienet imfassla biex tmexxi lil-Lhud li kellhom il-biżaʼ t’Alla lejn Kristu. Ġesù wiegħed li kellu jkun mas-segwaċi tiegħu “dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mattew 28:20) Għalhekk, meta ġiet ifformata l-kongregazzjoni Kristjana, il-Liġi—‘min imexxihom’—ma kellha l-ebda skop ieħor. (Rumani 10:4; Galatin 3:25) Imma xi Kristjani Lhud ma fehmuhiex mill-ewwel din il-verità vitali. Minħabba f’hekk, huma komplew iħarsu xi affarijiet mil-Liġi anki wara li Ġesù kien irxoxta. Iżda oħrajn irranġaw il-fehma tagħhom. Billi għamlu dan, huma t’eżempju mill-aqwa għalina llum. Ejja naraw kif.
Żviluppi Eċċitanti fid-Duttrina Kristjana
5. Pietru liema istruzzjonijiet irċieva f’viżjoni, u għala nħasad?
5 Fis-sena 36 E.K., l-appostlu Kristjan Pietru kellu viżjoni taʼ l-għaġeb. Dakinhar, leħen mis-sema kkmandah biex joqtol u jiekol għasafar u annimali li taħt il-Liġi kienu meqjusin imniġġsa. Pietru nħasad! Hu ‘qatt ma kien kiel ikel profan u mniġġes.’ Imma l-leħen qallu: “Dak li Alla saffa, int ma għandekx issejjaħlu mniġġes.” (Atti 10:9-15) Minflok ma baqaʼ jżomm b’mod riġidu mal-Liġi, Pietru rranġa l-opinjoni tiegħu. Dan wasslu biex jiskopri xi ħaġa straordinarja rigward l-iskopijiet t’Alla.
6, 7. Pietru kif irnexxielu jikkonkludi li issa setaʼ jippriedka lill-Ġentili, u għal liema konklużjonijiet oħra x’aktarx li wasal?
6 Li ġara kien dan. Tlett irġiel marru fid-dar fejn kien qed joqgħod Pietru biex jitolbuh imur magħhom fid-dar taʼ Kornelju, Ġentil devot li ma kienx ċirkonċiż. Pietru stieden lill-irġiel biex jidħlu d-dar u jibqgħu hemm. Billi kien fehem it-tifsira taʼ din il-viżjoni, l-għada Pietru mar magħhom fid-dar taʼ Kornelju. Hemmhekk, Pietru ta xiehda bir-reqqa rigward Ġesù Kristu. Dak il-ħin, Pietru qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” Mhux Kornelju biss eżerċita fidi f’Ġesù imma anki qrabatu u ħbiebu, u “l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh.” Billi għaraf li Jehovah kien qed imexxi l-affarijiet, Pietru “ordna li jitgħammdu fl-isem taʼ Kristu.”—Atti 10:17-48.
7 Pietru kif irnexxielu jikkonkludi li l-Ġentili li qatt ma kienu taħt il-Liġi Mosajka issa setgħu jsiru segwaċi taʼ Ġesù Kristu? Bid-dehen spiritwali. Ladarba Alla kien wera li kien japprovahom lil ċerti Ġentili mhux ċirkonċiżi, billi tefaʼ l-ispirtu qaddis tiegħu fuqhom, Pietru fehem li setgħu jiġu aċċettati għall-magħmudija. Fl-istess ħin, Pietru milli jidher għaraf li Alla ma kienx qed jippretendi li l-Kristjani Ġentili kellhom jobdu l-Liġi taʼ Mosè biex ikunu jistgħu jitgħammdu. Kieku kont tgħix f’dak iż-żmien, kont se tkun bħal Pietru, lest li tirranġa l-opinjoni tiegħek?
Xi Wħud Baqgħu Jsegwu lil ‘Min Imexxihom’
8. Xi Kristjani li kienu jgħixu f’Ġerusalemm liema opinjoni differenti minn dik taʼ Pietru kienu qed imexxu ’l quddiem dwar iċ-ċirkonċiżjoni, u għala?
8 Wara li telaq mid-dar taʼ Kornelju, Pietru mar Ġerusalemm. L-aħbar li xi Ġentili mhux ċirkonċiżi “kienu laqgħu l-kelma taʼ Alla” kienet waslet fil-kongregazzjoni t’hemmhekk, u għadd taʼ dixxipli Lhud m’għoġbithomx il-biċċa tax-xogħol. (Atti 11:1-3) Filwaqt li ammettew li l-Ġentili setgħu jsiru segwaċi taʼ Ġesù, “dawk li riedu jżommu ċ-ċirkonċiżjoni” insistew li dawn in-nies minn ġnus mhux Lhud kellhom isegwu l-Liġi sabiex isalvaw. Mill-banda l-oħra, f’postijiet b’ħafna Ġentili, fejn kien hemm ftit Kristjani Lhud, iċ-ċirkonċiżjoni ma kinitx xi kwistjoni kbira. Għal madwar 13-il sena kompla jkun hemm dawn iż-żewġ opinjonijiet differenti. (1 Korintin 1:10) X’test kien dan għall-Kristjani tal-bidu—speċjalment għall-Ġentili li kienu jgħixu fi nħawi miżgħudin bil-Lhud!
9. Għala kien vitali li l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni tiġi ċċarata?
9 Din il-kwistjoni finalment laħqet il-quċċata fis-sena 49 E.K. meta xi Kristjani minn Ġerusalemm ġew f’Antijokja tas-Sirja, fejn kien qed jippriedka Pawlu. Dawn bdew jgħallmu li dawk il-Ġentili li jikkonvertu kellhom jiġu ċirkonċiżi skond il-Liġi. U tgħidx kif qamu kontra Pawlu u Barnaba! Jekk il-kwistjoni ma kinitx se tiġi ċċarata, xi Kristjani, sew Lhud u sew Ġentili, kienu se jitfixklu żgur. B’hekk, saru xi arranġamenti biex Pawlu u ftit oħra jmorru Ġerusalemm u jitolbu l-ġemgħa li tiggverna Kristjana biex issolvi l-kwistjoni darba għal dejjem.—Atti 15:1, 2, 24.
Differenza Onesta t’Opinjoni —Imbagħad, l-Għaqda!
10. X’kienu xi punti li kkunsidrat il-ġemgħa li tiggverna qabel ma ħadet id-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-Ġentili?
10 F’laqgħa li ġiet organizzata, xi wħud milli jidher argumentaw favur iċ-ċirkonċiżjoni, waqt li oħrajn ippreżentaw l-opinjoni opposta. Imma mhux l-emozzjonijiet rebħu. Wara li kienu saru ħafna dibattiti, l-appostli Pietru u Pawlu ddeskrivew is-sinjali li Jehovah kien wettaq fost dawk mhux ċirkonċiżi. Huma spjegaw li Alla kien ferraʼ l-ispirtu qaddis fuq Ġentili mhux ċirkonċiżi. Fil-fatt, huma staqsew, ‘Tistaʼ l-kongregazzjoni Kristjana bix-xieraq tirrifjuta lil dawk li Alla laqagħhom?’ Imbagħad id-dixxiplu Ġakbu qara silta mill-Iskrittura li għenet lil kulmin kien preżenti biex jifhem x’kienet ir-rieda taʼ Jehovah fil-kwistjoni.—Atti 15:4-17.
11. Liema fattur ma kienx involut biex tittieħed id-deċiżjoni rigward iċ-ċirkonċiżjoni, u x’juri li d-deċiżjoni kellha l-barka taʼ Jehovah?
11 L-attenzjoni kollha issa kienet mitfugħa fuq il-ġemgħa li tiggverna. Kien il-wirt Lhudi tagħhom se jeffettwa d-deċiżjoni tagħhom favur iċ-ċirkonċiżjoni? Le. Dawn l-irġiel leali kienu determinati li jsegwu l-Iskrittura u l-gwida taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. Wara li semgħet ix-xiehda kollha li kellha x’taqsam mal-kwistjoni, il-ġemgħa li tiggverna qablet fehma waħda li ma kienx hemm bżonn li l-Kristjani Ġentili jiġu ċirkonċiżi u jkunu taħt il-Liġi Mosajka. Meta l-aħbar waslet għand l-aħwa, huma ferħu, u l-kongregazzjonijiet bdew “jiżdiedu fl-għadd kuljum.” Dawk il-Kristjani li ssottomettew ruħhom għad-direzzjoni teokratika ċara ġew imberkin bi tweġiba Skritturali u taʼ min jorbot fuqha. (Atti 15:19-23, 28, 29; 16:1-5) Madankollu, kien għad baqaʼ mistoqsija importanti x’titwieġeb.
Xi Ngħidu għall-Kristjani Lhud?
12. Liema mistoqsija kien għad baqaʼ x’titwieġeb?
12 Il-ġemgħa li tiggverna kienet indikat b’mod ċar li l-Kristjani Ġentili ma kellhomx għalfejn jiġu ċirkonċiżi. Imma xi ngħidu għall-Kristjani Lhud? Id-deċiżjoni tal-ġemgħa li tiggverna ma kinitx kopriet b’mod speċifiku dan l-aspett tal-mistoqsija.
13. Għala kien żbaljat li wieħed isostni li l-ubbidjenza lejn il-Liġi Mosajka kienet neċessarja għas-salvazzjoni?
13 Xi Kristjani Lhud li kienu “mħeġġa għal-Liġi” komplew jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lil uliedhom u jsegwu ċerti aspetti tal-Liġi. (Atti 21:20) Oħrajn ma waqfux hemm imma saħansitra insistew li l-Kristjani Lhud kellhom bżonn jobdu l-Liġi sabiex isalvaw. F’din il-ħaġa kienu żbaljati ferm. Per eżempju, kif setaʼ kwalunkwe Kristjan joffri sagrifiċċju taʼ l-annimali għall-maħfra tad-dnubiet? Bis-sagrifiċċju taʼ Kristu l-offerti saru xi ħaġa tal-passat. Xi ngħidu għall-ħtieġa tal-Liġi li l-Lhud jevitaw sħubija mill-qrib mal-Ġentili? Kien ikun diffiċli ħafna għall-evanġelizzaturi Kristjani żelużi biex iżommu maʼ dawn ir-restrizzjonijiet u xorta jwettqu l-inkarigu tagħhom li jgħallmu lill-Ġentili l-affarijiet kollha li kien għallem Ġesù. (Mattew 28:19, 20; Atti 1:8; 10:28)a M’hemm l-ebda evidenza li din il-kwistjoni ġiet iċċarata f’xi laqgħa tal-ġemgħa li tiggverna. Xorta waħda, il-kongregazzjoni ma tħallietx mingħajr għajnuna.
14. Liema gwida rigward il-Liġi pprovdew l-ittri ispirati taʼ Pawlu?
14 Il-gwida ngħatat, mhux permezz taʼ ittra mill-ġemgħa li tiggverna, imma permezz taʼ ittri ispirati oħra li kitbu l-appostli. Per eżempju, l-appostlu Pawlu bagħat messaġġ qawwi lil-Lhud u l-Ġentili li kienu jgħixu Ruma. F’din l-ittra li bagħtilhom, hu spjega li Lhudi veru huwa wieħed “minn ġewwa; iċ-ċirkonċiżjoni vera hi dik tal-qalb, opra taʼ l-ispirtu.” (Rumani 2:28, 29) Fl-istess ittra, Pawlu uża tixbiha biex juri li l-Kristjani ma kinux għadhom taħt il-Liġi. Hu uża l-argument li mara ma setgħetx tiżżewweġ żewġt irġiel f’daqqa. Imma jekk ir-raġel tagħha jmut, hi kienet ħielsa li terġaʼ tiżżewweġ. Imbagħad, Pawlu applika t-tixbiha, u wera li l-Kristjani midlukin ma setgħux ikunu taħt il-Liġi Mosajka u fl-istess ħin ikunu taʼ Kristu. Kellhom ‘imutu għal-Liġi’ sabiex setgħu jingħaqdu maʼ Kristu.—Rumani 7:1-5.
Ma Fehmux il-Punt mill-Ewwel
15, 16. Xi Kristjani Lhud għala ma fehmuhx il-punt rigward il-Liġi, u dan x’jurina dwar il-bżonn li nibqgħu mqajmin spiritwalment?
15 Ir-raġunar taʼ Pawlu rigward il-Liġi tant kien ċar li ħadd ma setaʼ jmerih. Allura xi Kristjani Lhud kif ma fehmuhx il-punt? L-ewwelnett, kienu neqsin mid-dehen spiritwali. Per eżempju, huma ttraskuraw milli jieħdu ikel spiritwali sħiħ. (Lhud 5:11-14) Lanqas ma kienu jattendu l-laqgħat Kristjani regolarment. (Lhud 10:23-25) Raġuni oħra għala xi wħud ma fehmux il-punt forsi kellha x’taqsam man-natura tal-Liġi nfisha. Din kienet tiffoka fuq affarijiet li wieħed setaʼ jarahom, iħosshom u jmisshom, bħalma kienu t-tempju u s-saċerdozju. Għal xi ħadd nieqes mill-ispiritwalità kien iktar faċli li jaċċetta l-Liġi milli jilqaʼ l-prinċipji iktar profondi tal-Kristjanità, li kienu jiffokaw fuq realtajiet li ma jidhrux.—2 Korintin 4:18.
16 Raġuni oħra għala ċerti wħud li kienu jissejħu Kristjani kellhom ħerqa kbira biex jimxu mal-Liġi ssemmiet minn Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Galatin. Hu spjega li dawn l-irġiel riedu jitqiesu bħala nies rispettabbli, bħala membri taʼ reliġjon popolari. Minflok ma jispikkaw, dawn kienu lesti li jagħmlu kważi kwalunkwe kompromess biex jindiehsu mal-komunità. Iktar kien jinteressahom li jkunu approvati min-nies milli minn Alla.—Galatin 6:12.
17. Meta deher ċar daqs il-kristall kif suppost kellha titqies l-ubbidjenza lejn il-Liġi?
17 Il-Kristjani għaqlin li studjaw bir-reqqa il-kitbiet ispirati minn Alla taʼ Pawlu u t’oħrajn waslu għal konklużjonijiet eżatti rigward il-Liġi. Madankollu, kellha tiġi s-sena 70 E.K. biex il-Kristjani Lhud kollha jaraw b’mod ċar u ovvju kif suppost kellha titqies il-Liġi Mosajka. Dan ġara meta Alla ħalla lil Ġerusalemm, it-tempju tagħha, u d-dokumenti li kellhom x’jaqsmu mas-saċerdozju tagħha jinqerdu. Minħabba f’hekk kien impossibbli li xi ħadd isegwi l-aspetti kollha tal-Liġi.
Napplikaw it-Tagħlima Llum
18, 19. (a) Liema attitudnijiet għandu jkollna u liema m’għandux ikollna sabiex nibqgħu f’saħħitna spiritwalment? (b) L-eżempju taʼ Pawlu x’jgħallimna dwar li nsegwu d-direzzjoni li nirċievu minn aħwa responsabbli? (Ara l-kaxxa f’paġna 24.)
18 Wara li kkunsidrajna dawn il-ġrajjiet taʼ żmien ilu, forsi qed tistaqsi bejnek u bejn ruħek: ‘Kieku kont ngħix f’dak iż-żmien, kif kont nirreaġixxi għar-rieda t’Alla li ntweriet b’mod progressiv? Kont jien se nżomm b’mod riġidu maʼ l-opinjonijiet tradizzjonali? Jew kont inkun paċenzjuż sakemm il-fehma xierqa kienet tiġi ċċarata? U meta ġiet iċċarata, kont jien se nappoġġaha b’qalbi kollha?’
19 M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux inkunu ċerti kif konna nirreaġixxu kieku konna ngħixu dakinhar. Imma nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Kif nirreaġixxi llum meta ningħataw spjegazzjoni ċċarata tal-fehma tal-Bibbja? (Mattew 24:45) Meta ningħataw direzzjoni Skritturali, nipprova jien napplikaha u ma nobdix biss il-liġi kelma b’kelma imma l-ispirtu tagħha wkoll? (1 Korintin 14:20) Nistenna u nistrieħ bil-paċenzja fuq Jehovah meta t-tweġibiet għal xi mistoqsijiet li jkolli jidhru li se jdumu ma jaslu?’ Huwa vitali li nużaw tajjeb l-ikel spiritwali li għandna llum, “li ma mmorrux nitbiegħdu ’l barra mit-triq.” (Lhud 2:1) Meta Jehovah jipprovdi d-direzzjoni permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art, ejja nagħtu widen sew. Jekk nagħmlu hekk, Jehovah se jberikna b’ħajja bla tmiem mimlija ferħ u sodisfazzjon.
[Nota taʼ taħt]
a Meta Pietru żar l-Antijokja tas-Sirja, hu gawda sħubija maʼ kredenti Ġentili. Madankollu, meta xi Kristjani Lhud waslu minn Ġerusalemm, Pietru “beda jaħrabhom u jitwarrab minnhom . . . għaliex bażaʼ mil-Lhud ċirkonċiżi.” Nistgħu nimmaġinaw kemm ħassewhom imweġġgħin dawk il-Ġentili konvertiti meta l-appostlu tant rispettat ma riedx jiekol magħhom.—Galatin 2:11-13.
Int Kif Twieġeb?
• Lil-Lhud, il-Liġi Mosajka f’liema sens kienet ‘tmexxihom qishom tfal lejn Kristu’?
• Kif tispjegahom id-differenzi fil-mod kif Pietru rreaġixxa għall-aġġustamenti fil-fehma tal-verità u kif irreaġixxew “dawk li riedu jżommu ċ-ċirkonċiżjoni”?
• X’tgħallimt dwar il-mod kif Jehovah jikxef il-verità llum?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 24]
Pawlu Jiffaċċja Prova b’Umiltà
Wara vjaġġ missjunarju taʼ suċċess, Pawlu wasal Ġerusalemm fis-sena 56 E.K. Hemmhekk kien hemm prova tistennieh. Il-kongregazzjoni kienet semgħet bl-aħbar li hu kien qed jgħallem li l-Liġi kienet ġiet imwarrba. L-irġiel ixjeħ beżgħu li l-Kristjani Lhud li kienu għadhom kemm ikkonvertew kienu se jitfixklu minħabba li Pawlu ma qagħadx idur mal-lewża meta tkellem fuq is-suġġett tal-Liġi, u li dawn il-ġodda setgħu jikkonkludu li l-Kristjani ma kellhomx rispett għall-arranġamenti taʼ Jehovah. Fil-kongregazzjoni, kien hemm erbaʼ Kristjani Lhud li kienu għamlu wegħda, forsi wegħda taʼ Nażir. Huma kellhom imorru t-tempju sabiex jobdu l-ħtiġijiet kollha tal-wegħda.
L-irġiel ixjeħ talbu lil Pawlu biex imur maʼ dawn l-erbgħa sat-tempju u jħallsilhom l-ispejjeż. Pawlu kien kiteb minn taʼ l-inqas żewġ ittri ispirati li fihom hu ħareġ l-argument li wieħed ma kellux bżonn isegwi l-Liġi biex isalva. Madankollu, hu kien jikkunsidra l-kuxjenza taʼ ħaddieħor. Xi żmien qabel, hu kien kiteb: “Maʼ dawk li huma taħt il-Liġi, qgħadt taħt il-Liġi . . . biex nirbaħ lil dawk li huma taħt il-Liġi.” (1 Korintin 9:20-23) Filwaqt li qatt m’għamel kompromessi fejn jidħlu prinċipji Skritturali vitali, Pawlu ħass li setaʼ jaċċetta s-suġġeriment taʼ l-irġiel ixjeħ. (Atti 21:15-26) B’daqshekk ma kien se jagħmel xejn ħażin. L-arranġament tal-wegħdi ma kienx imur kontra l-Iskrittura, u t-tempju kien intuża għall-qima pura, mhux għall-idolatrija. Għalhekk, bl-iskop li ma jagħmel xejn biex jiskandalizza lil xi ħadd, Pawlu għamel kif intalab minnu. (1 Korintin 8:13) Bla dubju dan kien jitlob umiltà kbira min-naħa taʼ Pawlu, fatt li jġagħalna napprezzawh iktar u iktar.
[Stampa f’paġna 22, 23]
Għal xi snin, fost il-Kristjani kompla jkun hemm opinjonijiet differenti dwar il-Liġi Mosajka