Min Se “Joħroġ Salv”?
“Jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej [Jehovah] ikun salv.”—ATTI 2:21.
1. Pentekoste tas-sena 33 E.K. għala kien jum kruċjali fl-istorja tad-dinja?
PENTEKOSTE tas-sena 33 E.K. kien jum kruċjali fl-istorja tad-dinja. Għala? Għaliex dak in-nhar twieled ġens ġdid. Għall-ewwel, dan ma kienx xi ġens kbir ħafna—numru żgħir taʼ 120 dixxiplu taʼ Ġesù li kienu nġabru f’kamra fis-sular taʼ fuq f’Ġerusalemm. Imma llum, meta l-biċċa l-kbira tal-ġnus li eżistew dakinhar intesew, il-ġens imwieled f’dik il-kamra taʼ fuq għadu magħna. Dan il-fatt huwa taʼ importanza kbira għalina lkoll, ladarba dan huwa l-ġens maħtur minn Alla biex ikun ix-xhud tiegħu quddiem l-umanità.
2. Liema ġrajjiet mirakolużi mmarkaw it-twelid tal-ġens il-ġdid?
2 Meta dak il-ġens il-ġdid beda jeżisti, seħħew ġrajjiet importanti li wettqu l-kliem profetiku taʼ Ġoel. Naqraw dwar dawn il-ġrajjiet f’Atti 2:2-4: “F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal taʼ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.” B’dan il-mod dawk il-120 raġel u mara leali saru ġens spiritwali, l-ewwel membri taʼ dak li iktar tard l-appostlu Pawlu sejjaħlu l-“Iżrael taʼ Alla.”—Galatin 6:16.
3. Liema profezija taʼ Ġoel twettqet f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
3 Inġabru folol taʼ nies biex jinvestigaw ir-“riħ qawwi,” u l-appostlu Pietru spjegalhom li kienet qiegħda titwettaq waħda mill-profeziji taʼ Ġoel. Liema profezija? Sewwa, ismaʼ x’qal: “‘U jiġri fl-aħħar jiem, jgħid Alla, li jiena [n]sawwab mill-Ispirtu tiegħi fuq kull bniedem[,] u jħabbru wliedkom, subjien u bniet, u ż-żgħażagħ tagħkom jaraw dehriet, u x-xjuħ tagħkom joħolmu ħolmiet; u wkoll fuq il-qaddejja tiegħi, rġiel u nisa, nsawwab f’dawk il-jiem mill-ispirtu tiegħi[,] u jħabbru. U jien nagħmel għeġubijiet fl-għoli tas-smewwiet[,] u sinjali isfel fl-art: demm u nar u dħaħen kbar. Ix-xemx tinbidel fi dlam, u l-qamar f’demm[,] qabel ma jasal jum il-Mulej, jum kbir u glorjuż. U jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salv.’” (Atti 2:17-21) Il-kliem li kkwota Pietru jinstab f’Ġoel 3:1-5 [Ġoel 2:28-32, NW], u t-twettiq tiegħu kien ifisser li ma kienx baqaʼ wisq żmien għall-ġens Lhudi. Il-“jum kbir u glorjuż” taʼ Jehovah, żmien taʼ rendikont għal Iżrael żleali, kien fil-qrib. Imma min kellu jiġi salvat, jew meħlus? U dan x’kien qed juri bil-quddiem?
Żewġ Twettiqiet tal-Profezija
4, 5. Fid-dawl tal-ġrajjiet li kienu resqin, Pietru ta liema parir, u dak il-parir għala ma kienx japplika biss għal żmienu?
4 Fis-snin taʼ wara s-sena 33 E.K., Iżrael spiritwali t’Alla ffjorixxa, imma l-ġens taʼ Iżrael tal-laħam m’għamilx hekk. Fis-sena 66 E.K., l-Iżrael tal-laħam kien fi gwerra kontra Ruma. Fis-sena 70 E.K., Iżrael kważi ma baqax jeżisti, u Ġerusalemm flimkien mat-tempju tagħha ġiet maħruqa għalkollox. F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., Pietru ta parir mill-aħjar fid-dawl taʼ dik it-traġedja li kienet riesqa. Billi reġaʼ kkwota lil Ġoel, hu qal: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salv.” Kull Lhudi individwali kellu jagħmel deċiżjoni persunali biex isejjaħ isem Jehovah. Dan kien jinkludi li jagħti kas l-istruzzjonijiet li kompla jagħti Pietru: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem taʼ Ġesù Kristu għall-maħfra taʼ dnubietkom.” (Atti 2:38) Dawk li kienu qegħdin jisimgħu lil Pietru kellhom jaċċettaw lill-Messija, dak li lilu Iżrael bħala ġens kien ċaħdu.
5 Dak il-kliem profetiku taʼ Ġoel kellu impatt qawwi fuq uħud ġwejdin fl-ewwel seklu. Madankollu, dan għandu impatt iktar qawwi llum għaliex, kif juru l-ġrajjiet fis-seklu 20, kien hemm it-tieni twettiq tal-profezija taʼ Ġoel. Ejjew naraw kif.
6. L-identità taʼ l-Iżrael t’Alla kif bdiet tiċċara hekk kif qorbot is-sena 1914?
6 Wara l-mewt taʼ l-appostli, l-Iżrael t’Alla ġie moħbi mis-sikrana tal-Kristjanità falza. Madankollu, matul iż-żmien taʼ l-aħħar, li beda fl-1914, l-identità taʼ dan il-ġens spiritwali reġgħet għal darb’oħra saret ċara. Dan kollu kien bi twettiq tal-parabbola taʼ Ġesù tal-qamħ u s-sikrana. (Mattew 13:24-30, 36-43) Hekk kif qorbot is-sena 1914, il-Kristjani midlukin bdew jisseparaw lilhom infushom mill-Kristjaneżmu żleali, billi ċaħdu bil-qlubija d-duttrini foloz tiegħu u ppridkaw dwar it-tmiem li kien ġej taʼ “żmien il-ġnus.” (Luqa 21:24) Imma l-ewwel gwerra dinjija, li faqqgħet fl-1914, qajmet kwistjonijiet li ma kinux ippreparati għalihom. Taħt pressjoni intensa, ħafna battew, u xi wħud għamlu kompromess. Sa l-1918 l-attività taʼ ppridkar tagħhom kienet kważi waqfet.
7. (a) Liema ġrajja simili għal Pentekoste tas-sena 33 E.K. seħħet fl-1919? (b) Mill-1919 ’l hawn, liema effett kellu t-tferrigħ taʼ l-ispirtu t’Alla fuq il-qaddejja taʼ Jehovah?
7 Xorta waħda, dan ma damx għal ħafna żmien. Mill-1919, Jehovah beda jferraʼ l-ispirtu tiegħu fuq il-poplu tiegħu b’mod li jfakkarna f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. M’għandniex xi ngħidu, fl-1919 ma kienx hemm uħud li jitkellmu bl-ilsna u l-ebda ħoss bħal taʼ riħ qawwi. Mill-kliem taʼ Pawlu ddokumentat fl-1 Korintin 13:8 nifhmu li ż-żmien tal-mirakli kien ilu li spiċċa. Minkejja dan, l-ispirtu t’Alla kien evidenti b’mod ċar fl-1919 meta, waqt konvenzjoni f’Cedar Point, Ohio, fl-Istati Uniti, il-Kristjani leali reġgħu ngħataw il-ħajja u għal darb’oħra bdew ix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna. Fl-1922 reġgħu ltaqgħu f’Cedar Point u ġew imħeġġin għall-azzjoni bl-appell “Irriklamaw, irriklamaw, irriklamaw is-Sultan u s-saltna tiegħu.” Bħalma kien ġara fl-ewwel seklu, id-dinja ġiet imġiegħla tagħti kas l-effetti tat-tferrigħ taʼ l-ispirtu t’Alla. Kull Kristjan dedikat—maskil u femminil, żgħir u kbir—beda “jipprofetizza,” jiġifieri, jiddikjara “l-għeġubijiet taʼ Alla.” (Atti 2:11) Bħal Pietru, huma ħeġġew lil uħud ġwejdin: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin.” (Atti 2:40) Uħud li taw kas kif setgħu jagħmluh dan? Billi jisimgħu mill-kliem taʼ Ġoel misjub f’Ġoel 3:5 [Ġoel 2:32, NW]: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles [“joħroġ salv,” NW].”
8. L-affarijiet taʼ l-Iżrael t’Alla kif imxew ’il quddiem mill-1919 ’l hawn?
8 Minn dawk is-snin bikrin ’l hawn, l-affarijiet taʼ l-Iżrael t’Alla mxew ’il quddiem. L-issiġillar tal-midlukin jidher li hu avanzat ġmielu, u mis-snin tletin ’l hawn daħlet fix-xena folla kbira taʼ wħud ġwejdin b’tama għall-art. (Apokalissi 7:3, 9) Kulħadd iħoss sens t’urġenza, għaliex it-tieni twettiq taʼ Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW] juri li ninsabu qrib lejn jum taʼ Jehovah li jqanqal il-biżaʼ saħansitra akbar, meta se tinqered sistema dinjija t’affarijiet reliġjuża, politika, u kummerċjali. Għandna kull raġuni għalfejn ‘insejħu isem il-Mulej [Jehovah]’ b’fidi sħiħa li se jsalvana!
Kif Se Nsejħu Isem Jehovah?
9. X’inhuma xi affarijiet li huma involuti f’li nsejħu isem Jehovah?
9 X’hemm involut f’li nsejħu isem Jehovah? Il-kuntest taʼ Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW] jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija. Per eżempju, Jehovah ma jagħtix widen lil kulmin isejjaħlu. Skond profeta ieħor, Isaija, Jehovah qal lil Iżrael: “Meta intom tiftħu jdejkom, jien inwarrab għajnejja minnkom; ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx.” Jehovah għala rrifjuta li jagħtih widen lill-ġens tiegħu stess? Hu nnifsu jispjega: “Għax idejkom mimlija demm.” (Isaija 1:15) Jehovah m’huwiex se jismaʼ lil min hu ħati taʼ demm jew lil min qiegħed jipprattika d-dnub. Kien għalhekk li Pietru qal lil-Lhud f’Pentekoste biex jindmu. Fil-kuntest taʼ Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW], insibu li Ġoel ukoll jenfasizza l-indiema. Per eżempju, f’Ġoel 2:12, 13, naqraw: “Iżda mqar issa, oraklu tal-Mulej, erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, bis-sawm, bil-biki, u bl-ilfiq. Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom, u erġgħu duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom, għax hu twajjeb u ħanin, tqil biex jinkorla, u kollu tjieba.” Mill-1919 ’l hawn, Kristjani midlukin aġixxew fi qbil maʼ dak il-kliem. Huma nidmu min-nuqqasijiet tagħhom u kienu ddeterminati li qatt iktar ma jagħmlu kompromess jew ibattu fix-xogħol. Dan fetaħ it-triq biex jiġi mferraʼ l-ispirtu t’Alla. Kull individwu li jrid isejjaħ isem Jehovah u jiġi mismugħ irid isegwi l-istess korsa.
10. (a) X’inhi l-indiema vera? (b) Jehovah kif iwieġeb għall-indiema vera?
10 Ftakar, indiema vera hija iktar milli sempliċement tgħid, “Jiddispjaċini.” L-Iżraeliti kienu jċarrtu l-ilbiesi taʼ fuq tagħhom biex juru l-intensità tas-sentimenti tagħhom. Imma Jehovah jgħid: “Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom.” Indiema vera tiġi mill-qalb, mill-fond taʼ ġewwa fina. Din tinkludi li nagħtu daharna lill-għemil ħażin, saħansitra bħalma naqraw f’Isaija 55:7: “Ħa jħalli triqtu l-midneb, u l-bniedem il-ħażin fehmietu; ħa jerġaʼ lura għand il-Mulej.” Tinvolvi li nobogħdu d-dnub, l-istess bħalma għamel Ġesù. (Lhud 1:9) Imbagħad, nafdaw f’Jehovah biex jaħfrilna fuq il-bażi tas-sagrifiċċju tar-rahan għaliex Jehovah hu “twajjeb u ħanin, tqil biex jinkorla, u kollu tjieba.” Hu se jaċċetta l-qima tagħna, l-offerta spiritwali tagħna taʼ l-ikel u tax-xorb. Hu se jagħti widen meta nsejħu ismu.—Ġoel 2:13, 14.
11. Il-qima vera liema post għandu jkollha f’ħajjitna?
11 Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù tana xi ħaġ’oħra x’inżommu f’moħħna meta qal: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.” (Mattew 6:33) Il-qima tagħna m’għandhiex titqies b’mod każwali, bħala xi ħaġa li nagħmluha biex ngħidu li għamilnieha ħalli nikkwietaw il-kuxjenza tagħna. Is-servizz tagħna lejn Alla jixraqlu l-ewwel post f’ħajjitna. B’hekk, permezz taʼ Ġoel, Jehovah jkompli jgħidilna: “Doqqu t-tromba f’Sijon! . . . Iġbru l-poplu, qaddsu l-ġemgħa; għajjtu x-xjuħ, iġbru t-tfal, u t-trabi tal-ħalib! Ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu u l-għarusa mill-kmajra tagħha!” (Ġoel 2:15, 16) Hija xi ħaġa naturali għal miżżewġin friski li jiġu distratti, billi jkun moħħhom biss f’xulxin. Imma anki għalihom, is-servizz tagħhom lejn Jehovah jrid jiġi l-ewwel. Xejn m’għandu jiġi qabel il-ġbir tagħna flimkien quddiem Alla tagħna, u li nsejħu ismu.
12. Liema potenzjal għal tkabbir jidher mir-rapport tal-Mafkar tas-sena l-oħra?
12 B’dan f’moħħna, ejjew nikkunsidraw statistika li ħarġet mir-Rapport tas-Sena taʼ Servizz 1997 tax-Xhieda taʼ Jehovah. Is-sena l-oħra kellna quċċata taʼ 5,599,931 pubblikatur tas-Saltna—verament folla kbira taʼ wħud li jfaħħru! L-attendenza għall-Mafkar kienet taʼ 14,322,226—madwar tmien miljuni u nofs iktar min-numru taʼ pubblikaturi. Dik il-figura turi li hemm potenzjal qawwi għal tkabbir. Ħafna minn dawk it-tmien miljuni u nofs kienu diġà qegħdin jistud-jaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah bħala persuni li wrew interess jew bħala tfal taʼ ġenituri mgħammdin. Numru kbir minnhom kienu qed jattendu laqgħa għall-ewwel darba. Il-fatt li kienu preżenti ta opportunità mill-aħjar lix-Xhieda taʼ Jehovah biex isiru jafuhom aħjar u joffrulhom l-għajnuna biex jimxu iktar ’il quddiem. Imbagħad, hemm dawk li narawhom kull sena għall-Mafkar u forsi jattendu għal xi ftit laqgħat oħrajn, imma jieqfu hemm. M’għandniex xi ngħidu, il-bibien dejjem miftuħin biex uħud bħal dawn jiġu għal-laqgħat. Imma aħna nħeġġuhom biex jimmeditaw bil-għaqal fuq il-kliem profetiku taʼ Ġoel u jikkunsidraw x’passi oħrajn iridu jieħdu biex ikunu ċerti li Jehovah se jismagħhom meta jsejħu ismu.
13. Jekk diġà qegħdin insejħu isem Jehovah, liema responsabbiltà għandna lejn oħrajn?
13 L-Appostlu Pawlu enfasizza aspett ieħor dwar li nsejħu isem Alla. Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, hu kkwota l-kliem profetiku taʼ Ġoel: “Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.” Imbagħad irraġuna: “Imma kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (Rumani 10:13, 14) Iva, ħafna oħrajn li s’issa għadhom ma sarux jafu lil Jehovah għandhom bżonn isejħu isem Alla. Dawk li diġà jafu lil Jehovah għandhom ir-responsabbiltà mhux biss li jippridkaw imma wkoll li jħabirku u jagħtuhom dik l-għajnuna.
Ġenna Spiritwali
14, 15. In-nies taʼ Jehovah se jgawdu liema barkiet bħal taʼ ġenna talli jsejħu ismu b’mod li jogħġob lilu?
14 Dak huwa l-mod kif kemm il-midlukin u kemm in-nagħaġ l-oħrajn iqisu s-sitwazzjoni, u bħala riżultat, Jehovah jberikhom. “U l-Mulej ġietu għira għall-art tiegħu, għader il-poplu tiegħu.” (Ġoel 2:18) Fl-1919, Jehovah wera żelu u mogħdrija għall-poplu tiegħu meta rrestawrahom u ġabhom fil-qasam tiegħu t’attività spiritwali. Din hija verament ġenna spiritwali, deskritta tajjeb minn Ġoel b’dawn il-kelmiet: “Tibżax, art, ifraħ u thenna, għax ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej! La tibżgħux, bhejjem tar-rabaʼ! Għax il-ħdura tal-kampanja reġgħet nibtet, is-siġar qed jitqalu bil-frott tagħhom, it-tina u d-dielja qed iroddu l-ġid tagħhom. Ulied Sijon, ifirħu, thennew fil-Mulej, Alla tagħkom! Għaliex hu takom ilma bikri kif imiss, bagħtilkom ix-xita bikrija, u x-xita mwaħħra, bħal fl-imgħoddi. L-andrijiet jimtlew bil-qmuħ, l-imgħasar ifuru bi nbid ġdid u żejt.”—Ġoel 2:21-24.
15 X’dehra pjaċevoli! Provvedimenti abbundanti taʼ tliet prodotti prinċipali għall-ħajja f’Iżrael—il-qamħ, iż-żejt taż-żebbuġa, u l-inbid—flimkien maʼ merħliet kotrana. Fi żmienna dak il-kliem profetiku huwa mwettaq b’mod spiritwali. Jehovah jipprovdilna l-ikel spiritwali kollu li neħtieġu. Ma nitgħaxxqux aħna b’abbundanza bħal din mogħtija minn Alla? Verament, bħalma bassar Malakija, Alla tagħna ‘fetaħ għalina t-twieqi tas-sema, u sawwab fuqna barka bl-abbundanza.’—Malakija 3:10.
L-Aħħar taʼ Sistema t’Affarijiet
16. (a) It-tferrigħ taʼ l-ispirtu x’ifisser għal żmienna? (b) X’hemm merfugħ għall-futur?
16 Huwa wara li jbassar il-kundizzjonijiet bħal taʼ ġenna għall-poplu t’Alla li Ġoel jipprofetizza dwar it-tferrigħ taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah. Meta Pietru kkwota din il-profezija f’Pentekoste, hu qal li kienet twettqet “fl-aħħar jiem.” (Atti 2:17) It-tferrigħ taʼ l-ispirtu t’Alla dakinhar kien ifisser li kienu bdew l-aħħar jiem għas-sistema Lhudija t’affarijiet. It-tferrigħ taʼ l-ispirtu t’Alla fuq l-Iżrael t’Alla fis-seklu 20 ifisser li aħna qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem tas-sistema dinjija t’affarijiet. Meta nqisu dan, x’hemm merfugħ għall-futur? Il-profezija taʼ Ġoel tkompli tgħidilna: “Fis-sema u l-art nuri sinjali, demm u nar u kolonni taʼ duħħan! Ix-xemx tinbidel fi dlam, u l-qamar f’demm, qabel ma jasal Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ!”—Ġoel 3:3, 4 [Ġoel 2:30, 31, NW].
17, 18. (a) Liema jum taʼ Jehovah li jqanqal il-biżaʼ ġie fuq Ġerusalemm? (b) Iċ-ċertezza tal-jum taʼ Jehovah li jqanqal il-biżaʼ x’iqanqalna biex nagħmlu?
17 Fis-sena 66 E.K., dan il-kliem profetiku beda jseħħ fil-Ġudea hekk kif il-ġrajjiet bdew jersqu b’mod ineżorabbli lejn il-quċċata tal-jum taʼ Jehovah li jqanqal il-biżaʼ fis-sena 70 E.K. X’biżaʼ kieku dak iż-żmien kont fost dawk li ma kinux qed jeżaltaw isem Jehovah! Illum, hemm merfugħin ġrajjiet daqstant tal-biżaʼ, meta din is-sistema dinjija t’affarijiet kollha kemm hi se tiġi meqruda taħt id Jehovah. Xorta waħda, salvazzjoni hija possibbli. Il-profezija tkompli: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles [“joħroġ salv,” NW], għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm is-salvazzjoni, kif qal il-Mulej, u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ.” (Ġoel 3:5 [Ġoel 2:32, NW]) Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma verament grati li jafu l-isem taʼ Jehovah, u huma fiduċjużi bis-sħiħ li hu se jsalvahom meta jgħajtulu.
18 X’se jiġri, iżda, meta l-jum il-kbir u glorjuż taʼ Jehovah se jfaqqaʼ fuq din id-dinja bil-qilla kollha tiegħu? Dan se jiġi diskuss fl-aħħar artiklu taʼ studju.
Tistaʼ Tiftakar?
◻ Jehovah meta ferraʼ għall-ewwel darba l-ispirtu tiegħu fuq il-poplu tiegħu?
◻ X’inhuma xi ftit mill-affarijiet involuti sabiex wieħed isejjaħ isem Jehovah?
◻ Il-jum il-kbir u glorjuż taʼ Jehovah meta ġie fuq Iżrael tal-laħam?
◻ Jehovah kif ibierek lil dawk li jsejħu ismu llum?
[Stampa f’paġna 15]
Ġens ġdid twieled f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.
[Stampa f’paġni 16, 17]
Iktar kmieni f’dan is-seklu, Jehovah ferraʼ għal darb’oħra l-ispirtu tiegħu fuq il-poplu tiegħu bi twettiq taʼ Ġoel 3:1, 2 [Ġoel 2:28, 29, NW]
[Stampa f’paġna 18]
In-nies iridu jiġu megħjunin isejħu isem Jehovah