Id-Dedikazzjoni u l-Libertà tà l-Għażla
“Kristu ħelisna biex ngħixu taʼ nies ħielsa.”—GALATIN 5:1.
1. Il-kelmiet bl-Ebrajk u bil-Grieg tradotti “dedikazzjoni,” “inawgurazzjoni,” jew “konsagrazzjoni” għal liema ħaġa japplikaw prinċipalment?
IL-KITTIEBA tal-Bibbja wżaw diversi kliem bl-Ebrajk u bil-Grieg biex iwasslu l-idea taʼ li wieħed ikun isseparat, jew imwarrab apparti, biex jaqdi skop sagru. F’Bibbji bil-Malti dan il-kliem jiġi tradott b’kelmiet bħal “dedikazzjoni,” “inawgurazzjoni,” jew “konsagrazzjoni.” Xi drabi dawn it-termini jintużaw f’konnessjoni maʼ strutturi—ġeneralment it-tempju t’Alla f’Ġerusalemm tal-qedem u l-qima li kienet issir hemmhekk. Rari li dawn il-kelmiet jintużaw b’referenza għal affarijiet sekulari.
Dedikazzjoni lil Dak “Alla taʼ Iżrael”
2. Jehovah għala setaʼ jissejjaħ b’mod korrett dak “Alla taʼ Iżrael”?
2 Fis-sena 1513 Q.E.K., Alla ħeles lill-Iżraeliti mill-jasar Eġizzjan. Ftit wara dan, warrabhom apparti bħala l-poplu speċjali tiegħu, billi daħħalhom f’relazzjoni taʼ patt miegħu. Intqalilhom: “Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt [“propjetà speċjali,” NW] tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi.” (Eżodu 19:5; Salm 135:4) Billi għamel lill-Iżraeliti l-propjetà speċjali tiegħu, Jehovah setaʼ bix-xieraq jissejjaħ dak “Alla taʼ Iżrael.”—Ġożwe 24:23.
3. Jehovah għala ma kienx qed juri parzjalità meta għażel lil Iżrael bħala l-poplu tiegħu?
3 Meta għamel lill-Iżraeliti l-poplu dedikat tiegħu, Jehovah ma kienx qed ikun parzjali, għax ħaseb b’imħabba wkoll għan-nies mhux Iżraeliti. Hu istruwixxa lill-poplu tiegħu: “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux. Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed taʼ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art taʼ l-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.” (Levitiku 19:33, 34) Sekli wara, il-ħarsa t’Alla ġiet mgħarrfa bil-qawwa lill-appostlu Pietru, li rrikonoxxa: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”—Atti 10:34, 35.
4. X’kienu l-kundizzjonijiet bejn Alla u Iżrael, u l-Iżraeliti għexu fi qbil magħhom?
4 Innota, ukoll, li l-fatt li huma kienu l-poplu dedikat t’Alla kien jiddependi minn xi kundizzjonijiet. Kien biss billi jobdu bir-reqqa l-kliem t’Alla u jħarsu l-patt tiegħu li huma setgħu jkunu l-“propjetà speċjali” tiegħu. B’sogħba, l-Iżraeliti naqsu li jwettqu dawk il-ħtiġijiet. Wara li ċaħdu lill-Messija li kien mibgħut minn Alla fl-ewwel seklu E.K., huma tilfu l-qagħda privileġġata tagħhom. Jehovah ma baqax dak “Alla taʼ Iżrael.” U l-Iżraeliti naturali ma baqgħux il-poplu dedikat t’Alla.—Qabbel Mattew 23:23.
Id-Dedikazzjoni taʼ “Iżrael taʼ Alla”
5, 6. (a) Ġesu x’ried ifisser bil-kliem profetiku tiegħu li nsibu f’Mattew 21:42, 43? (b) “Iżrael taʼ Alla” meta beda jeżisti u kif?
5 Kien ifisser dan li Jehovah issa ma kienx se jkollu poplu dedikat? Le. Waqt li kkwota s-salmista, Ġesù Kristu bassar: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka: bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa taʼ l-għaġeb f’għajnejna’? Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna taʼ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.”—Mattew 21:42, 43.
6 Il-kongregazzjoni Kristjana wriet li kienet il-“ġens li jagħmel il-frott minnha.” Matul il-waqfa tiegħu fuq l-art, Ġesù għażel l-ewwel membri prospettivi taʼ dan il-ġens. Imma f’jum Pentekoste tas-sena 33 E.K., kien Alla Jehovah nnifsu li waqqaf il-kongregazzjoni Kristjana billi ferraʼ l-ispirtu qaddis tiegħu fuq l-ewwel membri tagħha, li kienu madwar 120 ruħ. (Atti 1:15; 2:l-4) Bħalma kiteb l-appostlu Pietru iktar tard, din il-kongregazzjoni li kien għadha kif ġiet ifformata saret “ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih.” Maħturin għal liema raġuni? Sabiex ikunu jistgħu ‘jxandru t-tifħir taʼ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’ (1 Pietru 2:9) Is-segwaċi taʼ Kristu, midlukin bl-ispirtu t’Alla, kienu issa ġens dedikat, “Iżrael taʼ Alla.”—Galatin 6:16.
7. Membri taʼ Iżrael t’Alla x’kellhom igawdu, u għalhekk x’intqalilhom biex jevitaw?
7 Għalkemm membri tal-ġens qaddis kienu “poplu li Alla kiseb għalih,” dawn ma kellhomx ikunu mjassrin. Għall-kuntrarju, kellhom igawdu libertà akbar minn dik gawduta mill-ġens dedikat taʼ Iżrael naturali. Ġesù wiegħed lill-membri prospettivi taʼ dan il-ġens ġdid: “Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” (Ġwann 8:32) L-appostlu Pawlu indika li l-Kristjani kienu meħlusin mill-ħtiġijiet tal-patt tal-Liġi. F’dan ir-rigward hu ammonixxa lill-kredenti sħabu fil-Galatja: “Kristu ħelisna biex ngħixu taʼ nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar.”—Galatin 5:1.
8. L-arranġament Kristjan f’liema aspett joffri lil individwu libertà akbar minn dik esperjenzata taħt il-patt tal-Liġi?
8 Kuntrarju għal Iżrael naturali tal-qedem, Iżrael t’Alla għadu sal-ġurnata tal-lum jobdi strettament il-ħtiġijiet tad-dedikazzjoni tiegħu. Dan m’għandux jissorprendina għaliex il-membri tiegħu minn jeddhom għażlu li jobdu. Fil-waqt li l-membri taʼ Iżrael naturali saru ddedikati minħabba li twieldu hekk, il-membri taʼ Iżrael t’Alla saru hekk għax għażlu huma. L-arranġament Kristjan b’hekk kien f’kuntrast mal-patt tal-Liġi Lhudija, li kien jimponi d-dedikazzjoni fuq individwi mingħajr ma ħallielhom il-libertà taʼ l-għażla.
9, 10. (a) Ġeremija kif indika li kellu jkun hemm bidla f’konnessjoni mad-dedikazzjoni? (b) Int għala tgħid li llum mhux il-Kristjani dedikati kollha huma membri taʼ Iżrael t’Alla?
9 Il-profeta Ġeremija bassar bidla rigward id-dedikazzjoni meta kiteb: “ ‘Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid maʼ dar Iżrael u dar Ġuda; mhux bħall-patt li għamilt maʼ missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art taʼ l-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, oraklu tal-Mulej. Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel maʼ dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.’ ”—Ġeremija 31:3l-33.
10 Billi jkollhom il-liġi t’Alla “fosthom,” miktuba, bħallikieku, “f’qalbhom,” il-membri taʼ Iżrael t’Alla jiġu mqanqlin biex jgħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħhom. Il-motivazzjoni tagħhom hija iżjed qawwija minn dik taʼ l-Iżraeliti naturali, li kienu ddedikati għax twieldu hekk, u mhux għax għażlu huma. Illum, il-motivazzjoni qawwija biex jagħmlu r-rieda t’Alla, bħalma tintwera mill-Iżrael t’Alla, tintwera wkoll minn iktar minn ħames miljun adoratur sħabhom madwar id-dinja kollha. Huma bl-istess mod iddedikaw ħajjithom lil Alla Jehovah biex jagħmlu r-rieda tiegħu. Għalkemm dawn l-individwi m’għandhomx it-tama taʼ ħajja fis-sema bħalma għandhom dawk li huma parti mill-Iżrael t’Alla, huma jithennew bil-prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-art taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla mis-sema. Huma juru apprezzament għal Iżrael spiritwali billi jappoġġjaw b’mod attiv lill-ftit membri tiegħu li baqaʼ biex iwettqu l-inkarigu tagħhom li ‘jxandru t-tifħir taʼ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’
Neżerċitaw b’Mod Għaqli l-Libertà li Tana Alla
11. Il-bniedem ġie maħluq b’liema abbiltà, u din kif għandha tintuża?
11 Alla ħalaq lill-bnedmin jgħożżu l-libertà. Hu tahom il-kapaċità taʼ rieda ħielsa. L-ewwel koppja umana wżaw il-libertà tagħhom taʼ l-għażla. Madankollu, bla għaqal u bla mħabba huma għamlu għażla li wasslet kemm lilhom u kemm lil nisilhom f’diżastru. Xorta waħda, dan juri ċar li Jehovah qatt ma jisforza lill-ħlejjaq intelliġenti biex jaqbdu korsa li tmur kontra l-motivi jew ix-xewqat ġewwinija tagħhom. U ladarba “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ,” l-unika dedikazzjoni li hu jaċċetta hija waħda bbażata fuq l-imħabba, waħda li ssir volontarjament u bil-ferħ, waħda msejsa fuq il-libertà taʼ l-għażla. (2 Korintin 9:7) Kwalunkwe xorta oħra m’hijiex aċċettabbli.
12, 13. Timotju kif iservi taʼ mudell għal taħriġ xieraq tat-tfal, u l-eżempju tiegħu wassal lil ħafna żgħażagħ għal liema ħaġa?
12 Billi jirrikonoxxu bis-sħiħ din il-ħtieġa, ix-Xhieda taʼ Jehovah jinkuraġġixxu li wieħed jiddedika lilu nnifsu lil Alla, imma qatt ma jisforzaw lil ħadd biex jagħmel dedikazzjoni bħal din, lanqas saħansitra lil uliedhom stess. Kontra dak li jagħmlu ħafna knejjes, ix-Xhieda ma jgħammdux lil uliedhom meta jkunu trabi, bħallikieku kien possibbli li jisforzawhom għal dedikazzjoni mingħajr il-benefiċċju taʼ għażla persunali. Il-mudell Skritturali li għandu jiġi segwit huwa dak li ġie segwit miż-żagħżugħ Timotju. Bħala adult, intqallu mill-appostlu Pawlu: “Ibqaʼ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ [“ġejt ipperswadut biex temmen,” NW] għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.”—2 Timotju 3:14, 15.
13 Taʼ min jinnota li Timotju kien jaf il-Kotba Mqaddsa għax kienu għallmuhomlu minn żgħoritu. Kien ġie pperswadut—mhux sforzat—biex jemmen it-tagħlim Kristjan minn ommu u nanntu. (2 Timotju 1:5) Bħala riżultat, Timotju ra kemm kien għaqli li wieħed isir segwaċi taʼ Kristu u b’hekk għamel l-għażla persunali tad-dedikazzjoni Kristjana. Fi żmienna, għaxriet t’eluf taʼ żgħażagħ li għandhom il-ġenituri Xhieda taʼ Jehovah segwew dan l-eżempju. (Salm 110:3, Karm Żammit) Oħrajn m’għamlux hekk. Hija kwistjoni taʼ għażla persunali.
Nagħżlu li Nkunu Rsiera taʼ Min?
14. Rumani 6:16 x’jgħidilna dwar il-libertà totali?
14 L-ebda bniedem m’huwa liberu għalkollox. Kulħadd huwa ristrett fil-libertà tiegħu minħabba liġijiet fiżiċi, bħalma hija l-liġi tal-gravità, li ma tistax tiġi injorata mingħajr konsegwenzi. Anki f’sens spiritwali, ħadd m’huwa liberu għalkollox. Pawlu rraġuna: “Ma tafux li jekk intom toffru ruħkom lil xi ħadd b’ilsiera biex tobduh, taʼmin tobdu tkunu l-ilsiera, kemm jekk dan ikun id-dnub, li jwassal għall-mewt, u kemm jekk tkun l-ubbidjenza li twassal għall-ġustifikazzjoni?”—Rumani 6:16.
15. (a) In-nies kif iħossuhom dwar li jkunu rsiera, imma l-biċċa l-kbira x’jispiċċaw jagħmlu? (b) Liema mistoqsijiet xierqa nistgħu nistaqsu lilna nfusna?
15 L-idea li jkunu rsiera taʼ xi ħadd m’hijiex pjaċevoli għall-biċċa l-kbira tan-nies. Iżda, fid-dinja tal-lum ir-realtà hi li n-nies taʼ spiss tant iħallu lilhom infushom jiġu mmanipulati u influwenzati b’ħafna modi sottili li jispiċċaw jagħmlu mingħajr ma jridu dak li oħrajn iriduhom jagħmlu. Per eżempju, l-industrija tar-riklami u d-dinja tad-divertiment jipprovaw iġibu lil kulħadd jaħseb u jaġixxi xorta, billi jistabbilixxu livelli li n-nies isegwu. Organizzazzjonijiet politiċi u reliġjużi jġagħlu lin-nies jappoġġjaw l-ideat u l-għanijiet tagħhom, mhux dejjem permezz taʼ raġunar konvinċenti, imma taʼ spiss billi jappellaw għal sens taʼ solidarjetà u lealtà. Ladarba Pawlu nnota li ‘aħna rsiera taʼ min nobdu,’ kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, Taʼ min jien irsir? Min l-iktar għandu influwenza fuq id-deċiżjonijiet tiegħi u fuq il-korsa taʼ ħajti? Il-kleru reliġjuż, il-mexxejja politiċi, il-barunijiet finanzjarji, jew il-personalitajiet tad-divertiment? Jien lil min nobdi—lil Alla jew lill-bnedmin?’
16. Il-Kristjani f’liema sens huma rsiera t’Alla, u liema hi l-ħarsa xierqa dwar jasar bħal dan?
16 Il-Kristjani ma jqisux l-ubbidjenza lejn Alla bħala ksur mhux iġġustifikat tal-libertà persunali. Huma jeżerċitaw minn jeddhom il-libertà tagħhom bl-istess mod bħalma għamel l-Eżemplar tagħhom, Ġesù Kristu, billi x-xewqat u l-prijoritajiet persunali jġibuhom fi qbil mar-rieda t’Alla. (Ġwann 5:30; 6:38) Huma jiżviluppaw il-“ħsieb taʼ Kristu,” billi jissottomettu lilhom infushom għalih bħala r-Ras tal-kongregazzjoni. (1 Korintin 2:14-16; Kolossin 1:15-18) Dan jixbah ħafna lil mara li tiżżewweġ u minn jeddha tikkopera mar-raġel li tħobb. Fil-fatt, il-ġemgħa taʼ Kristjani midlukin tissejjaħ verġni safja mwiegħda fiż-żwieġ lill-Kristu.—2 Korintin 11:2; Efesin 5:23, 24; Apokalissi 19:7, 8.
17. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kollha x’għażlu li jsiru?
17 Kull wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, kemm jekk għandu tama għas-sema u kemm jekk għall-art, għamel dedikazzjoni persunali lil Alla biex jagħmel ir-rieda tiegħu u biex jobdih bħala Ħakkiem. Għal kull Xhud, id-dedikazzjoni kienet għażla persunali għax jippreferi jsir irsir t’Alla milli jibqaʼ rsir tal-bnedmin. Dan hu f’armonija mal-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Intom mixtrija bi prezz għoli; tkunux issa lsiera tal-bnedmin.” —1 Korintin 7:23.
Nitgħallmu biex Nibbenefikaw Aħna Stess
18. Xhud potenzjali meta jikkwalifika għall-magħmudija?
18 Biex individwu jikkwalifika ħalli jsir wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, hu jrid jissodisfa xi kwalifiki Skritturali. L-anzjani joqogħdu attenti biex jiddeterminaw jekk dak li jrid isir Xhud jifhimx verament l-implikazzjonijiet tad-dedikazzjoni Kristjana. Irid tassew isir wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah? Lest li jgħix fi qbil maʼ dak li hu involut? Jekk le, m’huwiex eliġibbli għall-magħmudija.
19. Għala m’hemm ebda raġuni li tikkritika lil xi ħadd meta jiddeċiedi li jsir qaddej dedikat t’Alla?
19 Madankollu, jekk individwu jissodisfa l-ħtiġijiet kollha, għala għandu jiġi kkritikat għax minn jeddu jieħu deċiżjoni persunali li jħalli lilu nnifsu jiġi influwenzat minn Alla u mill-Kelma ispirata Tiegħu? Huwa inqas aċċettabbli li tħalli lilek innifsek tiġi influwenzat minn Alla milli mill-bnedmin? Jew huwa dan taʼ xi benefiċċju inqas? Ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jaħsbuhiex hekk. B’qalbhom kollha huma jaqblu mal-kliem t’Alla miktub minn Isaija: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.”—Isaija 48:17.
20. In-nies f’liema aspetti jinħelsu permezz tal-verità tal-Bibbja?
20 Il-verità tal-Bibbja teħles lin-nies milli jemmnu duttrini reliġjużi foloz, bħal dik taʼ turment etern f’infern jaqbad. (Koħèlet 9: 5, 10) Minflok, timlielhom qalbhom bi gratitudni għat-tama vera għall-mejtin—l-irxoxt li ntgħamel possibbli fuq il-bażi tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 20:28; Atti 24:15; Rumani 6:23) Il-verità tal-Bibbja teħles lin-nies mill-frustrazzjonijiet li jirriżultaw meta wieħed jiddependi fuq wegħdi politiċi li jfallu konsistentement. Minflok, din iġġiegħel lil qlubhom ifuru bil-ferħ għax jafu li s-Saltna taʼ Jehovah diġà qiegħda taħkem fis-smewwiet u dalwaqt se taħkem fuq l-art kollha. Il-verità tal-Bibbja teħles lin-nies minn prattiċi li, għalkemm iħajru l-laħam midneb, jiddiżonoraw lil Alla u jesiġu piena ħarxa fl-għamla taʼ relazzjonijiet falluti, mard, u mewt prematura. Fi ftit kliem, li tkun irsir t’Alla huwa bil-wisq iżjed taʼ benefiċċju milli li tkun irsir tal-bnedmin. Fil-fatt, id-dedikazzjoni lil Alla twiegħed benefiċċji “f’din id-dinja stess . . . u l-ħajja taʼ dejjem fiż-żmien li ġej.”—Mark 10:29, 30.
21. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iħarsu lejn dedikazzjoni lil Alla, u x’inhi x-xewqa tagħhom?
21 Ix-Xhieda taʼ Jehovah llum ma sarux parti minn ġens dedikat għax twieldu hekk bħalma kienu l-Iżraeliti tal-qedem. Ix-Xhieda huma parti minn kongregazzjoni taʼ Kristjani dedikati. Kull Xhud mgħammed sar hekk billi waħdu eżerċita l-libertà taʼ l-għażla biex għamel dedikazzjoni. Tabilħaqq, għax-Xhieda taʼ Jehovah d-dedikazzjoni tirriżulta f’relazzjoni persunali mill-qalb m’Alla identifikata b’servizz volontarju lejh. B’qalbhom kollha jixtiequ jżommu din ir-relazzjoni taʼ ferħ, billi għal dejjem jiggranfaw mal-libertà li għaliha ġew meħlusin minn Ġesù Kristu.
Int Kif Twieġeb?
◻ Alla għala ma kienx parzjali meta għażel lil Iżrael biex isir il-“propjetà speċjali” tiegħu?
◻ Skond l-opinjoni tiegħek, id-dedikazzjoni Kristjana għala ma tinvolvix telfien taʼ libertà?
◻ Liema huma l-benefiċċji taʼ dedikazzjoni lil Alla Jehovah?
Għala huwa aħjar li tkun qaddej taʼ Jehovah milli tkun irsir tal-bnedmin?
[Stampa f’paġna 15]
F’lżrael tal-qedem, id-dedikazzjoni lil Alla kienet ereditarja
[Stampa f’paġna 16]
Id-dedikazzjoni Kristjana ssir bˈgħażla volontarja