Nistennew bi ‘Stennija Ħerqanaʼ
“Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla.”—RUMANI 8:19.
1. Liema similarità teżisti bejn is-sitwazzjoni tal-Kristjani llum u dik tal-Kristjani taʼ l-ewwel seklu?
IS-SITWAZZJONI tal-Kristjani veri llum tixbah lil dik tal-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Il-qaddejja taʼ Jehovah taʼ dak iż-żmien kienu megħjunin permezz taʼ profezija biex jidentifikaw meta kellu jidher il-Messija. (Danjel 9:24-26) L-istess profezija bassret il-qerda taʼ Ġerusalemm imma ma kien fiha ebda elementi li setgħu jgħinu lill-Kristjani biex ikunu jafu bil-quddiem meta dik il-belt kellha tiġi meqruda. (Danjel 9:26b, 27) Bl-istess mod, kienet profezija li ġagħlet providenzjalment lil xi studenti tal-Bibbja sinċieri fis-seklu 19 ikunu fi stennija. Billi rabtu s-“sebaʼ żminijiet” taʼ Danjel 4:22 [Danjel 4:25, NW] maʼ “żmien il-Ġentili,” dawn antiċipaw li Kristu kellu jirċievi l-qawwa tas-Saltna fl-1914. (Luqa 21:24, Karm Żammit; Eżekjel 21:25-27) Fil-waqt li l-ktieb taʼ Danjel fih ħafna profeziji, l-ebda waħda minnhom ma twassal lill-istudenti tal-Bibbja tal-lum biex jikkalkulaw eżatt meta se tiġi meqruda s-sistema taʼ Satana kollha kemm hi. (Danjel 2:31-44; 8:23-25; 11:36, 44, 45) Madankollu, dan dalwaqt se jseħħ, għaliex qegħdin ngħixu fiż-“żmien taʼ l-aħħar.”—Danjel 12:4.a
Għassa Stretta Matul il-Preżenza taʼ Kristu
2, 3. (a) Liema ħaġa sservi bħala l-evidenza ewlenija li aħna qegħdin ngħixu matul il-preżenza taʼ Kristu bil-qawwa taʼ sultan? (b) X’juri li l-Kristjani kellhom jibqgħu għassa matul il-preżenza taʼ Ġesù Kristu?
2 Veru li profezija poġġiet lill-Kristjani fi stat taʼ stennija qabel ma Kristu ġie investit bil-qawwa tas-Saltna fl-1914. Imma s-“sinjal” li ta Kristu dwar il-preżenza tiegħu u l-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet kien jikkonsisti fi ġrajjiet. U l-biċċa l-kbira minnhom kellhom jidhru wara li tkun bdiet il-preżenza tiegħu. Ġrajjiet bħalma huma—gwerer, skarsezzi taʼ ikel, terremoti, pestilenzi, żjieda fil-ksur tal-liġi, persekuzzjoni tal-Kristjani, u l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna mad-dinja kollha—iservu bħala l-evidenza ewlenija li issa qegħdin ngħixu matul il-preżenza taʼ Kristu bil-qawwa taʼ sultan.—Mattew 24:3-14; Luqa 21:10, 11.
3 Madankollu, is-sugu kollu tal-parir li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu qabel ma ħalliehom kien: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru.” (Mark 13:33, 37; Luqa 21:36) Qari bir-reqqa tal-kuntest taʼ dawn l-eżortazzjonijiet biex wieħed iżomm għassa stretta juri li Kristu ma kienx qed jitkellem primarjament dwar żamma taʼ għassa stretta għas-sinjal tal-bidu tal-preżenza tiegħu. Minflok, hu kien qed jordna lid-dixxipli veri tiegħu biex iżommu għassa stretta matul il-preżenza tiegħu. Għal liema ħaġa kellhom il-Kristjani veri jibqgħu għassa?
4. Liema skop kellu jaqdi s-sinjal li ta Ġesù?
4 Ġesù ta l-profezija kbira tiegħu bi tweġiba għall-mistoqsija: “Dan meta għad jiġri [ġrajjiet li kienu jwasslu għall-qerda tas-sistema t’affarijiet Lhudija]? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja [“preżenza,” NW] tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?” (Mattew 24:3) Is-sinjal imbassar kellu jservi biex jidentifika mhux biss il-preżenza taʼ Kristu imma wkoll ġrajjiet li kienu jwasslu għat-tmiem tas-sistema preżenti t’affarijiet mill-agħar.
5. Ġesù kif wera li fil-waqt li kellu jkun preżenti spiritwalment, hu se jkun għadu “ġej”?
5 Ġesù wera li matul il-“preżenza” (Grieg, pa·rou·siʹa) tiegħu, hu kellu jiġi b’qawwa u glorja. Rigward din il-“miġja” (indikata b’għamliet tal-verb Grieg erʹkho·mai), hu ddikjara: “Mbagħad jidher fis-sema s-sinjal taʼ Bin il-bniedem, il-popli kollha taʼ l-art jibdew jagħtu fuq sidirhom, u jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira. . . . Tgħallmu din il-parabbola mis-siġra tat-tin. Meta l-fergħa tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan kollu, kunu afu li hu [Kristu] fil-qrib, fil-bieb. . . . Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. . . . Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.” (Korsiv tagħna.)—Mattew 24:30, 32, 33, 42, 44.
Għala Jiġi Ġesù Kristu?
6. Kif se sseħħ il-qerda taʼ “Babilonja l-Kbira”?
6 Għalkemm preżenti bħala Sultan mill-1914 ’l hawn, Ġesù Kristu għad irid jiġġudika lil sistemi u individwi qabel ma jesegwixxi ġudizzju fuq dawk li jsib li jkunu mill-agħar. (Qabbel it-2 Korintin 5:10.) Jehovah dalwaqt se jpoġġi l-ħsieb fl-imħuħ tal-ħakkiema politiċi biex jeqirdu lil “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 17:4, 5, 16, 17) L-appostlu Pawlu qal speċifikament li Ġesù Kristu se jeqred lill-“Bniedem tad-dnub”—il-kleru apostat tal-Kristjaneżmu, parti prominenti minn “Babilonja l-Kbira.” Pawlu kiteb: “Mbagħad jinkixef il-Ħażin, u l-Mulej Ġesù joqtlu b’nifs fommu u jeqirdu bid-dija tal-preżenza tiegħu.”—2 Tessalonikin 2:3, 8.
7. Meta Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu, liema ġudizzju se jaqtaʼ?
7 Fil-futur qarib, Kristu se jiġġudika lin-nies tal-ġnus fuq il-bażi taʼ kif dawn ikunu aġixxew maʼ ħutu li jkunu għadhom fuq l-art. Naqraw: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. . . . U s-Sultan iweġibhom u jgħid [lin-nagħaġ], ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu maʼ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’ . . . U dawn [il-mogħoż] imorru fit-tbatija [“fil-qtugħ,” NW] taʼ dejjem u l-ġusti fil-ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:31-46.
8. Pawlu kif jiddeskrivi l-miġja taʼ Kristu biex jesegwixxi ġudizzju fuq dawk li jiċħdu ’l Alla?
8 Bħalma turi l-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż, Ġesù jesegwixxi ġudizzju finali fuq dawk kollha li jiċħdu ’l Alla. Pawlu assigura lill-kredenti sofferenti sħabu: “Għad iserraħ lilkom li qegħdin issofru, kif ukoll lilna, dak in-nhar li l-Mulej Ġesù jfeġġ mis-smewwiet imdawwar bl-anġli tal-qawwa tiegħu b’nar iħeġġeġ, biex iħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-Evanġelju taʼ Sidna Ġesù. Dawn għad jitħallsu bil-piena tat-telfien taʼ dejjem, ’il bogħod minn wiċċ il-Mulej u mill-glorja tal-qawwa tiegħu, dakinhar li jiġi biex jieħu glorja mingħand il-qaddisin tiegħu.” (2 Tessalonikin 1:7-10) B’dawn il-ġrajjiet eċċitanti kollha quddiemna, m’għandniex aħna neżerċitaw fidi u nibqgħu għassa b’mod ħerqan għall-miġja taʼ Kristu?
Nistennew bil-Ħerqa għar-Rivelazzjoni taʼ Kristu
9, 10. Il-midlukin li għadhom fuq l-art għala jistennew bil-ħerqa r-rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu?
9 Meta “l-Mulej Ġesù jfeġġ mis-smewwiet” ma jkunx biss biex iġib qerda fuq in-nies mill-agħar imma wkoll biex jippremja lit-twajbin. Dawk li fadal minn fost l-aħwa midlukin taʼ Kristu li għadhom fuq l-art forsi baqgħalhom isofru qabel ir-rivelazzjoni taʼ Kristu, imma huma jithennew bit-tama glorjuża tagħhom tas-sema. L-appostlu Pietru kiteb lill-Kristjani midlukin: “Imma ifirħu, għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet taʼ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra [“rivelazzjoni,” NW] tal-glorja tiegħu.”—1 Pietru 4:13.
10 Dawk midlukin huma ddeterminati li jibqgħu leali sakemm Kristu ‘jiġmagħhom biex jingħaqdu miegħu’ sabiex il-fidi tagħhom ‘mgħoddija mill-prova’ jkun “jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu.” (2 Tessalonikin 2:1; 1 Pietru 1:7) Dwar dawn il-Kristjani leali, imnisslin bl-ispirtu, jistaʼ jingħad: “Daqs kemm ix-xhieda taʼ Kristu kienet imwettqa fikom. Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra [“rivelazzjoni,” NW] taʼ Sidna Ġesù Kristu.”—1 Korintin 1:6, 7.
11. Fil-waqt li jistennew ir-rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu, Kristjani midlukin x’jagħmlu?
11 Il-fdal midluk iħossuhom l-istess bħal Pawlu, li kiteb: “Jiena għadni persważ li t-tbatijiet taʼ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina.” (Rumani 8:18) Il-fidi tagħhom m’għandhiex bżonn titwieżen permezz taʼ kalkoli taż-żmien. Huma jżommu ruħhom okkupati bis-sħiħ fis-servizz taʼ Jehovah, u b’hekk jipprovdu eżempju taʼ l-għaġeb għal sħabhom, in-“nagħaġ oħra.” (Ġwann 10:16) Dawn il-midlukin jafu li t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar huwa qrib, u jagħtu kas l-eżortazzjoni taʼ Pietru: “Kunu mħażżmin fir-ruħ u rżina f’kollox; ittamaw għalkollox fil-grazzja li għad tingħatalkom meta jidher Ġesù Kristu.”—1 Pietru 1:13.
“Il-Ħlejjaq Kollha Qegħdin Jistennew Ħerqana”
12, 13. Il-ħolqien uman kif kien “taħt il-frugħa,” u n-nagħaġ oħrajn għal liema ħaġa jixxennqu?
12 Għandhom in-nagħaġ oħrajn ukoll xi ħaġa li għaliha jistgħu jgħixu fi stennija ħerqana? Ċertament li għandhom. Wara li tkellem dwar it-tama glorjuża taʼ dawk adottati minn Jehovah bħala “wlied” imnisslin bl-ispirtu u “werrieta maʼ Kristu” fis-Saltna tas-sema, Pawlu qal: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa—mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha—bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:14-21; 2 Timotju 2:10-12.
13 Permezz tad-dnub taʼ Adam, id-dixxendenti kollha tiegħu ġew “taħt il-frugħa,” billi twieldu fil-jasar għad-dnub u l-mewt. Ma kinux kapaċi jeħilsu lilhom infushom minn dan il-jasar. (Salm 49:8 [Salm 49:7, NW]; Rumani 5:12, 21) O kemm jixxennqu n-nagħaġ oħrajn “ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir”! Imma qabel ma jseħħ dan, iridu jiġru xi affarijiet skond iż-żminijiet u l-istaġuni taʼ Jehovah.
14. X’se jkun involut fir-“rivelazzjoni taʼ wlied Alla,” u dan kif se jirriżulta f’li l-bnedmin “ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir”?
14 Il-fdal taʼ “wlied Alla” li huma midlukin iridu l-ewwel jiġu ‘rrivelati.’ Dan x’se jinvolvi? Fiż-żmien xieraq t’Alla, se jsir evidenti għan-nagħaġ oħrajn li l-midlukin ġew finalment “issiġillati” u gglorifikati biex jirrenjaw maʼ Kristu. (Apokalissi 7:2-4) “Ulied Alla” li huma rxoxtati wkoll se jiġu ‘rrivelati’ meta jieħdu sehem maʼ Kristu fil-qerda tas-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ Satana. (Apokalissi 2:26, 27; 19:14, 15) Imbagħad, matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, huma se jiġu ‘rrivelati’ iżjed bħala mezzi saċerdotali għat-tqassim tal-benefiċċji tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù għall-“ħlejjaq” umani. Dan se jirriżulta f’li l-bnedmin “ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir” u eventwalment “jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21; Apokalissi 20:5; 22:1, 2) Bi prospetti grandjużi bħal dawn, għandna għalfejn nistagħġbu li n-nagħaġ oħrajn “qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla”?—Rumani 8:19.
Il-Paċenzja taʼ Jehovah Tfisser Salvazzjoni
15. Liema ħaġa qatt m’għandna ninsew rigward il-mod kif Jehovah jwettaq il-ġrajjiet fil-ħin preċiż tagħhom?
15 Jehovah hu l-Kronometrista l-Kbir. Il-mod kif hu jwettaq il-ġrajjiet fil-ħin preċiż tagħhom se jkun perfett. L-affarijiet forsi mhux dejjem jidhru li qed iseħħu bil-mod li aħna personalment inkunu stennejna. Madankollu, jistaʼ jkollna fidi assoluta li l-wegħdi kollha t’Alla se jitwettqu. (Ġożwè 23:14) Għandu mnejn li hu qed iħalli l-affarijiet idumu iktar milli ħafna stennew. Imma ejjew infittxu li nifhmu l-mogħdijiet tiegħu u nammiraw l-għerf tiegħu. Pawlu kiteb: “Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal taʼ Alla! Kemm tassew ħadd ma jistaʼ jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu! Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej? Min qatt kien il-kunsillier tiegħu?”—Rumani 11:33, 34.
16. Min qiegħed f’pożizzjoni li jibbenefika mill-paċenzja taʼ Jehovah?
16 Pietru kiteb: “Ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu [il-qerda tas-“smewwiet” u “l-art” il-qodma u li dawn jiġu mibdulin mis-“smewwiet ġodda” u l-“art ġdida” li wiegħed Alla], qisu li [“finalment,” “NW”] jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub. Is-sabar li bih il-Mulej jeħodna qisuh bħala salvazzjoni tagħna.” Minħabba l-paċenzja taʼ Jehovah, miljuni oħrajn qed jingħataw l-opportunità li jiġu salvati minn “jum il-Mulej,” li se jiġi bla mistenni “bħal ħalliel.” (2 Pietru 3:9-15) Il-paċenzja tiegħu qiegħda tħalli wkoll lil kull wieħed u waħda minna ‘nħabirku għas-salvazzjoni tagħna bil-biżaʼ u t-tregħid.’ (Filippin 2:12) Ġesù qal li għandna ‘noqogħdu attenti’ u ‘nishru’ jekk irridu li nkunu approvati u jirnexxilna ‘nieqfu quddiem Bin il-bniedem’ meta jiġi għall-ġudizzju.—Luqa 21:34-36; Mattew 25:31-33.
Ibqaʼ Stenna bis-Sabar
17. Liema kliem taʼ l-appostlu Pawlu għandna ndaħħlu f’qalbna?
17 Pawlu ħeġġeġ lil ħutu spiritwali biex ma jħarsux “lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux.” (2 Korintin 4:16-18) Hu ried li xejn ma jċajpar il-ħarsa tagħhom lejn il-premju tas-sema mqiegħed quddiemhom. Kemm jekk aħna Kristjani midlukin jew min-nagħaġ l-oħrajn, ejjew inżommu f’moħħna t-tama taʼ l-għaġeb imqiegħda quddiemna u ma naqtgħux qalbna. Ejjew nibqgħu ‘nistennew bis-sabar,’ billi nagħtu prova li “m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu; aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.”—Rumani 8:25; Lhud 10:39.
18. Għala nistgħu bil-fiduċja kollha nħallu ż-żminijiet u l-istaġuni f’idejn Jehovah?
18 Nistgħu bil-fiduċja kollha nħallu ż-żminijiet u l-istaġuni f’idejn Jehovah. It-twettiq tal-wegħdi tiegħu ‘ma jiddawwarx ma jasal’ skond l-iskeda taż-żmien tiegħu. (Ħabakkuk 2:3) Sadattant, l-eżortazzjoni li Pawlu ta lil Timotju għandha sinjifikat miżjud għalina. Hu qal: “Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu . . . Agħmel ħidma taʼ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.”—2 Timotju 4:1-5.
19. Liema ħaġa għadu ż-żmien għaliha biex issir mill-poplu taʼ Jehovah, u għala?
19 Hemm il-ħajjiet fin-nofs—tagħna u dawk tal-ġirien tagħna. Pawlu kiteb: “Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:16) Iż-żmien hu qasir ferm għal din is-sistema t’affarijiet mill-agħar. Fil-waqt li nistennew bil-ħerqa l-ġrajjiet eċċitanti quddiemna, ejjew inkunu dejjem konxji li għadu ż-żmien u l-istaġun taʼ Jehovah biex il-poplu tiegħu jippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna. Dan ix-xogħol irid jitwettaq skond ma jidhirlu hu. “Mbagħad,” bħalma qal Ġesù, “jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
[Nota taʼ taħt]
a Ara kapitli 10 u 11 tal-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Bħala Reviżjoni
◻ Rigward kalkoli taż-żmien, is-sitwazzjoni tagħna kif inhi simili għal dik tal-Kristjani taʼ l-ewwel seklu?
◻ Il-Kristjani għala jridu ‘jishru,’ anki matul il-preżenza taʼ Kristu?
◻ Il-ħlejjaq umani għala qegħdin jistennew ħerqana “r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla”?
◻ Għala nistgħu bil-fiduċja kollha nħallu ż-żminijiet u l-istaġuni f’idejn Jehovah?
[Stampa f’paġna 17]
Il-Kristjani jridu jibqgħu mqajmin fi stennija tal-miġja taʼ Kristu
[Stampa f’paġna 18]
Il-fdal midluk iżommu ruħhom okkupati bis-sħiħ fis-servizz taʼ Jehovah, billi ma jibbażawx il-fidi tagħhom fuq kalkoli taż-żmien