‘Fittex il-Paċi u Sus Warajha’
“Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi maʼ kulħadd.”—RUMANI 12:18.
1, 2. X’inhuma xi raġunijiet għala l-ebda paċi mfassla mill-bniedem m’hi dejjiema?
IMMAĠINA dar li għandha pedamenti difettużi, travi mherrijin u saqaf li qed jiżżaqqaq. Titħajjar int tmur toqgħod fiha? Ma naħsibx! Avolja tbajjadha minn fuq s’isfel, dan mhux se jbiddel il-fatt li l-istruttura hija perikoluża. Illum jew għada, din x’aktarx li se tiġġarraf.
2 Kwalunkwe paċi li toffri din id-dinja hi bħal din id-dar. Hi mibnija fuq pedamenti difettużi—il-wegħdi u l-pjanijiet tal-bniedem, ‘li ma jistaʼ jsalva lil ħadd.’ (Salm 146:3) L-istorja tal-bniedem hi mimlija b’tant u tant konflitti bejn il-ġnus, gruppi etniċi, u tribujiet. Irridu nammettu li kien hemm perijodi qosra taʼ paċi, imma x’tip taʼ paċi? Jekk żewġ nazzjonijiet ikunu qed jiġġieldu kontra xulxin u wara jiddikjaraw il-paċi, jew għaliex naħa minnhom tkun tilfet jew għax it-tnejn li huma ma jaraw ebda vantaġġ għalihom f’li jibqgħu jiġġieldu, din x’paċi tkun? Il-mibegħda, is-suspetti, u l-għira li kebbsu l-gwerra xorta hemm baqgħu. Il-paċi li hija biss finta, ‘tibjida’ biex tgħatti l-mibegħda, m’hijiex paċi dejjiema.—Eżekjel 13:10.
3. Il-paċi tan-nies t’Alla għala hija differenti minn dik li ġejja mill-bniedem?
3 Xorta waħda, il-paċi vera tassew teżisti f’din id-dinja mifnija bil-gwerer. Fejn? Fost dawk li jimxu fuq il-passi taʼ Ġesù Kristu, il-Kristjani ġenwini li jagħtu kas kliem Ġesù u jagħmlu ħilithom kollha biex jimitaw il-ħajja tiegħu. (1 Korintin 11:1; 1 Pietru 2:21) Il-paċi li teżisti bejn il-Kristjani veri taʼ razza, pożizzjoni soċjali, u nazzjonalità differenti hija ġenwina għaliex tiġi mir-relazzjoni paċifika li huma għandhom m’Alla. Din ir-relazzjoni hija bbażata fuq il-fidi fis-sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz għall-fidwa. Il-paċi tagħhom hija rigal mingħand Alla, mhux xi ħaġa li ġejja mill-bniedem. (Rumani 15:33; Efesin 6:23, 24) Hija riżultat tas-sottomissjoni tagħhom lejn Ġesù Kristu, il-“Prinċep tas-sliem,” u tal-qima li jagħtu lil Jehovah, “Alla taʼ l-imħabba u s-sliem.”—Isaija 9:5 [9:6, NW]; 2 Korintin 13:11.
4. Kristjan kif jistaʼ “jsus” wara l-paċi?
4 Bnedmin imperfetti m’humiex se jiksbu l-paċi awtomatikament. Minħabba f’hekk, Pietru qal li kull Kristjan għandu “jfittex il-paċi u jsus warajha.” (1 Pietru 3:11, NW) Dan kif nistgħu nagħmluh? Profezija tal-qedem tagħtina t-tweġiba. Permezz taʼ Isaija, Jehovah qal: “Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej, kbir għad ikun [“sliem,” Saydon] uliedek.” (Isaija 54:13; Filippin 4:9) Iva, dawk li jimxu fuq it-tagħlim taʼ Jehovah jgawdu paċi ġenwina. Iktar minn hekk, il-paċi, flimkien maʼ “l-imħabba, l-hena, . . . is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan,” hija l-frott taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Xi ħadd li ma jħobbx, m’għandux ferħ, bla paċenzja, bla ħniena, mill-agħar, żleali, feroċi jew bla kontroll fuqu nnifsu ma jistax igawdiha l-paċi.
‘Ngħixu fil-Paċi maʼ Kulħadd’
5, 6. (a) X’inhi d-differenza bejn li tkun paċifiku u li ġġib il-paċi? (b) Il-Kristjani maʼ min għandhom jistinkaw biex jgħixu fil-paċi?
5 Il-paċi ġiet deskritta bħala stat taʼ trankwillità jew kwiet. Din it-tifsira tkopri ħafna sitwazzjonijiet li fihom ma jkunx hemm tilwim. Ngħiduha kif inhi, anki mejjet jinsab fil-paċi! Madankollu, biex wieħed igawdi l-paċi vera m’huwiex biżżejjed li jkun biss paċifiku. Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.” (Mattew 5:9) Ġesù kien qed ikellem lil individwi li iktar tard kien se jkollhom l-opportunità li jsiru wlied Alla u jirċievu ħajja immortali fis-sema. (Ġwann 1:12; Rumani 8:14-17) U meta jasal il-waqt, il-bnedmin leali kollha li m’għandhomx it-tama għas-sema se jgawdu “l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21) Dawk biss li jġibu l-paċi jistaʼ jkollhom tama bħal din. Il-kelma Griega għal “iġibu l-paċi” letteralment tfisser medjaturi tal-paċi. Għalhekk, spiss hemm differenza bejn li tkun paċifiku—fil-paċi—u li ġġib il-paċi. Dan jidher fis-sens Bibliku meta tintuża l-frażi ġġib il-paċi, li turi li wieħed qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jaħdem għall-paċi, billi anki xi drabi jirnexxilu jġib il-paċi fejn qabel ma kienx hemm.
6 B’dan f’moħħna, ejja nikkunsidraw il-parir li l-appostlu Pawlu ta lir-Rumani: “Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi maʼ kulħadd.” (Rumani 12:18) Pawlu ma kienx qed jgħid lil dawk f’Ruma sempliċement biex ikunu trankwilli, għalkemm dan kien se jgħinhom. Hu kien qed jinkuraġġihom biex jgħixu fil-paċi. Maʼ min? Maʼ “kulħadd”—mal-membri tal-familja, mal-Kristjani sħabhom, u saħansitra maʼ dawk li ma kinux taʼ l-istess twemmin tagħhom. Hu inkuraġġixxa lir-Rumani biex jgħixu fil-paċi m’oħrajn, ‘jekk jistaʼ jkun sakemm ikun ġej minnhom.’ Le, hu ma ridhomx iċedu t-twemmin tagħhom biex iżommu l-paċi. Minflok ma jġagħlu lin-nies jirrabjaw, huma kellhom javviċinawhom b’intenzjoni paċifika. Il-Kristjani kellhom jagħmlu dan kemm maʼ dawk li huma parti mill-kongregazzjoni u kemm maʼ dawk li m’humiex. (Galatin 6:10) Fi qbil maʼ dan, Pawlu kiteb: “Fittxu dejjem il-ġid taʼ xulxin u taʼ kulħadd.”—1 Tessalonikin 5:15.
7, 8. Il-Kristjani kif u għala jgħixu fil-paċi maʼ dawk li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħhom?
7 Kif nistgħu aħna ngħixu fil-paċi maʼ dawk li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna u li forsi jopponuna? L-ewwelnett, ma rridux nippretendu li aħna superjuri fuq ħaddieħor. Per eżempju, ma tantx se tgħix fil-paċi jekk titkellem dwar ċerti individwi billi tuża kliem biex iċċekkinhom. Jehovah kixef il-ġudizzji tiegħu kontra ċerti organizzazzjonijiet u klassijiet taʼ nies, imma aħna m’għandna ebda dritt li nitkellmu dwar xi ħadd bħallikieku diġà kundannat. Aħna ma niġġudikaw lil ħadd, lanqas lil dawk li jopponuna. Wara li Pawlu qal lil Titu biex jagħti parir lill-Kristjani ġewwa Kreta dwar il-mod li bih jittrattaw maʼ dawk fl-awtorità, hu fakkarhom “biex ma jkasbru ’l ħadd, jaħarbu t-tilwim, ikunu umli, jimxu bil-ħlewwa maʼ kulħadd.”—Titu 3:1, 2.
8 Li ngħixu fil-paċi maʼ dawk li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħna jwassal biex huma jinġibdu lejn il-verità. M’għandniex xi ngħidu, aħna ma nagħmluhiex maʼ dawk li ‘jħassru d-drawwiet tajba.’ (1 Korintin 15:33) Imma xorta nistgħu nkunu dħulin, u nittrattaw lil kulħadd b’dinjità u qalb tajba. Pietru kiteb: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-żjara tiegħu.”—1 Pietru 2:12.
Inġibu l-Paċi fil-Ministeru
9, 10. L-appostlu Pawlu liema eżempju tana dwar kif għandna nġibu l-paċi meta nkellmu lil xi ħadd li ma jemminx bħalna?
9 Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu magħrufin għall-qlubija tagħhom. Huma ma ċekknux l-importanza tal-messaġġ tagħhom, u meta ħabbtu wiċċhom maʼ xi oppożizzjoni kienu determinati li jobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin. (Atti 4:29; 5:29) Minkejja dan, huma kienu jafu li biex juru qlubija ma jfissirx li setgħu jonqsu mir-rispett lejn in-nies. Ikkunsidra kif Pawlu għamel id-difiża tat-twemmin tiegħu quddiem is-Sultan Erodi Agrippa II. Erodi Agrippa kien ħati taʼ inċest għax kellu relazzjoni m’oħtu Bereniċi. Madankollu, Pawlu ma bediex jippriedka lil Agrippa fuq il-morali. Minflok, enfasizza l-punti li kienu jaqblu fuqhom, u lil Agrippa faħħru taʼ kemm kien espert fid-drawwiet tal-Lhud u talli kien jemmen fil-profeti.—Atti 26:2, 3, 27.
10 Kien Pawlu qed ikun ipokrita u jfaħħar lil dan ir-raġel għax setaʼ jeħilsu? Le. Pawlu mexa fuq il-parir tiegħu stess u qal il-verità. Kulma qal lil Erodi Agrippa kien kollu minnu. (Efesin 4:15, Karm Żammit) Imma Pawlu kien wieħed li jġib il-paċi u kien jaf kif isir ‘kollox għal kulħadd.’ (1 Korintin 9:22) L-objettiv tiegħu kien li jiddefendi d-dritt li jippriedka dwar Ġesù. Bħala għalliem tas-sengħa, hu beda jsemmi xi ħaġa li kemm hu u kemm Agrippa kienu jaqblu fuqha. B’hekk Pawlu għen lil dan is-sultan immorali jkollu opinjoni aħjar tal-Kristjanità.—Atti 26:28-31.
11. Kif nistgħu aħna nġibu l-paċi fil-ministeru tagħna?
11 Kif nistgħu aħna nġibu l-paċi fil-ministeru tagħna? Bħal Pawlu, aħna għandna nevitaw l-argumenti. Veru li xi drabi jkollna ‘nxandru l-kelma bla biżaʼ,’ billi bi qlubija niddefendu t-twemmin tagħna. (Filippin 1:14) Imma fil-maġġuranza tal-każi, il-mira prinċipali tagħna hi li nxandru l-aħbar tajba. (Mattew 24:14) Jekk xi ħadd jara l-verità dwar l-iskopijiet t’Alla, hu jistaʼ jibda jwarrab l-ideat reliġjużi foloz li jħaddan, u jnaddaf ħajtu mill-prattiċi mhux nodfa. Għalhekk, safejn hu possibbli huwa tajjeb li nenfasizzaw affarijiet li se jiġbdu lil dawk li jisimgħuna, billi nibdew minn affarijiet li naqblu dwarhom. Se jagħmel iktar deni milli ġid jekk noqogħdu nħaqquha maʼ xi ħadd li, jekk inkellmuh bit-tattika, forsi jkun lest li jismaʼ l-messaġġ tagħna.—2 Korintin 6:3.
Inġibu l-Paċi fil-Familja
12. B’liema modi nistgħu aħna nġibu l-paċi fil-familja?
12 Pawlu qal li dawk li jiżżewġu “jkollhom it-taħbit tal-ħajja.” (1 Korintin 7:28) Dawn se jħabbtu wiċċhom maʼ ħafna tbatijiet. Fost affarijiet oħra, xi koppji se jkollhom nuqqas taʼ qbil minn żmien għal żmien. Kif se jġibu ruħhom? B’mod li jġib il-paċi. Wieħed li jġib il-paċi se jagħmel ħiltu biex isolvi nuqqas taʼ qbil malajr kemm jistaʼ jkun biex is-sitwazzjoni ma tiggravax. Kif? L-ewwel, billi joqgħod attent għal ilsienu. Meta jiġi użat biex jgħaddi kummenti li jweġġgħu u li jinsulentaw, dan id-daqsxejn taʼ membru jistaʼ jkun “kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt.” (Ġakbu 3:8) Min iġib il-paċi juża lsienu biex jinkuraġġixxi u mhux biex ikisser lil dak li jkun.—Proverbji 12:18.
13, 14. Kif nistgħu nżommu l-paċi meta niżbaljaw bil-kliem jew meta l-emozzjonijiet jiġru bina?
13 Peress li aħna imperfetti, xi drabi lkoll ngħidu xi ħaġa li wara jiddispjaċina li nkunu għednieha. Meta jiġri dan, kun ħafif biex tirranġa—biex tagħmel paċi. (Proverbji 19:11; Kolossin 3:13) Tinħeliex wara “dibattiti dwar kliem” u “tħaqqiq vjolenti dwar ħmerijiet.” (1 Timotju 6:4, 5, NW) Minflok, ara x’kien il-kaġun u ipprova ifhem is-sentimenti tal-parti l-oħra. Jekk jingħad xi kliem iebes, int tagħmilx l-istess. Ftakar li “tweġiba ħelwa ttaffi l-korla.”—Proverbji 15:1.
14 Xi kultant, forsi jkollok bżonn taħseb ftit dwar il-parir li jinsab fi Proverbji 17:14: “Warrab qabel tibda xi ġlieda.” Tinvolvix ruħek f’sitwazzjoni taħraq. Iktar tard, meta l-affarijiet ikunu kkalmaw, int x’aktarx li se tkun tistaʼ ssolvi l-problema bil-kwiet. F’ċerti każi, forsi jkun aħjar li ssejjaħ lil xi anzjan Kristjan matur biex jgħin. Dawn l-irġiel taʼ l-esperjenza u li jissimpatizzaw maʼ dak li jkun, jistgħu jkunu t’għajnuna kbira meta tkun mhedda l-paċi bejn il-miżżewġin.—Isaija 32:1, 2.
Inġibu l-Paċi fil-Kongregazzjoni
15. Skond Ġakbu, liema spirtu ħażin żviluppa fost xi Kristjani, u dan l-ispirtu għala hu “taʼ din l-art,” “taʼ l-annimali,” u “tax-xitan”?
15 Jiddispjaċina ngħidu li xi Kristjani fl-ewwel seklu wrew li kellhom spirtu taʼ għira u ġlied—l-oppost eżatt tal-paċi. Ġakbu qal: “Dan m’hux l-għerf li ġej mis-sema, imma l-għerf taʼ din l-art, [“taʼ l-annimali,” NW] u tax-xitan. Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta taʼ ħażen.” (Ġakbu 3:14-16) Xi wħud jemmnu li l-kelma Griega tradotta “ġlied” għandha x’taqsam maʼ ambizzjoni egoistika, pika sfrenata għall-pożizzjoni. Mhux taʼ b’xejn li Ġakbu jsejħilha ‘taʼ din l-art, taʼ l-annimali, tax-xitan.’ Matul l-istorja, il-ħakkiema dinjin aġixxew bil-ġlied, donnhom annimali salvaġġi jitqatlu bejniethom. Il-ġlied verament hu “taʼ din l-art” u “taʼ l-annimali.” Huwa wkoll “tax-xitan.” Din it-tendenza perikoluża ntweriet l-ewwel minn dak l-anġlu b’kilba għall-poter, li ħadha kontra Alla Jehovah u sar Satana, il-ħakkiem tad-demonji.
16. Xi Kristjani taʼ l-ewwel seklu kif urew spirtu bħal dak taʼ Satana?
16 Ġakbu ħeġġeġ lill-Kristjani biex joqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex ma jiżviluppawx spirtu ġelliedi, għax dan se jkun taʼ dannu għall-paċi. Hu kiteb: “Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet [“mill-ġibdiet ħżiena,” KŻ] li hemm jitqabdu f’ġisimkom?” (Ġakbu 4:1) Hawnhekk, il-“ġibdiet ħżiena” għandhom mnejn jirreferu għall-kilba għall-affarijiet materjali jew ix-xewqa għall-prominenza, il-kontroll, jew il-poter. Bħal Satana, xi wħud fil-kongregazzjonijiet milli jidher riedu jkunu prominenti u mhux ikunu ‘l-iżgħar,’ bħalma Ġesù qal li kellhom ikunu s-segwaċi veri tiegħu. (Luqa 9:48) Spirtu bħal dan jistaʼ jisraq il-paċi mill-kongregazzjoni.
17. Il-Kristjani llum kif jistgħu jġibu l-paċi fil-kongregazzjoni?
17 Illum, aħna wkoll irridu niġġieldu kontra t-tendenza għall-materjaliżmu, l-għira, jew l-ambizzjoni fiergħa. Jekk aħna rridu ġenwinament inġibu l-paċi, mhux se nħossuna mheddin jekk xi ħadd fil-kongregazzjoni jkun aħjar minna f’ċerti affarijiet, u lanqas m’aħna se nċekknuhom f’għajnejn ħaddieħor billi nqajmu dubji dwar il-motivi tagħhom. Jekk għandna xi abbiltà straordinarja, m’aħniex se ninqdew biha biex inġagħlu lil oħrajn iħossuhom inferjuri, bħallikieku l-progress tal-kongregazzjoni jiddependi biss mill-ħila u l-abbiltà tagħna. Spirtu bħal dan se joħloq firda; m’huwiex se jġib il-paċi. Dawk li jġibu l-paċi m’humiex se jiffanfraw bit-talenti tagħhom, imma se jkunu modesti u jużawhom biex jaqdu lil ħuthom u jġibu unur lil Jehovah. Huma jirrealizzaw li fuq kollox, hija l-imħabba—mhux l-abbiltà—li tidentifika l-Kristjan veru.—Ġwann 13:35; 1 Korintin 13:1-3.
“Is-Sliem it-Tmexxija Tiegħek”
18. L-anzjani kif jaħdmu biex tirrenja l-paċi fosthom?
18 L-anzjani tal-kongregazzjoni huma minn taʼ quddiem f’li jġibu l-paċi. Jehovah bassar rigward il-poplu tiegħu: “Nagħmel is-Sliem it-tmexxija tiegħek, u l-Ġustizzja l-ħakma tiegħek.” (Isaija 60:17) Fi qbil maʼ dan il-kliem profetiku, dawk li jaqdu bħala rgħajja Kristjani jaħdmu iebes biex jaraw li tirrenja l-paċi fosthom u fost il-merħla. L-anzjani jistgħu jżommu l-paċi bejniethom billi juru l-“għerf li ġej mis-sema” li jġib il-paċi u li hu raġunevoli. (Ġakbu 3:17) Minħabba li mhux kollha kellhom l-istess trobbija u esperjenza tal-ħajja, l-anzjani ġewwa l-kongregazzjoni xi kultant se jkollhom opinjonijiet differenti. Ifisser dan li ma jistax ikollhom paċi bejniethom? Mhux jekk din is-sitwazzjoni tiġi trattata kif jixraq. Dawk li jġibu l-paċi jesprimu l-ħsibijiet tagħhom bil-modestja u mbagħad jisimgħu bir-rispett kollu meta l-oħrajn jesprimu l-ħsibijiet tagħhom. Minflok ma jinsisti li tgħaddi tiegħu, wieħed li jġib il-paċi jikkunsidra permezz tat-talb l-opinjoni taʼ ħuh. Ġeneralment, ikun hemm lok għal opinjonijiet differenti kemm-il darba ebda prinċipju tal-Bibbja ma jkun involut. Meta l-oħrajn ma jaqblux miegħu, dak li jġib il-paċi se jċedi u jappoġġa d-deċiżjoni tal-maġġuranza. B’hekk ikun qed juri li hu raġunevoli. (1 Timotju 3:2, 3) Indokraturi taʼ l-esperjenza jafu li hu iktar importanti li tinżamm il-paċi milli tgħaddi tagħhom.
19. L-anzjani kif jaġixxu bħala dawk li jġibu l-paċi fil-kongregazzjoni?
19 L-anzjani jaħdmu għall-paċi fost il-membri tal-merħla billi jappoġġawhom u ma joqogħdux jikkritikawhom bla bżonn għal dak li jagħmlu. M’għandniex xi ngħidu, kultant ikun hemm bżonn taʼ tbeżbiża. (Galatin 6:1) Imma x-xogħol taʼ l-indokratur Kristjan m’huwiex prinċipalment biex jagħti d-dixxiplina. Hu taʼ spiss ifaħħar lill-aħwa. Anzjani li juru mħabba jagħmlu ħilithom kollha biex jaraw it-tajjeb f’oħrajn. L-indokraturi japprezzaw ix-xogħol iebes li jagħmlu l-Kristjani sħabhom, u għandhom fiduċja sħiħa li dawn qed jagħmlu l-aħjar li jistgħu.—2 Korintin 2:3, 4.
20. Il-kongregazzjoni b’liema mod tibbenefika jekk kulħadd jaħdem biex iġib il-paċi?
20 Għaldaqstant, fil-familja, fil-kongregazzjoni, u meta nittrattaw maʼ dawk li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħna, aħna nistinkaw biex inġibu l-paċi, biex naħdmu għall-paċi. Jekk inħabirku biex inkattru l-paċi, aħna se nagħtu sehemna biex ikun hemm iktar ferħ fil-kongregazzjoni. Fl-istess ħin, se niġu protetti u msaħħin f’ħafna modi, bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss.
Tiftakar Int?
• Xi jfisser li tkun wieħed li ġġib il-paċi?
• Kif nistgħu nġibu l-paċi meta nkellmu lil dawk li m’humiex Xhieda?
• X’inhuma xi modi kif nistgħu nkattru l-paċi fil-familja?
• L-anzjani kif jistgħu jaħdmu biex iġibu l-paċi fil-kongregazzjoni?
[Stampa f’paġna 9]
Dawk li jġibu l-paċi ma jippretendux li huma superjuri fuq ħaddieħor
[Stampi f’paġna 10]
Il-Kristjani jġibu l-paċi fil-ministeru, fid-dar, u fil-kongregazzjoni