LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/1 pp. 8-13
  • Igglorifikaw lil Alla “b’Fomm Wieħed”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Igglorifikaw lil Alla “b’Fomm Wieħed”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Importanza taʼ l-​Unità Kristjana
  • “Ilqgħu lil Xulxin”
  • L-​Imħabba taʼ l-​Aħwa Tipproduċi l-​Unità Llum
  • Evita li Tfixkel lil Oħrajn
  • Għandhom il-Kristjani Jkunu Kollha l-Istess biex Ikunu Magħqudin?
    Stenbaħ!—2003
  • Kif Tistaʼ Żżomm Kuxjenza Tajba?
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Kuxjenza tajba f’għajnejn Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Hija l-Kuxjenza Tiegħek Imħarrġa Sew?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/1 pp. 8-13

Igglorifikaw lil Alla “b’Fomm Wieħed”

“B’fomm wieħed . . . tfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu.” —RUMANI 15:6.

1. L-​appostlu Pawlu liema tagħlima dwar li nsolvu differenzi żgħar ta lil sħabu fit-​twemmin?

MHUX il-​Kristjani kollha jagħmlu l-​istess għażliet jew għandhom l-​istess preferenzi. Madankollu, il-​Kristjani kollha jridu jimxu id f’id fit-​triq li tagħti għall-​ħajja. Huwa possibbli dan? Iva, jekk ma nħallux li d-​differenzi żgħar isiru kwistjonijiet kbar. Din hi tagħlima li l-​appostlu Pawlu ta lil sħabu fit-​twemmin fl-​ewwel seklu. Kif spjegah dan il-​punt importanti? U kif nistgħu aħna llum napplikaw il-​parir ispirat tiegħu?

L-​Importanza taʼ l-​Unità Kristjana

2. Pawlu kif enfasizza l-​bżonn taʼ l-​unità?

2 Pawlu kien jaf li l-​unità Kristjana hi vitali, u hu ta pariri mill-​aqwa biex jgħin lill-​Kristjani jissaportu lil xulxin bl-​imħabba. (Efesin 4:1-3; Kolossin 3:12-14) Minkejja dan, wara li stabbilixxa ħafna kongregazzjonijiet u żar oħrajn f’perijodu taʼ iktar minn 20 sena, hu kien jaf li jistaʼ jkun taʼ sfida biex tinżamm l-​unità. (1 Korintin 1:11-13; Galatin 2:11-14) Għalhekk, hu ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin li kienu joqogħdu f’Ruma: “Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-​grazzja li . . . b’fomm wieħed u b’qalb waħda tfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu.” (Rumani 15:5, 6) Illum, aħna bl-​istess mod għandna nigglorifikaw lil Alla Jehovah “b’fomm wieħed” bħala grupp magħqud min-​nies tiegħu. Kif sejrin f’dan ir-​rigward?

3, 4. (a) Il-​Kristjani li kien hemm f’Ruma kif kienu differenti minn xulxin? (b) Il-​Kristjani f’Ruma kif setgħu jaqdu lil Jehovah “b’fomm wieħed”?

3 Ħafna Kristjani f’Ruma kienu ħbieb persunali taʼ Pawlu. (Rumani 16:3-16) Għalkemm kellhom esperjenzi u ċirkustanzi persunali differenti, Pawlu aċċetta lil ħutu kollha bħala “l-​maħbubin . . . taʼ Alla.” Hu kiteb: “Niżżi ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, għaliex il-​fidi tagħkom isemmuha fid-​dinja kollha.” Jidher ċar li r-​Rumani kienu eżemplari f’ħafna affarijiet. (Rumani 1:7, 8; 15:14) Fl-​istess waqt, xi membri tal-​kongregazzjoni kellhom opinjonijiet differenti fuq xi affarijiet. Peress li l-​Kristjani llum ġejjin minn kulturi diversi u għaddew minn sitwazzjonijiet differenti, huma jistgħu jiġu megħjunin jitkellmu “b’fomm wieħed” billi jistudjaw il-​parir ispirat taʼ Pawlu dwar kif isolvu d-​differenzi.

4 F’Ruma kien hemm kemm Lhud u kemm Ġentili li kienu emmnu. (Rumani 4:1; 11:13) Xi Kristjani Lhud milli jidher ma setgħux jieqfu jipprattikaw ċerti drawwiet li kienu josservaw fil-​Liġi Mosajka, avolja issa suppost li rrealizzaw li dawn il-​prattiċi ma kinux neċessarji għas-​salvazzjoni. Mill-​banda l-​oħra, għadd taʼ Kristjani Lhud aċċettaw li s-​sagrifiċċju taʼ Kristu ħelishom mir-​restrizzjonijiet li kienu josservaw qabel ma saru Kristjani. Minħabba f’hekk, huma bidlu ftit mid-​drawwiet u l-​prattiċi persunali tagħhom. (Galatin 4:8-11) Xorta waħda, bħalma semma Pawlu, ilkoll kienu ‘l-​maħbubin t’Alla.’ Kollha setgħu jfaħħru lil Alla “b’fomm wieħed” jekk iżommu l-​attitudni mentali xierqa bejniethom. Illum, aħna wkoll jistaʼ jkollna opinjonijiet differenti dwar ċerti affarijiet, u għalhekk nagħmlu tajjeb jekk nikkunsidraw bir-​reqqa kif Pawlu jispjega dan il-​prinċipju importanti.—Rumani 15:4.

“Ilqgħu lil Xulxin”

5, 6. Għala kien hemm opinjonijiet differenti fil-​kongregazzjoni taʼ Ruma?

5 Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, Pawlu jitkellem dwar sitwazzjoni li għaliha kien hemm diversi opinjonijiet. Hu jikteb: “Hemm min jaħseb li jistaʼ jiekol kollox, u hemm min, mbagħad, għax hu dgħajjef, jiekol ħaxix biss.” Dan għala? Għaliex fil-​Liġi Mosajka, il-​majjal ma kienx aċċettat bħala ikel. (Rumani 14:2; Levitiku 11:7) Madankollu, ma kinux għadhom marbutin b’din il-​Liġi wara li miet Ġesù. (Efesin 2:14b, 15 [2:15, NW]) Imbagħad, tliet snin u nofs wara l-​mewt taʼ Ġesù, anġlu qal lill-​appostlu Pietru li fil-​ħarsa t’Alla ebda ikel m’għandu jitqies bħala mniġġes. (Atti 11:7-12) B’dawn il-​fatturi f’moħħhom, xi Kristjani Lhud forsi ħassew li setgħu jieklu l-​majjal—jew jieklu ikel ieħor li qabel kien projbit fil-​Liġi.

6 Madankollu, is-​sempliċi ħsieb li jieklu dan l-​ikel, li qabel kien jitqies bħala mniġġes, setaʼ kien diżgustanti għal Kristjani Lhud oħra. Uħud sensittivi bħal dawn għandhom mnejn ħassewhom offiżi meta raw lil ħuthom Lhud fi Kristu jieklu dan l-​ikel. Iktar minn hekk, xi Kristjani Ġentili, li qabel kienu f’reliġjon li x’aktarx ma kellha ebda projbizzjoni fuq l-​ikel, forsi ma setgħux jifhmu għala xi ħadd kien se joħloq kwistjoni dwar l-​ikel. M’għandniex xi ngħidu, ma kienx ħażin li individwu jiċċaħħad minn ċertu ikel, sakemm ma kienx jinsisti li din iċ-​ċaħda kienet neċessarja biex dak li jkun isalva. Xorta waħda, l-​opinjonijiet differenti setgħu faċilment qajmu l-​kontroversji fil-​kongregazzjoni. Il-​Kristjani f’Ruma kellhom joqogħdu attenti li dawn id-​differenzi ma jtellfuhomx milli jigglorifikaw lil Alla “b’fomm wieħed.”

7. Liema opinjonijiet differenti kien hemm dwar il-​kwistjoni taʼ l-​osservanza taʼ jum speċjali kull ġimgħa?

7 Pawlu jagħti t-​tieni eżempju: “Hemm min jagħżel bejn jum u ieħor, u hemm min iqis il-​jiem kollha xorta.” (Rumani 14:5a) Taħt il-​Liġi Mosajka, ebda xogħol ma kellu jsir fis-​Sabat. Anki l-​ivvjaġġar kellu jkun limitat ħafna f’dak il-​jum. (Eżodu 20:8-10; Mattew 24:20; Atti 1:12) Però, meta twarrbet il-​Liġi, dawn il-​projbizzjonijiet ma baqgħux validi. Xorta waħda, xi Kristjani Lhud setgħu beżgħu jagħmlu xi tip taʼ xogħol jew jivvjaġġaw fit-​tul f’jum li qabel kien jitqies bħala qaddis. Anki wara li saru Kristjani, huma setgħu warrbu s-​sebaʼ jum apposta għal skopijiet spiritwali, avolja mill-​ħarsa t’Alla s-​Sabat ma kienx għadu jgħodd. Kienu qed jagħmlu ħażin? Le, sakemm ma kinux jinsistu li l-​osservanza tas-​Sabat kienet ħtieġa minn Alla. Għalhekk, biex juri konsiderazzjoni għall-​kuxjenza taʼ ħutu l-​Kristjani, Pawlu kiteb: “Ħa jkun żgur kull wieħed fil-​fehma tiegħu.”—Rumani 14:5b, Karm Żammit.

8. Waqt li l-​Kristjani f’Ruma setgħu juru konsiderazzjoni għall-​kuxjenza t’oħrajn, x’ma kellhomx jagħmlu?

8 Minkejja dan, waqt li ħeġġeġ mill-​qalb lil ħutu biex juru s-​sabar maʼ dawk li kienu qed jissieltu maʼ kwistjonijiet taʼ kuxjenza, Pawlu kkundanna bil-​kbir lil dawk li pprovaw jisforzaw lil sħabhom fit-​twemmin biex jissottomettu ruħhom għal-​Liġi Mosajka bħala ħtieġa biex tinkiseb is-​salvazzjoni. Per eżempju, madwar is-​sena 61 E.K., Pawlu kiteb il-​ktieb tal-​Lhud, ittra qawwija lill-​Kristjani Lhud li fiha spjega ċar u tond li ma kien jiswa xejn li wieħed jissottometti ruħu għal-​Liġi Mosajka għaliex il-​Kristjani kellhom tama superjuri bbażata fuq is-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala fidwa.—Galatin 5:1-12; Titu 1:10, 11; Lhud 10:1-17.

9, 10. Il-​Kristjani minn xiex għandhom joqogħdu lura? Spjega.

9 Bħalma rajna, Pawlu jirraġuna li l-​għażliet differenti m’għandhomx jheddu l-​unità sakemm ma jkunx jidher ċar li nkisru l-​prinċipji Kristjani. Għal din ir-​raġuni, Pawlu jistaqsi lill-​Kristjani li għandhom kuxjenza iktar dgħajfa: “Għax għandek tagħmel ħaqq minn ħuk?” U hu jistaqsi lil dawk li huma iktar b’saħħithom (forsi lil dawk li l-​kuxjenza tagħhom tippermettilhom jieklu ċertu ikel li qabel kien projbit mil-​Liġi jew li jagħmlu xi xogħol sekulari fis-​Sabat): “Lil ħuk, għaliex għandek tmaqdru?” (Rumani 14:10) Skond Pawlu, il-​Kristjani b’kuxjenza iktar dgħajfa għandhom joqogħdu lura milli jikkundannaw lil ħuthom li jkunu iktar tolleranti. Fl-​istess waqt, il-​Kristjani li huma b’saħħithom m’għandhomx iqisuhom inferjuri lil dawk li għad għandhom kuxjenza iktar dgħajfa f’ċerti aspetti. Kulħadd għandu jirrispetta l-​intenzjonijiet tajbin taʼ l-​oħrajn u ma ‘jippretendix li hu xi ħaġa iktar milli hu.’—Rumani 12:3, 18.

10 Pawlu spjega l-​ħarsa bilanċjata b’dan il-​mod: “Min jiekol kollox m’għandux imaqdar lil min ma jikolx; u min ma jikolx m’għandux jiġġudika lil min jiekol, għax Alla laqaʼ lilu wkoll.” Imbagħad, ikompli jgħid: “Kristu wkoll laqaʼ lilkom, għall-​glorja taʼ Alla.” Peress li kemm dawk li huma b’saħħithom u kemm dawk li huma dgħajfa huma aċċettati minn Alla u minn Kristu, aħna għandu jkollna l-​istess attitudni ġeneruża u ‘nilqgħu lil xulxin.’ (Rumani 14:3; 15:7) Kif jistaʼ xi ħadd bir-​raġun ma jaqbilx maʼ dan?

L-​Imħabba taʼ l-​Aħwa Tipproduċi l-​Unità Llum

11. Liema sitwazzjoni unika kien hemm fi żmien Pawlu?

11 Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, Pawlu kien qed jitkellem dwar sitwazzjoni unika. Jehovah kien għadu kif ħassar patt u stabbilixxa wieħed ġdid. Xi wħud kienu qed isibuha diffiċli biex jaġġustaw ruħhom. Illum ma teżistix eżatt l-​istess sitwazzjoni, imma kultant iqumu kwistjonijiet simili.

12, 13. Liema huma xi sitwazzjonijiet li fihom il-​Kristjani llum jistgħu juru konsiderazzjoni għall-​kuxjenza taʼ ħuthom?

12 Per eżempju, mara Kristjana forsi darba kienet tappartjeni lil xi reliġjon li kienet tenfasizza s-​sempliċità fl-​ilbies u d-​dehra. Meta taċċetta l-​verità, għandha mnejn issibha diffiċli biex tidra l-​idea li m’huwiex ħażin li tilbes ilbies modest u b’kuluri vivaċi f’okkażjonijiet addattati jew li l-​persuna tuża l-​mejkapp bil-​moderazzjoni. Ladarba m’hemm ebda prinċipju Bibliku involut, ma jkunx xieraq li xi ħadd jipprova jipperswadi lil din il-​mara Kristjana biex tmur kontra l-​kuxjenza tagħha. Fl-​istess ħin, hi tirrealizza li m’għandhiex tikkritika lin-​nisa Kristjani li l-​kuxjenza tagħhom tħallihom jużaw dawn l-​affarijiet.

13 Ikkunsidra eżempju ieħor. Raġel Kristjan għandu mnejn trabba f’ambjent fejn l-​użu taʼ l-​alkoħol ma kienx approvat. Meta jikseb għarfien tal-​verità, hu jitgħallem il-​ħarsa tal-​Bibbja li l-​inbid hu rigal mingħand Alla u jistaʼ jintuża bil-​moderazzjoni. (Salm 104:15) Hu jaċċetta din il-​ħarsa. Xorta waħda, minħabba t-​trobbija tiegħu, hu jippreferi jiċċaħħad kompletament mix-​xorb alkoħoliku, imma hu ma jikkritikax lil dawk li jużawh b’moderazzjoni. B’dan il-​mod, hu japplika l-​kliem taʼ Pawlu: “Ħalli nfittxu, mela, dak li jġib is-​sliem u dak li jservi għall-​edifikazzjoni taʼ xulxin.”—Rumani 14:19.

14. F’liema sitwazzjonijiet jistgħu l-​Kristjani japplikaw l-​ispirtu tal-​parir taʼ Pawlu lir-​Rumani?

14 Jinqalgħu sitwazzjonijiet oħra li fihom ikun hemm bżonn jiġi applikat l-​ispirtu tal-​parir taʼ Pawlu lir-​Rumani. Il-​kongregazzjoni Kristjana hi magħmula minn ħafna individwi, u dawn għandhom gosti differenti. Għalhekk, huma jistgħu jagħmlu għażliet differenti minn xulxin—per eżempju, fejn jidħlu l-​ilbies u d-​dehra. M’għandniex xi ngħidu, il-​Bibbja fiha prinċipji ċari li l-​Kristjani sinċieri kollha jimxu magħhom. Ħadd minna ma għandu jkollu lbies jew dafra tax-​xagħar li tkun stramba jew mhux modesta jew li tidentifikah maʼ elementi tad-​dinja li huma oġġezzjonabbli. (1 Ġwanni 2:15-17) Il-​Kristjani dejjem iżommu f’moħħhom, anki waqt il-​mistrieħ, li huma ministri li jirrappreżentaw lis-​Sovran Universali. (Isaija 43:10; Ġwanni 17:16; 1 Timotju 2:9, 10) Madankollu, f’ħafna aspetti hemm varjetà kbira taʼ għażliet li huma aċċettabbli għall-​Kristjani.a

Evita li Tfixkel lil Oħrajn

15. Għall-​benefiċċju taʼ ħutu, Kristjan meta jistaʼ joqgħod lura milli jinsisti fuq id-​drittijiet tiegħu?

15 Hemm l-​aħħar prinċipju importanti li Pawlu jiġbdilna l-​attenzjoni lejh fil-​parir tiegħu lill-​Kristjani f’Ruma. Kultant, Kristjan b’kuxjenza mħarrġa sew jistaʼ jiddeċiedi li joqgħod lura milli jagħmel xi ħaġa li m’hijiex ħażina fiha nfisha. Għala? Għaliex jirrealizza li jekk jagħmilha jistaʼ jeffettwa ħażin lil oħrajn. F’dan il-​każ, x’għandna nagħmlu? Pawlu jgħid: “It-​tajjeb hu li la tiekol laħam u lanqas tixrob inbid u ma tagħmel xejn li jistaʼ jfixkel lil ħuk.” (Rumani 14:14, 20, 21) Għalhekk, “aħna li aħna sħaħ fil-​fidi għandna ngħinu lid-​dgħajfa jerfgħu l-​piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna. Kull wieħed minna għandu jfittex jogħġob lil għajru għall-​ġid tiegħu.” (Rumani 15:1, 2) Meta dak li nagħmlu jistaʼ jweġġaʼ lkuxjenza taʼ sieħeb Kristjan, l-​imħabba taʼ l-​aħwa se tqanqalna biex nuru konsiderazzjoni u nillimitaw l-​għażliet tagħna. Eżempju taʼ dan jistaʼ jkun l-​użu tax-​xorb alkoħoliku. Kristjan jistaʼ jixrob l-​inbid bil-​moderazzjoni. Imma jekk meta jagħmel dan jistaʼ jfixkel lil sieħbu, hu ma jinsistix fuq id-​drittijiet tiegħu.

16. Kif nistgħu nuru konsiderazzjoni għal dawk li jinsabu fit-​territorju tagħna?

16 Dan il-​prinċipju jistaʼ japplika wkoll f’dak li nagħmlu barra l-​kongregazzjoni Kristjana. Per eżempju, jistaʼ jkun li ngħixu fi nħawi fejn ir-​reliġjon tal-​maġġuranza tgħallem li dawk li jsegwuha għandhom iwarrbu jum fil-​ġimgħa għall-​mistrieħ. Għal din ir-​raġuni, biex ma nfixklux lil ġârna u ma noħolqux ostakli għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar, aħna se noqogħdu lura kemm nistgħu milli nagħmlu xi ħaġa f’dak il-​jum li tistaʼ toffendi lil ġârna. F’sitwazzjoni oħra, Kristjan għani forsi jmur jaqdi fejn il-​bżonn huwa akbar fost nies li huma foqra. Hu jistaʼ jagħżel li juri konsiderazzjoni għall-​ġirien ġodda tiegħu billi jilbes ilbies sempliċi ħafna jew inkella billi jgħix ħajja iktar modesta milli jippermettulu l-​finanzi tiegħu.

17. Għala hu raġunevoli li nikkunsidraw lil oħrajn fl-​għażliet li nagħmlu?

17 Huwa raġunevoli li nistennew lil dawk li huma “sħaħ fil-​fidi” jagħmlu dawn l-​aġġustamenti? Aħseb ftit dwar dan l-​eżempju: Waqt li nkunu qed insuqu fi triq prinċipali, naraw quddiemna xi tfal fit-​triq, jissograw li tolqothom xi karozza. Nibqgħu aħna għaddejjin niġru kemm nifilħu sempliċement għax għandna d-​dritt legali li nagħmlu hekk? Le, aħna nnaqqsu l-​veloċità sabiex nevitaw kwalunkwe periklu li jistaʼ jkun hemm għat-​tfal. Kultant, irridu nkunu lesti bl-​istess mod li nnaqqsu l-​veloċità, jew inċedu, fir-​relazzjoni tagħna maʼ sħabna fit-​twemmin jew oħrajn. Forsi qed nagħmlu xi ħaġa li għandna kull dritt nagħmluha. Ebda prinċipju Bibliku m’hu qed jinkiser. Minkejja dan, jekk nistgħu noffendu lil oħrajn jew inweġġgħu lil dawk li għandhom kuxjenza iktar dgħajfa, l-​imħabba Kristjana se tqanqalna noqogħdu attenti f’dak li nagħmlu. (Rumani 14:13, 15) Huwa iktar importanti li nżommu l-​unità u mmexxu ’l quddiem l-​interessi tas-​Saltna milli ninsistu fuq id-​drittijiet persunali tagħna.

18, 19. (a) Kif insegwu l-​eżempju taʼ Ġesù meta nuru konsiderazzjoni għall-​oħrajn? (b)Fiex naġixxu lkoll b’unità sħiħa, u x’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

18 Meta naġixxu b’dan il-​mod, aħna nkunu qed insegwu l-​aqwa eżempju. Pawlu jgħid: “Kristu ma fittixx jogħġob lilu nnifsu, kif inhu miktub: ‘It-​tagħjir taʼ dawk li għajru lilek waqaʼ fuqi.’” Ġesù kien lest jissagrifika ħajtu għalina. Żgur li aħna lesti nissagrifikaw ftit mid-​drittijiet tagħna jekk dan se jippermetti lil dawk li huma “dgħajfa” jigglorifikaw lil Alla f’unità magħna. Verament, meta nuru attitudni tolleranti u ġeneruża lejn il-​Kristjani li għandhom kuxjenza iktar dgħajfa—jew minn jeddna nillimitaw l-​għażliet tagħna u ma ninsistux fuq id-​drittijiet tagħna—dan juri li għandna l-​istess attitudni mentali taʼ Kristu Ġesù.—Rumani 15:1-5.

19 Għalkemm l-​opinjonijiet tagħna dwar kwistjonijiet li ma jinvolvux prinċipji Skritturali jistgħu jvarjaw b’xi mod, fi kwistjonijiet taʼ qima, aħna naġixxu f’unità sħiħa. (1 Korintin 1:10) Per eżempju, din l-​unità tidher ċara fil-​mod kif nirreaġixxu maʼ dawk li jopponu l-​qima vera. Il-​Kelma t’Alla ssejjaħ lil dawn l-​uħud bħala li huma barranin u twissina biex noqogħdu attenti minn “leħen barrani.” (Ġwanni 10:5) Kif nistgħu nagħrfu lil dawn il-​barranin? Kif għandna nirreaġixxu meta niffaċċjawhom? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu mweġbin fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Tfal minorenni jiġu gwidati mix-​xewqat tal-​ġenituri fil-​kwistjoni taʼ l-​ilbies.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​fatt li jkollna opinjonijiet differenti dwar kwistjonijiet persunali, għala m’għandux jhedded l-​unità?

• Bħala Kristjani għala għandna nuru konsiderazzjoni bl-​imħabba għal xulxin?

• Illum b’liema modi nistgħu napplikaw il-​parir taʼ Pawlu dwar l-​unità, u dan x’se jqanqalna nagħmlu?

[Stampa f’paġna 9]

Il-​parir taʼ Pawlu dwar l-​unità kien vitali għall-​kongregazzjoni

[Stampa f’paġna 10]

Il-​Kristjani huma magħqudin minkejja l-​esperjenzi u ċ-​ċirkustanzi differenti tagħhom

[Stampa f’paġna 12]

Din is-​sewwieqa x’għandha tagħmel issa?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja