LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 7/1 pp. 12-16
  • “Servizz Sagru bil-Qawwa tar-Raġuni Tagħkom”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Servizz Sagru bil-Qawwa tar-Raġuni Tagħkom”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ikkultivar Tal-​Qawwa Tar-​Raġuni Tiegħek
  • Irsiera T’Alla u Taʼ Kristu, Mhux Tal-​Bnedmin
  • Nikkultivaw “[I]l-Moħħ Taʼ Kristu”
  • Ngħixu fi Qbil mal-Liġi tal-Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Kif tqattaʼ l-ħin liberu tiegħek
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Kif Tagħżel Divertiment Bnin
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Tistaʼ Tafdaha l-Kuxjenza Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 7/1 pp. 12-16

“Servizz Sagru bil-​Qawwa tar-​Raġuni Tagħkom”

“Ippreżentaw l-​iġsma tagħkom sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tagħkom.”—RUMANI 12:1.

1, 2. Li titgħallem tapplika prinċipji tal-​Bibbja kif inhu bħal meta titgħallem lingwa ġdida?

QATT ipprovajt titgħallem xi lingwa ġdida? Jekk iva, bla dubju taqbel li hija biċċa xogħol iebsa. Wara kollox, iżjed huwa involut milli sempliċement titgħallem kliem ġdid. Użu profiċjenti taʼ lingwa jirrikjedi wkoll li titgħallem sewwa l-​grammatika tagħha. Trid tagħraf kif ċerti kelmiet huma marbutin flimkien u kif jingħaqdu biex jifformaw ħsibijiet kompleti.

2 Huwa simili għal meta nieħdu għarfien tal-​Kelma t’Alla. Iżjed huwa involut milli sempliċement nitgħallmu testi iżolati mill-​Iskrittura. Irridu nitgħallmu wkoll il-​grammatika tal-​Bibbja, biex ngħidu hekk. Għandna bżonn nifhmu kif l-​iskritturi huma marbutin flimkien u kif jaqdu bħala prinċipji li jistgħu jiġu applikati fil-​ħajja taʼ kuljum. B’hekk nistgħu nsiru ‘kompetenti għalkollox, mgħammrin bis-​sħiħ għal kull xogħol tajjeb.’—2 Timotew 3:17.

3. Rigward servizz lil Alla, liema bidla seħħet fit-​33 E.K.?

3 Taħt l-​arranġament tal-​kodiċi tal-​Liġi Mosajka, il-​fedeltà setgħet tintwera, fil-​biċċa l-​kbira, biż-​żamma stretta maʼ regoli definiti tajjeb. Fit-​33 E.K., madankollu, Jehovah ħassar il-​Liġi, billi ‘sammarha maz-​zokk tat-​tortura’ li fuqu Ibnu kien ġie mogħti l-​mewt. (Kolossin 2:13, 14) Wara dan, in-​nies t’Alla ma ngħatawx lista estensiva taʼ sagrifiċċji x’joffru u regoli x’isegwu. Minflok, intqalilhom: “Ippreżentaw l-​iġsma tagħkom sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tagħkom.” (Rumani 12:1) Iva, il-​Kristjani riedu jagħtu minnhom infushom, b’qalbhom, b’ruħhom, b’moħħhom, u b’saħħithom kollha fis-​servizz t’Alla. (Mark 12:30; qabbel Salm 110:3.) Imma x’ifisser li toffri “servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tagħkom”?

4, 5. X’inhu involut f’li naqdu lil Jehovah bil-​qawwa tar-​raġuni tagħna?

4 Il-​frażi “qawwa tar-​raġuni” hija tradotta mill-​kelma Griega lo·gi·kosʹ, li tfisser “razzjonali” jew “intelliġenti.” Qaddejja t’Alla jiġu mitlubin li jużaw il-​kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-​Bibbja. Minflok ma jibbażaw id-​deċiżjonijiet tagħhom fuq għadd taʼ regoli stabbiliti, il-​Kristjani jridu jiżnu bir-​reqqa prinċipji Bibliċi. Għandhom bżonn jifhmu l-​“grammatika” tal-​Bibbja, jew kif id-​diversi prinċipji tagħha huma relatati maʼ xulxin. B’hekk, jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ibbilanċjati bil-​qawwa tar-​raġuni tagħhom.

5 Ifisser dan li l-​Kristjani huma mingħajr liġi? Ċertament li le. L-​Iskrittura Griega Kristjana tipprojbixxi b’mod ċar l-​idolatrija, l-​immoralità sesswali, il-​qtil, il-​gideb, l-​ispiritiżmu, l-​użu ħażin tad-​demm, u diversi dnubiet oħrajn. (Atti 15:28, 29; 1 Korintin 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:8) Madankollu, sal-​punt bil-​wisq akbar milli kien meħtieġ mill-​Iżraeliti, aħna rridu nużaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħna biex nitgħallmu u napplikaw prinċipji tal-​Bibbja. Bħal meta wieħed jitgħallem lingwa ġdida, dan jieħu l-​ħin u l-​isforz. Il-​qawwa tar-​raġuni tagħna kif tistaʼ tiġi kkultivata?

L-​Ikkultivar Tal-​Qawwa Tar-​Raġuni Tiegħek

6. Li tistudja l-​Bibbja x’jinvolvi?

6 L-​ewwel, irridu nkunu studenti ħerqanin tal-​Bibbja. Il-​Kelma spirata t’Alla hija “taʼ benefiċċju għat-​tagħlim, għat-​twiddib, biex tiddritta l-​affarijiet, biex tiddixxiplina fit-​tjieba.” (2 Timotew 3:16) M’għandniex dejjem nistennew tweġiba għal xi problema spelluta f’xi vers wieħed tal-​Bibbja. Minflok, forsi jkollna nirraġunaw fuq diversi skritturi li jitfgħu dawl fuq xi sitwazzjoni jew problema partikulari. Ikollna bżonn nagħmlu tfittxija diliġenti għall-​ħsieb t’Alla fuq il-​kwistjoni. (Proverbji 2:3-5) Għandna bżonn ukoll fehma, għax “raġel taʼ fehma hu dak li jikseb direzzjoni bis-​sengħa.” (Proverbji 1:5) Persuna taʼ fehma tistaʼ tissepara l-​fatturi individwali taʼ kwistjoni u mbagħad tagħraf ir-​relazzjoni tagħhom maʼ xulxin. Bħal f’ġigsopażil, tpoġġi l-​biċċiet flimkien sabiex tkun tistaʼ tara l-​istampa kollha.

7. Il-​ġenituri kif jistgħu jirraġunaw fuq prinċipji Bibliċi rigward dixxiplina?

7 Per eżempju, ħu l-​kwistjoni taʼ l-​irwol taʼ ġenitur. Proverbji 13:24 jgħid li l-​missier li jħobb lil ibnu “tassew ifittxu bid-​dixxiplina.” Meħuda waħedha, din l-​iskrittura tistaʼ tiġi applikata ħażin f’li tiġġustifika kastig aħrax, bla ma jaqtaʼ. Madankollu, Kolossin 3:21 jipprovdi twiddiba li tibbilanċja: “Intom il-​missirijiet, tkunux qegħdin tħarrxu lit-​tfal tagħkom, biex ma jsirux qalbhom maqtugħa.” Ġenituri li jużaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħhom biex iġibu f’armonija dawn il-​prinċipji m’humiex se jirrikorru għal dixxiplina li tistaʼ tissejjaħ “abbużiva.” Se jittrattaw lit-​tfal tagħhom b’kordjalità, b’fehma, u b’dinjità. (Efesin 6:4) B’hekk, rigward l-​irwol taʼ ġenitur jew rigward kwalunkwe kwistjoni oħra li tinvolvi prinċipji tal-​Bibbja, nistgħu niżviluppaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħna billi niżnu l-​fatturi relatati kollha. B’dan il-​mod, nistgħu nagħrfu l-​“grammatika” taʼ prinċipji tal-​Bibbja, x’kienet l-​intenzjoni t’Alla u kif inwettqu dan.

8. Kif nistgħu nevitaw li naddottaw fehmiet riġidi u dommatiċi fejn jidħol id-​divertiment?

8 It-​tieni mod li bih nistgħu nikkultivaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħna huwa li nevitaw li naddottaw fehmiet dommatiċi u riġidi. Ħarsa m’hijiex flessibbli tfixkel l-​avvanz tal-​qawwa tar-​raġuni tagħna. Ikkunsidra l-​kwistjoni tad-​divertiment. Il-​Bibbja tgħid: “[I]d-dinja kollha kemm hi qiegħda taħt il-​poter tal-​wieħed mill-​agħar.” (1 Ġwann 5:19) Ifisser dan li kull ktieb, film, jew programm televiżiv prodott mid-​dinja huwa korrott u sataniku? Ħarsa bħal din bil-​kemm tkun raġonevoli. M’għandniex xi ngħidu, xi wħud għandhom mnejn jagħżlu li jżommu ’l bogħod mit-​televixin, films, jew letteratura sekulari kompletament. Dak huwa d-​dritt tagħhom, u m’għandhomx jiġu kkritikati għal dan. Imma lanqas m’għandhom jipprovaw jinfluwenzaw lil oħrajn biex jieħdu waqfa stretta simili. Is-​Soċjetà ppubblikat artikli li jiddiskutu prinċipji Bibliċi li għandhom jgħinuna biex inkunu selettivi b’mod għaqli fil-​mistrieħ jew divertiment tagħna. Li naqbżu dawn il-​livelli u nesponu lilna nfusna għall-​ħsieb immorali, il-​vjolenza bla rażan, jew l-​ispiritiżmu li huwa preżenti f’ħafna mid-​divertiment taʼ did-dinja m’huwa għaqli xejn. Tassew, għażla għaqlija taʼ divertiment tirrikjedi li nużaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħna biex napplikaw prinċipji tal-​Bibbja sabiex ikollna kuxjenza nadifa quddiem Alla u l-​bniedem.—1 Korintin 10:31-33.

9. X’inhu mfisser b’“dehen sħiħ”?

9 Ħafna mid-​divertiment tal-​lum biċ-​ċar m’huwiex xieraq għall-​Kristjani.a Għalhekk, irridu nħarrġu lil qlubna biex ‘jobogħdu dak li huwa ħażin’ sabiex ma nsirux bħal xi wħud fl-​ewwel seklu li “tilfu kull sens morali.” (Salm 97:10; Efesin 4:17-19) Biex nirraġunaw fuq kwistjonijiet bħal dawn, neħtieġu “għarfien eżatt u dehen sħiħ.” (Filippin 1:9) Il-​kelma Griega tradotta “dehen” tissinjifika “fehma morali sensittiva.” Il-​kelma tirreferi għas-​sensi umani litterali, bħalma hija l-​vista. Meta niġu għad-​divertiment jew xi kwistjoni oħra li tirrikjedi deċiżjoni persunali, is-​sens morali tagħna għandu jiġi ffokat sabiex inkunu nistgħu nilmħu mhux biss kwistjonijiet immarkati tajjeb fuq l-​abjad u l-​iswed imma wkoll dawk taʼ sfond griż. Fl-​istess ħin, għandna nevitaw li napplikaw prinċipji tal-​Bibbja sa xi punt estrem irraġonevoli u li ninsistu li ħutna kollha jagħmlu l-​istess.—Filippin 4:5.

10. Kif nistgħu nsiru nifhmu l-​personalità taʼ Jehovah kif riflessa f’Salm 15?

10 It-​tielet mod kif nikkultivaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħna huwa billi nkunu konxji dwar il-​mod kif jaħsibha Jehovah u nnaqxuh fil-​fond ġewwa qlubna. Fil-​Kelma tiegħu, Jehovah jirrivela l-​personalità u l-​livelli tiegħu. F’Salm 15, per eżempju, naqraw dwar it-​tip taʼ persuna li Jehovah jistieden fit-​tinda tiegħu. Din il-​persuna tipprattika t-​tjieba, titkellem il-​verità f’qalbha, hi leali rigward il-​wegħdi tagħha, u ma tiħux vantaġġ egoistiku minn oħrajn. Waqt li taqra dan is-​salm, staqsi lilek innifsek, ‘Dawn il-​kwalitajiet jiddeskrivu lili? Jehovah kieku lili jkun iridni bħala mistieden fit-​tinda tiegħu?’ Il-​qawwiet tal-​fehma tagħna jiġu msaħħin hekk kif niġu f’armonija mal-​mogħdijiet u l-​ħsibijiet taʼ Jehovah.—Proverbji 3:5, 6; Ebrej 5:14.

11. Il-​Fariżej kif ma ‘tawx kas il-​ġustizzja u l-​imħabba t’Alla’?

11 Huwa f’dan l-​aspett partikulari li l-​Fariżej naqsu b’mod miżerabbli. Il-​Fariżej kienu jafu l-​qafas tekniku tal-​Liġi imma ma setgħux jagħrfu l-​“grammatika” tagħha. Kienu jafu bl-​amment mirjadi taʼ dettalji tal-​Liġi, imma naqsu li jifhmu l-​Personalità li kien hemm warajha. Ġesù qalilhom: “Intom tagħtu l-​wieħed minn kull għaxra tan-​nagħniegħ u tal-​fejġel u taʼ kull ħaxixa oħra, imma ma tagħtux kas il-​ġustizzja u l-​imħabba t’Alla!” (Luqa 11:42) Bl-​imħuħ riġidi u l-​qlub ebsin tagħhom, il-​Fariżej naqsu li jużaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħhom. L-​irraġunar inkonsistenti tagħhom sar magħruf meta kkritikaw lid-​dixxipli taʼ Ġesù talli qatgħu l-​qamħ u kielu l-​qalba tiegħu nhar is-​Sabat; madankollu, iktar tard f’dik l-​istess ġurnata, ma ħassew ebda tingiża taʼ kuxjenza meta kkomplottaw biex joqtlu lil Ġesù!—Mattew 12:1, 2, 14.

12. Kif nistgħu nsiru iżjed f’armonija maʼ Jehovah bħala Persuna?

12 Aħna rridu nkunu differenti mill-​Fariżej. L-​għarfien tagħna tal-​Kelma t’Alla jrid jgħinna biex insiru iżjed f’armonija maʼ Jehovah bħala Persuna. Kif nistgħu nagħmlu dan? Wara li jaqraw porzjon mill-​Bibbja jew minn letteratura bbażata fuq il-​Bibbja, xi wħud ġew mgħejjunin billi qagħdu jaħsbu fil-​fond fuq mistoqsijiet bħal dawn, ‘Din l-​informazzjoni x’tgħallimni dwar Jehovah u dwar il-​kwalitajiet tiegħu? Kif nistaʼ nuri l-​kwalitajiet taʼ Jehovah fil-​mod kif nittratta m’oħrajn?’ Li nimmeditaw fuq mistoqsijiet bħal dawn jiżviluppa l-​qawwa tar-​raġuni tagħna u jgħinna nsiru “imitaturi t’Alla.”—Efesin 5:1.

Irsiera T’Alla u Taʼ Kristu, Mhux Tal-​Bnedmin

13. Il-​Fariżej kif aġixxew bħala dittaturi morali?

13 L-​anzjani jridu jħallu lil dawk taħt il-​ħarsien tagħhom biex jużaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħhom. Il-​membri tal-​kongregazzjoni m’humiex irsiera tal-​bnedmin. “Li kieku kont għadni qiegħed nogħġob lil bnedmin,” kiteb Pawlu, “ma kontx inkun l-​irsir taʼ Kristu.” (Galatin 1:10; Kolossin 3:23, 24) F’kuntrast, il-​Fariżej riedu lin-​nies jemmnu li kien iżjed importanti li jiksbu l-​approvazzjoni tal-​bnedmin milli dik t’Alla. (Mattew 23:2-7; Ġwann 12:42, 43) Il-​Fariżej ħatru lilhom infushom bħala dittaturi morali li fformaw ir-​regoli tagħhom stess u mbagħad iġġudikaw lil oħrajn skond kemm kienu jimxu fi qbil magħhom. Dawk li segwew lill-​Fariżej iddgħajfu fl-​użu tal-​kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-​Bibbja, billi fil-​fatt saru rsiera tal-​bnedmin.

14, 15. (a) L-​anzjani kif jistgħu juru lilhom infushom bħala ħaddiema sħab mal-​merħla? (b) L-​anzjani kif għandhom jittrattaw kwistjonijiet taʼ kuxjenza?

14 L-​anzjani Kristjani llum jafu li l-​merħla m’għandhiex prinċipalment tagħti kont lilhom. Kull Kristjan irid iġorr it-​tagħbija tiegħu jew tagħha stess. (Rumani 14:4; 2 Korintin 1:24; Galatin 6:5) Dan huwa kif għandu jkun. Tabilħaqq, li kieku membri tal-​merħla kellhom ikunu rsiera tal-​bnedmin, billi jobdu sempliċement għaliex hemm min qiegħed għassa tagħhom, x’se jagħmlu meta dawk il-​bnedmin ma jkunux hemm? Pawlu kellu raġuni għal ferħ minħabba l-​Filippin: “Bil-​mod li dejjem obdejtu, mhux matul il-​preżenza tiegħi biss, imma issa ferm iktar fil-​pront matul l-​assenza tiegħi, ibqgħu aħdmu s-​salvazzjoni tagħkom stess bil-​biżaʼ u t-​tkexkix.” Kienu verament irsiera taʼ Kristu, u mhux taʼ Pawlu.—Filippin 2:12.

15 Fi kwistjonijiet taʼ kuxjenza, għalhekk, l-​anzjani ma jiħdux id-​deċiżjonijiet għal dawk taħt il-​ħarsien tagħhom. Huma jispjegaw il-​prinċipji Bibliċi involuti fi kwistjoni u mbagħad iħallu lill-​individwi involuti jużaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħhom stess biex jieħdu deċiżjoni. Din hija responsabbiltà serja, u madankollu hija waħda li l-​individwu nnifsu jrid iġorr.

16. Liema sistema eżistiet f’Iżrael biex jiġu ttrattati l-​problemi?

16 Ikkunsidra l-​perijodu meta Jehovah uża mħallfin biex jiggwidaw lil Iżrael. Il-​Bibbja tgħidilna: “Dak iż-​żmien ma kien hemm ebda sultan f’Iżrael. Dak li kien sewwa f’għajnejh stess kien dak li kull wieħed kien imdorri jagħmel.” (Mħallfin 21:25) Madankollu Jehovah tassew li pprovda mezzi għall-​poplu tiegħu biex jiksbu gwida. Kull belt kellha rġiel xjuħ li setgħu jipprovdu għajnuna matura meta jqumu mistoqsijiet u problemi. Jerġaʼ, il-​qassisin Levitiċi aġixxew bħala forza għall-​ġid billi edukaw lin-​nies fil-​liġijiet t’Alla. Meta kienu jqumu kwistjonijiet diffiċli iżjed mis-​soltu, il-qassis il-​kbir setaʼ jikkonsulta m’Alla permezz taʼ l-​Urim u t-​Tummim. L-​Insight on the Scriptures jikkummenta: “L-​individwu li ħa vantaġġ minn dawn il-​provvedimenti, li kiseb għarfien tal-​liġi t’Alla u applikah, kellu gwida soda għall-​kuxjenza tiegħu. Meta kien jagħmel ‘dak li kien tajjeb f’għajnejh stess’ f’każ bħal dan ma kienx jirriżulta f’ħażen. Jehovah ħalla lin-​nies juru attitudni u korsa volontarja jew involontarja.”​—It-​II Volum, paġni 162-3.b

17. L-​anzjani kif jistgħu juru li huma jagħtu pariri skond il-​livelli t’Alla minflok tagħhom stess?

17 Bħall-​imħallfin u l-​qassisin Iżraeliti, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jipprovdu għajnuna matura meta jqumu problemi u jagħtu pariri taʼ valur. Xi drabi, saħansitra ‘jwiddbu, iċanfru, iħeġġu, bis-​sabar fit-​tul kollu u bl-​arti tat-​tagħlim.’ (2 Timotew 4:2) Huma jagħmlu dan skond il-​livelli t’Alla, mhux tagħhom stess. Kemm huwa effettiv dan meta anzjani jagħtu eżempju u jipprovaw jilħqu l-​qlub!

18. Għala huwa speċjalment effettiv għal anzjani li jappellaw għall-​qlub?

18 Il-​qalb hija l-​“magna” taʼ l-​attività Kristjana tagħna. Il-​Bibbja għalhekk tgħid: “Minn ġo fiha huma s-​sorsi tal-​ħajja.” (Proverbji 4:23) L-​anzjani li jqanqlu l-​qlub se jsibu li dawk fil-​kongregazzjoni jiġu b’hekk immotivati biex jagħmlu kulma jistgħu fis-​servizz t’Alla. Se jsiru self-starters, mhux dejjem jiddependu minn oħrajn biex jimbottawhom. Jehovah ma jridx ubbidjenza sforzata. Qiegħed ifittex ubbidjenza li tiġi minn qalb mimlija mħabba. L-​anzjani jistgħu jinkuraġġixxu servizz bħal dan immotivat mill-​qalb billi jgħinu lil dawk fil-​merħla biex jiżviluppaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħhom.

Nikkultivaw “[I]l-Moħħ Taʼ Kristu”

19, 20. Għala huwa importanti għalina li nikkultivaw il-​moħħ taʼ Kristu?

19 Bħalma nnotajna, m’huwiex biżżejjed li sempliċement tkun taf il-​liġijiet t’Alla. “Agħmilni nifhem,” implora s-​salmista, “biex inkun nistaʼ nosserva l-​liġi tiegħek u biex inkun nistaʼ nżommha bil-​qalb kollha kemm hi.” (Salm 119:34) Jehovah irrivela fil-​Kelma tiegħu “l-​moħħ taʼ Kristu.” (1 Korintin 2:16) Bħala wieħed li qeda lil Jehovah bil-​qawwa tar-raġuni tiegħu, Ġesù ħallielna mudell perfett. Fehem il-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla, u applikahom bla difett. Billi nistudjaw l-​eżempju tiegħu, se ‘nkunu nistgħu nifhmu bis-​sħiħ b’moħħna . . . x’inhuma l-​wisaʼ u t-tul u l-​għoli u l-​fond, u biex inkunu nafu l-​imħabba tal-​Kristu li tisboq l-​għarfien.’ (Efesin 3:17-19) Iva, dak li nitgħallmu mill-​Bibbja dwar Ġesù jmur ferm lil hinn minn għarfien akkademiku tal-​moħħ; dan jagħtina stampa ċara taʼ kif inhu Jehovah innifsu.—Ġwann 14:9, 10.

20 B’hekk, hekk kif nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nistgħu nagħrfu l-​ħsieb taʼ Jehovah fuq kwistjonijiet u naslu għal deċiżjonijiet bilanċjati. Dan se jirrikjedi sforz. Irridu nsiru studenti ħerqanin tal-​Kelma t’Alla, billi nagħmlu lilna nfusna sensittivi għall-​personalità u l-​livelli taʼ Jehovah. Qegħdin nitgħallmu grammatika ġdida biex ngħidu hekk. Madankollu, dawk li jagħmlu hekk ikunu qegħdin isegwu t-​twiddiba taʼ Pawlu biex ‘jippreżentaw l-​iġsma tagħhom sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tagħhom.’—Rumani 12:1. (w95 6/15)

[Noti taʼ taħt]

a Dan jaqtaʼ barra divertiment li għandu kontenut demoniku, pornografiku, jew sadistiku, kif ukoll l-​hekk imsejjaħ divertiment għall-​familja li jippromwovi ideat taʼ taħlit sesswali jew permissivi li l-​Kristjani ma jistgħux japprovawhom.

b Ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

X’Tgħallimt Int?

◻ Liema bidla rigward servizz lil Alla seħħet fit-​33 E.K.?

◻ Kif nistgħu nikkultivaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħna?

◻ L-​anzjani kif jistgħu jgħinu lil dawk fil-​merħla biex ikunu rsiera t’Alla u taʼ Kristu?

◻ Għala għandna nikkultivaw “[i]l-moħħ taʼ Kristu”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja