Ngħixu fi Qbil mal-Liġi tal-Kristu
“Erfgħu t-tagħbija taʼ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi taʼ Kristu.”—GALATIN 6:2.
1. Għala jistaʼ jingħad li l-liġi tal-Kristu hija forza tremenda għat-tajjeb illum?
FL-IRWANDA, Xhieda taʼ Jehovah Ħutu u Tutsi, irriskjaw ħajjithom biex jipproteġu lil xulxin mit-tbiċċir etniku li riċentement laqat lil dak il-pajjiż. Xhieda taʼ Jehovah ġewwa Kobe, il-Ġappun, li tilfu membri tal-familja fit-terremot devastanti kienu mifnijin bit-telfa tagħhom. Madankollu, aġixxew mill-ewwel biex jeħilsu vittmi oħrajn. Iva, eżempji li jqawwu l-qalb minn madwar id-dinja juru li l-liġi tal-Kristu hija effettiva llum. Hija forza tremenda għat-tajjeb.
2. Il-Kristjaneżmu kif naqas li jifhem il-punt tal-liġi tal-Kristu, u aħna x’nistgħu nagħmlu biex inwettqu dik il-liġi?
2 Fl-istess ħin, profezija tal-Bibbja dwar dawn “l-aħħar jiem” kritiċi qiegħda tiġi mwettqa. Ħafna “minn barra jagħmluha taʼ tajbin” imma “jiċħdu l-qawwa taʼ tjieba.” (2 Timotju 3:1, 5) Speċjalment fil-Kristjaneżmu, ir-reliġjon taʼ spiss hija kwistjoni taʼ formalità, mhux waħda tal-qalb. Huwa dan minħabba l-fatt li huwa diffiċli wisq biex tgħix fi qbil mal-liġi tal-Kristu? Le. Ġesù ma kienx se jagħtina liġi li ma setgħetx tiġi segwita. Il-Kristjaneżmu sempliċement naqas li jifhem dik il-liġi. Naqas li jagħti kas taʼ dan il-kliem ispirat: “Erfgħu t-tagħbija taʼ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi taʼ Kristu.” (Galatin 6:2) Aħna “nħarsu [“nwettqu,” NW] l-liġi taʼ Kristu” billi nġorru t-tagħbijiet taʼ xulxin, mhux billi nimitaw lill-Fariżej u nżidu mingħajr ġustifikazzjoni mat-tagħbijiet taʼ ħutna.
3. (a) Liema huma xi kmandi li huma inklużi fil-liġi tal-Kristu? (b) Għala jkun żbaljat li nikkonkludu li l-kongregazzjoni Kristjana m’għandu jkollha l-ebda regola għajr il-kmandi diretti taʼ Kristu?
3 Il-liġi tal-Kristu tinkludi l-kmandi kollha taʼ Kristu Ġesù—kemm jekk huma l-ippridkar u t-tagħlim, li nżommu għajnejna puri u sempliċi, li naħdmu biex inżommu l-paċi mal-ġâr tagħna, jew li nneħħu n-nuqqas taʼ ndafa mill-kongregazzjoni. (Mattew 5:27-30; 18:15-17; 28:19, 20; Apokalissi 2:14-16) Tabilħaqq, il-Kristjani huma obbligati li josservaw il-kmandi kollha li hemm fil-Bibbja u li huma indirizzati lis-segwaċi taʼ Kristu. U hemm iżjed minn hekk. L-organizzazzjoni taʼ Jehovah, kif ukoll kongregazzjonijiet individwali, iridu jistabbilixxu regoli u proċeduri neċessarji sabiex jippreservaw l-ordni xieraq. (1 Korintin 14:33, 40) Iva, il-Kristjani lanqas biss jistgħu jiltaqgħu flimkien kieku ma kellhomx regoli dwar meta, fejn, u kif jagħmlu laqgħat bħal dawn! (Lhud 10:24, 25) Li nikkoperaw maʼ linji taʼ gwida raġonevoli stabbiliti minn dawk li lilhom ngħatat awtorità fl-organizzazzjoni huwa wkoll parti milli nwettqu l-liġi tal-Kristu.—Lhud 13:17.
4. X’inhija l-forza li tqanqal wara l-qima pura?
4 Minkejja dan, il-veri Kristjani ma jħallux il-qima tagħhom issir struttura taʼ liġijiet bla sens. Huma ma jaqdux lil Jehovah sempliċement għaliex xi individwu jew organizzazzjoni tgħidilhom biex jagħmlu hekk. Minflok, il-forza motivanti wara l-qima tagħhom hija l-imħabba. Pawlu kiteb: “L-imħabba taʼ Kristu ġġegħilna.” (Korsiv tagħna.) (2 Korintin 5:14) Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex iħobbu lil xulxin. (Ġwann 15:12, 13) Imħabba li tissagrifika lilha nfisha hija l-bażi tal-liġi tal-Kristu, u tqanqal jew timmotiva lill-veri Kristjani kullimkien, kemm fil-familja u kemm fil-kongregazzjoni. Ejjew naraw kif.
Fil-Familja
5. (a) Il-ġenituri kif jistgħu jwettqu l-liġi tal-Kristu fid-dar? (b) It-tfal x’jeħtieġu mingħand il-ġenituri tagħhom, u xi ġenituri liema ostakli jridu jegħlbu sabiex iwettqu dan?
5 L-appostlu Pawlu kiteb: “Irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha.” (Efesin 5:25) Meta raġel jimita lil Kristu u jittratta lil martu b’imħabba u komprensjoni, hu jwettaq aspett vitali tal-liġi tal-Kristu. Iktar minn hekk, Ġesù wera fil-beraħ affezzjoni lejn tfal żgħar, billi ħaddanhom miegħu, poġġa jdejh fuqhom, u berikhom. (Mark 10:16) Ġenituri li jwettqu l-liġi tal-Kristu wkoll juru affezzjoni lejn uliedhom. Veru, hemm ġenituri li jsibuha taʼ sfida li jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù f’dan ir-rigward. Xi wħud m’humiex dimostrattivi di natura. Ġenituri, la tħallux konsiderazzjonijiet bħal dawn iżommukom lura milli turu lil uliedkom l-imħabba li għandkom għalihom! M’huwiex biżżejjed għalikom li tkunu tafu li tħobbu lil uliedkom. Huma jridu jkunu jafu wkoll. U dan mhux se jkunu jafuh jekk intom ma ssibux modi kif turu mħabbitkom.—Qabbel Mark 1:11.
6. (a) It-tfal jeħtieġu regoli tal-ġenituri, u għala twieġeb hekk? (b) Liema raġuni fundamentali hemm għal regoli fid-dar li t-tfal għandhom bżonn jifhmu? (ċ) Liema perikli jiġu evitati meta l-liġi tal-Kristu tkun prevalenti fid-dar?
6 Fl-istess ħin, it-tfal għandhom bżonn limiti, li jfisser li l-ġenituri tagħhom iridu jistabbilixxu regoli u xi kultant jinforzaw dawn ir-regoli bid-dixxiplina. (Lhud 12:7, 9, 11) Saħansitra jekk inhu hekk, it-tfal iridu jiġu mgħejjunin progressivament biex jaraw ir-raġuni li hemm wara dawn ir-regoli: il-ġenituri tagħhom iħobbuhom. U huma jridu jitgħallmu li l-imħabba hija l-aħjar raġuni għalihom biex jobdu lill-ġenituri tagħhom. (Efesin 6:1; Kolossin 3:20; 1 Ġwann 5:3) Il-mira taʼ ġenitur li għandu d-dehen hija li jgħallem liż-żgħar biex jużaw il-“qawwa tar-raġuni” tagħhom sabiex eventwalment jagħmlu deċiżjonijiet tajbin waħedhom. (Rumani 12:1, NW; qabbel 1 Korintin 13:11.) Mill-banda l-oħra, ir-regoli m’għandhomx ikunu numerużi żżejjed jew id-dixxiplina ħarxa żżejjed. Pawlu jgħid: “Intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.” (Kolossin 3:21; Efesin 6:4) Meta l-liġi tal-Kristu tkun prevalenti fid-dar, m’hemmx lok għal dixxiplina amministrata b’rabja mhix ikkontrollata jew b’sarkażmu li jweġġaʼ. F’dar bħal din, it-tfal iħossuhom fiż-żgur u mibnijin, mhux imtaqqlin jew mhux stmati.—Qabbel Salmi 36:7.
7. B’liema modi jistgħu d-djar Betel jipprovdu eżempju meta wieħed jiġi biex jagħmel regoli fid-dar?
7 Xi wħud li żaru djar Betel madwar id-dinja jgħidu li wħud bħal dawn huma eżempji tajbin taʼ bilanċ fejn jidħlu regoli għall-familja. Għalkemm komposti minn adulti, istituzzjonijiet bħal dawn jiffunzjonaw sewwa sew bħal familji.a Il-ħidmiet ġewwa Betel huma komplessi u jeħtieġu numru konsiderevoli taʼ regoli—ċertament iżjed milli tkun teħtieġ familja medja. Minkejja dan, l-anzjani li jieħdu t-tmexxija fi djar, uffiċini, u ħidmiet fil-fabbriki tal-Betel jagħmlu ħilithom biex japplikaw il-liġi tal-Kristu. Huma jqisuh bħala l-inkarigu tagħhom mhux biss li jorganizzaw ix-xogħol imma wkoll li jippromwovu progress spiritwali u “l-ferħ tal-Mulej” fost il-ħaddiema sħabhom. (Neħemija 8:10) Għalhekk, huma jagħmlu ħilithom biex jagħmlu l-affarijiet b’mod pożittiv u inkuraġġanti u jħabirku biex ikunu raġonevoli. (Efesin 4:31, 32) Mhux taʼ b’xejn li l-familji ġewwa l-Betel huma magħrufin għall-ispirtu ferrieħi tagħhom!
Fil-Kongregazzjoni
8. (a) X’għandha tkun dejjem il-mira tagħna fil-kongregazzjoni? (b) Xi wħud f’liema ċirkostanzi talbu għal jew ipprovaw jagħmlu regoli?
8 Fil-kongregazzjoni hija bl-istess mod il-mira tagħna li nibnu lil xulxin fl-ispirtu taʼ l-imħabba. (1 Tessalonikin 5:11) Mela l-Kristjani kollha għandhom joqogħdu attenti biex ma jżidux mat-tagħbijiet taʼ l-oħrajn billi jiħduha f’idejhom li jimponu l-ideat tagħhom stess fi kwistjonijiet t’għażla persunali. Xi kultant, xi wħud jiktbu lill-Watch Tower Society biex jistaqsu dwar deċiżjonijiet uffiċċjali fuq kwistjonijiet bħal ma huma liema ħarsa għandu jkollhom fuq films, kotba, u saħansitra ġugarelli speċifiċi. Madankollu, is-Soċjetà m’hijiex awtorizzata biex teżamina bir-reqqa affarijiet bħal dawn u toħroġ ġudizzji fuqhom. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, dawn huma kwistjonijiet li kull individwu jew kap taʼ familja għandu jiddeċiedi, ibbażati fuq l-imħabba tiegħu taʼ prinċipji tal-Bibbja. Oħrajn għandhom it-tendenza li jdawru s-suġġerimenti u l-gwidi tas-Soċjetà f’regoli. Per eżempju, fil-ħarġa taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa, taʼ l-1 t’April, 1996, kien hemm artiklu mill-aħjar li jinkuraġġixxi anzjani biex jagħmlu żjajjar pastorali regulari lil membri tal-kongregazzjoni. Kien dan l-iskop li jistabbilixxi regoli? Le. Għalkemm dawk li jistgħu jimxu fuq is-suġġerimenti jsibu ħafna benefiċċji, xi anzjani m’humiex fil-pożizzjoni li jagħmlu hekk. B’mod simili, l-artiklu “Questions From Readers” (Mistoqsijiet Mill-Qarrejja) fil-ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-1 t’April, 1995, wissa kontra t-tnaqqis fid-dinjità taʼ l-okkażjoni tal-magħmudija billi mmorru fl-estremi, bħalma huma xalar bla rażan jew l-organizzar taʼ ċelebrazzjonijiet. Xi wħud ħadu dan il-parir matur wisq fl-estrem, saħansitra billi għamlu regola illi li tibgħat kartolina taʼ inkuraġġiment f’din l-okkażjoni jkun żbaljat!
9. Għala huwa importanti li nevitaw li nkunu kritiċi żżejjed u nagħmlu ġudizzju fuq xulxin?
9 Ikkunsidra, ukoll, li jekk “il-liġi perfetta tal-ħelsien” se tkun prevalenti f’nofsna, irridu naċċettaw li mhux il-kuxjenzi Kristjani kollha huma identiċi. (Ġakbu 1:25) Għandna aħna nagħmluha bi kbira jekk xi nies ikollhom għażliet individwali li ma jiksrux prinċipji Skritturali? Le. Li nagħmlu hekk se jġib firda. (1 Korintin 1:10) Pawlu, meta wissiena kontra li nagħmlu ġudizzju fuq sieħeb Kristjan, qal: “Jekk iżommx wieqaf jew jaqax, dan jarah sidu. Iżda huwa jżomm wieqaf, għax il-Mulej għandu kull ħila li jżommu wieqaf.” (Rumani 14:4) Aħna nirriskjaw li ma nogħġbux lil Alla jekk nitkellmu kontra xulxin dwar kwistjonijiet li suppost jitħallew għal kuxjenza individwali.—Ġakbu 4:10-12.
10. Min huma dawk inkarigati biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni, u kif għandna nappoġġjawhom?
10 Ejjew niftakru, ukoll, li l-anzjani huma inkarigati biex joqogħdu għassa tal-merħla t’Alla. (Atti 20:28) Huma qegħdin hemm biex jgħinu. Aħna għandna nħossuna fil-libertà li navviċinawhom għal xi parir, għaliex huma studenti tal-Bibbja u huma familjari maʼ dak li ġie diskuss fil-letteratura tal-Watch Tower Society. Meta l-anzjani jaraw kondotta li x’aktarx se twassal għal ksur taʼ prinċipji Skritturali, huma mingħajr biżaʼ joffru l-parir meħtieġ. (Galatin 6:1) Membri tal-kongregazzjoni jimxu wara l-liġi tal-Kristu billi jikkoperaw maʼ dawn ir-ragħajja għeżież, li jieħdu t-tmexxija f’nofshom.—Lhud 13:7.
L-Anzjani Japplikaw Il-Liġi Tal-Kristu
11. L-anzjani kif japplikaw il-liġi tal-Kristu fil-kongregazzjoni?
11 L-anzjani huma ħerqanin biex iwettqu l-liġi tal-Kristu fil-kongregazzjoni. Huma jieħdu t-tmexxija f’li jippridkaw l-aħbar tajba, jgħallmu mill-Bibbja sabiex jilħqu l-qlub u, bħala ragħajja kollhom imħabba u ġentili, ikellmu lill-“erwieħ dipressi.” (1 Tessalonkin 5:14, NW) Huma jevitaw l-attitudnijiet mhux Kristjani li jeżistu f’tant reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu. Veru, din id-dinja sejra mill-ħażin għall-agħar bil-ħeffa, u bħal Pawlu, l-anzjani għandhom mnejn iħossu anzjetà għall-merħla; imma jibqgħu jżommu l-bilanċ hekk kif jaġixxu fuq affarijiet bħal dawn.—2 Korintin 11:28.
12. Meta Kristjan javviċina lil xi anzjan għall-għajnuna, l-anzjan kif għandu mnejn iwieġeb?
12 Per eżempju, Kristjan għandu mnejn ikun jixtieq jikkonsulta m’anzjan dwar kwistjoni importanti li m’hemm ebda referenza Skritturali diretta għaliha jew li titlob li jiġu bbilanċjati prinċipji Kristjani differenti. Għandu mnejn ġie offrut promozzjoni fuq ix-xogħol li għandha salarju iktar imma responsabbiltà akbar. Jew il-missier mhux kredent taʼ żagħżugħ Kristjan jistaʼ jkun qiegħed jimponi fuq ibnu affarijiet li jistgħu jeffettwaw il-ministeru tiegħu. F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-anzjan iżomm lura milli jagħti opinjoni persunali. Minflok, hu x’aktarx se jiftaħ il-Bibbja u jgħin lill-individwu biex jirraġuna fuq il-prinċipji relevanti. Jistaʼ juża l-Watch Tower Publications Index, jekk ikollu, biex jalloka dak li “l-irsir leali u diskret” jgħid dwar is-suġġett fil-paġni taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa u pubblikazzjonijiet oħrajn. (Mattew 24:45, NW) Xi ngħidu jekk il-Kristjan wara dan jieħu deċiżjoni li ma tidhirx għaqlija għall-anzjan? Jekk id-deċiżjoni ma tmurx direttament kontra l-prinċipji jew il-liġijiet tal-Bibbja, il-Kristjan se jsib li l-anzjan jirrikonoxxi d-dritt taʼ l-individwu li jieħu deċiżjoni bħal din, billi jaf li “kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.” Il-Kristjan għandu jiftakar, imma, li “dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.”—Galatin 6:5, 7.
13. Minflok ma jagħtu tweġibiet diretti għal mistoqsijiet jew jagħtu l-opinjoni tagħhom stess, l-anzjani għala jgħinu lil oħrajn biex jirraġunaw fuq xi kwistjonijiet?
13 L-anzjan taʼ l-esperjenza għala jaġixxi b’dan il-mod? Minn taʼ l-inqas għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, Pawlu qal lil waħda mill-kongregazzjonijiet li hu ma kellux ‘xi setgħa fuq il-fidi tagħhom.’ (2 Korintin 1:24, KŻ) L-anzjan, f’li jgħin lil ħuh biex jirraġuna fuq l-Iskrittura u jagħmel id-deċiżjoni informata tiegħu stess, qiegħed jimita l-attitudni taʼ Pawlu. Hu jirrikonoxxi li hemm limiti għall-awtorità tiegħu, sewwa sew bħalma Ġesù irrikonoxxa li kien hemm limiti għall-awtorità tiegħu. (Luqa 12:13, 14; Ġuda 9) Fl-istess ħin, l-anzjani lesti li joffru parir Skritturali t’għajnuna u saħansitra dirett, fejn ikun hemm bżonn. It-tieni, hu qiegħed iħarreġ lill-Kristjan sieħbu. L-appostlu Pawlu qal: “L-ikel sħiħ hu tal-kbar, taʼ dawk li biż-żmien huma mdorrija jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.” (Lhud 5:14) Għalhekk, biex nikbru għall-maturità, aħna rridu nużaw il-fakultajiet t’osservar tagħna stess, u mhux dejjem nistrieħu fuq xi ħadd ieħor biex jagħtina t-tweġibiet. L-anzjan, billi juri lill-Kristjan sieħbu kif jirraġuna fuq l-Iskrittura, qiegħed b’dan il-mod jgħinu biex jipprogressa.
14. Uħud maturi kif jistgħu juru li jafdaw f’Jehovah?
14 Nistgħu jkollna fidi li Alla Jehovah permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu se jinfluwenza l-qlub t’adoraturi veri. B’hekk, Kristjani maturi jappellaw għall-qlub taʼ ħuthom, jitolbuhom bil-ħrara, bħalma għamel l-appostlu Pawlu. (2 Korintin 8:8; 10:1; Filemon 8, 9) Pawlu kien jaf li huma prinċipalment dawk li m’humiex twajbin u mhux it-twajbin, li għandhom bżonn liġijiet iddettaljati biex iġagħluhom iġibu ruħhom sew. (1 Timotju 1:9) Hu esprima mhux suspett jew nuqqas taʼ fiduċja, imma fidi f’ħutu. Lil waħda mill-kongregazzjoni hu kiteb: “Aħna żguri minnkom fil-Mulej.” (2 Tessalonikin 3:4) Il-fidi, il-fiduċja, u l-kunfidenza taʼ Pawlu żgur li għenu ħafna biex jimmotivaw lil dawk il-Kristjani. L-anzjani u l-indokraturi li jivvjaġġaw illum għandhom miri simili. Kemm huma rifreskanti dawn l-irġiel leali, hekk kif b’imħabba jirgħu l-merħla t’Alla!—Isaija 32:1, 2; 1 Pietru 5:1-3.
Ngħixu Fi Qbil Mal-Liġi Tal-Kristu
15. Liema huma xi mistoqsijiet li nistgħu nistaqsu lilna nfusna biex naraw jekk aħniex napplikaw il-liġi tal-Kristu fir-relazzjoni tagħna maʼ ħutna?
15 Ilkoll kemm aħna għandna bżonn neżaminaw lilna nfusna regolarment biex naraw jekk aħniex ngħixu fi qbil maʼ u nippromwovu l-liġi tal-Kristu. (2 Korintin 13:5) Verament, ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw billi nistaqsu: ‘Jien nibni jew nikkritika? Jien ibbilanċjat jew estrem? Nuri jien konsiderazzjoni għal oħrajn jew ninsisti fuq id-drittijiet tiegħi stess?’ Kristjan ma jipprovax jiddetta liema passi għandu jew m’għandux jieħu ħuh fi kwistjonijiet li m’humiex speċifikament imsemmijin fil-Bibbja.—Rumani 12:1, NW; 1 Korintin 4:6.
16. Kif nistgħu ngħinu lil dawk li għandhom opinjonijiet negattivi tagħhom infushom, u b’hekk inwettqu aspett vitali tal-liġi tal-Kristu?
16 F’dawn iż-żminijiet kritiċi, huwa importanti għalina li nfittxu modi biex ninkuraġġixxu lil xulxin. (Lhud 10:24, 25; qabbel Mattew 7:1-5.) Meta nħarsu lejn ħutna rġiel u nisa, il-kwalitajiet tajbin tagħhom ma jfissrux iżjed għalina mid-dgħjufijiet tagħhom? Għal Jehovah, kull wieħed minna huwa prezzjuż. B’sogħba, mhux kulħadd iħossu hekk, saħansitra dwarhom infushom. Ħafna għandhom it-tendenza li jaraw biss id-difetti u l-imperfezzjonijiet persunali tagħhom stess. Biex ninkuraġġixxu wħud bħal dawn—u oħrajn—nistgħu aħna nipprovaw inkellmu wieħed jew tnejn minnhom f’kull laqgħa, billi nuruhom għala nqisu bħala taʼ valur il-preżenza tagħhom u l-kontribut importanti li jagħtu fil-kongregazzjoni? X’ferħ li tħaffef it-tagħbija tagħhom b’dan il-mod u b’hekk twettaq il-liġi tal-Kristu!—Galatin 6:2.
Il-Liġi Tal-Kristu Qiegħda Taħdem!
17. B’liema modi differenti tara int il-liġi tal-Kristu taħdem fil-kongregazzjoni tiegħek?
17 Il-liġi tal-Kristu qiegħda taħdem fil-kongregazzjoni Kristjana. Narawha kuljum—meta Xhieda sħabna jaqsmu ħerqanin l-aħbar tajba, meta jfarrġu u jinkuraġġixxu lil xulxin, meta jitqabdu biex jaqdu lil Jehovah minkejja l-problemi l-iżjed diffiċli, meta ġenituri jaħdmu iebes biex itellgħu lil uliedhom biex iħobbu lil Jehovah bi qlub ferħanin, meta indokraturi jgħallmu l-Kelma t’Alla b’imħabba u kordjalità, billi jqanqlu lill-merħla ħalli jkollha żelu jaħraq biex taqdi lil Jehovah għal dejjem. (Mattew 28:19, 20; 1 Tessalonkin 5:11, 14, NW) Meta aħna bħala individwi napplikaw il-liġi tal-Kristu f’ħajjitna stess, kemm tithenna qalb Jehovah! (Proverbji 23:15) Hu jrid li dawk kollha li jħobbu l-liġi perfetta tiegħu jgħixu għal dejjem. Fil-Ġenna li ġejja, se naraw żmien meta l-umanità tkun perfetta, żmien mingħajr dawk li jiksru l-liġi, u żmien meta kull inklinazzjoni taʼ qlubna se tkun taħt kontroll. Xi premju glorjuż talli tgħix fi qbil mal-liġi tal-Kristu! (w96 9/1)
[Nota taʼ taħt]
a Djar bħal dawn m’humiex bħal monasterji tal-Kristjaneżmu. M’hemmx “pirjoli,” jew “patrijiet,” f’dak is-sens. (Mattew 23:9) Aħwa responsabbli jintwerew rispett, imma s-servizz tagħhom huwa ggwidat mill-istess prinċipji li jiggvernaw lill-anzjani kollha.
Int X’Taħseb?
◻ Il-Kristjaneżmu għala naqas li jifhem il-punt tal-liġi tal-Kristu?
◻ Kif nistgħu napplikaw il-liġi tal-Kristu fil-familja?
◻ Biex napplikaw il-liġi tal-Kristu fil-kongregazzjoni, x’irridu nevitaw, u x’irridu nagħmlu?
◻ L-anzjani kif jistgħu jobdu l-liġi tal-Kristu meta jittrattaw mal-kongregazzjoni?
[Stampa f’paġna 31]
Ibnek għandu ħtieġa kbira għall-imħabba
[Stampa f’paġna 32]
Kemm huma rifreskanti l-anzjani għeżież tagħna!