LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kr kap. 12 pp. 118-131
  • Organizzati biex naqdu lill-“Alla tal-paċi”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Organizzati biex naqdu lill-“Alla tal-paċi”
  • Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Se naħtar il-​paċi bħala l-​indokratur tiegħek”
  • Kif Kristu jmexxi l-​kongregazzjoni
  • “Issiru eżempji għall-​merħla”
  • Kif l-​anzjani llum jirgħu l-​merħla t’Alla
  • Titjib fl-​indokrar isaħħaħ l-​għaqda fost in-​nies t’Alla
  • Indokraturi biex jirgħu l-merħla
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Kunu Ubbidjenti Lejn Dawk li Jieħdu t-Tmexxija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Ġeħova Juża lil Ġesù Biex Imexxi l-Kongregazzjoni
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
kr kap. 12 pp. 118-131

KAPITLU 12

Organizzati biex naqdu lill-“Alla tal-paċi”

KAPITLU DWAR

Kif Ġeħova bil-​mod il-​mod jorganizza l-​poplu tiegħu

1, 2. Liema bidla kien hemm fuq il-​qoxra tat-​Torri tal-​Għassa taʼ Jannar 1895, u l-​aħwa kif irreaġixxew?

META John A. Bohnet, Student tal-​Bibbja żeluż, irċieva l-​kopja tiegħu tat-​Torri tal-​Għassa taʼ Jannar 1895, tgħidx kemm ħa pjaċir b’dak li ra. Ir-​rivista kellha qoxra ġdida li tispikka—stampa taʼ lighthouse ħdejn baħar imqalleb, bid-​dawl jiddi fis-​sema mudlam. L-​avviż fir-​rivista dwar id-​disinn ġdid kellu l-​isem “Il-​libsa l-​ġdida tagħna.”

2 Ħuna Bohnet tant kien impressjonat li bagħat ittra lil Ħuna Russell. Hu qal li kien ferħan għax It-​Torri tal-​Għassa kien jidher tassew sabiħ. Student leali tal-​Bibbja ieħor, John H. Brown, kiteb hekk dwar il-​qoxra: “Tassew tolqot l-​għajn. It-​torri jinsab wieqaf fuq pedament sod, waqt li l-​mewġ iħabbat u l-​maltemp jiħrax.” Il-​qoxra l-​ġdida kienet l-​ewwel bidla li raw l-​aħwa dik is-​sena—imma ma kinitx l-​aħħar waħda. F’Novembru saru jafu b’bidla sinifikanti oħra. T’interess, għal darb’oħra kienet tinvolvi baħar imqalleb.

3, 4. It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru 1895, tkellem dwar liema problema, u liema bidla li kellha impatt kbir ġiet imħabbra?

3 Artiklu dettaljat stampat fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru 1895, kixef fil-​beraħ problema li kienet qed ittellef il-​paċi fl-​organizzazzjoni tal-​Istudenti tal-​Bibbja. Aħwa rġiel kienu qed jiġġieldu dwar min kellu jkun il-​mexxej fil-​kongregazzjoni lokali. Dan il-​ġlied kien qed jiżdied u daħħalhom f’baħar t’inkwiet. Sabiex jgħin lill-​aħwa jifhmu x’kien meħtieġ biex tiġi koreġuta din l-​attitudni kompetittiva li kienet qed tikkaġuna l-​frid, l-​artiklu qabbel l-​organizzazzjoni maʼ vapur. Imbagħad, bla ma qagħad idur mal-​lewża, l-​artiklu ammetta li dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija ma kinux ħejjew l-​organizzazzjoni, li hi bħal vapur, għall-​maltemp. X’kellu bżonn isir?

4 L-​artiklu qal li kaptan tas-​sengħa jagħmel ċert li jkun hemm affarijiet abbord bħal ġkieket tas-​salvataġġ u li l-​ekwipaġġ ikun lest li jagħlaq sew kullimkien meta tkun se tfaqqaʼ maltempata. Bl-​istess mod, dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fl-​organizzazzjoni kellhom jagħmlu ċert li l-​kongregazzjonijiet kollha jkunu mħejjijin biex jibqgħu sodi meta jinqalaʼ l-​inkwiet. Għal dan il-​għan, l-​artiklu ħabbar bidla li kien se jkollha impatt kbir. Qal li minnufih “f’kull kongregazzjoni kellhom jintgħażlu anzjani” biex “‘jindokraw’ il-​merħla.”—Atti 20:28.

5. (a) L-​ewwel arranġament tal-​anzjani għala kien pass ’il quddiem u f’waqtu? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

5 L-​ewwel arranġament tal-​anzjani kien pass ’il quddiem u f’waqtu biex tiġi stabbilita kongregazzjoni organizzata u stabbli. Għen lill-​aħwa jibqgħu sodi matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija li ġabet magħha baħar t’inkwiet. Fl-​għaxriet taʼ snin taʼ wara, titjib ieħor fl-​organizzar għen lin-​nies t’Alla jsiru armati aħjar biex jaqdu lil Ġeħova. Liema profezija Biblika bassret dan l-​iżvilupp? Liema bidliet fl-​organizzar rajt int? Kif ibbenefikajt minnhom?

“Se naħtar il-​paċi bħala l-​indokratur tiegħek”

6, 7. (a) Xi jfisser il-​kliem t’​Isaija 60:17? (b) Ġeħova x’juri bil-​fatt li jsemmi “indokratur” u “dak li jagħtik ix-​xogħol”?

6 Bħalma kkunsidrajna f’Kapitlu 9, Isaija bassar li Ġeħova kien se jbierek lin-​nies tiegħu b’żieda fl-​għadd tagħhom. (Is. 60:22) Madanakollu, Ġeħova wiegħed li jagħmel saħansitra iktar minn hekk. Fl-​istess profezija, qal: “Minflok ir-​ram aħmar se nġib id-​deheb, u minflok il-​ħadid inġib il-​fidda, u minflok l-​injam, ram aħmar, u minflok il-​ġebel, ħadid; u se naħtar il-​paċi bħala l-​indokratur tiegħek u s-​sewwa bħala dak li jagħtik ix-​xogħol.” (Is. 60:17) Din il-​profezija xi tfisser? Kif tapplika għalina llum?

Il-​bidliet mhumiex bidliet minn xi ħaġa ħażina għal xi ħaġa tajba, imma minn xi ħaġa tajba għal xi ħaġa aħjar

7 Il-​profezija t’Isaija tgħid li materjal jieħu post materjal ieħor. Imma nnota li dawn il-​bidliet mhumiex bidliet minn xi ħaġa ħażina għal xi ħaġa tajba, imma minn xi ħaġa tajba għal xi ħaġa aħjar. Li tibdel ir-​ram aħmar mad-​deheb hu titjib, u l-​istess hu minnu dwar il-​materjali l-​oħrajn li jissemmew. Għalhekk, b’dan l-​eżempju, Ġeħova bassar li l-​kundizzjoni tan-​nies tiegħu kienet se titjieb bil-​mod il-​mod. Għal liema tip taʼ titjib qed tirreferi l-​profezija? Billi jsemmi “indokratur” u “dak li jagħtik ix-​xogħol,” Ġeħova wera li dak li se jitjieb bil-​mod il-​mod hu kif niesu jiġu indokrati u organizzati.

8. (a) Permezz taʼ min qed isir dan il-​progress fl-​organizzar? (b) Kif nibbenefikaw minn dan it-​titjib? (Ara wkoll il-​kaxxa “B’umiltà aċċetta l-​korrezzjoni.”)

8 Permezz taʼ min qed isir dan il-​progress fl-​organizzar? Ġeħova jgħid: “Se nġib id-​deheb, . . . inġib il-​fidda, . . . u se naħtar il-​paċi.” Dan juri li t-​titjib fl-​organizzar tal-​kongregazzjoni ma jsirx bl-​isforzi tal-​bnedmin imma permezz taʼ Ġeħova nnifsu. U minn mindu Ġesù sar is-​Sultan, Ġeħova għamel dan it-​titjib permezz taʼ Ibnu. Kif nibbenefikaw minn dawn il-​bidliet? L-​istess skrittura tgħid li dan it-​titjib se jwassal għall-​“paċi” u “s-​sewwa.” Hekk kif naċċettaw il-​gwida t’Alla u nagħmlu aġġustamenti, il-​paċi toktor fostna u l-​imħabba għas-​sewwa tqanqalna naqdu lil Ġeħova, li l-​appostlu Pawlu ddeskriva bħala “l-​Alla tal-​paċi.”—Flp. 4:9.

9. X’inhi l-​bażi xierqa għall-​ordni u l-​unità fil-​kongregazzjoni, u għala?

9 Rigward Ġeħova, Pawlu kiteb ukoll: “Alla m’huwiex Alla tad-​diżordni, imma tal-​paċi.” (1 Kor. 14:33) Innota li Pawlu m’għamilx kuntrast bejn id-​diżordni u l-​ordni, imma bejn id-​diżordni u l-​paċi. Għala? Ikkunsidra dan: L-​ordni nnifsu mhux neċessarjament iwassal għall-​paċi. Pereżempju, grupp taʼ suldati għandhom mnejn jimmarċjaw b’ordni għall-​battalja, imma dan l-​ordni jwassal għall-​gwerra u mhux għall-​paċi. Għaldaqstant, bħala Kristjani, irridu nżommu f’moħħna fatt importanti: Kwalunkwe tip taʼ ordni li m’għandux il-​paċi bħala l-​bażi tiegħu, illum jew għada se jisfaxxa fix-​xejn. B’kuntrast, il-​paċi t’Alla twassal għal ordni dejjiemi. Għalhekk, kemm aħna grati li l-​organizzazzjoni tagħna hi gwidata u rfinuta mill-​“Alla li jagħti l-​paċi”! (Rum. 15:33) Il-​paċi li jagħti Alla tifforma l-​bażi għall-​ordni u l-​unità mill-​qalb li tant ingawdu u napprezzaw fil-​kongregazzjonijiet tagħna madwar id-​dinja.—Salm 29:11.

10. (a) Liema titjib sar fl-​organizzazzjoni tagħna mill-​1881 sal-​1938? (Ara l-​kaxxa “Kif l-​arranġament tal-​indokraturi tjieb.”) (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?

10 Il-​kaxxa “Kif l-​arranġament tal-​indokraturi tjieb” tagħtina ħarsa fuq fuq tal-​bidliet taʼ benefiċċju li seħħew b’ordni fl-​organizzazzjoni tagħna mill-​1881 sal-​1938. Imma liema bidliet, ‘minn ram aħmar għad-​deheb,’ għamel Ġeħova iktar reċenti permezz tas-​Sultan tagħna? Dawn l-​aġġustamenti fl-​indokrar, kif saħħew il-​paċi u l-​għaqda tal-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja? Kif qed jgħinuk personalment biex taqdi “l-​Alla tal-​paċi”?

Kif Kristu jmexxi l-​kongregazzjoni

11. (a) Studju tal-​Iskrittura wassal għal liema aġġustament fil-​fehma? (b) L-​aħwa fil-​ġemgħa li tiggverna x’kienu determinati li jagħmlu?

11 Mill-​1964 sal-​1971, il-​ġemgħa li tiggverna tat permess biex isir studju tal-​Iskrittura dettaljat. Fost ħafna affarijiet oħra, ġie eżaminat kif kienet organizzata l-​kongregazzjoni Kristjana fl-​ewwel seklu.a Rigward l-​organizzar, l-​istudju wera li l-​indokrar tal-​kongregazzjonijiet fl-​ewwel seklu kien isir minn ġemgħa t’anzjani u mhux minn anzjan, jew indokratur, wieħed biss. (Aqra Filippin 1:1; 1 Timotju 4:14.) Malli dan il-​punt ġie ċċarat, il-​ġemgħa li tiggverna rrealizzat li s-​Sultan Ġesù kien qed jiggwidaha ħalli ttejjeb l-​organizzar tan-​nies t’Alla—u l-​aħwa fil-​ġemgħa li tiggverna kienu determinati li joqogħdu għall-​gwida tas-​Sultan. Malajr għamlu aġġustament ħalli jsegwu l-​mudell fil-​Bibbja dwar kif jinħatru l-​anzjani. X’kienu ftit mill-​aġġustamenti li saru ftit wara l-​1970?

B’UMILTÀ AĊĊETTA L-​KORREZZJONI

L-​EDIZZJONI Finlandiża tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 tʼApril 1916, kien fiha ittra mingħand Ħuna Russell indirizzata lil xi aħwa fl-​Iskandinavja, inkluż lil Ħuna Kaarlo Harteva. Ħuna Russell kitbilhom: “Inħeġġukom ilkoll, għeżież aħwa fil-​fidi, biex terġgħu lura lejn il-​verità u tiffokaw fuq ix-​xogħol li rridu nagħmlu.” Ħuna Russell għala għamel din it-​talba?

[Stampa f’paġna 121]

Kaarlo Harteva

Ħuna Harteva, li twieled fl-​1882, kien wieħed mill-​ewwel Studenti tal-​Bibbja fil-​Finlandja. Tgħammed f’April tal-​1910, u fis-​sajf tal-​1912, Ħuna Russell inkarigah biex jippubblika It-​Torri tal-​Għassa bil-​Finlandiż. Kollox baqaʼ miexi ħarir sakemm faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Ħuna Harteva kiteb fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru 1914: “Minħabba s-​sitwazzjoni ekonomika diffiċli, . . . ma nistgħux ngħidu fiċ-​ċert jekk It-​Torri tal-​Għassa hux se jkollu l-​istess ammont taʼ paġni daqs is-​soltu jew hux se jinħareġ daqshekk spiss din is-​sena.” Però, fl-​1915, biex jiġbru xi flus, Ħuna Harteva u oħrajn bdew assoċjazzjoni kooperattiva bl-​isem Ararat u bdew jippubblikaw rivista bl-​istess isem.

Peress li Ħuna Harteva kien qed jiffoka l-​attenzjoni tiegħu iktar fuq din l-​assoċjazzjoni ġdida u r-​rivista l-​ġdida, ħu ieħor beda jaqdi bħala l-​editur tat-​Torri tal-​Għassa bil-​Finlandiż. Ir-​rivista Ararat ippubblikat artikli fuq il-​Bibbja, imma kellha artikli oħra fuq suġġetti bħal mediċina naturali u l-​lingwa Esperanto, li kienet għadha kemm ġiet ivvintata. Ir-​rivista l-​ġdida ma damitx ma bdiet taljena lill-​aħwa mit-​tagħlim ċar tal-​verità. Kien f’dan il-​waqt, li Ħuna Russell, għax kien inkwetat għall-​benesseri spiritwali tagħhom, talab lil Ħuna Harteva u oħrajn biex ‘jerġgħu lura lejn il-​verità.’

Ħuna Harteva kif irreaġixxa? Hu ppubblika l-​ittra taʼ Ħuna Russell fir-​rivista Ararat, flimkien mat-​tweġiba tiegħu stess. Ħuna Harteva skuża ruħu għal li kien għamel, u qal: “Jekk tippermettili, se nagħmel kulma nistaʼ biex nikkoreġi l-​kwistjoni.” Ftit wara dan, fl-​aħħar ħarġa tar-​rivista Ararat, Ħuna Harteva reġaʼ skuża ruħu għall-​konfużjoni li ħoloq, u żied: “Se nipprova noqgħod iktar attent għal kull aspett tal-​verità.” Kuntrarju għal xi wħud mill-​anzjani eletti kburin taʼ dak iż-​żmien, Kaarlo Harteva b’umiltà aċċetta l-​korrezzjoni.

Iktar tard, Ħuna Harteva reġaʼ nħatar bħala l-​editur tat-​Torri tal-​Għassa bil-​Finlandiż u l-​indokratur tal-​fergħa. Hu baqaʼ jieħu ħsieb dawn ir-​responsabbiltajiet sal-​1950. Dan il-​ħu midluk baqaʼ leali lejn Ġeħova u l-​verità sa ma miet fl-​1957. Tabilħaqq, dawk li b’umiltà jaċċettaw il-​korrezzjoni mis-​Sultan tagħhom, Ġesù, jiġu rfinuti u jirċievu l-​barka taʼ Ġeħova.

12. (a) X’aġġustament beda fil-​ġemgħa li tiggverna? (b) Iddeskrivi kif il-​Ġemgħa li Tiggverna hi organizzata issa. (Ara l-​kaxxa “Kif il-​Ġemgħa li Tiggverna tieħu ħsieb l-​interessi tas-​Saltna.”)

12 L-​ewwel aġġustament beda fil-​ġemgħa li tiggverna nfisha. Sa dak iż-​żmien, dan il-​grupp t’aħwa midlukin kien magħmul mis-​sebaʼ membri tal-​bord tad-​diretturi tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania. Imma fl-​1971, il-​ġemgħa li tiggverna kibret minn 7 membri għal 11-​il membru u ma baqgħetx tiġi assoċjata mal-​bord tad-​diretturi. Il-​membri qiesu lil xulxin bħala ugwali, u kull sena ċ-​chairman kien jinbidel skont l-​ordni alfabetiku.

13. (a) Liema arranġament kien ilu jeżisti għal 40 sena? (b) Il-​Ġemgħa li Tiggverna x’għamlet fl-​1972?

13 L-​aġġustament li jmiss effettwa lil kull kongregazzjoni. B’liema mod? Mill-​1932 sal-​1972, l-​indokrar tal-​kongregazzjoni kien isir fil-​maġġor parti minn ħu wieħed. Sal-​1936, dan il-​ħu maħtur kien jissejjaħ id-​direttur tas-​servizz. Dan l-​isem inbidel diversi drabi tul is-​snin, pereżempju għal qaddej tal-​kongregazzjoni, u fl-​aħħar sar magħruf bħala l-​indokratur tal-​kongregazzjoni. Dawn l-​aħwa maħturin b’żelu ħadu ħsieb il-​benesseri spiritwali tal-​merħla. L-​indokratur tal-​kongregazzjoni s-​soltu kien jieħu kull deċiżjoni għall-​kongregazzjoni mingħajr ma jitkellimha maʼ qaddejja oħra fil-​kongregazzjoni. Però, matul is-​sena 1972, il-​Ġemgħa li Tiggverna wittiet it-​triq għal bidla storika. X’kienet din il-​bidla?

14. (a) Liema arranġament ġdid beda fl-​1 t’Ottubru 1972? (b) Il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani kif japplika l-​parir li nsibu f’​Filippin 2:3?

14 Issa ma kienx se jkun hemm ħu wieħed li jaqdi bħala l-​indokratur tal-​kongregazzjoni f’kull kongregazzjoni. Minflok, aħwa oħra li kienu kwalifikati Skritturalment ukoll kienu se jinħatru b’mod teokratiku biex jaqdu bħala anzjani Kristjani. Flimkien, dawn kienu se jifformaw ġemgħa t’anzjani li tindokra l-​kongregazzjoni lokali. Dan l-​arranġament ġdid tal-​anzjani beda fl-​1 t’Ottubru 1972. Illum, il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani ma jħallix il-​kariga tiegħu titlagħlu għal rasu, imma minflok iqis lilu nnifsu bħala “wieħed mill-​iżgħar.” (Lq. 9:48) Dawn l-​aħwa umli tassew huma barka għall-​fratellanza globali!—Flp. 2:3.

Jidher ċar li s-​Sultan tagħna b’għerf ipprovda lis-​segwaċi tiegħu r-​ragħajja li kellhom bżonn fiż-​żmien xieraq

15. (a) X’benefiċċji jinkisbu mill-​arranġament biex il-​kongregazzjonijiet ikollhom ġemgħa tal-​anzjani? (b) X’jurina li s-​Sultan tagħna aġixxa b’għerf?

15 L-​arranġament taʼ li jinqasmu r-​responsabbiltajiet tal-​kongregazzjoni bejn membri tal-​ġemgħat tal-​anzjani wera li kien bidla għall-​aħjar. Ikkunsidra dawn it-​tliet benefiċċji: L-​ewwel u qabel kollox, l-​arranġament jgħin lill-​anzjani kollha—għandhom kemm għandhom responsabbiltajiet serji fil-​kongregazzjoni—biex dejjem jiftakru li Ġesù hu l-​Kap tal-​kongregazzjoni. (Efes. 5:23) It-​tieni, kif jgħid Proverbji 15:22: “Il-​pjanijiet . . . jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.” Meta l-​anzjani jiddiskutu bejniethom kwistjonijiet li jeffettwaw il-​benesseri spiritwali tal-​kongregazzjoni u jikkunsidraw is-​suġġerimenti taʼ xulxin, jiġu megħjunin jaslu għal deċiżjonijiet li huma fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi. (Prov. 27:17) Ġeħova jbierek dawn id-​deċiżjonijiet, u b’hekk jirnexxu. It-​tielet, billi jkun hemm iktar aħwa kwalifikati biex jaqdu bħala anzjani, l-​organizzazzjoni setgħet tlaħħaq mal-​bżonn li dejjem qed jikber t’aħwa li jieħdu ħsieb l-​indokrar u l-​bżonnijiet spiritwali tal-​kongregazzjoni. (Is. 60:3-​5) Aħseb ftit—in-​numru taʼ kongregazzjonijiet madwar id-​dinja żdied minn iktar minn 27,000 fl-​1971 sa iktar minn 113,000 fl-​2013! Jidher ċar li s-​Sultan tagħna b’għerf ipprovda lis-​segwaċi tiegħu r-​ragħajja li kellhom bżonn fiż-​żmien xieraq.—Mik. 5:5.

KIF L-​ARRANĠAMENT TAL-​INDOKRATURI TJIEB

  • 1881—Sabiex ilaqqaʼ Studenti tal-​Bibbja li qed jgħixu fl-​istess akkwati, Ħuna Russell jitlob lil dawk li regolarment jattendu l-​laqgħat biex jinformaw lill-​uffiċċju tal-​Watch Tower fejn qed jiltaqgħu.

  • 1895—Il-​kongregazzjonijiet kollha jiġu istruwiti biex jagħżlu minn fosthom aħwa rġiel li jistgħu jaqdu bħala anzjani.

  • 1919—F’kull kongregazzjoni, direttur tas-​servizz jiġi maħtur b’mod teokratiku mill-​uffiċċju tal-​fergħa. Ir-​responsabbiltajiet tiegħu jinkludu li jorganizza l-​ippritkar u li jħeġġeġ lil kulħadd biex ikollu sehem fih. Xi ftit mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni ma jappoġġawx l-​arranġament taʼ li jkollhom direttur tas-​servizz.

  • 1932—Il-​kongregazzjoni ma tibqax tagħżel l-​anzjani permezz t’elezzjoni darba fis-​sena. Minflok, il-​kongregazzjoni tivvota għal kumitat tas-​servizz li hu magħmul minn aħwa rġiel li b’żelu jieħdu sehem fl-​ippritkar u li jgħixu fi qbil mal-​isem li għadu kif ġie adottat—Xhieda taʼ Ġeħova. Wieħed mill-​anzjani fosthom, nominat mill-​kongregazzjoni, jiġi maħtur mis-​Soċjetà jew mill-​uffiċċju tal-​fergħa biex ikun id-​direttur tas-​servizz.

  • 1937—Aħwa rġiel li huma parti mill-​folla l-​kbira jistgħu jaqdu fil-​kumitati tas-​servizz flimkien maʼ ħuthom il-​midlukin.

  • 1938—Il-​kongregazzjonijiet jadottaw riżoluzzjoni li fiha jaqblu li l-​qaddejja tal-​kongregazzjoni kollha jiġu maħturin b’mod teokratiku. B’hekk, jintemmu l-​elezzjonijiet demokratiċi fil-​kongregazzjonijiet.

Biex titgħallem iktar dwar l-​iżviluppi storiċi fl-​organizzar, ara l-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġni 204-​235.

[Stampa f’paġna 122]

“Konna nivvotaw għall-anzjani billi ngħollu idna l-leminija. Imbagħad, ħu kien jgħaddi minn ħdejna u jgħodd il-voti.”—Oħtna Rose Swingle, Chicago, Illinois, l-Istati Uniti tal-Amerika.

“Issiru eżempji għall-​merħla”

16. (a) X’responsabbiltà għandhom l-​anzjani? (b) L-​Istudenti tal-​Bibbja kif qiesu t-​tħeġġiġ taʼ Ġesù biex ‘jirgħu n-​nagħaġ’?

16 Fil-​bidu tal-​istorja tal-​Istudenti tal-​Bibbja, l-​anzjani diġà kienu jifhmu li kellhom ir-​responsabbiltà li jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin biex jibqgħu jaqdu lil Alla. (Aqra Galatin 6:10.) Fl-​1908, artiklu fit-​Torri tal-​Għassa tkellem dwar it-​tħeġġiġ taʼ Ġesù: “Irgħa n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.” (Ġw. 21:15-​17) L-​artiklu qal lill-​anzjani: “Hu importanti ħafna li nżommu sew f’moħħna u f’qalbna l-​inkarigu li Sidna tana rigward il-​merħla, u li bix-​xieraq inqisuh bħala privileġġ kbir li nitimgħu u nieħdu ħsieb is-​segwaċi tal-​Mulej.” Fl-​1925, It-​Torri tal-​Għassa reġaʼ enfasizza l-​importanza taʼ li wieħed jaqdi bħala ragħaj billi fakkar lill-​anzjani: “Il-​kongregazzjoni hi t’Alla, . . . u hu se jitlob kont minn dawk kollha li għandhom il-​privileġġ li jaqdu lil ħuthom.”

17. L-​indokraturi kif ġew megħjunin isiru ragħajja kapaċi?

17 L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif għenet lill-​anzjani biex ibiddlu l-​abbiltajiet tagħhom fix-​xogħol pastorali ‘minn ħadid għall-​fidda’? Billi pprovdiet it-​taħriġ. Fl-​1959, saret l-​ewwel Skola tal-​Ministeru tas-​Saltna għall-​indokraturi. Waħda mil-​lezzjonijiet kienet intitolata: “Nuru interess persunali.” Dawn l-​aħwa responsabbli ġew imħeġġin “jagħmlu skeda ħalli jżuru lill-​pubblikaturi fi djarhom.” Il-​lezzjoni ddiskutiet diversi modi kif ir-​ragħajja jistgħu jagħmlu dawn iż-​żjajjar taʼ inkuraġġiment għall-​aħwa. Fl-​1966, bdiet Skola tal-​Ministeru tas-​Saltna aġġornata. Waħda mil-​lezzjonijiet kienet: “L-​importanza tax-​xogħol pastorali.” X’kien il-​punt ewlieni taʼ din il-​lezzjoni? Dawk li qed jieħdu t-​tmexxija “għandhom jieħdu sehem biex bi mħabba jieħdu ħsieb il-​merħla t’Alla, filwaqt li ma jittraskurawx lil dawk taʼ darhom u l-​ministeru tal-​għalqa.” Fi snin reċenti, saru iktar skejjel għall-​anzjani. X’kien ir-​riżultat tat-​taħriġ kontinwu li pprovdiet l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Illum, il-​kongregazzjoni Kristjana għandha eluf t’aħwa rġiel kwalifikati li jaqdu bħala ragħajja spiritwali.

[Stampa f’paġna 124]

Skola tal-Ministeru tas-Saltna fil-Filippini fl-1966

18. (a) L-​anzjani b’liema responsabbiltà serja ġew fdati? (b) Ġeħova u Ġesù għala jgħożżu l-​anzjani ħabrieka?

18 L-​anzjani Kristjani ġew inkarigati minn Ġeħova permezz tas-​Sultan tagħna, Ġesù, biex iwettqu biċċa xogħol serja.X’inhu dan ix-​xogħol? Li jmexxu lin-​nagħaġ t’Alla matul l-​iktar żmien kritiku fl-​istorja umana. (Efes. 4:11, 12; 2 Tim. 3:1) Ġeħova u Ġesù verament jgħożżu l-​anzjani ħabrieka għax dawn l-​aħwa jobdu l-​kmand Skritturali: “Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom . . . minn jeddkom . . . , bil-​ħerqa . . . , billi ssiru eżempji għall-​merħla.” (1 Pt. 5:2, 3) Hemm ħafna modi kif ir-​ragħajja Kristjani huma eżempji għall-​merħla u jżidu bil-​kbir mal-​paċi u l-​ferħ fil-​kongregazzjoni. Ejja nikkunsidraw tnejn minnhom.

“LANQAS STAJNA NEMMNU LIL GĦAJNEJNA”

KOPPJA missjunarja fl-​Asja ġiet inkarigata taqdi f’kongregazzjoni li kienet ilha s-​snin ma tara tkabbir. Il-​koppja nnotat li l-​aħwa lokali kienu juru ħafna mħabba, imma ma kinux isegwu l-​istruzzjonijiet fejn jidħol l-​organizzar. Wara li l-​missjunarji bnew ħbiberiji mal-​pubblikaturi, il-​ħu missjunarju bil-​mod il-​mod beda jġib il-​kongregazzjoni fi qbil mal-​mod kif in-​nies taʼ Ġeħova huma organizzati madwar id-​dinja. X’kien ir-​riżultat? Fi żmien sentejn, l-​attendenza għal-​laqgħat irdoppjat, uħud ġodda bdew jieħdu sehem fl-​ippritkar, u iktar minn 20 persuna tgħammdu. “Lanqas stajna nemmnu lil għajnejna,” tirrakkonta l-​koppja. “Ġeħova berikna bil-​qabda! Il-​kongregazzjoni kollha tifraħ issa li tara r-​riżultati li jiġu meta napplikaw l-​istruzzjonijiet tal-​organizzazzjoni t’Alla.”

Kif l-​anzjani llum jirgħu l-​merħla t’Alla

19. Kif inħossuna dwar l-​anzjani li jaħdmu magħna fil-​ministeru?

19 L-​ewwel nett, l-​anzjani jaħdmu mal-​membri tal-​kongregazzjoni. Luqa, kittieb tal-​Evanġelju, qal hekk dwar Ġesù: “Beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla. U miegħu kien hemm it-​tnax.” (Lq. 8:1) L-​istess bħalma Ġesù kien jipprietka flimkien mal-​appostli tiegħu, hekk ukoll anzjani eżemplari jaħdmu spalla maʼ spalla maʼ sħabhom fit-​twemmin fl-​ippritkar. Jafu li billi jagħmlu dan ikunu qed jgħinu ħafna biex il-​kongregazzjoni jkollha spirtu sabiħ. Il-​membri tal-​kongregazzjoni kif iħossuhom dwar anzjani bħal dawn? Jeannine, oħt li qed toqrob id-​90 sena, tgħid: “Meta naħdem m’anzjan fis-​servizz tal-​għalqa, ikolli opportunità mill-​aħjar biex nitkellem miegħu u nsir nafu aħjar.” Steven, ħu li għandu madwar 35 sena, jgħid: “Meta anzjan jaħdem miegħi fil-​ministeru minn bieb għal bieb, inħoss li jrid jgħinni. U tassew inkun ferħan meta nirċievi għajnuna bħal din.”

[Stampa f’paġna 126]

Bħalma ragħaj ifittex nagħġa mitlufa, hekk ukoll l-anzjani jipprovaw isibu lil dawk li tbiegħdu mill-kongregazzjoni

20, 21. L-​anzjani kif jistgħu jimitaw lir-​ragħaj fit-​tixbiha taʼ Ġesù? Agħti eżempju. (Ara wkoll il-​kaxxa “Żjajjar taʼ kull ġimgħa jrendu l-​frott.”)

20 It-​tieni, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova ħarrġet lill-​anzjani biex juru t-​tħassib tagħhom għal dawk li tbiegħdu mill-​kongregazzjoni. (Ebr. 12:12) L-​anzjani għala għandhom jgħinu lil dawn l-​uħud dgħajfin spiritwalment, u kif għandhom jagħmlu dan? It-​tixbiha taʼ Ġesù dwar ir-​ragħaj u n-​nagħġa l-​mitlufa tagħtina t-​tweġibiet. (Aqra Luqa 15:4-​7.) Meta r-​ragħaj fit-​tixbiha jinduna li għandu nagħġa mitlufa, hu jfittixha bħallikieku kienet l-​unika nagħġa li għandu. L-​anzjani Kristjani llum kif jimitaw l-​eżempju li ħalla dan ir-​ragħaj? Sewwasew bħalma n-​nagħġa l-​mitlufa tibqaʼ prezzjuża f’għajnejn ir-​ragħaj, hekk ukoll dawk li tbiegħdu min-​nies t’Alla jibqgħu prezzjużi f’għajnejn l-​anzjani. L-​anzjani jħarsu lejn individwu li hu dgħajjef spiritwalment bħala nagħġa mitlufa u mhux każ mitluf. Iktar minn hekk, bħalma r-​ragħaj jiddeċiedi li “jmur ifittex il-​mitlufa sakemm isibha,” hekk ukoll l-​anzjani jieħdu l-​inizjattiva biex isibu u jgħinu lid-​dgħajfin.

21 Ir-​ragħaj fit-​tixbiha x’jagħmel meta jsib in-​nagħġa? Bil-​ġentilezza jerfagħha, “ipoġġiha fuq spallejh,” u jġorrha lura lejn il-​merħla. Bl-​istess mod, il-​kliem bi mħabba t’anzjan jistaʼ bil-​ġentilezza jgħin lil wieħed dgħajjef spiritwalment jerġaʼ jqum fuq saqajh u jerġaʼ lura lejn il-​kongregazzjoni. Hekk ġara lil Victor, ħu fl-​Afrika li waqaf jissieħeb mal-​kongregazzjoni. Hu jgħid: “Matul it-​tmien snin li kont inattiv, l-​anzjani baqgħu jipprovaw jgħinuni.” X’kien dak li verament messlu qalbu? Hu jispjega: “Ġurnata minnhom, John, anzjan li miegħu kont attendejt l-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier, ġie jżurni u wrieni xi ritratti tagħna li kien ħa matul l-​iskola. Tant fakkruni f’memorji sbieħ li bdejt nixxennaq għall-​ferħ li ħassejt meta kont naqdi lil Ġeħova.” Ftit wara ż-​żjara taʼ John, Victor reġaʼ lura lejn il-​kongregazzjoni. Illum, qed jerġaʼ jaqdi bħala pijunier. Tabilħaqq, kemm inħossuna ferħanin meta naraw li l-​anzjani Kristjani jħobbuna!—2 Kor. 1:24.b

ŻJAJJAR TAʼ KULL ĠIMGĦA JRENDU L-​FROTT

L-​ANZJANI f’kongregazzjoni fl-​Istati Uniti tal-​Amerika xtaqu jgħinu lin-​nagħaġ mitlufin. Għalhekk, ħasbu dwar x’setgħu jagħmlu biex jgħinu lil dawn l-​uħud li kienu tbiegħdu mill-​merħla. Ikkalkulaw li kien hemm xi 30 individwu li kienu waqfu jaqdu lil Ġeħova għaxriet taʼ snin qabel u li kienu għadhom qed jgħixu fit-​territorju tal-​kongregazzjoni. Il-​biċċa l-​kbira minnhom issa kienu mdaħħlin fiż-​żmien.

Alfredo, wieħed mill-​anzjani, akkwista lista tal-​ismijiet tagħhom u beda jżurhom. Hu jirrakkonta: “Kull nhar taʼ Ġimgħa filgħodu, inżur lil xi wieħed mill-​aħwa inattivi.” Meta jsib lil xi ħadd minnhom id-​dar, Alfredo jipprova jkollu konversazzjoni dħulija u fiha juri li verament jimpurtah minnhom. Hu jgħid lil ħu jew oħt inattiva li l-​kongregazzjoni ma nsietx ix-​xogħol mill-​aħjar li għamlet għan-​nom tas-​Saltna taʼ Ġeħova. Alfredo jgħid: “Meta għedt lil ħu inattiv imdaħħal fiż-​żmien kemm kien qattaʼ sigħat fl-​ippritkar u kemm kien ħalla rivisti fl-​aħħar xahar li fih tefaʼ r-​rapport tas-​servizz tal-​għalqa fl-​1976, għajnejh imtlew bid-​dmugħ.” Ukoll, Alfredo jaqra Luqa 15:4-​7, 10, maʼ dawk li jżur u mbagħad jgħidilhom, “Rajt x’jiġri meta nagħġa mitlufa tirritorna lejn il-​kongregazzjoni? Ġeħova, Ġesù, u l-​anġli jifirħu—immaġina!”

Għall-​aħħar sentejn, Alfredo pprova jgħin lill-​uħud inattivi. X’kien ir-​riżultat tal-​isforzi paċenzjużi tiegħu? Hu kellu l-​ferħ li jgħin lil żewġ aħwa jerġgħu jibdew jassoċjaw mal-​kongregazzjoni. Issa jattendu regolarment il-​laqgħa taʼ nhar taʼ Ħadd. “Meta daħlu fis-​Sala tas-​Saltna, imbagħad jien kont li mtlewli għajnejja bid-​dmugħ,” jgħid bi tbissima. Imbagħad hu jżid jgħid: “Għalkemm dawn l-​aħwa inattivi reġgħu bdew jattendu l-​laqgħat, xorta mmur għandhom nhar taʼ Ġimgħa għax jgħiduli li tgħidx kemm iħarsu ’l quddiem għal dawn iż-​żjajjar taʼ kull ġimgħa—u anke jien hekk inħossni!”

Titjib fl-​indokrar isaħħaħ l-​għaqda fost in-​nies t’Alla

22. Is-​sewwa u l-​paċi kif isaħħu l-​għaqda tal-​kongregazzjoni Kristjana? (Ara wkoll il-​kaxxa “Lanqas stajna nemmnu lil għajnejna.”)

22 Bħalma rajna qabel, Ġeħova bassar li s-​sewwa u l-​paċi kienu se jkomplu jiżdiedu fost in-​nies t’Alla. (Is. 60:17) Dawn iż-​żewġ kwalitajiet isaħħu l-​għaqda tal-​kongregazzjonijiet. B’liema modi? Rigward is-​sewwa naraw li ‘Alla tagħna hu wieħed,’ Ġeħova. (Dt. 6:4) Il-​livelli sewwa tiegħu ma jvarjawx skont il-​kongregazzjoni jew il-​pajjiż. Le, Alla għandu livell wieħed dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u dan il-​livell hu l-​istess “fil-​kongregazzjonijiet kollha tal-​qaddisin.” (1 Kor. 14:33) Għalhekk, l-​uniku mod kif kongregazzjoni tmur tajjeb hu billi tapplika l-​livelli t’Alla. Rigward il-​paċi, is-​Sultan tagħna mhux biss iridna ngawdu l-​paċi fil-​kongregazzjoni, imma wkoll iridna nkunu wħud “li jġibu l-​paċi.” (Mt. 5:9) Għaldaqstant, “niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi.” Dan ifisser li nieħdu l-​inizjattiva biex insolvu kwalunkwe nuqqas taʼ qbil li kultant jistaʼ jkollna bejnietna. (Rum. 14:19) B’hekk, ngħinu biex il-​kongregazzjoni tagħna tkun fil-​paċi u magħquda.—Is. 60:18.

23. Xi ngawdu llum il-​ġurnata bħala l-​qaddejja taʼ Ġeħova?

23 F’Novembru tal-​1895, meta It-​Torri tal-​Għassa ħabbar l-​ewwel arranġament tal-​anzjani, l-​aħwa responsabbli esprimew ukoll ix-​xewqa kbira li kellhom. X’kienet? Huma xtaqu u talbu li dan l-​arranġament ġdid fl-​organizzar jgħin lin-​nies t’Alla biex “malajr jingħaqdu fil-​fidi.” Aħna tassew grati li l-​irfinar fl-​indokrar li sar bil-​mod il-​mod minn Ġeħova permezz tas-​Sultan tagħna tassew saħħaħ l-​għaqda tagħna fil-​qima. (Salm 99:4) Għalhekk, illum flimkien mal-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova madwar id-​dinja aħna nifirħu hekk kif nimxu “fl-​istess spirtu,” insegwu “l-​istess passi,” u naqdu “l-​Alla tal-​paċi” “spalla maʼ spalla.”—2 Kor. 12:18; aqra Sofonija 3:9.

a Ir-​riżultati taʼ din ir-​riċerka dettaljata ġew ippubblikati fix-​xogħol taʼ referenza Aid to Bible Understanding.

b Ara l-​artiklu “Anzjani Kristjani—‘Ħaddiema Sħabna għall-​Ferħ Tagħna,’” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Jannar 2013.

Is-​Saltna kemm hi reali għalik?

  • X’titjib fl-​organizzar ġabet magħha s-​Saltna?

  • Liema aġġustamenti fl-​indokrar tal-​kongregazzjoni għenuk taqdi “l-​Alla tal-​paċi”?

  • Liema kliem u għemil t’anzjan ferrħuk?

  • Kif tistaʼ personalment tgħin biex il-​kongregazzjoni tkun iktar magħquda u fil-​paċi?

Membri taʼ kumitat tal-Ġemgħa li Tiggverna u l-ajjutanti tagħhom jiltaqgħu flimkien

KIF IL-​ĠEMGĦA LI TIGGVERNA TIEĦU ĦSIEB L-​INTERESSI TAS-​SALTNA

IL-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova hija magħmula minn irġiel dedikati li huma qaddejja midlukin t’Alla Ġeħova. Bħala grupp, dawn jifformaw “l-​ilsir leali u għaqli.” Huma għandhom ir-​responsabbiltà li jipprovdu l-​ikel spiritwali u li jagħtu direzzjoni u spinta lix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna mal-​art kollha.—Mt. 24:14, 45-​47.

Il-​laqgħat tal-​Ġemgħa li Tiggverna jsiru kull ġimgħa, ġeneralment nhar t’Erbgħa. Dan jgħin lil dawn l-​aħwa biex jaħdmu flimkien f’unità. (Salm 133:1) Il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna jaqdu wkoll f’diversi kumitati. Biex jieħu ħsieb l-​interessi tas-​Saltna, kull kumitat hu responsabbli għal ċerti attivitajiet u sitwazzjonijiet, bħalma nsibu mniżżel fil-​qosor f’paġna 131.

  • Il-​Kumitat tal-​Koordinaturi

    L-​aħwa li jaqdu f’dan il-​kumitat jieħdu ħsieb kwistjonijiet legali kif ukoll l-​użu tal-​mezzi tax-​xandir meta jkun hemm bżonn li niċċaraw it-​twemmin tagħna man-​nies. Ukoll, jorganizzaw l-​għajnuna meta jkun hemm xi diżastri, persekuzzjonijiet, u emerġenzi oħra li jeffettwaw lil ħutna madwar id-​dinja.

  • Il-​Kumitat tal-​Personell

    L-​aħwa f’dan il-​kumitat ġew fdati bir-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-​benesseri fiżiċi u spiritwali tal-​membri tal-​familji taʼ Betel madwar id-​dinja. Jieħdu ħsieb li jagħżlu u jistiednu lill-​membri ġodda tal-​familji taʼ Betel u jieħdu ħsieb ukoll il-​mistoqsijiet dwar is-​servizz tagħhom f’Betel.

  • Il-​Kumitat tal-​Ippubblikar

    Dawk li jaqdu f’dan il-​kumitat jieħdu ħsieb li jistampaw, jippubblikaw, u jibagħtu letteratura Biblika madwar id-​dinja. Taħt il-​ħarsien tagħhom hemm l-​istamperiji u l-​bini li jintużaw mid-​diversi korporazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ukoll, jieħdu ħsieb il-​kostruzzjoni globali, inkluż il-​bini taʼ Swali tas-​Saltna. U jaraw kif jintużaw bl-​aħjar mod il-​fondi li jingħataw bħala donazzjonijiet għax-​xogħol tas-​Saltna.

  • Il-​Kumitat tas-​Servizz

    Il-​membri taʼ dan il-​kumi-​ tat għandhom ir-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb kull aspett tax-​xogħol tal-​ippritkar u l-​kwistjonijiet li jeffettwaw lill-​kongregazzjonijiet, il-​pubblikaturi, il-​pijunieri, l-​anzjani, l-​indokraturi li jivvjaġġaw, u l-​missjunarji. Fost ħafna affarijiet oħra, jieħdu ħsieb l-​attivitajiet tal-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet.

  • Il-​Kumitat tat-​Tagħlim

    Dan il-​kumitat jieħu ħsieb l-​istruzzjoni li tiġi provduta fl-​assembleat, il-​konvenzjonijiet, u l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Ukoll, għandu r-​responsabbiltà tal-​Iskola taʼ Gilegħad, l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna, l-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier, kif ukoll skejjel oħra. Minbarra dan, il-​kumitat iħejji l-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna u programmi bl-​awdjo u l-​vidjow.

  • Il-​Kumitat tal-​Kitba

    Dan il-​kumitat għandu r-​responsabbiltà li jieħu ħsieb li jiġi mħejji l-​ikel spiritwali bil-​miktub u b’format elettroniku għal sħabhom fit-​twemmin u għall-​pubbliku inġenerali. Jieħu ħsieb ukoll il-​Websajt tal-​organizzazzjoni u x-​xogħol taʼ traduzzjoni li qed isir madwar id-​dinja. Iktar minn hekk, dan il-​kumitat iwieġeb il-​mistoqsijiet dwar xi jfissru ċerti skritturi u punti fil-​pubblikazzjonijiet.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja