Armati bis-Sħiħ Bħala Għalliema tal-Kelma t’Alla
“Alla . . . tabilħaqq ikkwalifikana b’mod adegwat biex inkunu ministri.”—2 KORINTIN 3:5, 6, NW.
KIF tħossok kieku kellek tingħata xi biċċa xogħol li m’intix kwalifikat għaliha? Immaġina ftit: Mifruxin quddiemek għandek l-affarijiet kollha li għandek bżonn, u l-għodda qiegħda hemm ukoll. Imma m’għandekx idea x’se taqbad tagħmel bihom. Agħar minn hekk, il-biċċa xogħol li ngħatajt hija urġenti. Hemm ħafna nies jiddependu minnek. Żgur li lanqas tkun taf fejn se taqbad tagħti rasek!
1, 2. Kultant, liema sforzi jsiru f’dak li hu ppridkar, imma ġeneralment għala jfallu?
2 Din il-problema m’hijiex għalkollox frott l-immaġinazzjoni. Ħu minn dan l-eżempju. Kultant xi waħda mill-knejjes tal-Kristjaneżmu forsi tipprova torganizza u tagħmel xi forma taʼ ministeru minn dar għal dar. Ġeneralment, sforzi bħal dawn ifallu u jisfumaw fix-xejn wara ftit ġimgħat jew xhur. Għala? Għax il-Kristjaneżmu m’għenhomx lis-segwaċi tiegħu jikkwalifikaw għal dan ix-xogħol. Lanqas il-membri tal-kleru m’huma kwalifikati għax-xogħol taʼ l-ippridkar, minkejja snin sħaħ t’edukazzjoni fi skejjel sekulari u fis-seminarji. Għala nistgħu ngħiduh dan?
3. Liema espressjoni ġiet użata tliet darbiet fit-2 Korintin 3:5, 6 (NW), u xi tfisser?
3 Il-Kelma t’Alla tispjega x’inhu dak li jikkwalifika lil predikatur veru taʼ l-aħbar tajba Kristjana. L-appostlu Pawlu kien imnebbaħ biex jikteb: “Mhux li aħna minna nfusna kwalifikati b’mod adegwat biex inqisu xi ħaġa bħala li ġejja minna nfusna, imma li aħna kwalifikati b’mod adegwat jiġi minn Alla, li tabilħaqq ikkwalifikana b’mod adegwat biex inkunu ministri.” (2 Korintin 3:5, 6, NW) Innota l-espressjoni li ġiet użata tliet darbiet hawnhekk—“kwalifikati b’mod adegwat.” Xi tfisser? Il-Vine’s Expository Dictionary of Biblical Words jgħid: “Meta tirreferi għal affarijiet [il-kelma oriġinali fil-Grieg] tfisser ‘biżżejjed’ . . . ; meta tirreferi għal persuni, tfisser ‘kompetenti,’ ‘jixirqilhom.’” Għalhekk, wieħed li hu ‘kwalifikat b’mod adegwat’ huwa kompetenti, u jixraqlu li jingħata ċertu biċċa xogħol. Iva, il-ministri veri taʼ l-aħbar tajba huma kwalifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol. Huma kompetenti, xierqa, jew ħaqqhom li jippridkaw.
4. (a) L-eżempju taʼ Pawlu kif juri li l-kwalifiki għall-ministeru Kristjan m’humiex limitati biss għal xi erbgħa min-nies taʼ klassi għolja? (b) Jehovah liema tliet mezzi juża biex jikkwalifikana bħala ministri?
4 Imma din il-kompetenza minfejn ġejja? Minn xi talenti persunali? Minn xi intelliġenza gwappa? Minn xi edukazzjoni speċjalizzata f’xi skejjel importanti? Jidher ċar li l-appostlu Pawlu kellu dawn l-affarijiet kollha. (Atti 22:3; Filippin 3:4, 5) Madankollu, hu għaraf umilment li l-kwalifiki tiegħu bħala ministru ma ġewx minn xi skola t’edukazzjoni avanzata, imma mingħand Alla Jehovah. Huma dawn il-kwalifiki għal xi erbgħa min-nies taʼ klassi għolja biss? Pawlu kiteb lil dawk fil-kongregazzjoni taʼ Korintu “aħna kwalifikati b’mod adegwat.” Dan bla dubju jissuġġerixxi li Jehovah jaċċerta ruħu li l-qaddejja leali tiegħu kollha huma kompetenti u kapaċi jagħmlu x-xogħol li ħatarhom jagħmlu. Jehovah kif jikkwalifikahom lill-Kristjani veri llum? Ejja niddiskutu tliet mezzi li juża: (1) il-Kelma tiegħu, (2) l-ispirtu qaddis tiegħu, u (3) l-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art.
Il-Kelma taʼ Jehovah Tikkwalifikana
5, 6. L-Iskrittura Mqaddsa liema effett għandha fuq il-Kristjani veri?
5 L-ewwelnett, il-Kelma t’Alla kif tgħinna biex nikkwalifikaw bħala ministri? Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.” (2 Timotju 3:16, 17) Mela l-Iskrittura Mqaddsa tgħinna nkunu ‘perfetti, imħejjijin,’ jew ‘kompetenti għalkollox, armati bis-sħiħ’ skond kif tidher fin-New World Translation, biex inwettqu l-“ħidma tajba” taʼ li ngħallmu lin-nies dwar il-Kelma t’Alla. Xi ngħidu, iżda, dwar dawk is-segwaċi kollha tal-knejjes tal-Kristjaneżmu? Dawn għandhom aċċess għall-Bibbja. Kif jistaʼ l-istess ktieb jgħin lil xi nies isiru ministri kompetenti u lil oħrajn ma jgħinhomx? It-tweġiba tinsab fl-attitudni tagħna lejn il-Bibbja.
6 B’sogħba, ħafna minn dawk li jmorru l-knisja ma jaċċettawx il-messaġġ tal-Bibbja “bħala [l-]kelma taʼ Alla, kif tassew hi.” (1 Tessalonikin 2:13) Il-Kristjaneżmu bena rekord taʼ mistħija f’dan ir-rigward. Wara li jkunu qattgħu dawk is-snin kollha jistudjaw f’istituzzjonijiet teoloġiċi, ikunu l-membri tal-kleru armati bis-sħiħ bħala għalliema tal-Kelma t’Alla? Lanqas xejn. Xi studenti jibdew l-istudji tagħhom fis-seminarju bħala wħud li jemmnu fil-Bibbja imma meta jaslu biex jiggradwaw ikunu spiċċaw bħala nies xettiċi, b’ħafna dubji. Imbagħad, minflok ma jippridkaw il-Kelma t’Alla—li ħafna minnhom m’għadhomx jemmnuha iktar—jidderieġu l-ministeru tagħhom fuq linji oħra. Dan jagħmluh billi forsi jżommu maʼ xi naħa f’dibattiti politiċi, jinkuraġġixxu l-hekk imsejjaħ evanġelju soċjali, jew jenfasizzaw il-filosofiji tal-bniedem fil-priedki tagħhom. (2 Timotju 4:3) B’kuntrast maʼ dan, il-Kristjani ġenwini jimxu fuq l-eżempju taʼ Ġesù Kristu.
7, 8. L-attitudni taʼ Ġesù lejn il-Kelma t’Alla kif kienet differenti minn dik tal-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu?
7 Ġesù ma ħalliex lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu jinfluwenzawlu l-ħsieb tiegħu. Kemm jekk kien ikun qed jgħallem lil xi grupp żgħir—bħall-appostli tiegħu—jew kotriet kbar, Ġesù għamel użu tajjeb mill-kitbiet imqaddsa. (Mattew 13:10-17; 15:1-11) Din il-prattika għamlitu differenti mill-mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-żmien. Dawn kienu jagħmlu ħilithom kollha biex jiskuraġġixxu lin-nies komuni milli jfittxu x’inhuma l-affarijiet profondi t’Alla. Fil-fatt, kienet xi ħaġa komuni f’dak iż-żmien li xi għalliem isostni li xi partijiet mill-Iskrittura kienu diffiċli wisq biex jiddiskutihom maʼ xi ħadd kwalunkwe sakemm dan ma jkunx xi student favorit tiegħu—u anki f’dak il-każ, dan kien jagħmlu biss b’leħen baxx u b’rasu mgħottija. Dawk il-mexxejja reliġjużi kienu superstizzjużi dwar li jiddiskutu ċerti siltiet mill-Bibbja kważi daqskemm kienu dwar li jippronunzjaw l-isem divin!
8 Kristu ma kienx hekk. Hu kien jemmen li, mhux xi ftit magħżulin biss, imma n-nies kollha kellhom bżonn iqisu “kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” (Korsiv tagħna.) Ġesù ma kienx interessat li jħalli l-fehma taʼ l-Iskrittura f’idejn xi klassi għolja taʼ studjużi. Hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.” (Mattew 4:4; 10:27) Ġesù xtaq b’ħerqa kbira li jaqsam l-għarfien t’Alla maʼ kemm nies possibbli.
9. Il-Kristjani veri jagħmlu liema użu mill-Bibbja?
9 Il-Kelma t’Alla għandha tkun il-bażi tat-tagħlim tagħna. Per eżempju, meta nagħtu xi taħdita fis-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah, ġeneralment ma jkunx biżżejjed li naqraw xi versi magħżulin mill-Bibbja. Għandu mnejn li jkollna bżonn nispjegaw xi vers, nagħtu xi eżempji, u napplikawh skond il-kuntest. Il-mira tagħna hi li bħallikieku naqbdu l-messaġġ tal-Bibbja minn fuq il-karta stampata u nistampawh fil-qlub tas-semmiegħa tagħna. (Neħemija 8:8, 12) Il-Bibbja għandha tintuża wkoll meta jkun hemm bżonn li jingħata xi parir jew dixxiplina korrettiva. Għalkemm in-nies taʼ Jehovah jitkellmu b’lingwi differenti u ġejjin minn ambjenti differenti tal-ħajja, ilkoll kemm huma jirrispettaw il-ktieb li jisboq lill-kotba l-oħra kollha—il-Bibbja.
10. Il-messaġġ ispirat tal-Bibbja liema effett jistaʼ jkollu fuqna?
10 Meta nużaw il-Bibbja b’rispett bħal dan, il-messaġġ tagħha jkollu l-qawwa. (Lhud 4:12) Dan iqanqal lin-nies biex jagħmlu bidliet importanti f’ħajjithom, bħal ngħidu aħna li jżommu ’l bogħod minn prattiċi li m’humiex skritturali bħalma huma ż-żína, l-adulterju, l-idolatrija, is-sokor, u s-serq. Il-messaġġ tal-Bibbja għen lil ħafna u ħafna nies biex jinżgħu l-personalità l-qadima u jilbsu l-ġdida. (Efesin 4:20-24) Iva, jekk nirrispettawha iktar minn kull opinjoni jew tradizzjoni tal-bniedem u nużawha fedelment, il-Bibbja tistaʼ tgħinna nsiru kompetenti, armati bis-sħiħ bħala għalliema tal-Kelma t’Alla.
L-Ispirtu taʼ Jehovah Jikkwalifikana
11. L-ispirtu qaddis taʼ Jehovah għala huwa b’mod xieraq imsejjaħ “Difensur” jew “dak li jgħin”?
11 It-tieni, ejja niddiskutu kif l-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, taʼ Jehovah jgħinna nkunu armati bis-sħiħ. Ma rridu qatt ninsew li l-ispirtu taʼ Jehovah huwa l-iktar forza qawwija li teżisti. Jehovah ta l-qawwa lil Ibnu l-maħbub biex juża dik il-forza taʼ l-għaġeb għall-ġid tal-Kristjani veri kollha. B’mod xieraq, Ġesù rrefera għall-ispirtu qaddis bħala “d-Difensur,” jew “dak li jgħin” (NW). (Ġwann 16:7) Hu ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu ’l Jehovah għal dak l-ispirtu, u assigurahom li Jehovah kien se jipprovdihulhom bl-abbundanza.—Luqa 11:10-13; Ġakbu 1:17.
12, 13. (a) Għala huwa importanti li nitolbu għall-ispirtu qaddis biex jgħinna fil-ministeru tagħna? (b) Il-Fariżej kif urew li l-ispirtu qaddis ma kienx qed jaħdem fihom?
12 Aħna għandna bżonn nitolbu għall-ispirtu qaddis kuljum, speċjalment biex jgħinna fil-ministeru tagħna. X’effett għandha dik il-forza attiva fuqna? Din tistaʼ tinfluwenza lil moħħna u lil qalbna u tgħinna ninbidlu, nikbru spiritwalment, u nibdlu l-personalità l-qadima mal-ġdida. (Kolossin 3:9, 10) Tgħinna niżviluppaw kwalitajiet prezzjużi bħal taʼ Kristu. Ħafna minna nafu bl-amment x’jgħid Galatin 5:22, 23. Dawn il-versi jagħtu lista tal-frott taʼ l-ispirtu t’Alla. L-ewwel hemm l-imħabba. Din il-kwalità hi essenzjali għall-ministeru tagħna. Għala?
13 L-imħabba hija l-qawwa li tqanqalna. L-imħabba għal Jehovah u għall-proxxmu tqanqal lill-Kristjani veri biex jaqsmu l-aħbar tajba maʼ ħaddieħor. (Mark 12:28-31) Mingħajr imħabba bħal din, ma nistgħux nikkwalifikaw verament bħala għalliema tal-Kelma t’Alla. Innota l-kuntrast bejn Ġesù u l-Fariżej. F’Mattew 9:36 naqraw hekk dwar Ġesù: “Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” Il-Fariżej kif kienu jħarsu lejn in-nies komuni? Huma qalu: “Imma dawn x’qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex.” (Ġwann 7:49, korsiv tagħna.) Dawk il-Fariżej mhux talli ma kellhom ebda mħabba lejn in-nies imma talli kienu jistmerruhom. Jidher ċar u tond li l-ispirtu taʼ Jehovah ma kienx qed jaħdem fihom.
14. L-eżempju taʼ kif Ġesù wera l-imħabba fil-ministeru tiegħu kif għandu jqanqalna?
14 Ġesù kien iħoss għan-nies. Kien konxju taʼ l-uġigħ tagħhom. Kien jaf li kienu ġew abbużati, imqaxxrin, u mitfugħin ’l hawn u ’l hemm bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Ġwann 2:25 jgħidilna li Ġesù “kien jaf x’hemm fil-bniedem.” Peress li fil-ħolqien ħadem maʼ Jehovah bħala Mgħallem, Ġesù kellu fehma profonda dwar in-natura umana. (Qwiel 8:30, 31, Saydon) Din il-fehma kompliet issaħħaħlu mħabbtu. Jalla dejjem tkun imħabba bħal din li tqanqalna fl-attività tagħna taʼ l-ippridkar! Jekk inħossu li hemm xi ntejbu f’dan ir-rigward, ejja nitolbu għall-ispirtu qaddis taʼ Jehovah u mbagħad naħdmu fi qbil mat-talb tagħna. Min-naħa tiegħu, Jehovah se jwieġeb it-talb tagħna. Se jibgħat din il-forza irreżistibbli biex tgħinna nkunu iktar bħal Kristu, li kien kwalifikat b’mod suprem biex jippriedka l-aħbar tajba.
15. Il-kliem taʼ Isaija 61:1-3 kif japplika għal Ġesù u fl-istess ħin kien jikxef lill-iskribi u l-Fariżej?
15 Minfejn ġew il-kwalifiki taʼ Ġesù? “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,” qal hu. (Luqa 4:17-21) Iva, Jehovah innifsu ħatar lil Ġesù permezz taʼ l-ispirtu qaddis. Ġesù ma kellu bżonn l-ebda kredenzjali oħrajn. Kienu l-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu maħturin mill-ispirtu qaddis? Le. Lanqas ma kienu armati biex iwettqu l-profezija taʼ Isaija 61:1-3, li Ġesù qara b’leħen għoli u applikaha għalih innifsu. Jekk jogħġbok, aqra dawn il-versi, u ara għalik innifsek jekk l-iskribi u l-Fariżej ipokriti kellhomx il-kwalifiki neċessarji. Huma ma kellhom ebda bxara tajba xi jwasslu lill-fqajrin. U kif setgħu jħabbru l-ħelsien lill-imjassrin u jroddu d-dawl lill-għomja? F’sens spiritwali, huma nfushom kienu għomja u mjassrin mit-tradizzjonijiet magħmulin mill-bniedem. B’kuntrast taʼ dawk l-irġiel, kwalifikati aħna biex ngħallmuhom lin-nies?
16. In-nies taʼ Jehovah illum għala jistgħu jkunu kunfidenti rigward il-kwalifiki tagħhom bħala ministri?
16 Veru, aħna ma studjajniex fl-iskejjel t’edukazzjoni avanzata tal-Kristjaneżmu. Ma ġejniex maħturin bħala għalliema minn xi seminarju teoloġiku. Ifisser dan li aħna neqsin mill-kwalifiki? Dażgur li le! Il-ħatra tagħna bħala Xhieda tiegħu ġejja mingħand Jehovah. (Isaija 43:10-12) Jekk nitolbu għall-ispirtu tiegħu u naħdmu fi qbil mat-talb tagħna, se jkollna l-ogħla kwalifiki. M’għandniex xi ngħidu, aħna imperfetti u ma jirnexxilniex nimitaw għalkollox l-eżempju li ħallielna l-Għalliem Prim, Ġesù. Xorta waħda, m’aħniex grati għall-fatt li Jehovah juża l-ispirtu tiegħu biex jikkwalifikana u jarmana bħala għalliema tal-Kelma tiegħu?
L-Organizzazzjoni taʼ Jehovah Tikkwalifikana
17-19. Il-ħames laqgħat li tipprovdi l-organizzazzjoni taʼ Jehovah kif jgħinuna nikkwalifikaw bħala ministri?
17 Issa ejja niddiskutu t-tielet mezz li permezz tiegħu Jehovah jarmana bħala għalliema tal-Kelma tiegħu—il-kongregazzjoni tiegħu fuq l-art, jew l-organizzazzjoni, li tħarriġna biex inkunu ministri. Kif? Aħseb ftit dwar il-programm taʼ istruzzjoni li ngawdu! F’ġimgħa waħda, normalment nattendu ħames laqgħat Kristjani. (Lhud 10:24, 25) Għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni niltaqgħu fi gruppi żgħar biex ingawdu studju profond tal-Bibbja. Għal dan nużaw ktieb apposta għall-istudju provdut mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Meta nisimgħu u nikkummentaw, inkunu qed nitgħallmu u ninkuraġġixxu lil xulxin. Barra minn hekk, nirċievu istruzzjoni u attenzjoni individwali minn dak li jmexxi l-istudju tal-ktieb. Fil-Laqgħa Pubblika u fl-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa, ningħataw iktar ikel spiritwali bnin.
18 L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku tagħna hija maħsuba biex tistruwina kif għandna ngħallmu. Meta nippreparaw it-taħditiet bħala studenti, nitgħallmu kif nużaw il-Kelma t’Alla biex ngħallmu dwar varjetà kbira taʼ suġġetti. (1 Pietru 3:15, 16a [3:15, NW]) Qatt ġejt inkarigat biex tagħti taħdita dwar xi suġġett li kien jidher familjari mhux ħażin, u mbagħad sibt li tgħallimt xi ħaġa ġdida dwaru? Dan jiġri lil kulħadd. Xejn ma jtejjeb l-għarfien tagħna dwar xi suġġett iktar minn meta ngħallmuh lil ħaddieħor. Anki meta ma nintalbux nagħmlu xi preżentazzjoni aħna stess, xorta waħda nistgħu nitgħallmu nkunu għalliema aħjar. Nistgħu ninnotaw xi kwalitajiet tajbin f’kull student, u naħsbu dwar kif nistgħu nimitaw dawk il-kwalitajiet.
19 Il-Laqgħa tas-Servizz hija wkoll maħsuba biex tarmana bħala għalliema tal-Kelma t’Alla. Ġimgħa wara l-oħra nieħdu pjaċir b’taħditiet, diskussjonijiet, u turijiet li jħeġġuna u li huma mmirati biex jgħinuna fil-ministeru tagħna. Liema preżentazzjoni se nużaw? Kif nistgħu niffaċċjaw ċerti sfidi speċjali fit-territorju tagħna? Liema aspetti taʼ l-ippridkar hemm miftuħin għalina u li għandna bżonn naraw kif nistgħu nutilizzawhom iktar? X’se jgħinna nkunu għalliema iktar effettivi meta nerġgħu mmorru nżuru lil xi ħadd li wera interess u nikkonduċu studji tal-Bibbja? (1 Korintin 9:19-22) Mistoqsijiet bħal dawn jiġu trattati u diskussi fid-dettall waqt il-Laqgħa tas-Servizz. Ħafna mill-partijiet tal-laqgħa huma bbażati fuq artikli fil-Ministeru tas-Saltna, għodda oħra li tipprovdi l-organizzazzjoni taʼ Jehovah sabiex tarmana għax-xogħol vitali tagħna.
20. Kif nistgħu nibbenefikaw bis-sħiħ mil-laqgħat u l-assembleat?
20 Meta nħejju u nattendu għal-laqgħat u mbagħad napplikaw dak li nkunu tgħallimna fix-xogħol tagħna bħala għalliema, inkunu qed nirċievu taħriġ estensiv. Imma dan m’huwiex kollox. Għandna wkoll laqgħat akbar—l-assembleat u l-konvenzjonijiet—li jsiru bl-għan li jarmawna bħala għalliema tal-Kelma t’Alla. U kemm inħarsu ’l quddiem biex nisimgħu b’attenzjoni u npoġġu fil-prattika dak li nitgħallmu!—Luqa 8:18.
21. Liema evidenza turi li t-taħriġ tagħna kien effettiv, u min għandu jieħu l-kredtu?
21 Kien effettiv it-taħriġ li pprovda Jehovah? Ejja nħallu l-fatti jitkellmu waħedhom. Kull sena qed ikun hemm mijiet taʼ eluf taʼ nies li qed jiġu megħjunin jitgħallmu d-duttrini bażiċi tal-Bibbja u jgħixu fi qbil maʼ dak li Alla jirrikjedi minnhom. In-numru tagħna qiegħed jiżdied, imma ħadd minna ma jistaʼ jieħu l-kredtu hu personalment għal dan. L-affarijiet irridu nħarsu lejhom b’mod realistiku, bħalma għamel Ġesù. Hu qal: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” Bħall-appostli fl-antik, fil-biċċa l-kbira aħna nies ordinarji u mhux taʼ skola kbira. (Ġwann 6:44; Atti 4:13) Is-suċċess tagħna jiddependi minn Jehovah, li jiġbed lin-nies taʼ qalb onesta lejn il-verità. L-appostlu Pawlu esprima dan b’mod tajjeb ħafna: “Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar.”—1 Korintin 3:6.
22. Għala m’għandna qatt naqtgħu qalbna żżejjed dwar li nipparteċipaw bis-sħiħ fil-ministeru Kristjan?
22 Iva, Alla Jehovah hu involut b’mod attiv fix-xogħol tagħna bħala għalliema tal-Kelma tiegħu. Forsi mhux dejjem inħossuna kwalifikati bħala għalliema. Imma ftakar, huwa Jehovah li jiġbed lin-nies lejh u lejn Ibnu. Huwa Jehovah li jikkwalifikana biex naqdu l-uħud ġodda permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art. Ejja nwieġbu għat-taħriġ taʼ Jehovah billi napplikaw l-affarijiet tajbin li qed jipprovdilna biex jarmana bis-sħiħ bħala għalliema tal-Kelma t’Alla!
Int Kif Twieġeb?
• Il-Bibbja kif tarmana għax-xogħol taʼ l-ippridkar?
• Liema rwol għandu l-ispirtu qaddis biex nikkwalifikaw bħala ministri?
• L-organizzazzjoni li Jehovah għandu fuq l-art, b’liema modi għenitek tikkwalifika bħala predikatur taʼ l-aħbar tajba?
• Għala nistgħu nkunu kunfidenti meta nieħdu sehem fil-ministeru?
[Stampa f’paġna 25]
Bħala għalliem tal-Kelma t’Alla, Ġesù wera mħabba lejn in-nies