Min Hu Kkwalifikat Biex Jippriedka?
1 Meta tiġi għall-ministeru, ġieli ħassejtek bħal Mosè? Hu qal: “Skużani, Jehovah, imma jien m’inix kelliemi fluwenti, la mill-bieraħ ’l hawn la minn qabel dak ’l hawn lanqas mindu int kellimt lill-qaddej tiegħek.” (Eżo. 4:10) Jekk tħossok b’dak il-mod, forsi tkun inklinat li żżomm lura. Iżda, Ġesù “ordnalna biex nippridkaw lin-nies u biex nagħtu xiehda bir-reqqa.” (Atti 10:42) Mela kif se nsiru predikaturi kkwalifikati taʼ l-aħbar tajba?
2 M’huwiex kemm nafu skola li jikkwalifikana għall-ministeru. Pawlu qal li “mhux ħafna għorrief b’mod tal-laħam kienu msejħin” u li “l-għerf taʼ din id-dinja huwa bluha m’Alla.” (1 Kor. 1:26; 3:19) Ġesù għażel lill-appostli tiegħu minn fost il-klassi tal-ħaddiema—billi minn taʼ l-inqas erbgħa minnhom kienu sajjieda tas-sengħa. Il-mexxejja reliġjużi kburin kienu jħarsu lejhom bi stmerrija bħala “rġiel bla skola u komuni.” Iġġudikati b’livelli dinjin, l-appostli ma kinux ikkwalifikati biex jippridkaw. Iżda, it-taħdita mimlija sengħa li Pietru ta f’jum Pentekoste qanqlet lil 3,000 biex jitgħammdu!—Atti 2:14, 37-41; 4:13.
3 Jehovah Jikkwalifikana Biex Nippridkaw: Pawlu ddikjara: “Li aħna kkwalifikati b’mod adegwat joħroġ minn Alla.” (2 Kor. 3:5) Jehovah, is-sors taʼ l-għerf, għallem miljuni biex jippridkaw il-verità tas-Saltna lil oħrajn. (Isa. 54:13) L-effettività u l-frott taʼ dan ix-xogħol jistaʼ jintwera fit-338,491 li ġew mgħammdin is-sena l-oħra bħala “ittri taʼ rakkomandazzjoni” ħajjin. (2 Kor. 3:1-3) Għandna kull raġuni għalfejn nippridkaw bil-qlubija u b’konvinzjoni dwar l-affarijiet li tgħallimna mingħand Jehovah.
4 L-organizzazzjoni t’Alla stabbiliet programm taʼ taħriġ internazzjonali għall-ministri. Permezz taʼ l-Iskrittura u varjetà kbira t’għajnuniet għal studju tal-Bibbja, aħna mgħallmin u mħarrġin biex insiru ‘kompetenti għalkollox, mgħammrin bis-sħiħ’ biex nippridkaw. (2 Tim. 3:16, 17) Ħafna baqgħu mgħaġġbin bil-livell taʼ skola li hemm fil-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà. Per eżempju, rivista Svediża stqarret: “Wara l-fidi li qiegħda tiġi ppridkata mix-Xhieda taʼ Jehovah hemm xjenza Biblika taʼ klassi għolja liema bħalha u orjentata b’mod internazzjonali.”
5 Permezz tad-direzzjoni mogħtija fil-ħames laqgħat tagħna taʼ kull ġimgħa, il-programm tagħna taʼ qari u studju mill-Bibbja, l-għoti taʼ pariri fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, għajnuna persunali minn oħrajn li huma ministri bl-esperjenza, u fuq kollox, bl-appoġġ taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah, nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah iħares lejna bħala kkwalifikati bis-sħiħ biex nippridkaw. “Iva, bħala mibgħutin minn Alla, taħt il-ħarsa t’Alla, f’kumpanija maʼ Kristu, qegħdin nitkellmu.”—2 Kor. 2:17.
6 Jekk aħna nieħdu vantaġġ sħiħ mit-taħriġ teokratiku pprovdut minn Alla permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu, m’għandniex għalfejn inżommu lura jew nistħu. Nistgħu bil-ferħ kollu nippridkaw lil oħrajn, fil-waqt li nkunu ċerti li Jehovah se jbierek l-isforzi tagħna.—1 Kor. 3:6.