Bla Heda F’Li Niddikjaraw L-Aħbar Tajba
1 Il-Kristjani bikrin ħadu l-ministeru tagħhom bis-serjetà ħafna. Luqa rrapporta: “Kuljum fit-tempju u minn dar għal dar komplew bla heda jgħallmu u jiddikjaraw l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.” (Atti 5:42) Xejn, lanqas saħansitra l-persekuzzjoni, ma setaʼ jżommhom lura! (Atti 8:4) Huma tkellmu m’oħrajn dwar il-verità kuljum.
2 Xi ngħidu dwarna? Staqsi lilek innifsek: ‘Inħossha jien l-urġenza taż-żminijiet? Inklinat jien biex inkompli niddikjara l-aħbar tajba bla heda?’
3 Eżempji Fiż-Żmien Modern Taʼ Ppridkar Bla Heda: Waħda oħt, vittma tal-poljo, kienet tiddependi minn magna biex tħaddem il-pulmun. Ma kinitx tistaʼ tmur fis-Sala tas-Saltna jew tattendi xi assemblea. Imma kienet okkupata bil-kbir f’li tiddikjara l-aħbar tajba. Matul ir-restrizzjoni tagħha li damet għal 37 sena, irnexxielha tgħin 17-il ruħ jitgħallmu l-verità! Dan kif kien possibbli? Minkejja li ma setgħetx tmur minn bieb għal bieb, sabet mod biex kuljum tagħti xiehda informali lil dawk li kellha kuntatt magħhom.
4 Ħutna fil-Bosnja kellhom iħabbtu wiċċhom mal-gwerra u ċ-ċaħda. Madankollu, huma jkomplu jippridkaw regolarment lil oħrajn. F’Sarajevo, il-pubblikaturi qegħdin jagħmlu medja taʼ 20 siegħa fix-xahar jitkellmu m’oħrajn dwar l-aħbar tajba, u jikkonduċu medja taʼ żewġ studji tal-Bibbja kull wieħed. Minkejja ċ-ċirkostanzi ħorox tagħhom, huma jippridkaw u jgħallmu bla heda.
5 Uħud żgħar ukoll juru żelu għall-ministeru. Familja taʼ Xhieda fl-Irwanda ġew mitfugħin f’kamra fejn is-suldati lestew biex joqtluhom. Il-familja talbet permess biex l-ewwel jitolbu. Dan ngħata, u t-tifla ż-żgħira, Deborah, talbet tgħajjat: “Jehovah, din il-ġimgħa jien u missieri ħallejna ħames rivisti. Kif se jirnexxilna nerġgħu mmorru għand dawn in-nies biex ngħallmuhom il-verità u ngħinuhom jiksbu l-ħajja?” Minħabba l-fidi qawwija tagħha u l-imħabba tagħha għall-ministeru, il-familja kollha ħelsitha.
6 Illum, hemm il-bżonn li noqogħdu għassa għal opportunitajiet biex nagħtu xiehda lil oħrajn u nfittxu lil dawk li huma “disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) Fi qbil maċ-ċirkostanzi lokali, l-anzjani tal-kongregazzjoni jagħmlu arranġamenti għal għoti taʼ xiehda fi gruppi f’ħinijiet konvenjenti, kemm jekk fil-għodu, u kemm jekk wara nofs in-nhar, jew fil-għaxija. Artikli f’Il-Ministeru Tas-Saltna u partijiet fil-Laqgħat tas-Servizz, assembleat tas-circuit, u konvenzjonijiet distrettwali joffru suġġerimenti f’waqthom u inkuraġġiment biex nieħdu sehem f’oqsma differenti taʼ l-għoti taʼ xiehda tas-Saltna. Flimkien maʼ dan, indokraturi tas-circuit u tad-distrett iħarrġu lill-pubblikaturi fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq, juruhom kif jaħdmu territorju tan-negozju, u jsemmulhom modi oħrajn taʼ kif tingħata xiehda kulfejn ikun hemm in-nies. Dan kollu jenfasizza: bla heda f’li niddikjaraw l-aħbar tajba!
7 L-appostli taʼ Ġesù bil-qlubija ddikjaraw: “Ma nistgħux nieqfu milli nitkellmu dwar l-affarijiet li rajna u smajna.” Kif ipperseveraw minkejja x-xkiel kollu? Huma staqsew lil Jehovah biex jgħinhom, u hu hekk għamel, tant li “kienu lkoll kemm huma mimlijin bl-ispirtu qaddis u kienu jitkellmu l-kelma t’Alla bil-qlubija.” (Atti 4:20, 29, 31) Forsi mhux kulħadd jiġi mbierek b’esperjenzi li jispikkaw fil-ministeru, imma jekk verament nixtiequ li niddikjaraw l-aħbar tajba bla heda u jekk nagħmlu sforz biex nagħmlu hekk saħansitra kuljum, Jehovah se jgħinna.