LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 1/15 pp. 13-17
  • Dawk b’“Attitudni Xierqa” Qed Iwieġbu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dawk b’“Attitudni Xierqa” Qed Iwieġbu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ippriedka Mingħajr Ipokrisija
  • Barkiet Jistennew lil Dawk li Jippridkaw “bla Heda”
  • Għajnuna Effettiva għall-​Istudju tal-​Bibbja
  • “Ħa Ma Niqfux Nagħmlu Dak li Hu Tajjeb”
  • Qabel u Wara—Kisbet is-Saħħa biex Tinbidel
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • ‘Inġibu Aħbar Tajba taʼ Xi Ħaġa Aħjar’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Ħu Ħsieb il-Ministeru li Aċċettajt fil-Mulej”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Bla Heda F’Li Niddikjaraw L-Aħbar Tajba
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 1/15 pp. 13-17

Dawk b’“Attitudni Xierqa” Qed Iwieġbu

“Dawk kollha li kellhom attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem emmnu.”—ATTI 13:48.

1, 2. Il-​Kristjani tal-​bidu kif wieġbu għall-​profezija taʼ Ġesù li l-​aħbar tajba tas-​Saltna kellha tiġi pridkata fl-​art abitata kollha?

IL-​KTIEB Bibliku taʼ l-​Atti fih ir-​rakkont eċċitanti dwar kif il-​Kristjani tal-​bidu wieġbu għall-​profezija taʼ Ġesù li l-​aħbar tajba tas-​Saltna kellha tiġi pridkata fl-​art abitata kollha. (Mt. 24:14) Predikaturi żelużi ħejjew it-​triq, biex ngħidu hekk, għal dawk kollha li kellhom isegwuhom. Minħabba l-​ippridkar żeluż tad-​dixxipli taʼ Ġesù f’Ġerusalemm, eluf taʼ nies, inkluż “folla kbira taʼ qassisin,” ngħaqdu mal-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu.—Atti 2:41; 4:4; 6:7.

2 Missjunarji fl-​ewwel seklu għenu lil ħafna oħrajn biex iħaddnu l-​Kristjanità. Per eżempju, Filippu mar is-​Samarija fejn folol taʼ nies taw widen għal kliemu. (Atti 8:5-8) Pawlu vvjaġġa ħafna maʼ wħud differenti, jippriedka l-​messaġġ Kristjan f’Ċipru, f’partijiet taʼ l-​Asja Minuri, fil-​Maċedonja, fil-​Greċja, u fl-​Italja. Għadd kbir taʼ Lhud u Griegi saru Kristjani fi bliet fejn ippriedka. (Atti 14:1; 16:5; 17:4) Titu ppriedka fi Kreta. (Titu 1:5) Pietru kien bieżel f’Babilonja, u sakemm kiteb l-​ewwel ittra tiegħu, fil-​perijodu taʼ bejn is-​sena 62 u s-​sena 64 E.K., l-​attività tal-​Kristjani kienet magħrufa sew fil-​Pontu, fil-​Galazja, fil-​Kappadoċja, fl-​Asja, u fil-​Bitinja. (1 Pt. 1:1; 5:13) Kemm kienu żminijiet eċċitanti dawn! Tant kienu żelużi dawn il-​predikaturi Kristjani taʼ l-​ewwel seklu li l-​għedewwa tagħhom stqarrew li kienu “qalbu d-​dinja taʼ taħt fuq.”—Atti 17:6; 28:22.

3. Liema riżultati qed jinkisbu llum minn proklamaturi tas-​Saltna fl-​attivitajiet tagħhom taʼ ppridkar, u dan kif iġiegħlek tħossok?

3 Fiż-​żminijiet moderni wkoll, il-​kongregazzjoni Kristjana ġiet imbierka bi tkabbir taʼ l-​għaġeb. Ma tħossokx inkuraġġit meta taqra r-​rapport annwali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova u tara r-​riżultati li qed jinkisbu madwar id-​dinja? Ma jqawwilekx qalbek li tkun taf li l-​proklamaturi tas-​Saltna kkonduċew iktar minn sitt miljun studju tal-​Bibbja matul is-​sena taʼ servizz 2006? Iktar minn hekk, l-​attendenza għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù Kristu s-​sena l-​oħra tindika li kważi għaxar miljun ruħ li m’humiex Xhieda attivi taʼ Ġeħova kienu interessati biżżejjed fl-​aħbar tajba biex jattendu din il-​kommemorazzjoni importanti. Dan jindika li għad hemm ħafna xogħol xi jsir.

4. Min qed iwieġeb għall-​messaġġ tas-​Saltna?

4 Illum, bħal fl-​ewwel seklu, “dawk kollha li [għandhom] attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” qed iwieġbu għall-​messaġġ tal-​verità. (Atti 13:48) Ġeħova qed jiġbed lil dawn in-​nies lejn l-​organizzazzjoni tiegħu. (Aqra Ħaggaj 2:7.) Liema attitudni għandna nżommu lejn il-​ministeru Kristjan sabiex nikkooperaw bis-​sħiħ maʼ dan ix-​xogħol taʼ ġbir?

Ippriedka Mingħajr Ipokrisija

5. Liema tip taʼ persuni għandhom il-​favur taʼ Ġeħova?

5 Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu fehmu li “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Jekk individwu għandux relazzjoni tajba maʼ Ġeħova jew le jiddependi milli jeżerċita fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù. (Ġw. 3:16, 36) U hija r-​rieda taʼ Ġeħova li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.”—1 Tim. 2:3, 4.

6. Kontra xiex għandhom jgħassu l-​predikaturi tas-​Saltna, u għala?

6 Ma jkunx xieraq li proklamaturi taʼ l-​aħbar tajba jiġġudikaw lin-​nies minn qabel fuq il-​bażi tar-​razza, l-​istat soċjali, id-​dehra, l-​isfond reliġjuż, jew kwalunkwe karatteristika oħra tagħhom. Ikkunsidra għal mument: M’intix grat int li l-​ewwel individwu li kellmek dwar il-​veritajiet Skritturali ma weriex preġudizzji lejk? Allura għala żżomm lura milli toffri messaġġ li jistaʼ jsalva l-​ħajjiet minn xi ħadd li għandu mnejn jagħti widen għalih?—Aqra Mattew 7:12.

7. Għala għandna nżommu lura milli niġġudikaw lil dawk li nippridkawlhom?

7 Ġeħova ħatar lil Ġesù bħala Mħallef; għalhekk, aħna m’għandna dritt niġġudikaw lil ħadd. Dan hu xieraq, ladarba—għall-​kuntrarju taʼ Ġesù—aħna nistgħu niġġudikaw biss “skond ma jidher fl-​għajnejn” jew “skond ma [nisimgħu],” filwaqt li Ġesù jaf il-​ħsibijiet ġewwinin u l-​irraġunar tal-​qalb.—Is. 11:1-5; 2 Tim. 4:1.

8, 9. (a) Liema tip taʼ persuna kien Sawlu qabel ma sar Kristjan? (b) L-​esperjenza taʼ l-​appostlu Pawlu x’għandha tgħallimna?

8 Nies minn kważi kull sfond saru qaddejja taʼ Ġeħova. Eżempju wieħed li jispikka hu Sawlu taʼ Tarsu, li sar magħruf bħala l-​appostlu Pawlu. Sawlu, Fariżew, kien jopponi lill-​Kristjani bl-​aħrax. Il-​konvinzjoni sinċiera tiegħu li dawn ma kinux aduraturi veri taʼ Ġeħova wasslitu biex jippersegwita lill-​kongregazzjoni Kristjana. (Gal. 1:13) Mill-​ħarsa umana, żgur li deher bħala l-​inqas wieħed li kont tistennieh isir Kristjan. Madankollu, Ġesù ra xi ħaġa tajba f’qalb Sawlu u għażlu biex iwettaq inkarigu speċjali. B’riżultat taʼ dan, Sawlu sar wieħed mill-​iktar membri attivi u żelużi fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu.

9 L-​esperjenza taʼ l-​appostlu Pawlu x’tgħallimna? Fit-​territorju tagħna, forsi hemm gruppi taʼ nies li jidhru li se jopponu l-​messaġġ tagħna. Għalkemm forsi niddubitaw jekk xi ħadd minnhom hux se jsir Kristjan veru, m’għandniex nieqfu nipprovaw nirraġunaw magħhom. Kultant anki dawk li verament ħsibt li mhux se jkunu interessati fil-​messaġġ tagħna jagħtu widen. L-​inkarigu tagħna hu li nkomplu nippridkaw lil kulħadd “bla heda.”—Aqra Atti 5:42.

Barkiet Jistennew lil Dawk li Jippridkaw “bla Heda”

10. Għala m’għandniex inżommu lura milli nippridkaw lin-​nies li forsi d-​dehra tagħhom tintimidana? Semmi esperjenzi lokali.

10 Id-​dehra tistaʼ tqarraq. Per eżempju, Ignacioa beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova filwaqt li kien il-​ħabs f’pajjiż fl-​Amerika t’Isfel. In-​nies kienu jibżgħu minnu minħabba l-​karattru vjolenti tiegħu. Minħabba f’hekk, il-​ħabsin li kienu jagħmlu u jbigħu oġġetti lil ħabsin oħrajn kienu jużaw lil Ignacio biex jiġbru d-​dejn taʼ dawk li jkunu damu biex iħallsu. Madankollu, hekk kif Ignacio għamel progress spiritwali u applika dak li kien qed jitgħallem, dak li darba kien bùli vjolenti sar bniedem qalbu tajba. Issa ħadd m’għadu jużah biex jiġbor id-​dejn, però Ignacio hu kuntent li l-​veritajiet Bibliċi u l-​ispirtu t’Alla bidlu l-​personalità tiegħu. Hu grat ukoll għall-​imparzjalità tal-​pubblikaturi tas-​Saltna li għamlu l-​isforz biex jistudjaw miegħu.

11. Għala nibqgħu mmorru lura għand in-​nies?

11 Waħda mir-​raġunijiet għala nibqgħu mmorru nżuru lin-​nies li diġà nkunu kellimniehom dwar l-​aħbar tajba hi li ċ-​ċirkustanzi u l-​attitudnijiet tagħhom jistgħu jinbidlu u fil-​fatt hekk jiġri. Mill-​aħħar żjara tagħna ’l hawn, xi wħud forsi jkunu ġew effettwati minn mard serju, telf taʼ impjieg, jew mill-​mewt taʼ xi ħadd maħbub. (Aqra Koħèlet 9:11.) Ġrajjiet dinjin jistgħu jqanqlu lin-​nies biex jaħsbu bis-​serjetà dwar il-​futur tagħhom. Żviluppi bħal dawn jistgħu jġiegħlu lil individwu li qabel kien apatetiku—jew saħansitra kien jopponi—iwieġeb b’mod favorevoli. Għalhekk, m’għandniex inżommu lura milli naqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn f’kull okkażjoni xierqa.

12. Kif għandna nqisu lin-​nies li nippridkawlhom, u għala?

12 Il-​bnedmin għandhom it-​tendenza li jikklassifikaw u jiġġudikaw lil oħrajn. Madankollu, Ġeħova jara lin-​nies bħala individwi. Hu jara l-​potenzjal taʼ kull wieħed u waħda minna. (Aqra l-​1 Samwel 16:7.) Fil-​ministeru tagħna għandna nistinkaw biex nagħmlu l-​istess. Ħafna esperjenzi juru r-​riżultati tajbin li jiġu milli jkollna ħarsa pożittiva lejn dawk kollha li nippridkawlhom.

13, 14. (a) Waħda pijuniera għala rreaġixxiet b’mod negattiv lejn mara li ltaqgħet magħha fil-​ministeru? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn din l-​esperjenza?

13 Sandra, oħt pijuniera, kienet qed tieħu sehem fil-​ministeru minn dar għal dar fuq gżira fil-​Karibew meta ltaqgħet maʼ Ruth, li kienet involuta ħafna fiċ-​ċelebrazzjonijiet tal-​karnival. Ruth darbtejn kienet ġiet inkurunata bħala r-​reġina nazzjonali tal-​karnival. Hi wriet interess mhux tas-​soltu f’dak li Sandra kienet qed tgħid, u għalhekk inbeda studju tal-​Bibbja. Sandra tirrakkonta: “Hekk kif dħalt fis-​salott tagħha, rajt ritratt kbir taʼ Ruth liebsa kostum tal-​karnival ilellex, kif ukoll xi trofej li kienet rebħet. B’mod żbaljat ħsibt li persuna li kienet daqstant popolari u involuta fil-​karnival ma setax ikollha interess sinċier fil-​verità. Allura ma bqajtx immurilha.”

14 Ftit taż-​żmien wara, Ruth tfaċċat fis-​Sala tas-​Saltna, u meta spiċċat il-​laqgħa hi staqsiet lil Sandra, “Għala ma bqajtx tiġi tistudja miegħi?” Sandra skużat ruħha u rranġat biex terġaʼ tibda l-​istudju. Ruth għamlet progress mgħaġġel, neħħiet ir-​ritratti tagħha tal-​karnival, bdiet tieħu sehem fl-​attivitajiet kollha tal-​kongregazzjoni, u ddedikat ħajjitha lil Ġeħova. M’għandniex xi ngħidu, Sandra rrealizzat li l-​ewwel reazzjoni tagħha kienet żbaljata.

15, 16. (a) Xi rriżulta meta waħda pubblikatriċi tat xiehda lill-​qarib tagħha? (b) Il-​konvinzjonijiet reliġjużi taʼ xi qarib għala m’għandhomx jiskuraġġuna milli nagħtuh xiehda?

15 Riżultati pożittivi ġew esperjenzati wkoll minn ħafna li taw xiehda lil membri tal-​familja li m’humiex taʼ l-​istess twemmin, anki meta deher li x’aktarx dawn ma kinux se jwieġbu b’mod favorevoli. Per eżempju, ikkunsidra l-​każ taʼ Joyce, oħt Kristjana fl-​Istati Uniti. Qarib tagħha kien dieħel u ħiereġ il-​ħabs minn mindu kien adoloxxenti. “In-​nies kienu jgħidu li ħajtu ma kienet tiswa għalxejn,” tirrakkonta Joyce, “għaliex kien involut fid-​droga, kien ħalliel, u għamel għadd kbir t’affarijiet ħżiena oħrajn. Minkejja li dawn kollha setgħu jżommuh lura, jien bqajt naqsam veritajiet mill-​Bibbja miegħu għal 37 sena.” L-​isforzi paċenzjużi tagħha biex tgħin lill-​qarib tagħha ġew premjati bil-​kbir meta fl-​aħħar beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova u għamel bidliet kbar f’ħajtu. Reċentement, fl-​età taʼ 50 sena, il-​qarib taʼ Joyce tgħammed f’konvenzjoni distrettwali f’Kalifornja. Joyce tgħid: “Bkejt bil-​ferħ. Jien ferħana ħafna li qatt ma qtajt qalbi minnu!”

16 Forsi int iżżomm lura milli titkellem maʼ ċerti qraba dwar veritajiet Bibliċi minħabba l-​istil tal-​ħajja tagħhom. Madankollu, Joyce ma żammitx lura milli titkellem mal-​qarib tagħha. Wara kollox, wieħed kif jistaʼ jkun jaf x’hemm f’qalb ħaddieħor? L-​individwu jistaʼ sinċerament ikun qed ifittex il-​verità reliġjuża. Għalhekk, iżżommx lura milli tagħti lil oħrajn l-​opportunità biex isibuha.—Aqra Proverbji 3:27.

Għajnuna Effettiva għall-​Istudju tal-​Bibbja

17, 18. (a) Rapporti minn madwar id-​dinja x’jindikaw dwar il-​valur tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? (b) Liema esperjenzi pożittivi kellek int u tuża dan il-​ktieb?

17 Rapporti minn pajjiżi madwar id-​dinja juru li ħafna individwi taʼ qalb onesta qed iwieġbu b’mod favorevoli għall-​ktieb li jipprovdi għajnuna għall-​Istudju tal-​Bibbja bit-​titlu Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? Penni, oħt li taqdi bħala pijuniera fl-​Istati Uniti, bdiet diversi studji b’din il-​pubblikazzjoni. Tnejn minnhom kienu maʼ nies avanzati fl-​età li kienu membri devoti tal-​knejjes tagħhom. Penni ma kinitx ċerta dwar kif kienu se jirreaġixxu għall-​veritajiet Skritturali preżentati fil-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? Minkejja dan, hi tikteb, “Minħabba l-​mod ċar, loġiku, u konċiż taʼ kif inhi preżentata l-​informazzjoni, huma aċċettaw mill-​qalb dak li kienu qed jitgħallmu bħala l-​verità, mingħajr argumenti jew konfużjoni emozzjonali.”

18 Pat, pubblikatriċi fil-​Britannja, bdiet tistudja l-​Bibbja maʼ mara li kienet refuġjata minn pajjiż fl-​Asja. Il-​mara kellha taħrab minn pajjiżha wara li żewġha u wliedha subien ittieħdu mis-​suldati ribelli, u qatt ma reġgħet rathom. Ħajjitha kienet ġiet mhedda, darha kienet ġiet maħruqa, u hi kienet ġiet stuprata minn grupp taʼ rġiel. Dan kollu ġegħelha tħossha li ma kellhiex għalxiex tgħix, u kkunsidrat is-​suwiċidju diversi drabi. Madankollu, l-​istudju tal-​Bibbja taha tama. “Is-​sempliċità taʼ l-​ispjegazzjonijiet u t-​tixbihat fil-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? kellhom effett kbir ħafna fuqha,” tikteb Pat. L-​istudenta għamlet progress mgħaġġel, ikkwalifikat bħala pubblikatriċi mhix mgħammda, u stqarret ix-​xewqa tagħha li titgħammed fl-​assemblea li kien imiss. X’ferħ iġibilna l-​fatt li ngħinu lil uħud sinċieri biex jifhmu u japprezzaw it-​tama li toffri l-​Iskrittura!

“Ħa Ma Niqfux Nagħmlu Dak li Hu Tajjeb”

19. Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar għala huwa daqstant urġenti?

19 Maʼ kull ġurnata li tgħaddi, l-​urġenza taʼ l-​inkarigu tagħna biex nippridkaw u nagħmlu dixxipli ssir iktar urġenti. Eluf taʼ wħud li jixtiequ jsiru jafu dwar Alla jwieġbu għall-​ippridkar tagħna kull sena. Madankollu, “il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib,” u dan ifisser li dawk li qed jibqgħu fi dlam spiritwali qed “jogħtru huma u sejrin għall-​qatla.”—Sof. 1:14, NW; Prov. 24:11.

20. Kull wieħed u waħda minna x’għandu jkun determinat li jagħmel?

20 Aħna għadna nistgħu ngħinu lil dawn l-​uħud. Imma biex nagħmlu dan, huwa vitali li nimitaw lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, li “baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu, Ġesù.” (Atti 5:42) Segwi l-​eżempju tagħhom billi tippersevera minkejja l-​avversità, billi toqgħod attent għall-​“arti tat-​tagħlim” tiegħek, u billi tippriedka lil kulħadd mingħajr parzjalità! “Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb,” għax jekk nipperseveraw, se naħsdu l-​barkiet abbundanti taʼ l-​approvazzjoni t’Alla.—2 Tim. 4:2; aqra Galatin 6:9.

[Nota taʼ taħt]

a Xi wħud mill-​ismijiet ġew mibdulin.

Int Kif Twieġeb?

•Min qed iwieġeb għall-​aħbar tajba?

•Għala għandna nevitaw li niġġudikaw minn qabel lil dawk li nippridkawlhom?

•Liema riżultati qed jinkisbu bil-​pubblikazzjoni Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

[Stampi f’paġna 13]

Eluf taʼ individwi taʼ qalb onesta qed iwieġbu

[Stampi f’paġna 15]

X’nistgħu nitgħallmu mill-​bidliet li għamel l-​appostlu Pawlu?

[Stampi f’paġna 16]

Proklamaturi taʼ l-​aħbar tajba ma jiġġudikawx lin-​nies minn qabel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja