Kif Se Jisimgħu?
1. Għala x-xogħol taʼ l-ippridkar jistaʼ jkun taʼ sfida, u għala nippersistu?
1 Hekk kif il-jum taʼ Ġeħova riesaq bil-ħeffa, hemm bżonn urġenti biex ngħinu lil ħafna oħrajn ħalli jieħdu għarfien eżatt dwar Alla u l-iskop tiegħu għall-umanità. (Ġw. 17:3; 2 Pt. 3:9, 10) Kultant dan jistaʼ jkun taʼ sfida peress li ħafna m’humiex interessati jew jistgħu jirridikolawna minħabba x-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar. (2 Pt. 3:3, 4) Minkejja dan, għandna kull raġun biex nemmnu li għad hemm uħud fit-territorju tagħna li se jaċċettaw l-aħbar tajba ladarba jisimgħuha. Uħud bħal dawn, kif se jisimgħu jekk ħadd ma jippridkalhom?—Rum. 10:14, 15.
2. L-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu kif jinkuraġġina?
2 Meta Niffaċċjaw Xi Oppożizzjoni: Ladarba għad hemm ħafna li huma lesti li jisimgħu l-messaġġ dwar is-Saltna t’Alla, m’għandniex niġu skuraġġiti. Filippi kienet l-ewwel belt fl-Ewropa li semgħet lill-appostlu Pawlu jippriedka l-aħbar tajba. Meta Pawlu u Sila ġew akkużati b’mod falz, it-tnejn li huma ġew imsawtin bil-bsaten u mitfugħin il-ħabs. (Atti 16:16-24) Madankollu, dik l-esperjenza taʼ wġigħ lil Pawlu ma ġegħlitux jieqaf jippriedka minħabba l-biżaʼ. Meta żar Tessalonika, il-belt li kien imiss fil-vjaġġ missjunarju tiegħu, hu ‘għamlilhom il-qalb permezz t’Alla.’ (1 Tess. 2:2) Ma jurix l-eżempju taʼ Pawlu r-raġuni għala m’għandniex ‘nieqfu’ mill-ippridkar?—Gal. 6:9.
3. X’jistaʼ jġiegħel lil xi wħud ibiddlu l-attitudni tagħhom għalkemm qabel ma kinux interessati?
3 Ħafna li għal snin sħaħ irrifjutaw li jisimgħu biddlu l-attitudni tagħhom lejn il-messaġġ tagħna. Problemi finanzjarji li jiġu f’daqqa, mard, mewt fil-familja, jew rapporti taʼ ġrajjiet inkwetanti fix-xena tad-dinja jistgħu jwasslu għal bidla bħal din. (1 Kor. 7:31) Xi wħud li l-ġenituri tagħhom kienu jopponu saru adulti u issa huma lesti li jisimgħu. Il-fatt li nkomplu nippridkaw jagħti lil uħud bħal dawn l-opportunità biex ‘isejħu isem Ġeħova’ qabel ikun tard wisq.—Rum. 10:13.
4. X’jimmotivana nkomplu “bla heda” fil-ministeru tagħna?
4 “Bla Heda”: L-imħabba tagħna għal Alla u għall-proxxmu se timmotivana biex “bla heda” nkomplu fix-xogħol taʼ l-ippridkar u li nagħmlu dixxipli, bħalma għamlu l-appostli fl-ewwel seklu. (Atti 5:42) Ħafna llum qegħdin “jitniehdu u jokorbu minħabba l-affarijiet mistkerrhin kollha” li qed iseħħu issa. (Eżek. 9:4) X’tama u faraġ jirċievu dawn l-uħud meta jisimgħu l-aħbar tajba! Anki meta ħafna nies jirrifjutaw li jisimgħu, aħna għandna assiguranza Skritturali li Ġeħova jieħu gost ħafna bl-isforzi tagħna.—Ebr. 13:15, 16.