Għala Mmorru Lura taʼ Sikwit
1. Liema mistoqsija tqum rigward ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar?
1 F’ħafna postijiet, inkopru t-territorju tagħna taʼ sikwit. Aħna nibqgħu mmorru lura fl-istess djar darba wara l-oħra, għalkemm l-inkwilin forsi jkun qalilna li m’huwiex interessat. Għala nibqgħu nżuru lil dawk li ma wiġbux b’mod favorevoli fil-passat?
2. X’inhi r-raġuni prinċipali għaliex nipperseveraw fil-ministeru?
2 Imħabba għal Ġeħova u għan-Nies: Ir-raġuni prinċipali għaliex nipperseveraw fil-ministeru hi mħabbitna għal Ġeħova. Qalbna tqanqalna biex inkomplu ngħidu lil oħrajn dwar l-Alla l-kbir tagħna. (Lq. 6:45) Imħabbitna għal Ġeħova ġġagħalna nobdu l-kmandi tiegħu u ngħinu lil oħrajn jagħmlu l-istess. (Prov. 27:11; 1 Ġw. 5:3) Il-fatt li nissaportu lealment f’dan ix-xogħol ma jiddependix minn kif iwieġbu n-nies. Saħansitra meta l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu persegwitati, huma komplew jippridkaw “bla heda.” (Atti 5:42) Meta n-nies jirrifjutaw li jagħtu widen, minflok ma niskuraġġixxu ruħna, għandna nibqgħu sodi, billi nuru kemm hi kbira l-imħabba u d-devozzjoni tagħna lejn Ġeħova.
3. L-imħabba għan-nies kif tgħinna nkomplu nippridkaw?
3 Aħna nipperseveraw ukoll għax inħobbu lill-proxxmu tagħna. (Lq. 10:27) Ġeħova ma jrid lil ħadd jinqered. (2 Pt. 3:9) Anki f’territorju li jinħadem taʼ sikwit, xorta għadna qed insibu lil dawk li jridu jaqdu lil Ġeħova. Per eżempju, fil-Gwadelupe, fejn 1 minn kull 56 ruħ hu Xhud taʼ Ġeħova, is-sena l-oħra tgħammdu 214-il ruħ. Kważi 20,000 ruħ attendew it-Tifkira, madwar 1 minn kull 22 ruħ fil-Gwadelupe!
4. B’liema modi jinbidlu t-territorji?
4 Bidliet fit-Territorju: Taʼ spiss jinbidlu n-nies fit-territorju tagħna. Id-darba taʼ wara li mmorru nżuru dar fejn ma kellna l-ebda tweġiba favorevoli, membru differenti tal-familja—forsi xi ħadd li qatt ma semaʼ l-messaġġ tagħna—jiftaħ il-bieb u jagħti widen. Jew forsi nsibu li ġew uħud ġodda joqogħdu fid-dar u dawn ikunu interessati. Tfal li għandhom ġenituri li jopponu, jikbru u jitilqu mid-dar. Uħud bħal dawn għandhom mnejn ikunu disposti li jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna.
5. X’jistaʼ jagħmel lin-nies iktar lesti li jisimgħu?
5 Anki n-nies jinbidlu. L-appostlu Pawlu darba kien “midgħi u persekutur u raġel insolenti.” (1 Tim. 1:13) Bl-istess mod, ħafna li qed jaqdu lil Ġeħova llum, qabel ma kinux interessati fil-verità. Xi wħud forsi saħansitra opponew l-aħbar tajba qabel. Hekk kif il-kundizzjonijiet tad-dinja jinbidlu, xi opponenti jew dawk li kienu indifferenti għandhom mnejn jitqanqlu biex jagħtu widen. Oħrajn forsi jkunu iktar lesti li jisimgħu wara li jesperjenzaw traġedja persunali, bħal xi mewt fil-familja, telf taʼ l-impjieg, problema finanzjarja, jew kwistjoni taʼ saħħa.
6. Għala rridu nkomplu nippridkaw b’entużjażmu?
6 Din is-sistema dinjija ġejja fi tmiemha, imma x-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar u t-tagħlim għaddej b’mod mgħaġġel. (Is. 60:22) Għalhekk, aħna nkomplu nippridkaw b’entużjażmu u nistinkaw biex inżommu attitudni pożittiva. L-individwu li jkun imissna nkellmu forsi jagħti widen. Jeħtieġ nibqgħu nitkellmu! ‘Jekk nagħmlu dan insalvaw kemm lilna nfusna u kemm lil dawk li jisimgħuna.’—1 Tim. 4:16.