Għala Nibqgħu Mmorru Lura?
1 Qatt staqsejt lilek innifsek din il-mistoqsija, forsi waqt li tkun qiegħed tipprepara għal jum sħiħ fis-servizz? F’xi nħawi fejn it-territorju tagħna jinħadem ripetutament, l-inkwilini forsi jindunaw min aħna u malajr jaqtgħulna fil-qasir. Numru żgħir biss forsi jwieġbu b’mod favorevoli. Madankollu, hemm ħafna raġunijiet sodi għala nibqgħu mmorru lura.
2 L-ewwelnett, aħna kkmandati biex nibqgħu nippridkaw il-messaġġ tas-Saltna sakemm jiġi t-tmiem. (Matt. 24:14; 28:19, 20) Il-profeta Isaija tħasseb dwar għal kemm żmien kellu jdum jagħmel ix-xogħol tiegħu taʼ l-ippridkar. It-tweġiba li rċieva hi mniżżla bil-miktub f’Isaija 6:11. M’hemm l-ebda dubju dwar dan—intqallu biex jibqaʼ jmur lura għand in-nies bil-messaġġ t’Alla. L-istess illum, għalkemm forsi jistgħu jkeċċuna, Jehovah jistenna li nibqgħu mmorru għand in-nies li jgħixu fit-territorju tagħna. (Eżek. 3:10, 11) Din hija responsabbiltà sagra li ġiet fdata lilna.—1 Kor. 9:17.
3 Raġuni oħra għalfejn għandna nibqgħu mmorru lura hija li dan jagħtina l-opportunità biex nuru kemm hija profonda d-devozzjoni tagħna lejn Jehovah. (1 Ġwn. 5:3) Barra minn hekk, meta nikkontemplaw dwar x’hemm merfugħ għall-umanità fil-futur qarib, kif nistgħu nżommu lilna nfusna lura milli bl-imħabba nipprovaw inwissu lill-ġirien tagħna? (2 Tim. 4:2; Ġak. 2:8) Li nkunu leali f’li nwettqu l-inkarigu tagħna jipprovdilhom opportunità wara l-oħra biex jirreaġixxu għall-messaġġ t’Alla taʼ salvazzjoni, u b’hekk ma jkunux jistgħu jgħidu li ma ġewx imwissijin.—Eżek. 5:13.
4 Flimkien maʼ dan, qatt ma nafu meta xi nies jibdew jaħsbuha b’mod differenti. Dan jistaʼ jseħħ permezz taʼ bidla fiċ-ċirkostanzi persunali tagħhom, xi traġedja fil-familja tagħhom, jew xi qagħda li tinsab fiha d-dinja li ġġagħalhom jaħsbu serjament dwar il-futur tagħhom. Jerġaʼ wkoll, xi ħaġa li forsi ngħidu meta nkellmuhom tistaʼ tqanqal reazzjoni favorevoli. (Ekkl. 9:11; 1 Kor. 7:31) Ukoll, xi nies ibiddlu d-dar. Forsi nistgħu nsibu residenti ġodda fit-territorju tagħna li se jwieġbu għall-aħbar tajba—forsi xi żgħażagħ imfarfrin li qegħdin issa jgħixu waħedhom u qed jaħsbu serjament dwar l-iskop tagħhom fil-ħajja.
5 Se nibqgħu mmorru lura? Iva! L-Iskrittura timmotivana biżżejjed biex immorru lura għand in-nies darba wara l-oħra. Fl-aħħar, meta x-xogħol taʼ l-ippridkar ikun tlesta, Jehovah se jberikna għall-isforz kontinwu tagħna fil-ministeru, u se jbierek lil dawk li jkunu jwieġbu b’apprezzament għall-aħbar tajba tas-Saltna.—1 Tim. 4:16.