Għala Nkomplu Nippridkaw?
1 Ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna ilu jsir għal żmien twil fejn toqgħod int? (Mt. 24:14) Jekk inhu hekk, tistaʼ tħoss li t-territorju tal-kongregazzjoni nħadem biżżejjed. Illum meta tippriedka, forsi ħafna min-nies li tiltaqaʼ magħhom jidhru li għandhom apatija lejn il-messaġġ tas-Saltna. Anki jekk dan hu minnu, innota x’jirrikonoxxi l-ktieb Il-Profezija taʼ Isaija II dwar id-dixxipli veri taʼ Ġesù f’paġna 141: “F’xi postijiet, ir-riżultati fil-ministeru tagħhom jistgħu jidhru li huma insinifikanti meta jitqabblu maʼ l-ammont taʼ xogħol u sforzi li jsiru. Xorta waħda, huma jissaportu.” Iżda għala nkomplu nippridkaw?
2 Ftakru f’Ġeremija: Il-fatt li nissaportu fedelment fix-xogħol taʼ l-ippridkar m’għandux jiddependi minn jekk in-nies jisimgħux jew le. Ġeremija ppriedka għal 40 sena fl-istess territorju għalkemm verament ftit semgħuh u ħafna kienu dawk li ħaduha kontra l-messaġġ tiegħu. Ġeremija għala kompla jippersevera? Għaliex kien qed jagħmel xogħol li Alla kkmandah jagħmel u peress li kien jaf dwar dak li kien se jiġri fil-futur ħassu obbligat ikompli jitkellem fil-beraħ.—Ġer. 1:17; 20:9.
3 Is-sitwazzjoni tagħna tixbah lil tiegħu. Ġesù “ordnalna biex inxandruh lill-popli u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.” (Atti 10:42) Il-messaġġ li għandna x’nagħtu jistaʼ jfisser ħajja jew mewt għal dawk li jisimgħuh. In-nies se jkunu ġudikati skond kif iwieġbu għall-aħbar tajba. Minħabba dan il-fatt, ir-responsabbiltà tagħna hi li nagħmlu preċiż dak li ġejna kmandati. Saħansitra meta n-nies ma jkunux iridu jisimgħu, dan jagħtina l-opportunità biex nuru kemm huma profondi l-imħabba tagħna lejhom u d-devozzjoni tagħna lejn Jehovah billi nibqgħu nippersistu biex nagħmlu dak li suppost nagħmlu. Iżda hemm iktar minn hekk.
4 Aħna Qed Nibbenefikaw: Meta nagħmlu r-rieda t’Alla, sew jekk insibu interess fit-territorju u sew jekk le, se jkollna paċi ġewwinija, sodisfazzjon, u ferħ, li ma jistgħu jinkisbu bl-ebda mod ieħor. (Salm 40:9 [40:8, NW]) Ħajjitna ssir verament sinifikanti u mimlija skop. Iktar ma nieħdu sehem fil-ministeru, iktar imħuħna u qlubna se jiffokaw fuq it-tama u l-ferħ taʼ li ngħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla. Li naħsbu l-ħin kollu fuq dawn il-wegħdi Skritturali se jkabbar l-ispiritwalità tagħna u jsaħħilna r-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah.
5 Anki jekk ma narawx riżultati mill-ewwel fl-attività taʼ l-ippridkar tagħna, iż-żerriegħa tal-verità tistaʼ tinżeraʼ f’qalb xi ħadd u tinbet fiż-żmien li Jehovah jarah xieraq. (Ġw. 6:44; 1 Kor. 3:6) Ħadd minna ma jaf kemm għad baqaʼ wħud li jridu jiġu biex jitgħallmu dwar is-Saltna permezz taʼ l-isforzi tan-nies taʼ Jehovah, lokalment jew madwar id-dinja.
6 Iktar minn qatt qabel, għandna nagħtu kas l-istruzzjoni taʼ Ġesù: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!” (Mk. 13:33, 37) Mela, jalla lkoll kemm aħna nibqgħu niddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna, waqt li nferrħu qalb Jehovah hekk kif nieħdu sehem fit-taqdis taʼ l-isem kbir u qaddis tiegħu.