Ibqgħu Ppridkaw!
1 Hija r-rieda t’Alla li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Tim. 2:4) Għal din ir-raġuni, hu tana l-inkarigu biex nippridkaw l-aħbar tajba. (Mt. 24:14) Jekk napprezzaw il-fatt għala rridu nibqgħu nippridkaw, l-ebda skuraġġiment jew tfixkil li jistaʼ jinqalaʼ ma se jaqtgħalna qalbna milli nagħmlu dan.
2 Għala Għandna Nippersistu? Hemm ħafna tfixkil fid-dinja li jġiegħel lin-nies jew jinsew jew ftit li xejn jagħtu kas għal dak li ngħidulhom. Għalhekk, irridu nibqgħu nfakkruhom dwar il-messaġġ t’Alla taʼ salvazzjoni. (Mt. 24:38, 39) Iżjed minn hekk, iċ-ċirkustanzi fil-ħajjiet tan-nies dejjem jinbidlu. Anki l-kundizzjonijiet tad-dinja jistgħu jinbidlu b’mod drastiku mil-lejl għan-nhar. (1 Kor. 7:31) Għada, il-ġimgħa d-dieħla, jew ix-xahar li ġej, lil dawk in-nies li sejrin nippridkawlhom jistgħu jinqalgħulhom problemi jew ansjetajiet ġodda li jġagħluhom jikkunsidraw bis-serjetà l-aħbar tajba li nagħtuhom. M’intix grat li dak ix-Xhud li qallek bil-verità kien tant persistenti?
3 Biex Nimitaw il-Ħniena t’Alla: Bil-paċenzja, Jehovah ppermetta li jgħaddi ż-żmien qabel ma jwettaq ġudizzju fuq il-ħżiena. Hu baqaʼ jsejjaħ lil dawk l-uħud taʼ qalb sinċiera biex iduru lejh u jsalvaw billi qed juża lilna. (2 Pt. 3:9) Inkunu ħatjin tad-demm jekk ma nxandrux il-messaġġ ħanin t’Alla lin-nies. U nkunu ħatjin ukoll jekk ma nwissuhomx dwar l-esekuzzjoni li ġejja tal-ġudizzju t’Alla fuq dawk kollha li ma jdurux lura mill-modi ħżiena tagħhom. (Eżek. 33:1-11) Avolja l-ippridkar tagħna mhux dejjem jiġi milqugħ sew, aħna m’għandna qatt inbattu f’li nagħmlu kull sforz biex ngħinu lil uħud sinċieri japprezzaw il-ħniena kbira t’Alla.—Atti 20:26, 27; Rum. 12:11.
4 Biex Nuru Mħabbitna: Huwa Alla Jehovah, permezz taʼ Ġesù Kristu, li ta l-kmand biex l-aħbar tajba tiġi pridkata maʼ l-art kollha. (Mt. 28:19, 20) Anki meta n-nies jirrifjutaw li jagħtu widen, aħna għandna l-opportunità biex nuru mħabbitna u d-devozzjoni tagħna lejn Alla billi nippersistu f’li nagħmlu dak li hu tajjeb.—1 Ġw. 5:3.
5 Jalla nkunu determinati li nibqgħu nippridkaw! Ejja nagħmlu dan b’żelu waqt li għadu “jum is-salvazzjoni” taʼ Jehovah.—2 Kor. 6:2.