Żomm Sod mal-Libertà li Tak Alla!
“Għal libertà bħal din Kristu ħelisna. Għalhekk ieqfu sħiħ, u tħallux lilkom infuskom li tintrabtu mill-ġdid taħt madmad taʼ jasar.”−GALATIN 5:1.
1, 2. Kif intilfet il-libertà mogħtija minn Alla?
IN-NIES taʼ Jehovah huma liberi. Imma ma jfittxux indipendenza minn Alla, għax dak ikun ifisser jasar taħt Satana. Huma jgħożżu r-relazzjoni tagħhom mill-qrib maʼ Jehovah u jifirħu bil-libertà li jagħtihom.
2 L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, tilfu l-libertà li tahom Alla billi dinbu u saru rsiera tad-dnub, tal-mewt, u tax-Xitan. (Ġenesi 3:1-19. Rumani 5:12) Iva, Satana poġġa lid-dinja kollha fit-triq midinba tal-qerda! Imma dawk li jżommu sod mal-libertà li tahom Alla jimxu fit-triq għall-ħajja eterna.—Mattew 7:13, 14; 1 Ġwann 5:19.
Libertà mill-Jasar
3. Alla liema tama estenda f’Għeden?
3 Jehovah ried li l-bnedmin li jonoraw lil ismu jkunu liberi mill-jasar taʼ Satana, tad-dnub, u tal-mewt. Dik it-tama ġiet estiża meta Alla qal lis-serpent użat minn Satana f’Għeden: “Se nqiegħed għadwa bejnek u l-mara u bejn iż-żerriegħa tiegħek u ż-żerriegħa tagħha. Hu se jbenġlek fir-ras u int se tbenġlu fil-għarqub.” (Ġenesi 3:14, 15) Ġesù Kristu, iż-Żerriegħa mill-organizzazzjoni tas-sema taʼ Jehovah, sofra għarqub imbenġel meta miet fuq iz-zokk, imma Alla b’hekk ipprovda sagrifiċċju bħala raħan biex jeħles mid-dnub u mill-mewt lill-bnedmin li jemmnu. (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) Fil-waqt tiegħu, Ġesù se jbenġel lir-ras taʼ Satana, is-Serpent oriġinali.—Rivelazzjoni 12:9.
4. Abraham gawda liema libertà, u Jehovah x’wegħdu?
4 Xi 2,000 sena wara li ngħatat il-wegħda f’Għeden, “il-ħabib taʼ Jehovah” Abraham obda lil Alla u telaq mill-belt taʼ Ur għal post ieħor. (Ġakbu 2:23; Ebrej 11:8) Hu b’hekk irċieva libertà mogħtija minn Alla u ma għexx iżjed bħala rsir tad-dinja taʼ Satana taʼ reliġjon falza, politika korrotta, u kummerċ rgħib. Mal-profezija taʼ Għeden, Alla żied wegħdiet li l-familji u l-ġnus kollha se jbierku lilhom infushom permezz taʼ Abraham u ż-Żerriegħa tiegħu. (Ġenesi 12:3; 22:17, 18) Abraham kien liberu mill-kundanna għaliex ‘hu poġġa fidi f’Jehovah, li għoddhielu bħala tjieba.’ (Ġenesi 15:6) Illum, relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah bl-istess mod iġġib mingħand Alla libertà mill-kundanna u mill-jasar għad-dinja li tinsab taħt il-qawwa taʼ Satana.
Dramm Simboliku taʼ Interess Kbir
5. It-twelid taʼ Iżakk kien marbut maʼ liema ċirkostanzi?
5 Sabiex Abraham ikun jistaʼ jkollu żerriegħa, martu Sara, li kienet ħawlija, offrietlu lill-qaddejja tagħha, Ħagar, bħala l-waħda biex ikollha tarbija. Minnha, Abraham sar missier taʼ Ixmael, imma Alla ma għażilx lilu bħala ż-Żerriegħa mwiegħed. Minflok, meta Abraham kellu 100 sena u Sara kellha 90, Jehovah ġagħalhom ikollhom iben bl-isem taʼ Iżakk. Meta Ixmael waqqaʼ għaċ-ċajt lil Iżakk, Ħagar u binha tkeċċew, billi b’hekk bin Abraham mill-mara ħielsa Sara tħalla bħala ż-żerriegħa taʼ Abraham mingħajr ebda rivali. Bħal Abraham, Iżakk ukoll eżerċita fidi u gawda libertà mogħtija minn Alla.—Ġenesi 16:1-16; 21:1-21; 25:5-11.
6, 7. Għalliema foloz dwar liema ħaġa kienu kkonvinċew lil xi Kristjani Galatin, imma Pawlu xi spjega?
6 Dawn il-ġrajjiet taw stampa bil-quddiem taʼ affarijiet wisq sinjifikanti għal uħud li jħobbu l-libertà mogħtija minn Alla. Dan ġie nnotat fl-ittra li l-appostlu Pawlu kiteb lill-kongregazzjonijiet taʼ Galatja madwar is-sena 50 sa 52 E.K. Sa dak iż-żmien il-ġemgħa li tiggverna kienet iddeċidiet li ċ-ċirkonċiżjoni ma kinitx meħtieġa mill-Kristjani. Imma għalliema foloz kienu pperswadew lil xi ftit mill-Galatin li kienet fattur vitali tal-Kristjanità.
7 Pawlu qal lill-Galatin: Persuna hija ddikjarata taʼ tjieba permezz tal-fidi fi Kristu, mhux bix-xogħlijiet tal-Liġi taʼ Mosè. (1:1-3:14) Il-Ligi ma għamlitx bla valur lill-wegħda marbuta mal-patt taʼ Abraham imma għamlet in-nuqqasijiet jidhru u serviet bħala għalliema li twassal għal Kristu. (3:15-25) Bil-mewt tiegħu, Ġesù ħeles lil dawk taħt il-Liġi, billi għenhom isiru wlied Alla. Għaldaqstant, li jerġgħu lura għal arranġament li josservaw il-ġranet, ix-xhur, l-istaġuni, u s-snin ikun ifisser li jmorru lura għall-jasar. (4:1-20) Pawlu mbagħad kiteb:
8, 9. (a) Fi kliemek, spjega fil-qosor x’qal Pawlu f’Galatin 4:21-26. (b) F’dan id-dramm simboliku, min jew liema ħaġa ġiet iffiġurata minn Abraham u minn Sara, u min hu ż-Żerriegħa mwiegħed?
8 “Għiduli, intom li tridu tkunu taħt il-liġi, Ma tisimgħuhiex intom il-Liġi? Per eżempju, huwa miktub li Abraham kiseb żewġ ulied, wieħed [Ixmael] mit-tfajla l-qaddejja [ Ħagar] u wieħed [Iżakk] mill-mara ħielsa [Sara]; imma l-wieħed mit-tfajla l-qaddejja kien attwalment imwieled fil-manjiera tal-laħam, l-ieħor mill-mara ħielsa permezz taʼ wegħda. Dawn l-affarijiet weqfin bħala dramm simboliku; għax dawn in-nisa jfissru żewġ pattijiet, il-wieħed [il-patt tal-Liġi] mill-Muntanja Sinaj [fejn Alla inawgura dak il-patt mal-Iżraeliti], li ġġib it-tfal għall-jasar, u li hi Ħagar. [Il-patt l-ieħor kien dak magħmul maʼ Abraham rigward iż-Żerriegħa tiegħu.] Issa din Ħagar tfisser Sinaj, muntanja fl-Arabja, u hi tikkorrispondi maʼ Ġerusalemm illum, għax hi fil-jasar maʼ wliedha [dixxendenti taʼ Abraham, Iżakk, u Ġakobb]. Imma Ġerusalemm taʼ fuq hi ħielsa, u hi ommna.”−Galatin 4:21-26.
9 F’dan id-dramm simboliku, Abraham kien jiffigura lil Jehovah.“[I]l-mara ħielsa,” Sara, iffiġurat lill-“mara,” jew organizzazzjoni universali u qaddisa t’Alla. Hija pproduċiet lil Kristu, iż-Żerriegħa taʼ dik il-mara simbolika u taʼ Abraham Akbar. (Galatin 3:16 ) Biex juri lin-nies it-triq taʼ ħelsien minn qima mniġġsa, mid-dnub, u minn Satana, Ġesù għallem il-verità u kixef ir-reliġjon falza, imma Ġerusalemm u wliedha baqgħu fil-jasar reliġjuz għaliex huma ċaħduh. (Mattew 23:37, 38) Is-segwaċi Lhud taʼ Ġesù saru liberi mil-Liġi, li wriet il-jasar tagħhom għall-imperfezzjoni, għad-dnub, u għall-mewt. Liberi tassew huma l-bnedmin kollha li jaċċettaw lil Ġesù bħala l-Wieħed li tnissel mill-“mara” t’Alla biex ikun is-Sultan Messjaniku u l-Ħellies ‘li qiegħed jipproklama libertà lill-imjassrin’!—Isaija 61:1, 2; Luqa 4:18, 19.
Evita Madmad taʼ Jasar
10, 11. Kristu minn liema madmad taʼ jasar ħeles lis-segwaċi tiegħu, u liema xebh jistaʼ jsir illum?
10 Lil dawk li jifformaw iż-żerriegħa taʼ Abraham flimkien maʼ Kristu, Iżakk Akbar, Pawlu jgħid: “Ġerusalemm taʼ fuq hi ħielsa, u hi ommna.... Aħna, l-aħwa, aħna ulied li nappartjenu lill-wegħda l-istess bħalma kien Iżakk. Imma sewwa sew bħalma dak iż-żmien il-wieħed li twieled fil-manjiera tal-laħam [Ixmael] beda jippersegwita lil dak li twieled fil-manjiera tal-ispirtu [Iżakk], hekk ukoll issa.... Aħna wlied, mhux taʼ tfajla qaddejja, imma tal-mara ħielsa. Għal libertà bħal din [mil-Liġi] Kristu ħelisna. Għalhekk ieqfu sħiħ, u tħallux lilkom infuskom li tintrabtu mill-ġdid taħt madmad taʼ jasar.”−Galatin 4:26-5:1.
11 Kwalunkwe wieħed mis-segwaċi taʼ Ġesù kien se jkun restritt għal madmad taʼ jasar li kieku ssottometta ruħu għal-Liġi. Ir-reliġjon falza hija madmad taʼ jasar preżenti, u l-Kristjaneżmu jixbah lil Ġerusalemm tal-qedem u wliedha. Imma wħud midlukin huma wlied Ġerusalemm taʼ fuq, l-organizzazzjoni ħielsa tas-sema t’Alla. Huma u sħabhom li jemmnu b’tamiet għall-art m’huma ebda parti minn did-dinja u m’humiex fil-jasar taħt Satana. (Ġwann 14:30; 15:19; 17:14, 16) Illiberati bil-verità u bis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, ejjew inżommu sod mal-libertà li tana Alla.
Nieħdu Waqfa għal-Libertà li Tana Alla
12. Liema korsa tittieħed minn dawk li jemmnu, u x’se jiġi diskuss issa?
12 Miljuni issa jgawdu libertà vera bħala Xhieda taʼ Jehovah. Studji tal-Bibbja qegħdin jinżammu maʼ miljuni oħrajn, li ħafna minnhom huma “disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem.” Meta jsiru jemmnu, huma jieħdu waqfa għal-libertà mogħtija minn Alla billi jitgħammdu. (Atti 13:48; 18:8) Iżda liema passi jiġu qabel il-magħmudija Kristjana?
13. X’relazzjoni hemm bejn għarfien u magħmudija?
13 Qabel ma titgħammed, persuna trid tikseb u taġixxi fuq għarfien eżatt tal-Iskrittura. (Efesin 4:13) B’hekk, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Morru . . . u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis, billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom.”−Mattew 28:19, 20.
14. Li tiġi mgħammed fl-isem tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis jirrikjedi liema għarfien?
14 Li tkun imgħammed fl-isem tal-Missier ifisser li tirrikonoxxi l-pożizzjoni u l-awtorità taʼ Jehovah bħala Alla, il-Ħallieq, u s-Sovran Universali. (Ġenesi 17:1; 2 Slaten 19:15; Rivelazzjoni 4:11) Magħmudija f’isem l-Iben tirrikjedi rikonoxximent tal-pożizzjoni u tal-awtorita taʼ Kristu bħala ħlejqa spirtu eżaltat, is-Sultan Messjaniku, u l-wieħed li permezz tiegħu Alla pprovda “raħan li jikkorrispondi.” (1 Timotew 2:5, 6; Danjel 7:13, 14; Filippin 2:9-11) Persuna mgħammda f’isem l-ispirtu qaddis tirrealizza li huwa l-forza attiva t’Alla wżat minn Jehovah fil-ħolqien u f’li nebbaħ kittieba tal-Bibbja, kif ukoll f’modi oħrajn. (Ġenesi 1:2; 2 Pietru 1:21) M’għandniex x’ingħidu, hemm wisq iżjed x’titgħallem dwar Alla, Kristu, u l-ispirtu qaddis.
15. Persuna għala trid teżerċita fidi qabel titgħammed?
15 Qabel il-magħmudija, persuna trid teżerċita fidi bbażata fuq għarfien eżatt.“Mingħajr fidi hu impossibbli li togħgbu [lil Jehovah] sewwa.” (Ebrej 11:6) Individwu li jeżerċita fidi f’Alla, fi Kristu, u fil-għan divin se jkun irid isir wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, billi jgħix fi qbil mal-Kelma t’Alla u billi jkollu sehem siewi fl-ippridkar tal-aħbar tajba. Hu se jitkellem dwar il-glorja tal-istat taʼ sultan taʼ Jehovah.—Salm 145:10-13; Mattew 24:14.
16. X’inhi l-indiema, u kif inhi marbuta mal-magħmudija Kristjana?
16 L-indiema hija ħtieġa oħra taʼ qabel il-magħmudija. Li tindem ifisser li “tbiddel ħsiebek rigward azzjoni, jew kondotta, tal-passat (jew intenzjonata) minħabba sogħba jew nuqqas taʼ sodisfazzjon,” jew li “tħoss dispjaċir, indiema, jew rimors għal dak li tkun għamilt jew li nqast li tagħmel.” Lhud tal-ewwel seklu kienu jinħtieġu li jindmu mid-dnubiet tagħhom kontra Ġesù Kristu. (Atti 3:11-26) Xi wħud li jemmnu f’Korintu nidmu miż-żina, l-idolatrija, l-adulterju, l-omosesswalità, is-serq, ir-regħba, is-sokor, it-tgħajjir, u l-imbrolljar. Bħala riżultat, huma kienu “mnaddfin” fid-demm taʼ Ġesù, kienu “mqaddsin” bħala wħud isseparati għas-servizz taʼ Jehovah, u kienu “ddikjarati twajbin” f’isem il-Mulej Ġesù Kristu u bl-ispirtu t’Alla. (1 Korintin 6:9-11) Mela l-indiema hija pass lejn kuxjenza tajba u lejn libertà mogħtija minn Alla minn ħtija li tikkastiga minħabba d-dnub.—1 Pietru 3:21.
17. Xi tfisser il-konverżjoni, u x’tirrikjedi minn xi ħadd li qed jippjana biex jitgħammed?
17 Il-konverżjoni trid ukoll isseħħ qabel ma persuna tistaʼ titgħammed bħala waħda mix-Xhieda taʼ Jehouah. Il-konverżjoni taʼ individwu niedem isseħħ wara li hu jirrifjuta l-korsa ħażina tiegħu u jiddeċiedi li jagħmel dak li hu sewwa. Verbi Ebrej u Griegi li għandhom x’jaqsmu maʼ konverżjoni jfissru “ddur lura, iddur dawra, jew tirritorna.” Meta jintuża f’sens spiritwali tajjeb, dan jirreferi għal dawrien lejn Alla minn triq ħażina. (1 Slaten 8:33, 34) Il-konverżjoni tirrikjedi “xogħlijiet li jixirqu lill-indiema,” li aħna nagħmlu dak li jikkmanda Alla, nabbandunaw ir-reliġjon falza, u nidderieġu lil qalbna lejn Jehovah bla ma jerġaʼ jibdielna sabiex naqdu lilu biss. (Atti 26:20; Dewteronomju 30:2, 8, 10; 1 Samwel 7:3) Dan jitlob għal “qalb ġdida u spirtu ġdid,” għal bidla fil-ħsieb, fid-dispożizzjoni, u fil-mira fil-ħajja. (Eżekjel 18:31) Il-personalità ġdida li tirriżulta tbiddel traċċi taʼ bla tjieba maʼ kwalitajiet taʼ tjieba. (Kolossin 3:5-14) Iva, indiema vera tassew li ġġiegħel lil dak li jkun biex ‘idur.’—Atti 3:19.
18. Għala tagħmel dedikazzjoni lil Alla fit-talb, u x’inhu s-sinjifikat taʼ dan il-pass?
18 Dedikazzjoni lil Alla fit-talb trid tiġi qabel il-magħmudija. (Qabbel Luqa 3:21, 22.) Id-dedikazzjoni tfisser li tiġi sseparat għal skop sagru. Tant hu importanti dan il-pass li aħna għandna nesprimu lil Alla fit-talb id-deċiżjoni tagħna li nagħtuh devozzjoni esklussiva u li naqduh għal dejjem. (Dewteronomju 5:8, 9; 1 Kronaki 29:10-13) M’għandniex x’ingħidu, id-dedikazzjoni tagħna m’hijiex lil xi xogħol imma lil Alla nnifsu. Dak il-punt intgħamel ċar fil-funeral taʼ Charles Taze Russell, l-ewwel president tal-Watch Tower Society. F’dik l-okkażjoni fl-1916, W. E. Van Amburgh, it-teżorier u segretarju tas-Soċjeta, qal: “Dan ix-xogħol kbir dinji mhux ix-xogħol taʼ persuna waħda. Huwa bil-wisq kbir biex ikun hekk. Huwa x-xogħol t’Alla u ma jitbiddilx. Alla uża hafna qaddejja fil-passat u Hu bla dubju se juża ħafna fil-futur. Il-konsagrazzjoni [dedikazzjoni] tagħna m’hijiex lil xi bniedem, jew lil xi xogħol taʼ bniedem, imma biex nagħmlu r-rieda t’Alla, kif Hu se jirrivelahielna permezz tal-Kelma Tiegħu u modi taʼ tmexxija providenzjali. Alla għadu fuq it-tmun.” Imma x’irid isir iżjed dwar dedikazzjoni lil Alla?
19. (a) Individwi kif jagħtu evidenza pubblika taʼ dedikazzjoni lil Jehovah? (b) Il-magħmudija fl-ilma taʼ liema ħaġa hija simbolu?
19 Evidenza pubblika tad-dedikazzjoni lil Jehovah tiġi pprovduta meta persuna titgħammed. Il-magħmudija hija simbolu li jindika li l-persuna li qiegħda tiġi mgħaddsa fl-ilma għamlet dedikazzjoni bla riżerva lil Alla Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu. (Qabbel Mattew 16:24.) Meta kandidat tal-magħmudija jiġi midfun taħt l-ilma u mbagħad imtellaʼ minn ġo fih, hu jmut b’mod fiġurattiv għall-korsa taʼ ħajja tiegħu taʼ qabel u jiġi mqajjem għall-mod ġdid taʼ ħajja, issa biex jagħmel ir-rieda t’Alla bla riżerva. (Qabbel Rumani 6:4-6.) Meta Ġesù ġie mgħammed, hu ppreżenta lilu nnifsu lil Missieru tas-sema bla riżerva. (Mattew 3:13-17) U l-Iskrittura turi b’mod ripetut li wħud li jemmnu u li jikkwalifikaw jitgħammdu. (Atti 8:13; 16:27-34; 18:8) Biex isir wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah illum, għalhekk, wieħed irid ikun jemmen billi verament jeżerċita fidi u jitgħammed.—Qabbel Atti 8:26-39.
Żomm Sod!
20. Liema huma xi eżempji Bibliċi li jagħtu prova li aħna se niġu mberkin talli nieħdu waqfa għal-libertà mogħtija minn Alla bħala Xhieda mgħammdin taʼ Jehovah?
20 Jekk int ħadt waqfa soda għal-libertà li tak Alla billi sirt Xhud imgħammed taʼ Jehovah, hu se jbierkek bħalma bierek lill-qaddejja tiegħu fil-passat. Per eżempju, Jehovah bierek lix-xwejħin Abraham u Sara b’Iżakk, iben li kellu l-biżaʼ t’Alla. Bil-fidi l-profeta Mosè għażel li jkun stmat ħażin mal-poplu t’Alla ‘iktar milli jkollu t-tgawdija temporanja tad-dnub, għaliex huwa qies it-tmaqdir taʼ [li jkun tip antik ta]l-Kristu [jew il-Wieħed Midluk t’Alla] bħala rikkezzi aqwa mit-teżori tal-Eġittu.’ (Ebrej 11:24-26) Mosè kellu l-privileġġ li jintuża minn Jehovah biex joħroġ lill-Iżraeliti ’l barra mill-jasar Eġizzjan. Barra minn hekk, talli qeda lil Alla fedelment, hu se jiġi rxoxtat u se jaqdi bħala wieħed mill-“prinċpijiet fl-art kollha” taħt Mosè Akbar, Ġesù Kristu.—Salm 45:16; Dewteronomju 18:17-19.
21. Liema eżempji nkuraġġanti jingħataw rigward nisa taʼ tjieba taʼ żminijiet tal-qedem?
21 Kristjani ddedikati llum jistgħu wkoll jiġu nkuraġġiti billi jikkunsidraw nisa li saru verament liberi u henjin. Fosthom kien hemm Rut il-Moabita, li ġarrbet kemm l-uġigħ il-qalb meta romlot kif ukoll il-ferħ tal-libertà li taha Alla meta ħelset minn reliġjon falza. Billi abbandunat lil niesha u lill-allat tagħha, hi ngħaqdet maʼ Naomi, il-kunjata tagħha li wkoll kienet armla. “Fejn tmur int se mmur jien,” qalet Rut, “u fejn tqattaʼ l-lejl int se nqattaʼ l-lejl jien. Niesek se jkunu niesi, u Alla tiegħek Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Bħala l-mara taʼ Boaż, Rut saret omm Obed, in-nannu taʼ David. (Rut 4:13-17) Iva, Jehovah ta lil din il-mara umli mhux Iżraelita “paga perfetta” billi ħallieha ssir antenata taʼ Ġesù l-Messija! (Rut 2:12) Kemm se tkun hienja Rut meta tiġi rxoxtata u ssir taf li hi kellha dan il-privileġġ! Ferħ simili bla dubju fl-irxoxt se jimla l-qlub taʼ Raħab, li qabel kienet prostituta, u li ġiet meħlusa mill-immoralità u mir-reliġjon falza, kif ukoll taʼ Batxeba, il-midinba li nidmet, għax huma wkoll se jsiru jafu li Jehovah ħalliehom isiru antenati taʼ Ġesù Kristu.—Mattew 1:1-6, 16.
22. X’se jiġi kkunsidrat fl-artiklu li jmiss?
22 Konsiderazzjoni taʼ wħud li rċevew il-libertà mogħtija minn Alla tistaʼ tibqaʼ sejra. Per eżempju, il-għadd tagħhom jinkludi lill-irġiel u nisa taʼ fidi msemmijin f’Ebrej kapitlu 11. Huma sofrew tribulazzjoni u trattament ħażin, “u d-dinja ma kenitx denja tagħhom.” Żid mal-għadd tagħhom lis-segwaċi leali taʼ Kristu tal-ewwel seklu u wħud leali oħrajn minn dak in-nhar ‘il hawn inklużi l-miljuni li issa jaqdu lil Jehovah bħala x-Xhieda tiegħu. Kif se naraw wara dan, jekk int ħadt waqfa magħhom għal-libertà mogħtija minn Alla, int għandek hafna raġunijiet għall-ferħ.
Kif Twieġeb Int?
◻ Alla liema tama estenda meta ntilfet il-libertà mogħtija minn Alla?
◻ Kristu minn liema “madmad taʼ jasar” ħeles lis-segwaċi tiegħu?
◻ Liema passi jiġu qabel il-magħmudija bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah?
◻ Liema eżempji Skritturali jagħtu prova li aħna se niġu mberkin talli nieħdu waqfa għal-libertà mogħtija minn Alla?