LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 2/15 pp. 16-20
  • Amministrazzjoni biex Jitwettaq l-Iskop t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Amministrazzjoni biex Jitwettaq l-Iskop t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Iskop taʼ Ġeħova Sfidat
  • “Is-​Sigriet Sagru tar-​Rieda Tiegħu”
  • “Is-​Sigriet Sagru tas-​Saltna t’Alla”
  • L-​Iskop li Ma Jfallix taʼ Ġeħova
  • “L-għerf t’Alla f’sigriet sagru”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Sigriet li l-Kristjani Ma Jażżardawx Iżommuh Għalihom!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sigriet li Tistaʼ Tgħidu lil Oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Is-Sovranità taʼ Ġeħova u s-Saltna t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 2/15 pp. 16-20

Amministrazzjoni biex Jitwettaq l-​Iskop t’Alla

“[Alla] jmexxi kollox kif tiddeċiedi r-​rieda tiegħu.” ​—EFESIN 1:11.

1. Il-​kongregazzjonijiet kollha tax-​Xhieda taʼ Ġeħova għala se jiltaqgħu fit-​12 t’April, 2006?

NHAR l-​Erbgħa, 12 t’April, 2006, xi 16-il miljun ruħ se jinġabru biex jikkommemoraw l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej. F’kull wieħed mill-​postijiet fejn se jiltaqgħu, se jkun hemm mejda bil-​ħobż bla ħmira fuqha, li jirrappreżenta l-​ġisem taʼ Kristu, u nbid aħmar, li jissimbolizza d-​demm imxerred tiegħu. Lejn tmiem it-​taħdita li tispjega t-​tifsir tat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù, dawk kollha preżenti se jgħaddu dawn l-​emblemi​—l-​ewwel il-​ħobż, imbagħad l-​inbid. F’għadd relattivament żgħir taʼ kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova se jkun hemm xi persuna jew tnejn li se jieħdu mill-​emblemi. Madankollu, f’ħafna każi, ħadd minn dawk preżenti m’hu se jieħu minnhom. Għala ftit Kristjani biss, dawk bit-​tama li jgħixu fis-​sema, jieħdu mill-​emblemi, fil-​waqt li l-​maġġuranza taʼ dawk bit-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art, ma jiħdux?

2, 3. (a) Ġeħova kif kompla joħloq skond l-​iskop tiegħu? (b) Ġeħova għal liema skop ħalaq l-​art u l-​bnedmin?

2 Ġeħova huwa Alla taʼ skop. Sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu, hu “jmexxi kollox kif tiddeċiedi r-​rieda tiegħu.” (Efesin 1:11) Hu l-​ewwel ħalaq lill-​Iben uniġenitu tiegħu. (Ġwanni 1:​1, 14; Rivelazzjoni 3:​14) Imbagħad, permezz taʼ dan l-​Iben, Ġeħova ħalaq familja taʼ ħlejjaq spirti u eventwalment l-​univers fiżiku, bl-​art u l-​bnedmin fiha.​—Ġob 38:​4, 7; Salm 103:​19-21; Ġwanni 1:​2, 3; Kolossin 1:​15, 16.

3 Ġeħova ma ħalaqx l-​art bħala post fejn in-​nies jgħaddu minn prova sabiex jiġi determinat jekk huma jikkwalifikawx biex jitpoġġew maʼ l-​ulied spirti fis-​sema, kif jgħallmu ħafna knejjes fil-​Kristjaneżmu. Hu ħalaqha bi skop ċar f’moħħu, sabiex “jgħammru fiha.” (Isaija 45:18) Alla ħalaq l-​art għall-​bnedmin, u l-​bnedmin għall-​art. (Salm 115:16) Il-​globu kollu kellu jsir ġenna taʼ l-​art, mimli b’nies ġusti li jikkultivaw l-​art u jieħdu ħsiebha. Il-​prospett li eventwalment imorru fis-​sema qatt ma ngħata lill-​ewwel koppja umana.​—Ġenesi 1:​26-28; 2:​7, 8, 15.

L-​Iskop taʼ Ġeħova Sfidat

4. Il-​mod kif Ġeħova jeżerċita s-​sovranità tiegħu kif ġie sfidat fil-​bidu taʼ l-​istorja tal-​bniedem?

4 Wieħed mill-​ulied spirti t’Alla rribella, u billi uża ħażin il-​libertà taʼ l-​għażla, hu ddetermina li jfixkel l-​iskop taʼ Ġeħova. Hu fixkel il-​paċi li tiġi fuq dawk kollha li juru sottomissjoni bi mħabba lejn is-​sovranità taʼ Ġeħova. Satana wassal lill-​ewwel koppja umana biex isalpaw fuq rotta taʼ indipendenza minn Alla. (Ġenesi 3:​1-6) Hu ma ċaħadx il-​qawwa li għandu Ġeħova, imma sfida l-​mod Tiegħu kif jeżerċita s-​sovranità, u b’hekk sfida d-​dritt Tiegħu li jaħkem. Għal din ir-​raġuni, hawn fuq l-​art tqajmet il-​kwistjoni fundamentali tas-​sovranità taʼ Ġeħova, eżattament fil-​bidu taʼ l-​istorja tal-​bniedem.

5. Liema kwistjoni sekondarja tqajmet, u lil min kienet tinkludi?

5 Marbuta maʼ din il-​kwistjoni primarja tas-​sovranità universali hemm kwistjoni sekondarja li tqajmet minn Satana fi żmien Ġob. Satana poġġa dubju fuq il-​motiv għala l-​ħlejjaq taʼ Ġeħova kienu jissottomettu ruħhom Lejh u jaqdu Lilu. Satana ried jgħid li huma kienu qed jagħmlu dan għal raġunijiet egoistiċi u li jekk jiġu taħt prova huma kienu se jduru kontra Alla. (Ġob 1:​7-​11; 2:​4, 5) Għalkemm din l-​isfida kienet relatata maʼ qaddej uman taʼ Ġeħova, kienet tinvolvi wkoll lill-​ulied spirti t’Alla, anki lill-​Iben uniġenitu stess taʼ Ġeħova.

6. Ġeħova kif ta prova li kien leali lejn l-​iskop u l-​isem tiegħu?

6 Peress li Ġeħova hu leali lejn l-​iskop tiegħu u lejn it-​tifsir taʼ ismu, hu ġiegħel lilu nnifsu jsir Profeta u Salvatur.a Hu qal lil Satana: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Permezz tan-​Nisel tal-​“mara” tiegħu, jew il-​parti taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu li qiegħda fis-​sema, Ġeħova kien se jwieġeb l-​isfida taʼ Satana u jipprovdi lid-​dixxendenti taʼ Adam b’tama għall-​ħelsien u l-​ħajja.​—Rumani 5:21; Galatin 4:​26, 31.

“Is-​Sigriet Sagru tar-​Rieda Tiegħu”

7. Ġeħova liema skop irrivela permezz taʼ l-​appostlu Pawlu?

7 Fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani t’Efesu, l-​appostlu Pawlu b’mod meraviljuż spjega kif Ġeħova jamministra l-​affarijiet biex iwettqu l-​iskop tiegħu. Pawlu kiteb: “[Hu] għarrfilna s-​sigriet sagru tar-​rieda tiegħu. Dan hu skond l-​iskop li għoġbu jfassal fih innifsu għal amministrazzjoni fil-​milja taż-​żminijiet stabbiliti, jiġifieri, li jerġaʼ jiġbor kollox flimkien fil-​Kristu, kulma hemm fis-​smewwiet u kulma hemm fuq l-​art.” (Efesin 1:​9, 10) L-​iskop glorjuż taʼ Ġeħova huwa li jgħaqqad l-​univers biex ikun mimli bi ħlejjaq li bi mħabba jissottomettu ruħhom lejn is-​sovranità tiegħu. (Rivelazzjoni 4:11) B’hekk ismu jiġi mqaddes, Satana joħroġ taʼ giddieb, u r-​rieda divina titwettaq “kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”—Mattew 6:10.

8. Xi tfisser il-​kelma tradotta “amministrazzjoni”?

8 Ġeħova se jwettaq l-​“iskop li għoġbu” permezz t’“amministrazzjoni.” Pawlu uża kelma li letteralment tfisser “tmexxija taʼ dar.” Din ma tirreferix għal gvern, bħalma hija s-​Saltna Messjanika, imma għall-​mod kif jiġu mmexxijin l-​affarijiet.b Il-​mod meraviljuż li bih Ġeħova se jamministra l-​affarijiet biex iwettaq l-​iskop tiegħu jinvolvi “sigriet sagru” li kellu jinkixef bil-​mod il-​mod matul is-​sekli.​—Efesin 1:​10; 3:​9, noti ta taħt fin-​NW.

9. Ġeħova kif irrivela bil-​mod il-​mod is-​sigriet sagru tar-​rieda tiegħu?

9 Permezz taʼ serje taʼ pattijiet, Ġeħova bil-​mod il-​mod irrivela kif kien se jitwettaq l-​iskop tiegħu dwar in-​Nisel imwiegħed fl-​Għeden. Il-​patt li wiegħed lil Abraham irrivela li n-​Nisel imwiegħed kien se jiġi fuq l-​art mid-​dixxendenza t’Abraham u kien se jkun il-​mezz li bih “il-​ġnus kollha taʼ l-​art” kienu se jitbierku. Dan il-​patt kixef ukoll li kien hemm oħrajn li kienu se jissieħbu mal-​parti primarja tan-​nisel. (Ġenesi 22:​17, 18) Il-​patt tal-​Liġi li sar maʼ Iżrael naturali kixef l-​iskop t’Alla li jkollu “saltna taʼ qassisin.” (Eżodu 19:​5, 6) Il-​patt maʼ David wera li n-​Nisel kien se jkun Kap taʼ Saltna għal żmien dejjiemi. (2 Samwel 7:​12, 13; Salm 89:​4, 5 [89:​3, 4, NW]) Meta l-​patt tal-​Liġi wassal lil-​Lhud għal għand il-​Messija, Ġeħova rrivela iktar aspetti tat-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu. (Galatin 3:​19, 24) Dawk in-​nies li kellhom ikunu mseħbin mal-​parti primarja tan-​nisel kienu se jifformaw is-​“saltna taʼ qassisin” imbassra u kienu se jidħlu f’“patt ġdid” bħala l-​“Iżrael” il-​ġdid, Iżrael spiritwali.​—Ġeremija 31:​31-34; Ebrej 8:​7-9.c

10, 11. (a) Ġeħova kif irrivela n-​Nisel imwiegħed li kien imbassar?(b) L-​Iben uniġenitu t’Alla għala ġie fuq l-​art?

10 Sabiex titwettaq l-​amministrazzjoni taʼ l-​iskop divin, kien wasal iż-​żmien biex fuq l-​art jidher in-​Nisel imbassar. Ġeħova bagħat lill-​anġlu Gabrijel biex jgħid lil Marija li hi kienet se tiled iben li kien se jingħata l-​isem Ġesù. L-​anġlu qalilha: “Dan ikun kbir u jissejjaħ Bin l-​Iktar Għoli; u Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.” (Luqa 1:​32, 33) B’hekk, l-​identità tan-​Nisel imwiegħed intweriet b’mod ċar.​—Galatin 3:16; 4:4.

11 L-​Iben uniġenitu taʼ Ġeħova kien se jiġi fuq l-​art u jiġi mġarrab bl-​iktar mod possibbli. It-​tweġiba perfetta għall-​isfida taʼ Satana kienet se tkun f’idejn Ġesù. Kien se jibqaʼ leali lejn Missieru? Dan involva sigriet sagru. Iktar tard, l-​appostlu Pawlu spjega l-​irwol taʼ Ġesù: “Is-​sigriet sagru taʼ din id-​devozzjoni lejn Alla ċertament li hu kbir: ‘Intwera fil-​ġisem tal-​laħam, ġie dikjarat ġust fl-​ispirtu, deher lill-​anġli, ġie pridkat fost il-​ġnus, ġie emmnut fid-​dinja, intlaqaʼ fis-​sema bil-​glorja.’” (1 Timotju 3:16) Iva, permezz taʼ l-​integrità soda tiegħu sal-​mewt, Ġesù pprovda t-​tweġiba ċerta għall-​isfida taʼ Satana. Imma kien fadal dettalji oħrajn mis-​sigriet sagru li kienu għadhom ma nkixfux.

“Is-​Sigriet Sagru tas-​Saltna t’Alla”

12, 13. (a) Liema huwa aspett wieħed tas-​“sigriet sagru tas-​saltna t’Alla”? (b) X’kien hemm involut biex Ġeħova jagħżel għadd limitat taʼ bnedmin biex imorru fis-​sema?

12 Matul waħda mill-​mawriet tiegħu taʼ ppridkar fil-​Galilija, Ġesù wera li s-​sigriet sagru kellu x’jaqsam ħafna mal-​gvern tas-​Saltna Messjanika. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Lilkom hu mogħti li tifhmu s-​sigrieti sagri tas-​saltna tas-​smewwiet [“tas-​saltna t’Alla,” Marku 4:11].” (Mattew 13:11) Aspett wieħed minn dak is-​sigriet kien jinvolvi li Ġeħova jagħżel “merħla żgħira” taʼ 144,000 bniedem biex jissieħbu maʼ Ibnu bħala parti min-​nisel, biex jaħkmu miegħu fis-​sema.​—Luqa 12:32; Rivelazzjoni 14:​1, 4.

13 Ladarba l-​bnedmin inħolqu biex jgħixu fuq l-​art, kien hemm bżonn taʼ “ħolqien ġdid” minn Ġeħova biex xi bnedmin imorru fis-​sema. (2 Korintin 5:​17) L-​appostlu Pietru, li kien wieħed minn dawk il-​magħżulin biex ikollhom din it-​tama tant speċjali għas-​sema, kiteb: “Ikun imbierek Alla u Missier il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax fil-​ħniena kbira tiegħu wilidna mill-​ġdid għal tama ħajja permezz taʼ l-​irxoxt taʼ Ġesù Kristu mill-​imwiet, għal wirt li ma jitħassarx u ma jitniġġisx u ma jispiċċax. Dan hu merfugħ fis-​smewwiet għalikom.”—1 Pietru 1:​3, 4.

14. (a) Dawk li ma kinux Lhud kif ġew involuti fis-​“sigriet sagru tas-​saltna t’Alla”? (b) Aħna għala nistgħu nifhmu dawn “l-​affarijiet profondi t’Alla”?

14 Parti oħra mis-​sigriet sagru li għandha x’taqsam mal-​gvern futur tas-​Saltna kienet ir-​rieda t’Alla biex jinkludi lil uħud li ma kinux Lhud fost l-​għadd żgħir taʼ bnedmin li kienu se jiġu msejħin biex jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema. Pawlu spjega dan l-​aspett taʼ l-​“amministrazzjoni” taʼ Ġeħova, jew il-​mod kif jimmaniġġa t-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu: “F’ġenerazzjonijiet oħrajn dan is-​sigriet ma ġiex mgħarraf lil ulied il-​bnedmin bħalma issa ġie rivelat lill-​appostli mqaddsa u lill-​profeti tiegħu bl-​ispirtu, jiġifieri, li n-​nies tal-​ġnus għandhom ikunu werrieta bi sħab u membri mseħbin tal-​ġisem u jieħdu sehem magħna fil-​wegħda f’unjoni maʼ Kristu Ġesù permezz taʼ l-​aħbar tajba.” (Efesin 3:​5, 6) Il-​fehma taʼ din il-​parti tas-​sigriet sagru ġiet rivelata lill-​“appostli mqaddsa.” Bl-​istess mod illum, li kieku ma kienx għall-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis, ma konniex nifhmu dawn “l-​affarijiet profondi t’Alla.”​—1 Korintin 2:10; 4:1; Kolossin 1:​26, 27.

15, 16. Ġeħova għala għażel lill-​ħakkiema mseħbin taʼ Kristu minn fost l-​umanità?

15 Jintqalilna li l-​“mija u erbgħa u erbgħin elf” li dehru weqfin mal-​“Ħaruf” fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema “nxtraw mill-​art,” “inxtraw minn fost il-​bnedmin bħala l-​ewwel frott għal Alla u għall-​Ħaruf,” Kristu Ġesù. (Rivelazzjoni 14:​1-4) Ġeħova għażel l-​ewwel wieħed minn uliedu fis-​sema biex isir il-​parti primarja tan-​nisel imwiegħed fl-​Għeden, imma għala għażel lill-​imseħbin taʼ Kristu minn fost il-​bnedmin? L-​appostlu Pawlu jispjega li dan in-​numru limitat taʼ nies ġew “imsejħin skond l-​iskop tiegħu [taʼ Ġeħova],” “skond kif għoġobha r-​rieda tiegħu.”—Rumani 8:​17, 28-30; Efesin 1:​5, 11; 2 Timotju 1:9.

16 L-​iskop taʼ Ġeħova huwa li jqaddes l-​isem kbir u qaddis tiegħu u jivvindika s-​sovranità universali tiegħu. Permezz taʼ l-​“amministrazzjoni,” jew il-​mod tiegħu kif imexxi l-​affarijiet, li ma titqabbel maʼ xejn, Ġeħova bagħat lill-​ewwel Iben imwieled tiegħu fuq l-​art, fejn hu ġie mġarrab sal-​mewt. Iktar minn hekk, Ġeħova ddetermina li l-​gvern tas-​Saltna Messjanika taʼ Ibnu kellu jinkludi bnedmin li jkunu żammew mas-​sovranità Tiegħu sa mewthom.​—Efesin 1:​8-12; Rivelazzjoni 2:​10, 11.

17. Għala nistgħu nkunu ferħanin li Kristu u l-​ħakkiema sħabu kienu jgħixu bħala bnedmin qabel?

17 Ġeħova wera l-​imħabba kbira tiegħu lejn id-​dixxendenti taʼ Adam billi bagħat lil Ibnu fuq l-​art u billi għażel minn fost l-​umanità lil dawk li se jkunu werrieta bi sħab maʼ l-​Iben fil-​gvern tas-​Saltna. Dan kif jistaʼ jkun taʼ ġid għal dawk li taw prova tal-​lealtà tagħhom lejn Ġeħova minn Abel ’il quddiem? Billi l-​bnedmin imperfetti kienu se jitwieldu lsiera tad-​dnub u l-​mewt, dawn kien se jkollhom bżonn ifiqu spiritwalment u fiżikament u jitwasslu lejn il-​perfezzjoni, fi qbil maʼ l-​iskop oriġinali taʼ Ġeħova għall-​umanità. (Rumani 5:12) Kemm hu taʼ faraġ għal dawk kollha li jħarsu ’l quddiem lejn il-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art li jkunu jafu li s-​Sultan tagħhom se jurihom l-​imħabba u se jifhimhom b’mogħdrija eżatt bħalma għamel mad-​dixxipli tiegħu matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art! (Mattew 11:​28, 29; Ebrej 2:​17, 18; 4:15; 7:​25, 26) U kemm iħossuhom żgurati meta jirrealizzaw li l-​qassisin u slaten imseħbin maʼ Kristu fis-​sema darba kienu rġiel u nisa taʼ fidi li huma stess tħabtu maʼ dgħjufijiet persunali u esperjenzaw l-​isfidi tal-​ħajja bħalna!​—Rumani 7:​21-25.

L-​Iskop li Ma Jfallix taʼ Ġeħova

18, 19. Il-​kliem taʼ Pawlu f’Efesin 1:​8-​11 għala huwa iktar ċar għalina, u x’se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

18 Issa aħna nistgħu nifhmu iktar it-​tifsir tal-​kliem taʼ Pawlu lill-​Kristjani midlukin, kif insibuh f’Efesin 1:​8-​11. Hu qal li Ġeħova kien għarrafhom “is-​sigriet sagru tar-​rieda tiegħu,” li huma kienu ‘maħturin bħala werrieta’ maʼ Kristu, u li huma kienu ġew “determinati minn qabel skond l-​iskop taʼ dak li jmexxi kollox kif tiddeċiedi r-​rieda tiegħu.” Aħna nifhmu li dan jaqbel sewwa maʼ l-​“amministrazzjoni” meraviljuża taʼ Ġeħova fuq l-​affarijiet biex jitwettaq l-​iskop tiegħu. Dan jgħinna wkoll biex nifhmu għala ftit Kristjani biss minn dawk li jattendu l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej jieħdu mill-​emblemi.

19 Fl-​artiklu li jmiss, se naraw xi tfisser it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu għal dawk il-​Kristjani li t-​tama tagħhom hija għas-​sema. Se nitgħallmu wkoll għala miljuni li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art għandhom ikunu interessati ferm f’dak li tissimbolizza t-​Tifkira.

[Noti taʼ taħt]

a L-isem divin letteralment ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Ġeħova jistaʼ jsir dak kollu li hemm bżonn biex iwettaq l-​iskop tiegħu.​—Eżodu 3:​14, nota taʼ taħt fin-​NW.

b Il-kliem taʼ Pawlu juri li l-​“amministrazzjoni” kienet qed taħdem fi żmienu, filwaqt li l-​Iskrittura turi li s-​Saltna Messjanika ma ġietx stabbilita qabel is-​sena 1914.

c Għal diskussjoni fid-​dettall taʼ dawn il-​pattijiet involuti fit-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1989, paġni 4-​9.

Bħala Reviżjoni

• Ġeħova għala ħalaq l-​art u poġġa lill-​bnedmin fuqha?

• Għala kien hemm bżonn li l-​Iben uniġenitu taʼ Ġeħova jiġi mġarrab fuq l-​art?

• Ġeħova għala għażel lill-​ħakkiema mseħbin taʼ Kristu minn fost l-​umanità?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja